Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009R0625-20140220

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009 tas- 7 ta' Lulju 2009 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (Verżjoni kodifikata)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/625/2014-02-20

2009R0625 — MT — 20.02.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 625/2009

tas-7 ta' Lulju 2009

dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi

(Verżjoni kodifikata)

(ĠU L 185, 17.7.2009, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 37/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Jannar 2014

  L 18

1

21.1.2014




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 625/2009

tas-7 ta' Lulju 2009

dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi

(Verżjoni kodifikata)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-istrumenti li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u l-istrumenti li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti agrikoli pproċessati adottati b’mod konformi mal-Artikolu 308 tat-Trattat, partikolarment id-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-istrumenti li jikkonċedu deroga mill-prinċipju ġenerali li r-restrizzjonijiet kwantitattivi kollha jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti jistgħu jiġu sostitwiti biss mill-miżuri kif previsti f’dawk l-istess strumenti,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 519/94 tas-7 ta’ Marzu 1994 dwar regoli komuni għal importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi ( 1 ) ġie emendat diversi drabi b’mod sostanzjali ( 2 ). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi.

(3)

Fl-Artikolu 14 tat-Trattat, is-suq intern jikkomprendi mill-1 ta’ Jannar 1993 spazju mingħajr fruntieri interni li fihom il-moviment ħieles tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa żgurat.

(4)

It-tlestija tal-politika kummerċjali komuni li tikkonċerna r-regoli dwar l-importazzjonijiet hija l-mezz waħdieni li tiżgura li r-regoli li japplikaw għall-kummerċ tal-Komunità ma’ pajjiżi terzi jirreflettu korrettament l-integrazzjoni tas-swieq.

(5)

Uniformità akbar fir-regoli għall-importazzjonijiet għandha tinkiseb billi jitniżżlu, safejn possibbli meta wieħed iqis il-fatturi partikolari tas-sistema ekonomika fil-pajjiżi terzi in kwistjoni, dispożizzjonijiet simili għal dawk applikati taħt ir-regoli komuni għal pajjiżi terzi oħra.

(6)

Ir-regoli komuni applikabbli għall-importazzjonijiet japplikaw ukoll għall-prodotti tal-faħam u l-azzar, mingħajr preġudizzju għal kull miżura li timplimenta ftehim li għandu x’jaqsam speċifikament ma’ prodotti bħal dawn.

(7)

Il-liberalizzazzjoni ta’ importazzjonijiet, jiġifieri l-assenza ta’ kull restrizzjoni kwantitattiva, għandha għalhekk tifforma l-punt tat-tluq għar-regoli tal-Komunità.

(8)

Fil-każ ta’ uħud mill-prodotti, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kondizzjonijiet tal-importazzjonijiet, ix-xejriet ta’ importazzjoni, l-aspetti varji tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali, u l-miżuri, jekk hemm, li jkollhom jittieħdu.

(9)

Għal dawk il-prodotti, jista’ jidher li għandu jkun hemm sorveljanza mill-Komunità fuq xi wħud minn dawn l-importazzjonijiet.

(10)

Għandhom ikunu l-Kummissjoni u l-Kunsill li jadottaw il-miżuri ta’ salvagwardja skont l-interessi tal-Komunità b’ħarsien xieraq tal-obbligi internazzjonali eżistenti.

(11)

Il-miżuri ta’sorveljanza jew salvagwardja limitati għal reġjun jew aktar tal-Komunità jistgħu b’danakollu jirriżultaw aktar adattati minn miżuri li japplikaw għall-Komunità kollha. Madanakollu, miżuri bħal dawn għandhom ikunu awtorizzati biss eċċezzjonalment u meta m’hemmx alternattiva. Hu neċessarju li jkun żgurat li miżuri bħal dawn huma temporanji u jikkawżaw l-inqas tfixkil fl-operat tas-suq intern.

(12)

Jekk tiġi applikata s-sorveljanza tal-Komunità, ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti konċernati għandha ssir soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ dokument ta’ sorveljanza li jissodisfa kriterji uniformi. Dak id-dokument għandu, wara applikazzjoni sempliċi mill-importatur, ikun maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’ċertu perjodu ta’ żmien iżda mingħajr ma b’hekk l-importatur jikseb id-dritt li jimporta. Id-dokument ta’ sorveljanza għandu għalhekk ikun validu biss matul dak il-perjodu fejn ir-regoli tal-importazzjoni jibqgħu mhux mibdula.

(13)

Fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva tajba u sabiex jiġu assistiti l-operaturi tal-Komunità, il-kontenut u t-taqsim tad-dokument ta’ sorveljanza ghandu jkun, sa fejn hu possibli, allinejat mal-formoli tal-licenzja għall-importazzjoni komuni ipprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 738/94 tat-30 ta’ Marzu 1994 li jagħmel ċerti regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/94 li jistabbilixxi proċedura tal-Komunità ħalli jkunu amministrati kwoti kwantitattivi ( 3 ); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3168/94 tal-21 ta’ Diċembru 1994 li jistabilixxi fil-qasam tal-applikazzjoni tar-Regolamemt tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti minn pajjiżi terzi mhux koperti bi ftehim bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra jew b’regoli ta’ importazzjoni speċifiċi tal-Komunità liċenzja ta’ importazzjoni tal-Komunità ( 4 ); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3169/94 tal-21 ta’ Diċembru 1994 li jemenda l-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tat-tessuti minn pajjiżi terzi u li jistabilixxi liċenzja ta’ importazzjonijiet Komunitarjà fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ( 5 ) filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tekniċi tad-dokument ta’ sorveljanza.

(14)

Huwa fl-interessi tal-Komunità li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu użu kemm hu possibbli ta’ tibdil ta’ informazzjoni li tirriżulta minn sorveljanza tal-Komunità.

(15)

Hu neċessarju li jkunu adottati kriterji preċiżi biex issir stima tad-dannu possibbli u li tintroduċi investigazzjoni filwaqt li tħalli lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri xierqa f’każijiet urgenti.

(16)

Għal dan il-għan, għandhom ikunu introdotti dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet, dwar il-verifika u l-ispezzjonijiet meħtieġa, dwar is-smigħ ta’ dawk konċernati, it-trattament ta’ informazzjoni miksuba u l-kriterji biex issir stima tal-ħsara.

(17)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-investigazzjonijiet introdotti b’dan ir-Regolament ma jippreġudikawx ir-regoli tal-Komunità jew dawk nazzjonali li jikkonċernaw is-segretezza professjonali.

(18)

Huwa meħtieġ ukoll li jsiru limiti ta’ żmien għall-bidu ta’ investigazzjonijiet u għad-determinazzjonijiet dwar jekk xi miżuri humiex xierqa jew le, bil-għan li jiġi żgurat li dawn id-determinazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi konċernati.

(19)

Fl-interessi tal-uniformità fir-regoli dwar l-importazzjonijiet, il-formalitajiet li għandhom jitwettqu mill-importaturi għandhom ikunu simplifikati u għandhom ikunu identiċi irrespettivament mill-post fejn il-merkanzija tgħaddi mid-dwana. Għalhekk huwa mixtieq li jiġi previst li kull formalità għandha tiġi mwettqa bl-użu ta’ formoli li jikkorrispondu mal-kampjun anness mar-Regolament.

(20)

Dokumenti ta’ sorveljanza maħruġa fir-rigward ta’ miżuri ta’ sorveljanza mill-Komunità għandhom ikunu validi mal-Komunità kollha irrispettivament mill-Istati Membri minn fejn ikunu nħarġu.

(21)

Il-prodotti tat-tessuti li jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 tas-7 ta’ Marzu 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta’ prodotti tessili minn għadd ta’ pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, Protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli ta’ importazzjoni speċifiċi oħra tal-Komunità ( 6 ), huma soġġetti għal trattament speċifiku f’livelli ta’ Komunità u internazzjonali. Huma għandhom għalhekk ikunu għal kollox esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

1.  Dan ir-Regolament japplika għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I, ħlief għal xi prodotti tat-tessuti koperti bir-Regolament (KE) Nru 517/94.

2.  Importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isseħħu bla xkiel u għalhekkm’għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni kwantitattiva, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu taħt il-Kapitolu V.



KAPITOLU II

PROĊEDURA TA’ INFORMAZZJONI U KONSULTAZZJONI TAL-KOMUNITÀ

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tkun informata mill-Istati Membri jekk xejriet fl-importazzjonijiet jidhru li jitolbu għal miżuri ta’ sorveljanza jew ta’ salvagwardja. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-provi disponibbli fuq il-bażi ta’ kriterji mniżżlin fl-Artikolu 8. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha mingħajr dewmien.

▼M1 —————

▼M1

Artikolu 4

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 ( 7 ). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

▼B



KAPITOLU III

PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI TAL-KOMUNITÀ

Artikolu 5

▼M1

1.  Fejn ikun jidher lill-Kummissjoni li hemm evidenza suffiċjenti li tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-informazzjoni mingħand Stat Membru u tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dak l-avviż għandu:

▼B

(a) tagħti sunt tal-informazzjoni riċevuta, u tipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni;

(b) tiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jkunu jistgħu jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu informazzjoni, jekk dawn il-fehmiet u l-informazzjoni għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni;

(c) tiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jkunu jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħin verbalment mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

Il-Kummissjoni għandha tibda l-investigazzjoni, waqt li tagixxi f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

▼M1

Il-Kummissjoni għandha tagħti l-informazzjoni lill-Istati Membri li tikkonċerna l-analiżi tagħha tal-informazzjoni normalment fi żmien 21 jum mid-data li fiha l-informazzjoni tkun ingħatat lill-Kummissjoni.

▼M1

2.  Il-Kummissjoni għandha tfittex kull informazzjoni li jidhrilha li hi meħtieġa u, fejn tqis li jkun xieraq, hija għandha tagħmel ħilitha biex tivverifika dik l-informazzjoni mal-importaturi, il-kummerċjanti, l-aġenti, il-produtturi, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali u l-organizzazzjonijiet.

▼B

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita f’din il-ħidma minn persunal tal-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom ikunu qed jitwettqu dawn il-verifiki, jekk dan l-Istat Membru jkun jixtieq hekk.

Partijiet interessati li jkunu għamlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom skont l-ewwel sub-paragrafu tal-paragrafu 1, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, jistgħu jispezzjonaw l-informazzjoni kollha pprovduta għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-investigazzjoni, kif distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Komunità jew l-Istati Membri tagħha sakemm tkun rilevanti għad-difiża tal-interessi tagħhom u mhux kunfidenzjali fit-tifsira tal-Artikolu 7 u li tkun użata mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Għal dan il-għan, huma għandhom jindirizzaw talba bil-miktub lill-Kummissjoni li tindika l-informazzjoni meħtieġa.

3.  L-Istati Membri għandhom jissupplixxu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha u wara proċeduri preskritti minnha, bl-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom dwar żviluppi fis-suq tal-prodott li jkun qed jiġi investigat.

4.  Il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati. It-tali partijiet għandhom ikunu mismugħin fejn ikunu applikaw bil-miktub fil-perjodu stabbilit fin-notifika ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi juru li huma attwalment x’aktarx ser ikunu affettwati mill-eżitu tal-investigazzjonijiet u li hemm raġunijiet partikolari għalihom li jiġu mismugħin verbalment.

5.  Meta informazzjoni ma tkunx ipprovduta fil-limiti ta’ żmien stabbiliti minn dan ir-Regolament jew mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament, jew l-investigazzjoni hija b’mod sinifikanti mxekkla, l-eżitu tal-istħarriġ jista’ jkun ibbażat fuq il-fatti disponibbli. Meta il-Kummissjoni ssib li kwalunkwe parti interessata jew terza persuna tkun fornietha b’informazzjoni falza jew qarrieqa, hija għandha tinjora l-informazzjoni u tista’ tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

▼M1

6.  Fejn jidher lill-Kummissjoni li ma hemmx biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-investigazzjoni, hija għandha tinforma lill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-informazzjoni mill-Istati Membri.

▼B

Artikolu 6

1.  Fi tmiem l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar ir-riżultat lill-Kumitat.

►M1  2.  Fejn il-Kummissjoni tqis, fi żmien disa’ xhur mill-bidu tal-investigazzjoni, li ma hemm bżonn tal-ebda miżura ta’ sorveljanza jew ta’ salvagwardja tal-Unjoni, l-investigazzjoni għandha tintemm fi żmien xahar. Il-Kummissjoni għandha ttemm l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4(2). ◄ Id-deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni, waqt li tiddikjara l-konklużjonijiet ewlenin tal-investigazzjoni u sunt tar-raġunijiet għal dan, għanda tkun pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.  Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li miżuri ta’ sorveljanza jew ta’ salvagwardja tal-Komunità huma neċessarji, hija għandha tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji skont il-Kapitoli IV u V, mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-bidu tal-investigazzjoni. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż b’perjodu massimu ieħor ta’ xahrejn. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi fiha t-tul ta’ żmien tal-estensjoni u sunt tarraġuniijiet għal dan.

4.  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu m’għandhomx jipprekludu t-teħid, f’kull żmien, ta’ miżuri ta’ sorveljanza skont l-Artikolu 9 sa 14 jew, f’sitwazzjoni kritika, fejn kull dewmien jista’ jikkawża dannu li jkun diffiċli biex jiġi rimedjat, jirrikjedi intervent immedjat, b’miżuri ta’ salvagwardja skont l-Artikolu 15, 16 u 17.

Il-Kummissjoni għandha minnufih tieħu l-miżuri ta’ investigazzjoni li tikkunsidra li għadhom meħtieġa. Ir-riżultati tal-investigazzjoni għandhom ikunu użati biex isir eżami mill-ġdid tal-miżuri meħuda.

Artikolu 7

1.  Informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament għandha tkun użata biss għall-għan li għalih tkun saret it-talba.

▼M1

2.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż l-uffiċjali tagħhom it-tnejn, ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali li tkun waslitilhom skont dan ir-Regolament, jew l-ebda informazzjoni pprovduta fuq bażi kunfidenzjali, mingħajr permess speċifiku mill-fornitur ta' informazzjoni bħal din.

▼B

3.  Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tiddikjara r-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni hi kunfidenzjali.

Madankolu, jekk jidher li talba għal kunfidenzjalità m’hijiex ġustifikata u jekk il-fornitur tal-informazzjoni la jixtieq li jagħmilha pubblika lanqas li jawtorizza l-iżvelar b’mod ġenerali jew fil-forma ta’ sunt, l-informazzjoni kkonċernata tista’ titwarrab.

4.  L-informazzjoni għandha tkun f’kull każ ikkunsidrata bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tagħha x’aktarx ikollu effett ħażin sinifikanti fuq il-fornitur jew fuq is-sors ta’ din l-informazzjoni.

5.  Il-paragrafi 1 sa 4 m’għandhomx jipprekludu referenza mill-awtoritajiet tal-Komunità għal informazzjoni ġenerali u partikolarment għal raġunijiet li fuqhom huma ibbażati deċiżjonijiet meħuda b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament. Dawn l-awtoritajiet għandhom, iżda, iqisu l-interessi leġittimi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi konċernati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom m’għandhomx ikunu żvelati.

Artikolu 8

1.  L-eżami tax-xejra fl-importazzjonijiet, tal-kondizzjonijiet li fihom iseħħu u tal-ħsara serja jew theddida ta’ ħsara serja lill-produtturi tal-Komunità li jirriżultaw mit-tali importazzjonijiet, għandu jkopri partikolarment il-fatturi li ġejjin:

(a) il-volum tal-importazzjonijiet, partikolarment fejn kien hemm żieda sinifikanti, skont termini assoluti jew relatati ma’ produzzjoni jew konsum fil-Komunità;

(b) il-prezz tal-importazzjonijiet, partikolarment fejn kien hemm bejgħ bi prezz sostanzjalment aktar baxx kif mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili fil-Komunità;

(c) l-impatt konsegwenti fuq il-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili jew direttament kompetittivi kif indikat mix-xejriet f’ċerti fatturi ekonomiċi bħal:

 produzzjoni,

 utilizzazzjoni tal-kapaċità,

 ħażniet,

 bejgħ,

 sehem fis-suq,

 prezzijiet (jiġifieri waqgħa fil-prezzijiet jew prevenzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet li setgħu normalment seħħew),

 profitti,

 redditu fuq kapital użat,

 ċirkolazzjoni ta’ flus kontanti,

 impjiegi.

2.  Waqt li qed tmexxi l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis is-sistema ekonomika partikolari tal-pajjiżi msemmija fl-Anness I.

3.  Meta theddida ta’ dannu serju hija allegata, il-Kummissjoni għandha wkoll teżamina jekk hux prevedibbli li sitwazzjoni partikolari x’aktarx tiżviluppa f’dannu attwali. F’dan ir-rigward għandhom jitqiesu fatturi bħal:

(a) ir-rata ta’ żieda tal-merkanzija esportata lejn il-Komunità;

(b) il-kapaċità ta’ esportazzjoni fil-pajjiż ta’ origini jew esportazzjoni, li hi diġa eżistenti jew li ser tkun operattiva fil-futur qrib u l-probabbiltà li l-esportazzjoni li tirriżulta tkun lejn il-Komunità.



KAPITOLU IV

SORVELJANZA

Artikolu 9

1.  Meta l-interessi tal-Komunità hekk jeħtieġu, il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess:

(a) tiddeċiedi li tintroduċi sorveljanza retrospettiva tal-Komunità dwar ċerti importazzjonijiet, skont il-proċedura stabbilita mill-Kummissjoni;

(b) tiddeċiedi, għall-għanijiet ta’ monitoraġġ tax-xejra ta’ dawn l-importazzjonijiet, biex tagħmel ċerti importazzjonijiet soġġetti għal sorveljanza preċedenti mill-Komunità, skont l-Artikolu 10.

▼M1

1a.  Id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4(2).

▼B

2.  Il-miżuri ta’ sorveljanza għandu jkollhom perjodu limitat ta’ validità. Sakemm mhux stipulat mod ieħor dawn għandhom jieqfu milli jkunu validi fit-tmiem tat-tieni perjodu ta’ sitt xhur wara s-sitt xhur li fihom il-miżuri ġew introdotti.

Artikolu 10

1.  Il-prodotti li kienu taħt is-sorveljanza preċedenti tal-Komunità jistgħu jiddaħħlu f’ċirkolazzjoni ħielsa biss meta jiġi prodott dokument ta’ sorveljanza. Dak id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istati Membri, mingħajr ebda ħlas, għal kull kwantità mitluba u fi żmien mhux aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li l-awtorità kompetenti nazzjonali tirċievi l-applikazzjoni minn kwalunkwe importatur tal-Komunità, irrespettivament mill-post tan-negozju tiegħu fil-Komunità. Dik l-applikazzjoni titqies li tkun wasslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol minn meta tkun preżentata, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju.

2.  Id-dokument ta’ sorveljanza għandu jkun magħmul fuq formola li tikkorrispondi għall-mudell fl-Anness II.

Ħlief fejn id-deċiżjoni li tiġi imposta sorveljanza ma tipprovdix il-kuntrarju, l-applikazzjoni tal-importatur għal dokument ta’ sorveljanza għandha tinkludi li ġej:

(a) l-isem sħiħ u l-indirizz tal-applikant (inkluż in-numri tat-telefon u tal-fax u kull numru ieħor li jidentifika l-applikant mal-awtorità nazzjonali kompetenti), kif ukoll in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT tal-applikant jekk hu obbligat li jħallas il-VAT;

(b) fejn hu xieraq, l-isem sħiħ u l-indirizz ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni jew ta’ xi rappreżentant maħtur mill-applikant (inkluż in-numri tat-telefon u tal-fax);

(c) deskrizzjoni tal-merkanzija li tagħti:

 l-isem tal-kummerċ tagħhom,

 il-kodiċi ta’ nomenklatura maqgħuda tagħhom,

 il-post ta’ oriġini tagħhom u l-post tal-konsenja tagħhom;

(d) il-kwantità ddikjarata, f’kilogrammi u, fejn xieraq, kull unità addizzjonali oħra (pari, oġġetti, eċċ.);

(e) il-valur tal-merkanzija, cif mal-fruntiera tal-Komunità, f’euro;

(f) id-dikjarazzjoni li ġejja, datata u ffirmata mill-applikant, bl-isem tal-applikant imniżżel b’ittri kbar:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-informazzjoni mogħtija f’din l-applikazzjoni hija vera u mogħtija in bona fide, u li jiena stabbilit fil-Komunità.”

3.  Id-dokument ta’ sorveljanza għandu jkun validu għall-Komunità kollha, irrespettivament minn liema Stat Membru jkun ħareġ.

4.  Jekk jinstab li l-prezz tal-unità li bih transazzjoni tkun effettwata jeċċedi dak indikat fid-dokument ta’ sorveljanza b’inqas minn 5 % jew li l-valur totali jew il-kwantità tal-prodotti preżenti għall-importazzjonijiet jeċċedu l-valur jew kwantità mogħtija fid-dokument ta’ sorveljanza b’inqas minn 5 % dan m’għandux jipprekludi ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodott partikolari. Il-Kummissjoni, wara li tkun semgħet l-opinjoni espressa fil-Kumitat u wara li tkun qieset in-natura tal-prodotti u fatturi speċjali oħra tat-transazzjonijiet konċernati, tista’ tiffissa persentaġġ differenti, li, madanakollu, m’għandux normalment jeċċedi l-10 %.

5.  Dokumenti ta’ sorveljanza jistgħu jintużaw biss għaż-żmien tali li fih arranġamenti għal-liberalizzazzjoni ta’ importazzjonijiet jibqgħu fis-seħħ fir-rispett tat-transazzjonijiet konċernati. Id-dokumenti ta’ sorveljanza ma jistgħu fl-ebda okkażjoni jkunu użati lil hinn minn meta jagħlaq iż-żmien tal-perjodu li għandu jitniżżel fl-istess żmien u permezz tal-istess proċedura tal-imposizzjoni ta’ sorveljanza, u li għandhom iqiesu n-natura tal-prodotti u fatturi speċjali oħra tat-transazzjonijiet.

6.  Meta d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9 hekk teħtieġ, l-oriġini ta’ prodotti taħt sorveljanza tal-Komunità għandhom jiġu pprovati b’ċertifikat ta’ oriġini. Dan il-paragrafu m’għandux jippreġudika dispożizzjonijiet oħrajn li jirrigwardaw il-produzzjoni tat-tali ċertifikat.

7.  Meta l-prodott taħt sorveljanza preċedenti tal-Komunità hu suġġett għall-miżuri ta’ salvagwardja reġjonali f’xi Stat Membru, l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjonijiet mogħtija minn dak l-Istat Membru tista’ tissostitiwixxi d-dokument ta’ sorveljanza.

8.  Il-formoli tad-dokument ta’ sorveljanza u l-estratti tiegħu għandhom jimtlew darbtejn, kopja waħda, immarkata “Kopja tad-detentur” u li ġġib in-numru 1, li għandha tinħareġ lill-applikant, u l-oħra, “Kopja għall-awtorità kompetenti” u li ġġib n-numru 2, trid tinżamm mill-awtorità li toħroġ id-dokument. Għall-għanijiet amministrattivi, l-awtorità kompetenti tista’ żżid kopji supplimentari mal-formula 2.

9.  Il-formoli għandhom jkunu stampati fuq karta bajda li m’għandhiex ikollha polpa mekkanika, u li tkun maħsuba għall-kitba u li tkun tiżen bejn 55 u 65 grammi kull metru kwadru. Il-qies tagħhom għandu jkun ta’ 210 × 297 mm. It-tip ta’ spazju bejn il-linji għandu jkun 4,24 mm (wieħed minn sitta ta’ pulzier). Dak li hu mniżżel fil-formoli għandu jiġi segwit b’mod preċiż. Iż-żewġ naħat tal-kopja Nru 1, li hu d-dokument ta’ sorveljanza nnifsu, għandu jkollhom ukoll sfond ta’ disinn arabesk isfar stampat sabiex jiżvela kull falsifikazzjoni b’ mezzi mekkaniċi jew kimiċi.

10.  L-Istati Membri huma responsabbli għall-istampar tal-formoli. Il-formoli jistgħu wkoll jiġu stampati minn stampaturi maħtura mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti. F’dan l-aħħar każ, għandha tidher referenza għall-ħatra mill-Istat Membru fuq kull formola. Kull formola għandu jkollha indikazzjoni tal-isem u l-indirizz tal-istampatur jew marka li tidentifika l-istampatur.

Artikolu 11

Meta l-interessi tal-Komunità hekk jeħtieġu, il-Kummissjoni tista’, fuq it-talba ta’ xi Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, jekk is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) x’aktarx tinħoloq:

 tillimita l-perjodu ta’ validità ta’ kull dokument ta’ sorveljanza meħtieġ;

▼M1

 il-ħruġ ta' dak id-dokument għandu jkun soġġett għal ċerti kondizzjonijiet u, bħala miżura eċċezzjonali, soġġett għall-inklużjoni ta’ klawsola dwar it-tħassir.

Artikolu 12

Fejn l-importazzjoni ta' prodott ma tkunx ġiet soġġetta għal sorveljanza minn qabel tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista' tintroduċi, permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4(2) u f'konformità mal-Artikolu 17, sorveljanza ristretta għall-importazzjonijiet f'reġjun wieħed tal-Unjoni jew iktar.

▼B

Artikolu 13

1.  Prodotti taħt sorveljanza reġjonali jistgħu jitpoġġew f’ċirkolazzjoni ħielsa fir-reġjun ikkonċernat biss ladarba jiġi prodott dokument ta’ sorveljanza. Dak id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat(i) Membru/i konċernat(i), mingħajr ħlas, għal kull kwantità mitluba u fi żmien mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-awtorità kompetenti nazzjonali tirċievi applikazzjoni minn xi impurtatur tal-Komunità, irrispettivament mill-post tan-negozju tiegħu fil-Komunità. Dik l-applikazzjoni għandha titqies li tkun waslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara s-sottomissjoni, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju. Id-dokumenti ta’ sorveljanza jistgħu jintużaw biss sakemm l-arranġamenti għall-importazzjoni jibqgħu liberalizzati fil-każ tat-transazzjonijiet konċernati.

2.  L-Artikolu 10(2) għandu japplika.

Artikolu 14

1.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fi żmien l-ewwel għaxart ijiem ta’ kull xahar fil-każ ta’ sorveljanza tal-Komunità jew reġjonali:

(a) fil-każ ta’ sorveljanza preċedenti, dettalji tas-somom ta’ flus (kalkulati fuq il-bażi ta’ prezzijiet cif) u kwantitajiet ta’ merkanzija li dwarhom nħarġu dokumenti ta’ sorveljanza matul il-perjodu preċedenti;

(b) f’kull każ, dettalji ta’ importazzjonijiet matul il-perjodu qabel il-perjodu msemmi fil-punt (a).

L-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri għandha tiġi analizzata skont il-prodott u l-pajjiż.

Dispożizzjonijiet differenti jistgħu jitniżżlu fl-istess żmien u bl-istess proċedura bħal tal-arranġamenti ta’ sorveljanza.

2.  Meta n-natura tal-prodott jew ċirkostanzi speċjali hekk jirrikjedu, il-Kummisjoni tista’, fuq talba ta’ xi Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha temenda l-iskedi biex tiġi sottomessa din l-informazzjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri.



KAPITOLU V

MIŻURI TA’ SALVAGWARDJA

Artikolu 15

1.  Meta prodott huwa importat fil-Komunità fi kwantitajiet sostanzjalment miżjuda jew skont termini jew kondizzjonijiet tali li jikkawża, jew jhedded li jikkawża, dannu serju lill-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament, il-Kummissjoni, sabiex tħares l-interessi tal-Komunità, tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba ta’ xi Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, tibdel ir-regoli tal-importazzjoni għal dak il-prodott billi tipprovdi li dan ikun jista’ jitqiegħed f’ċirkolazzjoni ħielsa biss fuq preżentazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni, li l-għoti tagħha għandu jkun irregolat b’dawk id-dispożizzjonijiet u soġġett għal limiti tali kif il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi.

▼M1

2.  Il-miżuri adottati għandhom ikunu kkomunikati minnufih lill-Istati Membri, u għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament.

▼B

3.  Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull prodott li jiġi mqiegħed f’ċirkolazzjoni ħielsa wara d-dħul tagħhom fis-seħħ. Skont l-Artikolu 17 huma għandhom jgħoddu għal reġjun wieħed jew aktar tal-Komunità.

Madankollu, miżuri bħal dawn m’għandhomx jipprevjenu r-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa ta’ prodotti li jkunu diġa fi triqithom lejn il-Komunità sakemm id-destinazzjoni ta’ tali prodotti ma tistax tiġi mibdula u li dawk il-prodotti li, taħt l-Artikolu 10 u 13, jistgħu jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa biss fuq preżentazzjoni ta’ dokument ta’ sorveljanza huma fil-fatt akkumpanjati minn dokument bħal dan.

▼M1

4.  Fejn l-intervent mill-Kummissjoni jintalab minn Stat Membru, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4(3), jew, f'każijiet ta' urġenza, skont l-Artikolu 4(4), għandha tieħu deċiżjoni f'perijodu ta' żmien ta' mhux aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data meta tirċievi talba bħal din.

▼B

Artikolu 16

▼M1

1.  Il-Kummissjoni tista', b'mod partikolari fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) tadotta l-miżuri ta’ salvagwardja xierqa filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4(3).

▼B

2.  L-Artikolu 15(3) għandu japplika.

Artikolu 17

Meta partikolarment abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 8, joħroġ li l-kondizzjonijiet stabbiliti għall-adozzjoni ta’ miżuri taħt il-Kapitolu IV u l-Artikolu 15 huma sodisfatti f’xi reġjun wieħed jew aktar tal-Komunità, il-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat soluzzjonijiet alternattivi, tista’ eċċezzjonalment tawtorizza l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza jew ta’ salvagwardja limitati għar-reġjun(i) konċernat(i) jekk hi tikkunsidra li t-tali miżuri applikati f’dak il-livell huma aktar xierqa minn miżuri applikati mal-Komunità kollha.

Dawk il-miżuri għandhom ikunu temporanji u għandhom ixekklu l-operazzjoni tas-suq intern mill-inqas possibbli.

Dawk il-miżuri għandhom ikunu adottati skont il-proċeduri mniżżla fl-Artikolu 9 u 15 rispettivament.

▼M1

Artikolu 18

1.  Filwaqt li tkun fis-seħħ kwalunkwe miżura ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja applikata f'konformità mal-Kapitoli IV u V, il-Kummissjoni tista', jew fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess:

(a) teżamina l-effetti tal-miżura;

(b) taċċerta jekk l-applikazzjoni tal-miżura għadhiex neċessarja.

Fejn il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni ta' miżura tkun għadha meħtieġa hija għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan.

2.  Fejn il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe miżura ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja msemmija fil-Kapitoli IV u V għandha titħassar jew tiġi emendata, hija għandha, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(3), tħassar jew temenda l-miżura.

▼B



KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

1.  Dan ir-Regolament m’għandux jipprekludi t-twettiq ta’ obbligazzjonijiet li joħorġu minn regoli speċjali li jkunu jinsabu fi ftehimiet konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

2.  Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, dan ir-Regolament m’għandux jipprekludi l-adozzjoni jew l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’:

(a) projbizzjonijiet, restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri ta’ sorveljanza fuq bażi ta’ moralità pubblika, ordni pubblika jew sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni, annimali jew pjanti, il-protezzjoni ta’ teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali;

(b) formalitajiet speċjali li jirrigwardaw il-kambju barrani;

(c) formalitajiet introdotti bis-saħħa ta’ ftehim internazzjonali skont it-Trattat.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri jew formalitajiet li ser ikunu introdotti jew emendati skont dan il-paragrafu. Fil-każ ta’ urġenza estrema, il-miżuri jew formalitajiet nazzjonali in kwistjoni għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni immedjatament kif isseħħ l-adozzjoni tagħhom.

▼M1

Artikolu 19a

Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 ( 9 ).

▼B

Artikolu 20

1.  Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-operazzjonijiet tal-istrumenti li jistabilixxu l-organizazzjoni komuni tas-swieq agrikoli jew tal-Komunità jew ta’ dispozizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jkunu ġejjin minnhom jew tal-istrumenti speċifiċi adottati taħt l-Artikolu 308 tat-Trattat applikabbli għal merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli. Dan għandu jitħaddem b’mod kumplementari għal dawk l-istrumenti.

2.  Fil-każ ta’ prodotti koperti mill-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Artikoli 9 sa 14 u l-Artikolu 18 m’għandhomx japplikaw għal dawk li dwarhom ir-regoli tal-Komunità dwar kummerċ ma’ pajjiżi terzi jeħtieġu l-produzzjoni ta’ liċenzja jew dokument ieħor ta’ importazzjoni.

L-Artikoli 15, 17 u 18 m’għandhomx japplikaw għal dawk il-prodotti li dwarhom tali regoli jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ importazzjonijiet kwantitattivi.

Artikolu 21

Ir-Regolament (KE) Nru. 519/94 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 22

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI

L-Armenja

L-Ażerbajġan

Il-Belarus

Il-Każakastan

Il-Korea ta’ Fuq

Ir-Russja

It-Taġikistan

It-Turkmenistan

L-Użbekistan

Il-Vjetnam




ANNESS II

1Kopja tad-detentur1KOMUNITÀ EWROPEADOKUMENT TA' SORVELJANZA1. Destinatarju(isem, indirizz komplut, pajjiż, numru tal-VAT)2. Numru tal-ħruġ3. Post propost u data tal-importazzjoni4. Awtorità responsabbli għall-ħruġ5. Dikkjarant/rappreżentant kif applikabli(isem u indirizz komplut)6. Pajjiż tal-oriġini(u kodiċi tal-ġeonomenklatura)7. Pajjiz tal-kunsinna(u kodiċi tal-ġeonomenklatura)8. L-aħħar ġurnata ta' validità9. Deskrizzjoni tal-merkanzija10. Kodiċi NM u kategorija11. Kwantità f'kilogrammi (mhux massa) jew f'unitajiet addizzjonali12. Valuri f'euro, cif fil-fruntiera tal-Komunità13. Kummenti addizzjonali14. Iffirmar tal-awtorità kompetentiData: …Firma: …Timbru

15. ATTRIBUZJONIJIETIndika l-kwantità li hemm fil-parti 1 tal-kolonna 17 u l-kwantità attribwita fil-parti 2 tagħha.16. Kwantità nett (massa nett jew unità ta' qies b'indikazzjoni tal-unità)19. Dokument doganali (formola u numru) jew numru tal-estratt u data tal-attribuzzjoni20. Isem, Star membru, timbru u firma tal-attribuzzjoni17. F'figuri18. Fi kliem għall-kwantità attribwita1.2.1.2.1.2.1.2.1.2.1.2.1.2.Paġni tal-estensjoni li jridu jiġu mehmużin hawnhekk.

2Kopja għall-awtorità kompetenti2KOMUNITÀ EWROPEADOKUMENT TA' SORVELJANZA1. Destinatarju(isem, indirizz komplut, pajjiż, numru tal-VAT)2. Numru tal-ħruġ3. Post propost u data tal-importazzjoni4. Awtorità responsabbli għall-ħruġ5. Dikjarant/rappreżentant kif applikabbli(isem u indirizz komplut)6. Pajjiż tal-oriġini(u kodiċi tal-ġeonomenklatura)7. Pajjiz tal-konsinna(u kodiċi tal-ġeonomenklatura)8. L-aħħar ġurnata ta' validità9. Deskizzjoni tal-merkanzija10. Kodiċi NM u kategorija11. Kwantità f'kilogrammi (mhux massa) jew f'unitajiet addizzjonali12. Valuri f'euro, cif fil-fruntiera tal-Kommunità13. Kummenti addizzjonali14. Iffirmar tal-awtorità kompetentiData: …Firma: …Timbru

15. ATTRIBUZJONIJIETIndika l-kwantità li hemm fil-parti 1 tal-kolonna 17 u l-kwantità attribwita fil-parti 2 tagħha.16. Kwantità nett (massa nett jew unità ta' qies b'indikazzjoni tal-unità)19. Dokument doganali (formola u numru) jew numru tal-estratt u data tal-attribuzzjoni20. Isem, Star membru, timbru u firma tal-attribuzzjoni17. F'figuri18. Fi kliem għall-kwantità attribwita1.2.1.2.1.2.1.2.1.2.1.2.1.2.Paġni tal-estensjoni li jridu jiġu mehmużin hawnhekk.




ANNESS III



REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA’ LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 519/94

(ĠU L 67, 10.3.1994, p. 89)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1921/94

(ĠU L 198, 30.7.1994, p. 1)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 538/95

(ĠU L 55, 11.3.1995, p. 1)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 839/95

(ĠU L 85, 19.4.1995, p. 9)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/96

(ĠU L 21, 27.1.1996, p. 7)

L-Artikolu 2 biss

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/96

(ĠU L 25, 1.2.1996, p. 2)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 752/96

(ĠU L 103, 26.4.1996, p. 1)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1897/96

(ĠU L 250, 2.10.1996, p. 1)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/97

(ĠU L 122, 14.5.1997, p. 1)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1138/98

(ĠU L 159, 3.6.1998, p. 1)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 427/2003

(ĠU L 65, 8.3.2003, p. 1)

L-Artikolu 22(1) u (2) biss

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 110/2009

(ĠU L 37, 6.2.2009, p. 4)

 




ANNESS IV



TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 519/94

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1) u (2)

Artikolu 1(1) u (2)

Artikolu 1(4)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3, l-ewwel sentenza

Artikolu 3(1)

Artikolu 3, it-tieni sentenza

Artikolu 3(2)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5(1), formulazzjoni introduttorja

Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu, sentenza introduttorja, formulazzjoni introduttorja

Artikolu 5(1), punt (a)

Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu, sentenza introduttorja, formulazzjoni finali u punti (a), (b) u (c)

Artikolu 5(1), punt (b)

Artikolu 5(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 5(2) sa (6)

Artikolu 5(2) sa (6)

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2), punt (a)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2), punt (b), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 7(2), punt (b), it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(4)

Artikolu 7(4)

Artikolu 7(5)

Artikoli 8 sa 14

Artikoli 8 sa 14

Artikolu 15(1) u (2)

Artikolu 15(1) u (2)

Artikolu 15(3), punt (a)

Artikolu 15(3) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 15(3), punt (b)

Artikolu 15(3) it-tieni subparagrafu

Artikolu 15(4), (5) u (6)

Artikolu 15(4), (5) u (6)

Artikoli 16, 17 u 18

Artikoli 16, 17 u 18

Artikolu 19(1)

Artikolu 19(1)

Artikolu 19(2), punt (a), formulazzjoni introduttorja

Artikolu 19(2), l-ewwel subparagrafu, formulazzjoni introduttorja

Artikolu 19(2), punt (a)(i), (ii) u (iii)

Artikolu 19(2) l-ewwel subparagrafu, punti (a), (b) u (c)

Artikolu 19(2), punt (b)

Artikolu 19(2) it-tieni subparagrafu

Artikolu 20

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 21

Artikolu 24

Artikolu 22

Anness I

Anness I

Anness IV

Anness II

Anness III

Anness IV



( 1 ) ĠU L 67, 10.3.1994, p. 89.

( 2 ) Ara l-Anness III.

( 3 ) ĠU L 87, 31.3.1994, p. 47.

( 4 ) ĠU L 335, 23.12.1994, p. 23.

( 5 ) ĠU L 335, 23.12.1994, p. 33.

( 6 ) ĠU L 67, 10.3.1994, p. 1.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).

( 8 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

Top