Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009L0126-20141112

    Consolidated text: Direttiva 2009/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 dwar il-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt ir-riforniment bil-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/126/2014-11-12

    2009L0126 — MT — 12.11.2014 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DIRETTIVA 2009/126/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-21 ta’ Ottubru 2009

    dwar il-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt ir-riforniment bil-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz

    (ĠU L 285, 31.10.2009, p.36)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/99/UE tal-21 ta' Ottubru 2014

      L 304

    89

    23.10.2014




    ▼B

    DIRETTIVA 2009/126/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-21 ta’ Ottubru 2009

    dwar il-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt ir-riforniment bil-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz



    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

    Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali ( 3 ) stabbilixxiet il-ħtieġa li jitnaqqas it-tniġġis tal-arja għal livelli li jimminimizzaw l-effetti dannużi fuq is-saħħa umana u fuq l-ambjent.

    (2)

    Il-Protokoll ta’ Ġinevra dwar il-Kontroll ta’ Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili jew il-Flussi Transkonfinali tagħhom jistabbilixxi l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-komposti organiċi volatili (VOCs) u l-Protokoll ta’ Gothenburg biex titnaqqas l-Aċidifikazzjoni, l-Etrofikazzjoni u l-Ożonu fil-Livell tal-Art ( 4 ) jistabbilixxi l-ogħla livelli ta’ emissjonijiet għal erba’ sustanzi inkwinanti id-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu, il-VOCs u l-ammonja, u jitlob li jintużaw l-aqwa tekniki disponibbli jintużaw biex jitrażżnu l-emissjonijiet.

    (3)

    Id-Direttiva Nru 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja u arja iktar nadifa għall-Ewropa ( 5 ) tistabbilixxi għanijiet għall-kwalità tal-arja għall-ożonu fil-livell tal-art u l-benżin u d-Direttiva Nru 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi ( 6 ) tistabbilixxi limiti massimi nazzjonali ta’ emissjonijiet għall-VOCs li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-ożonu fil-livell tal-art. L-emissjonijiet ta’ VOCs, inkluż il-fwar tal-petrol, f’wieħed mill-istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għal problemi fil-kwalità tal-arja fi Stati Membri oħra.

    (4)

    L-ożonu wkoll huwa gass b’effett serra u jikkontribwixxi għat-tisħin atmosferiku u għall-bidla fil-klima.

    (5)

    Id-Direttiva Nru 94/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar il-kontroll ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili (VOC) li jirriżultaw mill-ħażna tal-petrol u d-distribuzzjoni tiegħu minn terminals għall-istazzjonijiet ta’ servizz ( 7 ) (Fażi I tal-irkupru tal-fwar tal-petrol) għandha l-għan li tirkupra l-fwar tal-petrol li joħroġ mill-ħżin u d-distribuzzjoni tal-petrol bejn it-terminals taż-żejt u l-istazzjonijiet ta’ servizz.

    (6)

    Il-fwar tal-petrol joħroġ ukoll waqt ir-riforniment bil-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz u għandu jiġi rkuprat b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 94/63/KE.

    (7)

    Diversi strumenti Komunitarji ġew żviluppati u implimentati biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-VOCs. Madankollu, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet għas-saħħa u l-ambjent stabbiliti fis-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali u d-Direttiva 2001/81/KE.

    (8)

    Bil-ħsieb li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti tat-trasport stradali, id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil ( 8 ) ser tippermetti, mill-1 ta’ Jannar 2011, it-tqegħid fis-suq ta’ petrol li fih proporzjon akbar ta’ komponenti tal-biokarburant minn dak li kien il-każ fil-passat. Dan jista’ jwassal għal żieda fl-emissjonijiet tal-VOCs, minħabba l-possibilità tal-Istati Membri li jimplimentaw derogi limitati mir-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva rigward il-pressjoni tal-fwar.

    (9)

    L-istazzjonijiet ta’ servizz eżistenti jista’ jkollhom bżonn jadattaw l-infrastruttura eżistenti u jkun aħjar li jiġi installat tagħmir għall-irkupru tal-fwar meta s-sistema tal-forniment tal-karburant tiġi rranġata mill-ġdid (jiġifieri alterazzjoni jew tiġdid sinifikanti tal-infrastruttura tal-istazzjon, b’mod partikolari tat-tankijiet u tal-pajpijiet), peress li dan inaqqas b’mod sinifikanti l-ispiża tal-adattamenti meħtieġa. Madankollu, l-istazzjonijiet eżistenti li huma ikbar jistgħu jadattaw aħjar u għandhom jinstallaw l-irkupru tal-fwar tal-petrol iktar kmieni, peress li dawn jikkontribwixxu iktar għall-emissjonijiet. Stazzjonijiet ġodda ta’ servizz jistgħu jintegraw tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol matul id-disinn u l-bini tal-istazzjon ta’ servizz u għalhekk ikunu jistgħu jinstallaw tagħmir bħal dan mill-ewwel.

    (10)

    It-tankijiet tal-karburant ta’ vetturi bil-mutur ġodda ma fihomx fwar tal-petrol. Għaldaqstant hija meħtieġa deroga għall-ewwel forniment ta’ karburant ta’ dawn il-vetturi.

    (11)

    Għalkemm diversi Stati Membri għandhom rekwiżiti nazzjonali rigward is-sistemi tal-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II, m’hemm l-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell uniformi minimu ta’ rkupru tal-fwar tal-petrol sabiex ikun hemm livell għoli ta’ benefiċċju ambjentali u sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ tat-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol.

    (12)

    Kontrolli perjodiċi tat-tagħmir kollu installat għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II għandhom isiru sabiex jiġi żgurat li t-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol jipproduċi tnaqqis reali fl-emissjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-kontrolli għandhom jitwettqu minn wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin: servizzi uffiċċjali ta’ spezzjoni, l-operatur innifsu jew parti terza. Fil-każ ta’ spezzjonijiet uffiċċjali, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 li tipprevedi kriterji minimi għal spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri ( 9 ).

    (13)

    It-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II għandu jiġi ttestjat regolarment. Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) għandu jiġi mħeġġeġ jiżviluppa metodoloġija ta’ ttestjar armonizzata.

    (14)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi billi n-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

    (15)

    F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet ( 10 ), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

    (16)

    Peress li hija adottata skont l-Artikolu 175 tat-Trattat, din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti li huma kompatibbli mat-Trattat. Skont l-Artikolu 176 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżuri bħal dawn.

    (17)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni ( 11 ).

    (18)

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni rigward il-metodi u l-istandards armonizzati. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (19)

    Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, speċifikament it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-fwar tal-petrol fl-atmosfera ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba fin-natura transkonfinali tat-tniġġis tal-arja jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri bl-għan li jnaqqsu l-ammont ta’ fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera waqt ir-riforniment tal-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    1. “petrol” tfisser petrol kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 94/63/KE;

    2. “fwar tal-petrol” tfisser kwalunkwe kompost gassuż li jevaporaw mill-petrol;

    3. “stazzjon ta’ servizz” tfisser stazzjon ta’ servizz kif definit fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 94/63/KE;

    4. “stazzjon ta’ servizz eżistenti” tfisser stazzjon ta’ servizz mibni jew li għalih ingħata jew permess individwali għall-ippjanar, jew liċenzja għall-kostruzzjoni jew liċenzja għall-operat qabel l-1 ta’ Jannar 2012;

    5. “stazzjon ta’ servizz ġdid” tfisser stazzjon ta’ servizz mibni jew li għalih ingħata jew permess individwali għall-ippjanar, jew liċenzja għall-kostruzzjoni jew liċenzja għall-operat fl-1 ta’ Jannar 2012 jew wara;

    6. “Sistema għall-irkupru tal-fwar tat-tip Fażi II” tfisser tagħmir immirat għall-irkupru tal-fwar tal-petrol li jintilef mit-tank tal-karburant ta’ vettura waqt ir-riforniment tal-karburant fi stazzjon ta’ servizz u li jittrasferixxi dak il-fwar tal-petrol f’tank għall-ħżin fi stazzjon ta’ servizz jew lura fid-distributur tal-petrol biex jerġa’ jinbiegħ;

    7. “l-effiċjenza fil-qbid tal-fwar tal-petrol” tfisser l-ammont ta’ fwar tal-petrol maqbud mis-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II paragunat mal-ammont ta’ fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera fin-nuqqas ta’ sistema bħal din u espress f’perċentwal;

    8. “il-proporzjon fwar/petrol” tfisser il-proporzjon bejn il-volum fi pressjoni atmosferika tal-fwar tal-petrol li jgħaddi mis-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II u l-volum ta’ petrol li jkun ħareġ;

    9. “il-fluss” tfisser it-total tal-kwantità annwali ta’ petrol li jinħatt mill-kontejners mobbli għal ġo stazzjon ta’ servizz.

    Artikolu 3

    Stazzjonijiet ta’ servizz

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz ġdid għandu jkun mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II jekk:

    (a) il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 500 m3 fis-sena; jew

    (b) il-fluss reali jew maħsub tiegħu ikun akbar minn 100 m3 fis-sena u jkun jinsab f’bini użat b’mod permanenti bħala post ta’ residenza jew ta’ xogħol.

    2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz eżistenti li jkun ser isir xogħol estensiv ta’ rinnovament fuqu għandu jiġi mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II waqt il-proċess ta’ rinnovament jekk:

    (a) il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 500 m3 fis-sena; jew

    (b) il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 100 m3 fis-sena u jkun jinsab f’bini użat b’mod permanenti bħala post ta’ residenza jew ta’ xogħol.

    3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz eżistenti li għandu fluss li jaqbeż it-3 000 m3 fis-sena għandu jiġi mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018.

    4.  Il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw għall-istazzjonijiet ta’ servizz użati esklussivament b’rabta mal-bini u l-kunsinna ta’ vetturi ġodda bil-mutur.

    Artikolu 4

    Livell minimu għall-irkupru tal-fwar tal-petrol

    ▼M1

    1.  B'effett mid-data meta s-sistemi tal-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol isiru obbligatorji skont l-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol ta' dawn is-sistemi tkun 85 % jew aktar bħalma jiċċertifika l-manifattur skont l-Istandard EN 16321-1:2013.

    ▼B

    2.  B’effett mid-data li fiha s-sistemi għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II isiru obbligatorji skont l-Artikolu 3, fejn il-fwar irkuprat tal-petrol jiġi trasferit għal tank tal-ħżin fi stazzjon ta’ servizz, il-proporzjon tal-fwar/petrol għandu jkun daqs jew akbar minn 0,95 iżda inqas jew daqs 1,05.

    Artikolu 5

    Kontrolli perjodiċi u informazzjoni lill-konsumatur

    ▼M1

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol waqt it-tħaddim tas-sistemi tal-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol tiġi ttestjata mill-inqas darba kull sena skont l-Istandard EN 16321-2:2013.

    ▼B

    2.  Fejn ikun hemm sistema awtomatika ta’ monitoraġġ installata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol tiġi ttestjata mill-inqas darba kull tliet snin. Kull sistema awtomatika ta’ monitoraġġ bħal din għandha tirreġistra awtomatikament difetti fil-funzjonament xieraq tas-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II u fis-sistema awtomatika tal-monitoraġġ innifisha, tindika n-nuqqasijiet lill-operatur tal-istazzjon ta’ servizz u twaqqaf awtomatikament il-fluss tal-petrol mill-pompa difettuża jekk id-difett ma jiġix irranġat fi żmien sebat ijiem.

    3.  Meta stazzjon ta’ servizz ikun installa sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan juri tabella, stiker jew avviż ieħor qrib il-pompa tal-petrol jew fuqu, li jinforma lill-konsumaturi dwar dan il-fatt.

    Artikolu 6

    Pieni

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk id-dispożizzjonijiet sal-1 ta’ Jannar 2012 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

    Artikolu 7

    Reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2014, twettaq reviżjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari:

    (a) il-limitu ta’ 100 m3 fis-sena msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) u (2)(b) ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 94/63/KE;

    (b) ir-rekord ta’ konformità waqt it-tħaddim tas-sistemi għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II; u

    (c) il-ħtieġa ta’ tagħmir awtomatiku ta’ monitoraġġ.

    Għandha tirrapporta r-riżultati ta’ dik ir-reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tinkludi magħhom, jekk ikun xieraq, proposta leġiżlattiva.

    Artikolu 8

    Adattamenti tekniċi

    Jistgħu jiġu adottati metodi u standards armonizzati għall-finijiet tal-Artikoli 4 u 5. Fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ kwalunkwe standard rilevanti mfassal mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), dawk l-Artikoli, bl-eċċezzjoni tal-effikaċja tal-qbid tal-fwar tal-petrol u l-proporzjon fwar/petrol imsemmija fl-Artikolu 4 u l-perijodi ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 5, jistgħu jiġu adattati għall-progress tekniku.

    Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2).

    Artikolu 9

    Proċedura ta’ kumitat

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

    2.  Fejn isir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 10

    Traspożizzjoni

    1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2012. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikollhom magħhom referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 12

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



    ( 1 ) Opinjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    ( 2 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2009.

    ( 3 ) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

    ( 4 ) ĠU L 179, 17.7.2003, p. 3.

    ( 5 ) ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

    ( 6 ) ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22.

    ( 7 ) ĠU L 365, 31.12.1994, p. 24.

    ( 8 ) ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

    ( 9 ) ĠU L 118, 27.4.2001, p. 41.

    ( 10 ) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

    ( 11 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    Top