Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010D0231-20121016

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas- 26 ta' April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/231/2012-10-16

    2010D0231 — MT — 16.10.2012 — 003.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/231/PESK

    tas-26 ta' April 2010

    dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK

    (ĠU L 105, 27.4.2010, p.17)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/635/PESK tas-26 ta’ Settembru 2011

      L 249

    12

    27.9.2011

    ►M2

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/388/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012

      L 187

    38

    17.7.2012

    ►M3

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/633/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012

      L 282

    47

    16.10.2012




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/231/PESK

    tas-26 ta' April 2010

    dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK



    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja ( 1 ) wara r-Riżoluzzjonijiet 733(1992), 1356 (2001) u 1425 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) relatati ma’ embargo fuq l-armi kontra s-Somalja.

    (2)

    Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK rigward miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK ( 2 ), li timplimenta l-UNSCR 1844 (2008) li introduċiet miżuri restrittivi kontra dawk li jfittxu li jipprevjenu jew jibblukkaw proċess politiku paċifiku, jew dawk li jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Tranżizzjonali (TFIs) tas-Somalja jew tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-forza, jew jieħdu azzjoni li timmina l-istabbiltà fis-Somalja jew fir-reġjun.

    (3)

    Fl-1 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/126/PESK li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK ( 3 ) u timplimenta l-UNSCR 1907 (2009) li appellat lill-Istati kollha biex jispezzjonaw, bi ftehim mal-awtoritajiet nazzjonali u konformement mal-leġiżlazzjoni tagħhom u b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, il-merkanzija kollha lejn u mis-Somalja, fit-territorju tagħhom, inklużi l-portijiet u l-ajruporti, jekk l-Istat ikkonċernat ikollu informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti taħt l-embargo tal-armi ġenerali u komplet għas-Somalja skont il-paragrafu 5 tal-UNSCR 733 (1992) u elaborat u emendat b’riżoluzzjonijiet sussegwenti.

    (4)

    Fid-19 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (minn issa “il-Kunsill tas-Sigurtà”) adotta l-UNSCR 1916 (2010) li, inter alia, estendiet il-mandat tal-grupp ta’ monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 3 tal-UNSCR 1558 (2004) u ddeċieda li jnaqqas xi restrizzjonijiet u obbligi taħt ir-reġim tas-sanzjonijiet sabiex tkun tista’ ssir il-kunsinna ta’ fornimenti u assistenza teknika mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali u biex tkun żgurata l-kunsinna fil-ħin min-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-assistenza umanitarja li hi meħtieġa urġentement.

    (5)

    Fit-12 ta’ April 2010, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont il-paragrafu 11 tal-UNSCR 751 (1992) rigward is-Somalja (minn issa “il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) adotta l-lista tal-persuni u tal-entitatjiet li huma soġġetti għal miżuri restrittivi.

    (6)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/126/PESK u l-eżenzjonijiet previsti fil-UNSCR 1916 (2010) għandhom jiġu integrati fi strument legali wieħed.

    (7)

    Il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK għandha għalhekk tiġi rrevokata.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ) u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni tirrispetta bis-sħiħ ukoll l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u n-natura legalment vinkolanti tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

    (10)

    Il-proċedura għall-emendar tal-Anness I għal din id-Deċiżjoni għandha tinkludi li tipprevedi li jingħataw lill-persuni u lill-entitajiet u korpi imsemmija, ir-raġunijiet għall-elenkar tagħhom kif ippreżentati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, sabiex tingħatalhom opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jiġu mressqa osservazzjonijiet jew jiġu preżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata skont il-każ.

    (11)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



    Artikolu 1

    1.  Il-forniment dirett jew indirett, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet tar-rikambju ta’ dawn imsemmija iktar ‘il fuq, lis-Somalja minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri għandu jkun projbit sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le.

    2.  Il-forniment dirett jew indirett lis-Somalja ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjara u assistenza oħra, u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari taħriġ tekniku jew għajnuna teknika relatati mal-provvista, manifattura, manutenzjoni jew użu tal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit.

    3.  Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw:

    (a) għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu tal- AMISOM kif stipulat fil-paragrafu 4 tal-UNSCR 1744 (2007) jew għall-użu biss ta’ Stati u organizzazzjonijiet reġjonali li jieħdu miżuri skont il-paragrafu 6 tal-UNSCR 1851 (2008) u l-paragrafu 10 tal-UNSCR 1846 (2008);

    (b) għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika maħsuba unikament għall-iskop li jgħin l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà, konsistenti mal-proċess politiku stabbilit fil-paragrafi 1, 2, u 3 tal-UNSCR 1744 (2007) u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta’ ħidma mir-riċeviment tan-notifika rilevanti;

    (ċ) għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv, jew ta’ materjal maħsub għal programmi ta’ żvilupp ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew tal-Istati Membri, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, imwettqa fil-qafas tal-Proċess ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, u għal ilbies protettiv, inkluż ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati b’mod temporanju lejn is-Somalja minn persunal tan-NU, minn rappreżentanti tal-medja u minn ħaddiema umanitarji u tal-iżvilupp u minn persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

    ▼M3

    (d) il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u tagħmir militari, il-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu tal-Kariga Politika tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Somalja, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    ▼M2

    Artikolu 1a

    1.  L-importazzjoni, xiri jew trasport diretti jew indiretti ta’ faħam mis-Somalja, kemm jekk dan il-faħam oriġina fis-Somalja kif ukoll jekk le, għandhom ikunu pprojbiti.

    L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-punti rilevanti li għandhom ikunu koperti b’din id-dispożizzjoni.

    2.  Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja, kif ukoll l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta’ faħam mis-Somalja.

    ▼M1

    Artikolu 2

    Miżuri restrittivi kif previsti fl-Artikoli 3, 5(1) u 6(1) u (2) għandhom ikunu imposti kontra persuni u entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

     impenjati fi jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, inklużi atti li jheddu l-Ftehim ta’ Ġibuti tat-18 ta’ Awwissu 2008 jew il-proċess politiku, jew jheddu t-TFIs jew l-AMISOM bil-forza,

     aġixxew bi ksur tal-embargo fuq l-armi u miżuri relatati kif imsemmijin fl-Artikolu 1,

     jostakolaw il-kunsinna ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta’, għajnuna umanitarja fis-Somalja,

     huma mexxejja politiċi jew militari li qed jirreklutaw jew jużaw tfal f’konflitti armati fis-Somalja bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli,

     huma responsabbli għall-ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli fis-Somalja li fihom jiġu mmirati ċivili, inklużi tfal u nisa, f’sitwazzjonijiet ta’ konflitti armati, inkluż qtil u mankament, vjolenza sesswali u sessista, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spostament furzat.

    Il-persuni u l-entitajiet rilevanti huma elenkati fl-Anness.

    ▼B

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu l-forniment dirett u indirett, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u ta’ tagħmir militari u l-forniment dirett jew indirett ta’ assistenza teknika jew taħriġ, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra inkluż investiment, servizzi ta’ intermedjazzjoni jew servizzi finanzjarji oħra, relatati ma’ attivitajiet militari jew mal-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment, il-manifattura, il-manutenzjoni jew l-użu ta’ armi u ta’ tagħmir militari, lil persuni jew entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2.

    Artikolu 4

    1.  F’konformità mal-awtoritajiet nazzjonali u konformement mal-leġiżlazzjoni tagħhom u b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-merkanzija kollha lejn u mis-Somalja fit-territorju tagħhom, inkluż fl-ajruporti u fil-portijiet tagħhom, jekk għandhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont l-Artikolu 3.

    2.  L-inġenji tal-ajru u l-bastimenti li jittrasportaw merkanzija lejn u mis-Somalja għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ qabel il-wasla jew it-tluq tal-merkanzija kollha li tiddaħħal fi Stat Membru jew toħroġ minnu.

    3.  L-Istati Membri għandhom, kif jindunaw, jikkonfiskaw u jiddisponu minn oġġetti (jew billi jeqirduhom jew billi jagħmluhom inoperabbli) li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont l-Artikolu 3.

    Artikolu 5

    1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom jew it-tranżitu minnhom lil persuni msemmijin fl-Artikolu 2.

    2.  Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dħul fit-territorju tiegħu.

    3.  Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    (a) jiddetermina fuq il-bażi ta’ każ b’każ li tali dħul jew tranżitu huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ ħtieġa umanitarja, inkluż l-obbligu reliġjuż,

    (b) jiddetermina fuq il-bażi ta’ każ b’każ li eżenzjoni tista’ twassal sabiex jitkomplew l-objettivi ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali fis-Somalja u l-istabbiltà fir-reġjun.

    4.  F’każijiet fejn, skont il-paragrafu 3, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu jew it-transitu minnu, ta’ persuni indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.

    Artikolu 6

    1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà jew huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew mill-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2 jew li huma fil-pussess ta’ entitajiet li huma l-proprjetà ta’ jew kkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna jew entità li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għandhom jiġu ffriżati. Il-persuni u l-entitatjiet ikkonċernati huma identifikati fl-Anness.

    2.  L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

    3.  L-Isati Membri jistgħu jippermettu eżenzjonijiet mill-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

    (a) meħtieġa għal spejjeż bażiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

    (b) maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ drittijiet professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż li huma kollegati mal-forniment ta’ servizzi legali;

    (ċ) maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew kontijiet għal servizz, skont il-liġi nazzjonali, għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi;

    (d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u b’approvazzjoni minnu;

    (e) is-suġġett ta’ sentenza jew garanzija ġuridika, amministrattiva jew arbitrali, li f’tali każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dik il-garanzija jew sentenza sakemm il-garanzija jew is-sentenza kienet iskritta qabel ma l-Kumitat tas-Sanzjonijiet indika lill-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhijiex għall-benefiċċju ta’ persuna jew entità msemmijin fl-Artikolu 2, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    4.  L-eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3(a), (b) u (c) jistgħu jsiru wara notifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-Istat Membru kkonċernat tal-intenzjoni tiegħu li jawtorizza, fejn adatt, aċċess għal tali fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien tlett ijiem ta’ ħidma minn tali notifika.

    5.  Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

    (a) interessi jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

    (b) ħlasijiet dovuti skont kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri restrittivi,

    sakemm kull tali mgħax, qligħ ieħor u ħlasijiet jibqgħu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.

    ▼M1

    6.  Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw għad-disponibblità ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħrajn meħtieġa biex tkun żgurata l-kunsinna fil-ħin ta’ għajnuna umanitarja meħtieġa urġentement fis-Somalja, min-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji jew il-programmi speċjalizzati tagħha, l-organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li jipprovdu għajnuna umanitarja, jew l-imsieħba implimentattivi tagħhom, inklużi NGOs finanzjati b’mod bilaterali jew multilaterali li jipparteċipaw fl-Appell Konsolidat tan-NU għas-Somalja.

    ▼B

    Artikolu 7

    Il-Kunsill għandu jistabbilixxi il-lista li tinsab fl-Anness u jemendaha skont id-determinazzjonijiet magħmula jew mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    Artikolu 8

    1.  Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenkaw persuna jew entità u jkunu provdew dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-ħatra, il-Kunsill għandu jinkludi dik il-persuna, entità jew korp fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet lill-persuna jew entità kkonċernata, jew b’mod dirett, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna jew entità opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

    2.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità kkonċernata skont il-każ.

    Artikolu 9

    L-Anness għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet inkluż laqmijiet, data u post tat-twelid, ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, post u data tar-reġistrazzjoni, numru tar-reġistrazjoni u post tan-negozju. L-Anness għandu jinkludi wkoll id-data tal-ħatra mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta, emendata jew revokata kif adatt, f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà.

    Artikolu 11

    Il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK hija b’dan irrevokata.

    Artikolu 12

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    ▼M1




    ANNESS

    LISTA TA’ PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

    I.    Persuni

    1. Yasin Ali Baynah (magħruf ukoll bħala a) Ali, Yasin Baynah, b) Ali, Yassin Mohamed, c) Baynah, Yasin, d) Baynah, Yassin, e) Baynax, Yasiin Cali, f) Beenah, Yasin, g) Beenah, Yassin, h) Beenax, Yasin, i) Beenax, Yassin, j) Benah, Yasin, k) Benah, Yassin, l) Benax, Yassin, m) Beynah, Yasin, n) Binah, Yassin, o) Cali, Yasiin Baynax)

    Data tat-twelid: 24 ta’ Diċembru 1965. Nazzjonalità: Somalja. Nazzjonalità alternattiva: Svezja. Post: Rinkeby, Stokkolma, Svezja; Mogadixu, Somalja.Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Yasin Ali Baynah inċita l-attakki kontra l-Gvern Federali Transitorju (TFG) u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). Barra minn hekk, huwa mmobilizza appoġġ u ġabar fondi f’isem l-Alleanza għar-Riabilitazzjoni tas-Somalja u l-Hisbul Islam, li t-tnejn li huma kienu involuti b’mod attiv f’atti li jheddu l-paċi u s-sigurtà fis-Somalja, inkluż iċ-ċaħda tal-Ftehim ta’ Ġibuti, u attakki fuq il-forzi tat-TFG u l-AMISOM f’Mogadixu.

    2. Hassan Dahir Aweys (magħruf ukoll bħala a) Ali, Sheikh Hassan Dahir Aweys, b) Awes, Hassan Dahir, c) Awes, Shaykh Hassan Dahir, d) Aweyes, Hassen Dahir, e) Aweys, Ahmed Dahir, f) Aweys, Sheikh, g) Aweys, Sheikh Hassan Dahir, h) Dahir, Aweys Hassan, i) Ibrahim, Mohammed Hassan, j) OAIS, Hassan Tahir, k) Uways, Hassan Tahir, l) “Hassan, Sheikh”)

    Data tat-twelid:1935. Ċittadinanza: Somalja. Nazzjonalità: Somalja. Post: Somalja. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Hassan Dahir Aweys aġixxa u jkompli jaġixxi bħala mexxej politiku u ideoloġiku għoli għal diversi gruppi ta’ oppożizzjoni armati responsabbli għal ksur ripetut tal-embargo fuq l-armi ġenerali u komplet u/jew atti li jheddu l-ftehim ta’ paċi ta’ Ġibuti, u l-forzi tal-Gvern Federali Transitorju (TFG) u tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). Bejn Ġunju 2006 u Settembru 2007, AWEYSs serva bħala president tal-kumitat ċentrali tal-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi; f’Lulju 2008 huwa ddikjara lilu nnifsu president tal-Alleanza għar-Riliberalizzazzjoni tas-Somalja- il-fergħa ta’ Asmara; u f’Mejju 2009 huwa kien innominat president tal-Hisbul Islam, alleanza ta’ gruppi li jopponu t-TFG. F’kull waħda minn dawn il-pożizzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet ta’ AWEYS urew intenzjoni inekwivokabbli u sostnuta li jżarma t-TFG u li jkeċċi l-AMISOM mis-Somalja bl-użu tal-forza.

    3. Hassan Abdullah Hersi Al-Turki (magħruf ukoll bħala a) Al-Turki, Hassan, b) Turki, Hassan, c) Turki, Hassan Abdillahi Hersi, d) Turki, Sheikh Hassan, e) Xirsi, Xasan Cabdilaahi, f) Xirsi, Xasan Cabdulle)

    Data tat-twelid:madwar l-1944. Post tat-twelid: Reġjun Ogaden, Etjopja. Nazzjonalità: Somalja. Post: Somalja. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Hassan Abdullah Hersi Al-Turki kien mexxej għoli ta’ grupp ta’ milizja armat minn nofs is-snin 1990 u kien involut f’bosta ksur tal-embargo fuq l-armi. Fl-2006, al-Turki kkontribbwixxa forzi għat-teħid ta’ Mogadixu mill-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi u ħareġ bħala mexxej militari fil-grupp, allinjat ma’ al-Shabaab. Mill-2006, al-Turki għamel it-territorju taħt il-kontroll tiegħu disponibbli għat-taħriġ ta’ diversi gruppi ta’ oppożizzjoni armati inkluża al-Shabaab. F’ Settembru 2007, al-Turki deher f’filmat tal-aħbarijiet ta’ al-Jazeera li wera t-taħriġ ta’ milizja taħt it-tmexxija tiegħu.

    4. Ahmed Abdi aw-Mohamed (magħruf ukoll bħala a) Abu Zubeyr, Muktar Abdirahman, b) Abuzubair, Muktar Abdulrahim, c) Aw Mohammed, Ahmed Abdi, d) Aw-Mohamud, Ahmed Abdi, e) “Godane”, f) “Godani”, g) “Mukhtar, Shaykh”, h) “Zubeyr, Abu”)

    Data tat-twelid: 10 ta’ Lulju 1977. Post tat-twelid: Hargeysa, Somalja. Nazzjonalità: Somalja.Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Ahmed Abdi Aw-Mohamed huwa mexxej għoli ta’ al-Shabaab u kien pubblikament innominat emir tal-organizzazzjoni f’ Diċembru 2007. Huwa jeżerċita r-responsabbiltà ta’ kmand għall-operazzjonijiet ta’ al-Shabaab fis-Somalja kollha. Aw-Mohamed iddenunzja l-proċess tal-paċi ta’ Ġibuti bħala kospirazzjoni barranija, u f’registrazzjoni awdjo mogħtija f’ Mejju 2009 lill-media Somala, huwa rrikonoxxa li l-forzi tiegħu kienu involuti fi ġlied reċenti f’Mogadixu.

    5. Fuad Mohamed Khalaf (magħruf ukoll bħala a) Fuad Mohamed Khalif, b) Fuad Mohamed Qalaf, c) Fuad Mohammed Kalaf, d) Fuad Mohamed Kalaf, e) Fuad Mohammed Khalif, f) Fuad Khalaf, g) Fuad Shongale, h) Fuad Shongole, i) Fuad Shangole, j) Fuad Songale, k) Fouad Shongale, l) Fuad Muhammad Khalaf Shongole)

    Nazzjonalità: Somalja. Post: Mogadixu, Somalja. Post alternattiv: Somalja.Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Fuad Mohamed Khalaf iffaċilita l-appoġġ finanzjarju lil al-Shabaab; F’Mejju 2008, huwa organizza żewġ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi għal al-Shabaab f’moskej f’Kismaayo, Somalja. F’April 2008, Khalaf u bosta individwi oħra ddiriġew attakki b’ tagħmir splussiv li nġarr f’vetturi fuq bażijiet Etijopjani u elementi tal-Gvern Federali Transitorju Somalu f’Mogadixu, Somalja. F’Mejju 2008, Khalaf u grupp ta’ ġellieda attakkaw u ħatfu għassa tal-pulizija f’Mogadixu, waqt li qatlu u ferew diversi suldati.

    6. Bashir Mohamed Mahamoud (magħruf ukoll bħala a) Bashir Mohamed Mahmoud, b) Bashir Mahmud Mohammed, c) Bashir Mohamed Mohamud, d) Bashir Mohamed Mohamoud, e) Bashir Yare, f) Bashir Qorgab, g) Gure Gap, h) “Abu Muscab”, i) “Qorgab”)

    Data tat-twelid: madwar 1979-1982. Data tat-twelid alternattiva: 1982. Nazzjonalità: Somalja. Post: Mogadixu, Somalja. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Bashir Mohamed Mahamoud huwa kmandant militari ta’ al-Shabaab. Mahamoud kienu ukoll wieħed minn xi għaxar membri fil-kunsill ta’ tmexxija ta’ al-Shabaab minn tard fl-2008. Mahamoud u assoċjat tiegħu kienu responsabbli mill-attakk bil-bus kontra l-Gvern Federali Transitorju Somalu f’Mogadixu

    7. Mohamed Sa’id (magħruf ukoll bħala a)“Atom”, b) Mohamed Sa’id Atom, c) Mohamed Siad Atom)

    Data tat-twelid: madwar l-1966. Post tat-twelid: Galgala, Somalja. Post: Galgala, Somalja. Post Alternattiv: Badhan, Somalja. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Mohamed Sa’id “Atom” kien involut f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Atom forna, biegħ, jew ittrasferixxa direttament jew indirettament lejn is-Somalja armi jew materjal relatat jew parir, taħriġ, jew assistenza, inklużi finanzjament u assistenza finanzjarja, relatati mal-attivitajiet militari bi ksur tal-embargo fuq l-armi. Atom ġie identifikat bħala wieħed mill-fornituri ewlenin ta’ armi u munizzjon għall-operazzjonijiet ta’ al-Shabaab fir-reġjun ta’ Puntland. Huwa deskritt bħala l-mexxej ta’ milizja li tfaċċat fl-2006 fir-reġjun tal-Lvant ta’ Sanaag fit-Tramuntana tas-Somalja. Il-milizja tinkludi sa 250 ġellied u kienet implikata f’inċidenti ta’ ħtif ta’ persuni, piraterija u terroriżmu, u timporta l-armi tagħha stess, bi ksur tal-embargo fuq l-armi. Atom stabbilixxa l-forza tiegħu bħala l-preżenza militari ewlenija fiż-żona, b’bażi primarja qrib Galgala u bażi sekondarja qrib Badhan. Skont xi informazzjoni, Atom huwa allinjat ma’ al-Shabaab u jista’ jirċievi istruzzjonijiet mill-mexxej ta’ al-Shabaab Fu’aad Mohamed Khalaf.

    Barra minn hekk, huwa rappurtat li Atom huwa involut fit-traffikar ta’ armi fis-Somalja. Informazzjoni minn għadd ta’ sorsi tindika li l-forzi tiegħu jirċievu armi u tagħmir mill-Jemen u l-Eritrea. Skont rapport ta’ Diċembru 2008, xhud li ra b’għajnejh iddeskriva sitt konsenji bħal dawn matul perijodu ta’ erba’ ġimgħat fil-bidu tal-2008, u kull waħda kienet biżżejjed biex jimtlew żewġ trakkijiet pickup b’armi żgħar, munizzjon, u granati mmexxija b’rokit (rocket-propelled grenades). Skont negozjant ta’ Bossaso familjari man-negozju tal-armi, il-konsenji ta’ Atom ma jidħlux fis-suq tal-armi, li jissuġġerixxi li dawn jew jinżammu għall-użu mill-forzi tiegħu jew jiġu ttrasferiti lil destinatarji fin-nofsinhar tas-Somalja, fejn topera al-Shabaab.

    Il-forzi ta’ Atom kienu implikati fil-ħtif ta’ ħaddiem Ġermaniż li jipprovdi l-għajnuna, fil-ħtif ta’ żewġ Somali qrib Bossaso, u f’ibbumbardjar ta’ migranti Etjopjani f’Bossaso fil-5 ta’ Frar 2008, li qatel 20 persuna u darab aktar minn 100 oħra. Il-milizja ta’ Atom setgħu wkoll kellhom rwol sekondarju fil-ħtif ta’ koppja Ġermaniża maqbuda mill-pirati f’Ġunju 2008.

    8. Fares Mohammed Mana’a (magħruf ukoll bħala: a) Faris Mana’a, b) Fares Mohammed Manaa)

    Data tat-twelid: 8 ta’ Frar 1965. Post tat-twelid: Sadah, Jemen. Nru tal-Passaport: 00514146; post tal-ħruġ: Sanaa, Jemen. Nru tal-Karta tal-Identità: 1417576; post tal-ħruġ: Al-Amana, Jemen; data tal-ħruġ: 7 ta’ Jannar 1996. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Fares Mohammed Mana’a forna, biegħ jew ittrasferixxa direttament u indirettament lejn is-Somalja armi jew materjal relatat bi ksur tal-embargo fuq l-armi. Mana’a huwa traffikant tal-armi magħruf. F’Ottubru 2009, il-gvern Jemenit ħareġ lista ta’ nies suspettuzi tat-traffikanti tal-armi li fiha Mana’a jinsab “fuq nett”, bħala parti minn sforz biex jitwaqqaf il-fluss ta’ armi fil-pajjiż, fejn huwa rappurtat li hemm aktar armi minn persuni. “Faris Manaa huwa traffikant ewlieni tal-armi, u dan huwa magħruf sew”, skont rapport ta’ Ġunju 2009 minn ġurnalist tal-Istati Uniti li huwa kummentatur dwar l-affarijiet Jemeniti, awtur ta’ rapport ta’ kull sitt xhur dwar il-pajjiż, u kkontribwixxa għall-Grupp tal-Intelligence ta’ Jane. F’artiklu tal-Jemen Times ta’ Diċembru 2007, issir referenza għalih bħala “Sheikh Fares Mohammed Mana’a, traffikant tal-armi”. F’artiklu tal-Jemen Times ta’ Jannar 2008, issir referenza għalih bħala “Sheikh Faris Mana’a, negozjant tal-armi”.

    Minn nofs l-2008, il-Jemen kompla jservi bħala ċentru għat-trasport ta’ armi illegali lejn il-Qarn tal-Afrika, b’mod partikolari t-trasport ta’ armi bid-dgħajjes lejn is-Somalja. Hemm rapporti mhux konfermati li Faris Mana’a pparteċipa f’konsenji lejn is-Somalja f’għadd ta’ okkażjonijiet. Fl-2004, Mana kien involut f’kuntratti ta’ armi mill-Ewropa tal-Lvant għal armi li allegatament inbiegħu lill-ġellieda Somali. Minkejja l-embargo fuq l-armi tas-Somalja tan-NU mill-1992, l-interess ta’ Mana’a fit-traffikar ta’ armi fis-Somalja jista’ jiġi traċċat tal-inqas mill-2003. Mana’a offra li jixtri eluf ta’ armi fl-2003 mill-Ewropa tal-Lvant, u indika li ppjana li jbiegħ xi wħud mill-armi fis-Somalja.

    9. Hassan Mahat Omar (magħruf ukoll bħala: a) Hassaan Hussein Adam, b) Hassane Mahad Omar, c) Xassaan Xuseen Adan, d) Asan Mahad Cumar, e) Abu Salman, f) Abu Salmaan, g) Sheikh Hassaan Hussein).

    Data tat-twelid: 10 ta’ April 1979. Post tat-twelid: Garissa, Kenja. Nazzjonalità: Possibbilment Etjopjana. Nru tal-Passaport: A 1180173 Kenja, skadenza fl-20 ta’ Awwissu 2017. Karta tal-Identità Nru 23446085. Post: Najrobi, Kenja. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 28 ta’ Lulju 2011.

    Hassan Mahat Omar huwa involut f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Huwa Imam u wieħed mill-mexxejja ta’ Masjid-ul-Axmar, ċentru informali affiljat ma’ Al-Shabaab f’Najrobi. Huwa involut ukoll fir-reklutaġġ ta’ membri ġodda u fil-ġbir ta’ fondi għal Al-Shabaab, inkluż online fis-sit elettroniku affiljat ma’ Al-Shabaab alqimmah.net.

    Barra minn hekk, huwa ħareġ fatwi għal attakki kontra t-TFG fuq chat room ta’ sit elettroniku ta’ Al-Shabaab.

    10. Omar Hammami (magħruf ukoll bħala: a) Abu Maansuur Al-Amriki, b) Abu Mansour Al-Amriki, c) Abu Mansuur Al-Amriki, d) Umar Hammami, e) Abu Mansur Al-Amriki).

    Data tat-twelid: 6 ta’ Mejju 1984. Post tat-twelid: Alabama, Stati Uniti.Nazzjonalità: Stati Uniti. Maħsub ukoll li għandu nazzjonalità Sirjana.

    Nru tal-Passaport: 403062567 (US). Nru tas-Sigurtà Soċjali: 423-31-3021 (US). Post: Somalja. Informazzjoni oħra: Miżżewweġ mara Somala. Għex l-Eġittu fl-2005 u mar is-Somalja fl-2009. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 28 ta’ Lulju 2011.

    Omar Hammami huwa involut f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Huwa membru għoli ta’ Al-Shabaab. Huwa involut fir-reklutaġġ, il-finanzjament u l-paga tal-ġellieda barranin fis-Somalja. Huwa deskritt bħala espert fl-isplussivi u l-gwerra inġenerali. Minn Ottubru 2007 huwa deher f’rapporti tat-televixin u f’filmati ta’ propaganda ta’ Al-Shabaab. Huwa deher f’filmat iħarreġ ġellieda ta’ Al-Shabaab. Huwa deher ukoll f’filmati u fuq siti elettroniċi li jappellaw biex aktar ġellieda jingħaqdu ma’ Al-Shabaab.

    ▼M3

    11. Jim’ale, Ali Ahmed Nur (magħruf ukoll bħala a) Jim’ale, Ahmed Ali, b) Jim’ale, Ahmad Nur Ali, c) Jim’ale, Sheikh Ahmed, d) Jim’ale, Ahmad Ali, e) Jim’ale, Shaykh Ahmed Nur)

    Data tat-twelid: 1954. Post tat-twelid: Eilbur, is-Somalja. Nazzjonalità: Somalu. Nazzjonalità alternattiva: Ġibutjan. Passaport: A0181988 (Somalja), jiskadi fit-23 ta’ Jannar 2011. Post: Ġibuti, ir-Repubblika ta’ Ġibuti. Data ta’ inklużjoni NU: 17 ta’ Frar 2012.

    Ali Ahmed Nur Jim’ale (Jim’ale) kellu pożizzjonijiet ta’ tmexxija fl-ex Kunsill Somalu tal-Qrati Iżlamiċi, magħruf ukoll bħala l-Unjoni Somala tal-Qrati Iżlamiċi, li kien element Iżlamista radikali. L-elementi l-aktar radikali tal-Unjoni Somala tal-Qrati Iżlamiċi eventwalment ifformaw il-grupp magħruf bħala Al-Shabaab. Al-Shabaab ġie elenkat għal sanzjonijiet immirati f’April 2010 mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjonijiet 751 (1992) u 1907 (2009) dwar is-Somalja u l-Eritrea (il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet Somalja/Eritrea”). Il-Kumitat elenka lil Al-Shabaab għax kienet entità involuta f’atti li jheddu b’mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tas-Somalja, inklużi iżda mhux limitati għal atti li joħolqu theddida għall-Gvern Federali Transizzjonali Somalu.

    Skont ir-rapport tat-18 ta’ Lulju 2011 tal-Grupp ta’ Monitoraġġ tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet Somalja/Eritrea (S/2011/433), Jim’ale huwa identifikat bħala negozjant u figura prominenti fiċ-ċiklu tal-kummerċ tal-faħam u z-zokkor ta’ Al-Shabaab u bħala li jibbenefika minn relazzjonijiet privileġġati ma’ Al-Shabaab.

    Jim’ale huwa identifikat bħala wieħed mill-finanzjaturi ewlenin ta’ Al-Shabaab u huwa allinjat ideoloġikament ma’ Al-Shabaab. Jim’ale pprovda finanzjament u appoġġ politiku ewlenin għal Hassan Dahir Aweys (“Aweys”), li kien ukoll elenkat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Somalja/Eritrea. L-ex Viċi Emir Muktar Robow ta’ Al-Shabaab jingħad li kompla jipparteċipa f’pożizzjonijiet politikament vantaġġużi fl-organizzazzjoni ta’ Al-Shabaab matul nofs l-2011. Robow involva lil Aweys u lil Jim’ale fi sforz biex javvanzaw l-objettivi kondiviżi tagħhom u jikkonsolidaw il-pożizzjoni ġenerali tagħhom fil-kuntest tal-firda fit-tmexxija ta’ Al-Shabaab.

    Mill-ħarifa tal-2007, Jim’ale stabbilixxa kumpannija fittizja f’Ġibuti għal attivitajiet estremisti, imsejħa l-Investors Group. L-għan għal perijodu qasir tal-grupp kien li jiddestabbilizza lil Somaliland permezz tal-finanzjament ta’ attivitajiet estremisti u x-xiri ta’ armi. Il-grupp assista fil-kuntrabandu ta’ armi żgħar mill-Eritrea, li ngħaddew minn Ġibuti biex twasslu fil-ħames reġjun tal-Etjopja fejn l-estremisti rċevew il-merkanzija. Minn nofs l-2008, Jim’ale kompla jopera l-Investors Group.

    Minn tard f’Settembru 2010, Jim’ale stabbilixxa ZAAD, negozju ta’ trasferiment ta’ flus minn telefon ċellulari għal ieħor u laħaq ftehim ma’ Al-Shabaab biex it-trasferimenti ta’ flus isiru b’mod aktar anonimu billi titneħħa l-ħtieġa li tintwera identifikazzjoni.

    Minn tard fl-2009, Jim’ale kellu fond ta’ hawala magħruf fejn huwa ġabar zakat, li ġie pprovdut lil Al-Shabaab.

    Minn Diċembru 2011, donaturi mhux identifikati mil-Lvant Nofsani kienu qed jittrasferixxu flus lil Jim’ale, li min-naħa tiegħu uża intermedjarji finanzjarji biex jibgħat il-flus lil Al-Shabaab.

    Fl-2009, Jim’ale ħadem ma’ individwi oħra bl-istess fehma biex ixekkel lill-Gvern Federali Transizzjonali Somalu billi ma jipparteċipax fl-isforzi Somali ta’ rikonċiljazzjoni. Minn tmiem l-2011, Jim’ale appoġġa b’mod attiv lil Al-Shabaab billi offra komunikazzjonijiet, użu ta’ vetturi, għajnuna f’ikel u konsulenza politika mingħajr ħlas u stabbilixxa ġbir ta’ fondi għal Al-Shabaab permezz ta’ diversi gruppi kummerċjali.

    ▼M3

    12. Aboud Rogo Mohammed (magħruf ukoll bħala a) Aboud Mohammad Rogo, b) Aboud Seif Rogo, c) Aboud Mohammed Rogo, d) Sheikh Aboud Rogo, e) Aboud Rogo Muhammad, f) Aboud Rogo Mohamed)

    Data tat-twelid: 11 ta’ Novembru 1960. Dati tat-twelid alternattivi: a) 11 ta’ Novembru 1967, b) 11 ta’ Novembru 1969, c) 1 ta’ Jannar 1969). Post tat-twelid: il-gżira ta’ Lamu, il-Kenja. Data ta’ inklużjoni NU: 25 ta’ Lulju 2012.

    L-estremist ibbażat fil-Kenja Aboud Rogo Mohammed hedded il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tas-Somalja, billi pprovda appoġġ finanzjarju, materjali, loġistiku, jew tekniku lil Al-Shabaab, entità elenkata mill-Kumitat KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja u r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) dwar l-Eritrea għall-parteċipazzjoni tagħha f’atti li jheddu b’mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja.

    Aboud Rogo Mohammed huwa kleriku Iżlamiku estremist ibbażat fil-Kenja. Huwa għadu jeżerċita influwenza fuq gruppi estremisti fil-Lvant tal-Afrika bħala parti mill-kampanja għall-promozzjoni tal-vjolenza fil-Lvant tal-Afrika. L-attivitajiet ta’ Aboud Rogo jinkludu ġbir ta’ fondi għal Al-Shabaab.

    Bħala l-mexxej ideoloġiku ewlieni ta’ Al Hijra, li qabel kien magħruf bħala ċ-Ċentru Musulman taż-Żgħażagħ, Aboud Rogo Mohammed uża l-grupp estremist bħala passaġġ għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta’ Afrikani li prinċipalment jitkellmu bis-Swahili biex iwettqu attività militanti fis-Somalja. F’serje ta’ lectures ta’ ispirazzjoni bejn Frar 2009 u Frar 2012, Aboud appella ripetutament għaċ-ċaħda vjolenti tal-proċess ta’ paċi Somalu. Matul dawn il-lectures, Rogo appella ripetutament għall-użu tal-vjolenza kemm kontra l-forzi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-forzi tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) fis-Somalja, u ħeġġeġ lill-udjenzi tiegħu biex jivvjaġġaw lejn is-Somalja biex jissieħbu ma’ Al-Shabaab fil-ġlieda tiegħu kontra l-Gvern Kenjan.

    Aboud Rogo Mohammed joffri wkoll gwida dwar kif ir-rekluti Kenjani li jissieħbu ma’ Al-Shabaab jistgħu jevitaw li jiġu identifikati mill-awtoritajiet Kenjani, u liema rotot għandhom isegwu meta jivvjaġġaw minn Mombasa u/jew Lamu għal fortizzi ta’ Al-Shabaab fis-Somalja, l-aktar Kismayo. Huwa ffaċilita l-ivvjaġġar lejn is-Somalja ta’ għadd kbir ta’ rekruti Kenjani għal Al-Shabaab.

    F’Settembru 2011, Rogo kien qed jirrekluta individwi f’Mombasa fil-Kenja biex jivvjaġġaw lejn is-Somalja x’aktarx biex iwettqu operazzjonijiet terroristiċi. F’Settembru 2008, Rogo għamel laqgħa ta’ ġbir ta’ fondi f’Mombasa biex jgħin fil-finanzjament tal-attivitajiet ta’ Al-Shabaab fis-Somalja.

    13. Abubaker Shariff Ahmed (magħruf ukoll bħala a) Makaburi, b) Sheikh Abubakar Ahmed, c) Abubaker Shariff Ahmed, d) Abu Makaburi Shariff, e) Abubaker Shariff, f) Abubakar Ahmed

    Data tat-twelid: 1962. Data tat-twelid alternattiva: 1967. Post tat-twelid: Kenja. Post: iż-żona ta’ Majengo, Mombasa, il-Kenja. Data ta’ inklużjoni NU: 23 ta’ Awwissu 2012.

    Abubaker Shariff Ahmed għandu rwol ewlieni bħala faċilitatur u persuna li tirrekluta Musulmani Kenjani żgħażagħ għal attività militanti vjolenti fis-Somalja, u soċju qrib ta’ Aboud Rogo. Huwa jipprovdi appoġġ materjali lil gruppi estremisti fil-Kenja (u x’imkien ieħor fil-Lvant tal-Afrika). Permezz taż-żjarat frekwenti tiegħu lil fortizza ta’ Al-Shabaab fis-Somalja, inkluża Kismayo, huwa seta’ jżomm rabtiet b’saħħithom ma’ membri għoljin ta’ Al-Shabaab.

    Abubaker Shariff Ahmed huwa wkoll involut fil-mobilizzazzjoni u l-ġestjoni tal-finanzjament għal Al-Shabaab, entità elenkata mill-Kumitat KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja u r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) dwar l-Eritrea tal-involviment tiegħu f’atti li jheddu b’mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tas-Somalja.

    Abubaker Shariff Ahmed ippriedka fil-moskei f’Mombasa li l-ġuvinturi għandhom jivvjaġġaw lejn is-Somalja, iwettqu atti estremisti, jiġġieldu għal Al-Qaida, u joqtlu liċ-ċittadini Amerikani.

    Abubaker Shariff Ahmed kien arrestat fi tmiem Diċembru 2010 mill-awtoritajiet Kenjani fuq suspett ta’ involviment fil-bumbardament ta’ venda ta’ Najrobi. Abubaker Shariff Ahmed huwa wkoll mexxej ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ ibbażata fil-Kenja f’Mombasa li għandha rabtiet ma’ Al-Shabaab.

    Mill-2010, Abubaker Shariff Ahmed aġixxa ta’ persuna li tirrekluta u faċilitatur għal Al-Shabaab fiż-żona Majengo ta’ Mombasa, fil-Kenja.

    ▼M1

    II.    Entitajiet

    AL-SHABAAB (magħrufa wkoll bħala a) Al-Shabab, b) Shabaab, c) The Youth, d) Mujahidin Al-Shabaab Movement, e) Mujahideen Youth Movement, f) Mujahidin Youth Movement, g) MYM, h) Harakat Shabab Al-Mujahidin, i) Hizbul Shabaab, j) Hisb’ul Shabaab, k) Al-Shabaab Al-Islamiya, l) Youth Wing, m) Al-Shabaab Al-Islaam, n) Al-Shabaab Al-Jihaad, o) The Unity Of Islamic Youth, p) Harakat Al-Shabaab Al-Mujaahidiin, q) Harakatul Shabaab Al Mujaahidiin, r) Mujaahidiin Youth Movement)

    Post: Somalja. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

    Al-Shabaab kienet involuta f’atti li jheddu direttament jew indirettament il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà fis-Somalja, inkluż iżda mhux limitat għal: atti li jheddu l-Ftehim ta’ Ġibuti tat-18 ta’ Awwissu 2008, jew il-proċess politiku; u, atti li jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Transitorji (TFIs), il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), jew operazzjonijiet internazzjonali għaż-żamma ta’ paċi relatati mas-Somalja.

    Al-Shabaab ostakolat ukoll l-għoti ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta’, għajnuna umanitarja fis-Somalja.

    Skont id-dikjarazzjoni mill-President tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja lill-Kumitat tas-Sigurtà mogħtija fid-29 ta’ Lulju 2009, kemm Al-Shabaab u Hisb’ul Islam pubblikament u b’mod ripetittiv ħadu r-responsabbiltà għall-attakki permezz ta’ forzi fuq il-Gvern Federali Transitorju (TFG) u l-AMISOM. Al-Shabaab ħadet ukoll ir-responsabbiltà għall-qtil ta’ uffiċjali tat-TFG, u fid-19 ta’ Lulju 2009 attakkat u għalqet l-uffiċċji fuq il-post tal-UNOPS, l-UNDSS u l-UNDP fir-reġjuni ta’ Bay u Bakool, bi ksur tal-paragrafu (c) tar-Riżoluzzjoni 1844 (2008). Al-Shabaab ostakolat b’mod ripetittiv l-aċċess għall-għajnuna umanitarja, jew għad-distribuzzjoni tagħha, fis-Somalja.

    Ir-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Lulju 2009 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, kien fih il-paragrafi li ġejjin li jinvolvu l-attivitajiet ta’ al-Shabaab fis-Somalja:

    Huwa allegat li gruppi ribelli, bħal al-Shabaab, qegħdin jiksbu flus b’theddid jew vjolenza minn kumpaniji privati u jirreklutaw żgħażagħ sabiex jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-Gvern f’Mogadixu, inklużi suldati tfal. Al-Shabaab ikkonfermat il-preżenza ta’ ġellieda barranin fi ħdanha u ddikjarat bil-miftuħ li qiegħda taħdem ma’ al-Qaida f’Mogadixu sabiex tneħħi l-Gvern tas-Somalja. Huwa rappurtat li ħafna mill-ġellieda barranin joriġinaw mill-Pakistan u l-Afganistan, u jidhru mħarrġa sew u lesti għall-battalja. Ġew osservati jilbsu l-barnużi u jmexxu operazzjonijiet offensivi kontra l-forzi tal-Gvern f’Mogadixu u r-reġjuni ġirien.

    Al-Shabaab intensifikat l-istrateġija tagħha li tisforza u tintimida lill-popolazzjoni Somala, kif rifless fil-qtil u l-arresti, magħżulin bir-reqqa u ta’ benefiċċju kbir, ta’ anzjani tal-klan, li diversi minnhom inqatlu. Fid-19 ta’ Ġunju 2009, Omar Hashi Aden, il-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali, inqatel permezz ta’ bomba suwiċida fuq skala kbira f’karozza f’Beletwyne. Aktar minn 30 persuna oħra nqatlu fl-attakk, li ġie kkundannat bis-saħħa mill-komunità internazzjonali u minn parti kbira tas-soċjetà Somala.

    Skont ir-rapport ta’ Diċembru 2008 mill-Grupp ta’ Monitoraġġ tas-Somalja tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2008/769), al-Shabaab hija responsabbli għal diversi attakki fis-Somalja matul dawn l-aħħar snin, inkluż:

     Il-qtil u l-qtugħ ir-ras rappurtati ta’ xufier Somalu li kien jaħdem għall-Programm dwar l-Ikel fid-Dinja f’Settembru 2008.

     L-ibbumbardjar ta’ suq f’Puntland li qatel 20 persuna u darab aktar minn 100 fis-6 ta’ Frar 2008.

     Kampanja ta’ bombi u qtil immirat f’Somaliland bil-ħsieb li jiġu ostakolati l-elezzjonijiet parlamentari tal-2006.

     Il-qtil ta’ diversi ħaddiema barranin li jipprovdu l-għajnuna fl-2003 u l-2004.

    Skont rapport, al-Shabaab attakkat komposti tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja fl-20 ta’ Lulju 2009, u ħarġet digriet li jipprojbixxi tliet aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti miż-żoni kkontrollati minn al-Shabaab fis-Somalja. Barra minn hekk, il-forzi tal-Gvern Federali Transitorju Somalu ġġieldu kontra ribelli ta’ al-Shabaab u Hizbul Islam mill-11 sat-12 ta’ Lulju 2009 li rriżulta fil-mewt ta’ aktar minn 60 persuna. Fil-ġlieda tal-11 ta’ Lulju 2009, al-Shabaab tefgħet erba’ murtali ġewwa Villa Somalia li rriżultat fil-mewt ta’ tliet suldati tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) u t-tidrib ta’ tmienja oħrajn.

    Skont artiklu ppubblikat mill-British Broadcasting Corporation fit-22 ta’ Frar 2009, al-Shabaab ħadet ir-responsabbiltà għal attakk suwiċida permezz ta’ bomba f’karozza fuq bażi militari tal-Unjoni Afrikana f’Mogadixu. Skont l-artiklu, l-Unjoni Afrikana kkonfermat li nqatlu 11-il gwardjan tal-paċi tal-Unjoni Afrikana u li weġġgħu 15 oħra.

    Skont artiklu ppubblikat minn Reuters fl-14 ta’ Lulju 2009, militanti ta’ al-Shabaab għamlu qligħ fl-2009 minn attakki fuq stil guerilla fuq forzi Somali u tal-Unjoni Afrikana.

    Skont artiklu ppubblikat minn Voice of America fl-10 ta’ Lulju 2009, al-Shabaab kienet involuta f’attakk fuq forzi tal-gvern Somalu f’Mejju 2009.

    Skont artiklu li ttella’ fuq sit elettroniku tal-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Barranin li nkiteb fis-27 ta’ Frar 2009, al-Shabaab ħallset għal ribelljoni kontra l-gvern transitorju tas-Somalja u s-sostenituri Etjopjani tiegħu mill-2006. Al-Shabaab qatlet ħdax-il suldat Burundjan fl-aktar attakk qattiel fuq gwardjani tal-paċi tal-UA mindu ġew stazzjonati u jiddikjara li al-Shabaab kienet involuta fi ġlied serju li qatel mill-inqas ħmistax-il persuna f’Mogadixu.



    ( 1 ) ĠU L 334, 11.12.2002, p. 1.

    ( 2 ) ĠU L 46, 17.2.2009, p. 73.

    ( 3 ) ĠU L 51, 2.3.2010, p. 18.

    ( 4 ) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

    Top