Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010D0010(01)-20170401

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Awwissu 2010 dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika (BĊE/2010/10) (2010/469/UE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/469/2017-04-01

    02010D0010(01) — MT — 01.04.2017 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tad-19 ta’ Awwissu 2010

    dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika

    (BĊE/2010/10)

    (2010/469/UE)

    (ĠU L 226 28.8.2010, p. 48)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DEĊIŻJONI (UE) 2016/244 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-18 ta' Diċembru 2015

      L 45

    13

    20.2.2016

    ►M2

    DEĊIŻJONI (UE) 2017/468 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tas-26 ta’ Jannar 2017

      L 77

    1

    22.3.2017




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tad-19 ta’ Awwissu 2010

    dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika

    (BĊE/2010/10)

    (2010/469/UE)



    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

    1. “aġent għar-rappurtar” għandha jkollha l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

    ▼M2

    2. “istituzzjoni monetarja finanzjarja” (IMF) għandha l-istess tifsira kif hemm fil-punt (a) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/33) ( 1 ); u fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Banek Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/48) ( 2 ) għandu jinqara sabiex jinkludi l-friegħi kollha tal-IFM li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u tal-EFTA, sakemm ma jiġix pprovdut mod ieħor fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dak ir-Regolament;

    ▼B

    3. “ksur” u “sanzjoni” għandhom l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98;

    4. “mġieba ħażina serja” tinkludi kull wieħed mill-ksur tar-rekwiżiti għar-rappurtar segwenti mill-aġenti għar-rappurtar:

    (a) rappurtar sistematiku ta’ dejta mhux korretta;

    (b) nuqqas ta’ konformità sistematika mal-istandards minimi għar-reviżjonijiet;

    (ċ) rappurtar intenzjonalment mhux korrett, imdewwem jew mhux komplet;

    (d) grad insuffiċjenti ta’ diliġenza jew koperazzjoni mal-BĊN relevanti jew il-BĊE;

    5. “bank ċentrali nazzjonali kompetenti” (BĊN kompetenti) tfisser il-BĊN tal-Istat Membru li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu seħħ il-ksur;

    ▼M2

    6. “skadenza tal-BĊN” tfisser id-data stabbilita minn kull BĊN sabiex jirċievi dejta mingħand l-aġenti li jirrapportaw;

    ▼M1

    7. “fond ta' investiment” (FI) għandha l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/38) ( 3 );

    8. “istituzzjoni ġiro tal-uffiċċji tal-posta” (POGI) għandha l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1074/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/39) ( 4 );

    9. “korporazzjonijiet vetturi finanzjarji involuti fi tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjoni” (FVC) għandha l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/40) ( 5 );

    ▼M2

    10. “fergħa” tfisser post tan-negozju li jifforma parti legalment dipendenti ta’ istituzzjoni u li twettaq b’mod dirett it-tranżazzjonijiet kollha jew uħud minnhom inerenti fin-negozju ta’ istituzzjonijiet;

    11. “fergħa li tinsab fl-Unjoni u l-EFTA” tfisser fergħa li tinsab u hija rreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż tal-EFTA.

    ▼B

    Artikolu 2

    Skop tal-applikazzjoni

    ▼M2

    1.  Il-BĊE u l-BĊNi għandhom jimmonitorjaw il-konformità tal-aġenti li jirrapportaw mal-istandards minimi meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar tagħhom, kif stipulat fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/2013), l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1072/2013 (BĊE/2013/34) ( 6 ) l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1074/2013 (BĊE/2013/39), l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (ECB/2013/40) u l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1333/2013 (BĊE/2014/48). F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-BĊE u l-BĊN kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jwettqu fażi ta’ valutazzjoni u/jew jibdew proċedura ta’ ksur kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (2). Wara proċedura ta’ ksur, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

    ▼B

    2.  Sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti wara proċedura ta’ ksur f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ standards minimi għat-trażmissjoni (b’rabta ma’ rekwiżiti ta’ puntwalità u rappurtar tekniku), eżattezza (b’rabta ma’ kostrizzjonijiet lineari u konsistenza tad-dejta mal-frekwenzi kollha) u konformità kunċettwali (b’rabta ma’ definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet). Sanzjonijiet jiġu ukoll applikati f’każ ta’ imġieba ħażina serja.

    ▼M2

    3.  Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jimponi sanzjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 2533/98.

    ▼B

    Artikolu 3

    Fażi ta’ valutazzjoni u proċedura ta’ ksur

    1.  Qabel it-tnedija ta’ proċedura ta’ ksur taħt ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 u r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4):

    ▼M2

    (a) il-BĊE jew il-BĊN kompetenti jista’, fejn ikun irreġistra nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rappurtar, jagħti twissija lill-aġent li jirrapporta kkonċernat biex jinfurmah dwar in-natura tan-nuqqas ta’ konformità rreġistrata, u jirrakkomanda miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi evitata ripetizzjoni tan-nonkonformità;

    ▼B

    (b) il-BĊE jew il-BĊN kompetenti jistgħu jistaqsu lill-aġent għar-rappurtar ikkonċernat għal kull tagħrif b’rabta man-non-konformità skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4);

    (ċ) l-aġent għar-rappurtar ikkonċernat għandu jingħata opportunità biex jagħti spjegazzjonijiet jekk iqis illi n-non-konformità kienet dovuta għal ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom.

    2.  Il-BĊE jew il-BĊN kompetenti jistgħu jniedu proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4). Għandhom japplikaw ukoll ir-regoli segwenti:

    (a) proċedura ta’ ksur għandha titnieda, mingħajr fażi ta’ valutazzjoni, f’każ ta’ mġieba ħażina serja;

    (b) mingħajr preġudizzju għall-punt (a), proċedura ta’ ksur għandha titnieda wara li tkun ġiet irreġistrata non-konformità ripetuta mill-BĊN kompetenti, sakemm:

    (i) il-BĊE jew il-BĊN kompetenti iqisu illi ebda proċedura ta’ ksur m’għandha titnieda peress illi wieħed jew aktar mill-każijiet ta’ non-konformità rreġistrati huwa lil hinn mill-kontroll tal-aġent għar-rappurtar; jew

    (ii) il-multa potenzjali ma tilħaqx il-limitu minimu għall-imposizzjoni ta’ sanzjoni.

    3.  Jekk il-BĊE jew il-BĊN kompetenti iniedu proċedura ta’ ksur, il-proċedura għandha ssir skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98, inkluż il-ħruġ ta’ notifika bil-miktub u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni motivata mill-BĊE.

    Artikolu 4

    Applikazzjoni ta’ sanzjonijiet

    1.  Is-sanzjonijiet għandhom ikunu maħduma abbażi ta’ proċedura fuq żewġ fażijiet. L-ewwel jinħadem ammont bħala bażi ta’ referenza li jirrifletti aspetti kwantitattivi. Iċ-ċirkostanzi tal-każ kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2531/98 huma mbagħad ikkunsidrati u jistgħu jeffettwaw l-ammont attwali tas-sanzjoni.

    ▼M2

    2.  F’każ ta’ ksur marbut mat-tempenstività, is-serjetà tal-ksur għandha tiddependi fuq in-numru ta’ jiem ta’ xogħol jew sigħat ta’ dewmien fil-konfront tal-iskadenza tal-BĊN jew tal-iskadenza tal-BĊN.

    ▼B

    3.  F’każ ta’ ksur marbut ma’ nuqqas ta’ eżattezza u/jew konformità kunċettwali, is-serjetà tal-ksur għandha tiddependi fuq id-daqs tal-iżball. Il-BĊE m’għandux jikkunsidra żbalji ta’ aġġustament jew żbalji negliġibbli. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-konformità kunċettwali, reviżjonijiet ordinarji, jiġifieri reviżjonijiet mhux sistematiċi lis-serje rrappurtata fil-perjodu (xahar jew trimestru) wara r-rappurtar inizjali, m’għandhomx ikunu meqjusin bħala każijiet ta’ non-konformità kunċettwali.

    4.  Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jistabbilixxi s-sanzjonijiet massimi li jista’ jimponi l-BĊE fuq l-aġenti għar-rappurtar.

    5.  Jekk ksur tar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika jirriżulta ukoll fi ksur tar-rekwiżiti għar-riżervi minimi, ebda sanzjoni m’għandha tiġi imposta għall-ksur tar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika.

    ▼M2

    Artikolu 4a

    Risposti għad-domandi

    L-aġenti li jirrapportaw għandhom jirrispondu domandi li jirrigwardaw każijiet possibbli ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika fil-perijodu ta’ żmien li jistabbilixxi l-BĊE jew il-BĊN rilevanti.

    ▼B

    Artikolu 5

    Dispożizzjoni finali

    Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2010. Għandha tapplika mill-perjodu ta’ referenza Diċembru 2010 għar-rekwiżiti għar-rappurtar ta’ kull xahar u annwali u mir-raba’ trimestru tal-2010 għar-rekwiżiti għar-rappurtar trimestrali.



    ( 1 ) Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1).

    ( 2 ) Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2014/48) (ĠU L 359, 16.12.2012, p. 97).

    ( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2013 dwar statistika dwar l-attiv u l-passiv ta' fondi ta' investiment (BĊE/2013/38) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 73).

    ( 4 ) Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 1074/2013 tat-18 ta' Ottubru 2013 dwar obbligi ta' rapportar statistiku għal istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji tal-posta li jirċievu depożiti mingħand residenti fiż-żona tal-euro li mhumiex istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/39) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 94).

    ( 5 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2013 dwar statistika fuq l-attiv u l-passiv ta' korporazzjonijiet finanzjarji vettura involuti fi tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjoni (BĊE/2013/40) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 107).

    ( 6 ) Regolament (UE) Nru 1072/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar statistika fuq rati ta’ imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/34) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 51).

    Top