This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02009D0937-20130101
Council Decision of 1 December 2009 adopting the Council's Rules of Procedure (2009/937/EU)
Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu 2009/937/UE
Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu 2009/937/UE
2009D0937 — MT — 01.01.2013 — 004.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p.35) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
L 263 |
12 |
6.10.2010 |
||
L 338 |
47 |
22.12.2010 |
||
L 346 |
17 |
30.12.2011 |
||
L 16 |
16 |
19.1.2013 |
Ikkoreġut b'
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-1 ta’ Diċembru 2009
li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu
2009/937/UE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
It-Trattat ta’ Lisbona jġib ħafna emendamenti fl-operat tal-Kunsill u tal-Presidenza tiegħu, tibdil fl-istruttura tal-Kunsill, kif ukoll fit-tipoloġija tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni u fit-tmexxija tal-proċedura tal-adozzjoni tal-atti, b’distinzjoni partikolari bejn l-atti leġislattivi u dawk mhux leġislattivi. |
(2) |
Għalhekk, ir-Regoli ta’ Proċedura adottati fil-15 ta’ Settembru 2006 ( 1 ) għandhom jiġu sostitwiti minn Regoli ta’ Proċedura bl-emendamenti meħtieġa bħala l-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2006 għandhom jiġu sostitwiti mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness.
B’deroga mill-Artikolu 2(2) tal-Anness III tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, iċ-ċifri ta’ popolazzjonijiet inseriti minn din id-Deċiżjoni fl-Artikolu 1 tal-imsemmi Anness għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010.
Artikolu 2
Konformement mal-Protokoll dwar l-irwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 3(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill hekk kif adottati minn din id-Deċiżjoni għandu japplika għall-abbozzi ta’ atti leġislattivi adottati u trasmessi lilhom mill-jum li fih jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ANNESS
REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUNSILL
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali avviż u post tal-laqgħat
1. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ meta jiġi msejjaħ mill-President tiegħu fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni ( 2 ).
2. Seba’ xhur qabel il-bidu tas-semestru kkonċernat, għal kull konfigurazzjoni tal-Kunsill u wara l-konsultazzjonijiet adegwati, il-Presidenza għandha tgħarraf bid-dati li hija tipprevedi għal laqgħat li l-Kunsill se jkollu jagħmel sabiex iwettaq il-ħidma leġislattiva tiegħu jew jieħu deċiżjonijiet operattivi. Dawn id-dati għandhom jidhru f’dokument uniku li japplika għall-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill.
3. Il-Kunsill għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell. Matul ix-xhur ta’ April, Ġunju u Ottubru, il-Kunsill għandu jkollu l-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu ( 3 ).
F’ċirkostanzi eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament ġustifikati, il-Kunsill jew il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper), filwaqt li jaġixxi unanimament, jista’ jiddeċiedi li laqgħa tal-Kunsill tinżamm x’imkien ieħor.
4. ( 4 ) Il-Presidenza tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-konfigurazzjoni tal-Affarijiet Barranin, għandha tiġi eżerċitata minn gruppi prestabbiliti ta’ tliet Stati Membri għal perijodu ta’ 18-il xahar. Dawn il-gruppi għandhom ikunu ffurmati fuq bażi ta’ rotazzjoni ndaqs bejn l-Istati Membri, li tieħu kont tad-diversità tagħhom u tal-bilanċ ġeografiku fi ħdan l-Unjoni.
Kull membru tal-grupp għandu jippresjedi f’rotazzjoni, għal perijodu ta’ sitt xhur, il-presidenza tal-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill, minbarra l-konfigurazzjoni tal-Affarijiet Barranin. Il-membri l-oħra tal-grupp għandhom jassistu lill-Presidenza fir-responsabbiltajiet tagħha kollha, abbażi ta’ programm komuni. Il-Membri tal-grupp jistgħu jiddeċiedu dwar arranġamenti alternattivi bejniethom.
5. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill jew il-Coreper skont ir-regoli ta’ proċedura attwali għandhom jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi, ħlief jekk il-Coreper jipprevedi arranġament ieħor għall-vot.
Fir-Regoli ta’ Proċedura attwali, ħlief għal dispożizzjoni speċifika, ir-referenzi għall-presidenza jew għall-president għandhom japplikaw għal kull persuna li tippresjedi l-presidenza ta’ waħda mill-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, jew fejn meħtieġ, ta’ waħda mill-korpi preparatorji tiegħu.
Artikolu 2
Konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, rwol tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġeneral u rwol tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill tar-Relazzjonijiet Esterni u programmazzjoni
1. Il-Kunsill jista’ jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet differenti, skont is-suġġetti ttrattati. Il-lista tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, apparti dawk tal-Affarijiet Ġenerali u l-Affarijiet Barranin għandha tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata ( 5 ). Il-lista tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill tinsab fl-Anness I.
2. Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali għandu jiżgura l-konsistenza fil-ħidma tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill. Huwa għandu jħejji l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u jiżgura s-segwitu tagħhom mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni ( 6 ). Huwa għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali tal-linji ta’ politika, il-kwistjonijiet istituzzjonali u amministrattivi, id-dokumenti orizzontali li jaffetwaw ħafna mil-linji ta’ politika tal-Unjoni, bħall-qafas finanzjarju pluriennali u t-tkabbir, kif ukoll kwalunkwe dokument mibgħut lilu mill-Kunsill Ewropew, rigward regoli operattivi għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
3. L-arranġamenti ta’ tħejjija għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew huma previsti mill-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Ewropew, kif ġej:
a) Għall-finijiet tat-tħejjija prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Ewropew, mill-anqas erba’ ġimgħat qabel kull laqgħa ordinarja tal-Kunsill Ewropew prevista fl-Artikolu 1(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Ewropew, il-President tiegħu, f’koperazzjoni mill-qrib mal-membru tal-Kunsill Ewropew li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza ta’ sitt xhur tal-Kunsill u mal-President tal-Kummissjoni, għandu jippreżenta lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali abbozz ta’ aġenda annotata.
Il-kontributi minn konfigurazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill għall-ħidma tal-Kunsill Ewropew għandhom jintbagħtu lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, f’koperazzjoni mill-qrib kif previst fl-ewwel subparagrafu, għandu jħejji abbozz ta’ linji gwida għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u, skont il-każ, l-abbozzi ta’ konklużjonijiet u l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew, li għandhom ikunu diskussi fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali.
L-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali għandha ssir fil-ħamest ijiem li jippreċedu l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew. Fid-dawl ta’ dan l-aħħar dibattitu, il-President tal-Kunsill Ewropew għandu jistabbilixxi l-aġenda provviżorja.
b) Ħlief għal raġunijiet urġenti u imprevedibbli relatati, pereżempju, ma’ ġrajjiet kurrenti internazzjonali, l-ebda konfigurazzjoni oħra jew korp preparatorju ieħor tal-Kunsill ma jistgħu jiddiskutu suġġett ippreżentat lill-Kunsill Ewropew bejn il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, li fi tmiemha tkun stabbilita l-aġenda provviżorja tal-Kunsill Ewropew u l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
c) Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta l-aġenda tiegħu fil-bidu tal-laqgħa tiegħu.
Bħala regola ġenerali, il-punti fuq l-aġenda għandhom jiġu eżaminati qabel, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu.
4. Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jiżgura l-koerenza u l-kontinwità tal-ħidma tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill fil-qafas ta’ programmazzjoni pluriennali konformement mal-paragrafu 6 ( 7 ).
5. Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin għandu jfassal l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea skont il-linji gwida strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u jiżgura li l-azzjoni esterna tal-Unjoni tkun konsistenti ( 8 ). Huwa għandu jkun responsabbli għat-twettiq tal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-politika ta’ sigurtà u difiża komuni, il-politika kummerċjali komuni, kif ukoll il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.
Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin għandu jkun ippresjedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, li jista’, fejn meħtieġ, jiġi sostitwit mill-membru ta’ din il-konfigurazzjoni li tirrappreżenta l-Istat Membru li jeżerċita l-presidenza ta’ sitt xhur tal-Kunsill. ( 9 )
6. Għal kull perijodu ta’ 18-il xahar, il-grupp stabbilit minn qabel ta’ tliet Stati Membri li jiżguraw il-presidenza tal-Kunsill waqt dan il-perijodu konformement mal-Artikolu 1(4), ifasslu abbozz ta’ programm ta’ attivitajiet tal-Kunsill għal dak il-perijodu. Dan l-abbozz għandu jiġi mfassal mal-president tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ din il-konfigurazzjoni waqt dan il-perijodu. Dan l-abbozz ta’ programm għandu jkun imfassal f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill Ewropew u wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet adegwati. Huwa għandu jkun ippreżentat f’dokument uniku mhux aktar tard minn xahar qabel il-perijodu kkonċernat, bil-ħsieb li jkun approvat mill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali. ( 10 )
7. Il-Presidenza li tkun qed tippresjedi waqt il-perijodu kkonċernat għandha tistabbilixxi, għal kull konfigurazzjoni tal-Kunsill u wara li tkun wettqet il-konsultazzjonijiet xierqa, aġendi provviżorji indikattivi għal-laqgħat tal-Kunsill skedati għall-perijodu ta’ sitt xhur li jmiss, li juru l-ħidma leġislattiva u d-diskussjonijiet operattivi previsti. Dawn l-aġendi provviżorji indikattivi għandhom ikunu stabbiliti tal-inqas ġimgħa qabel il-bidu tas-semestru kkonċernat, abbażi tal-programm ta’ 18-il xahar tal-Kunsill u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn għandhom jidhru f’dokument uniku li japplika għall-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill. Fejn meħtieġ, jistgħu jkunu previsti laqgħat oħrajn tal-Kunsill, addizzjonalment għal dawk li kienu diġà ppjanati.
Jekk waqt perijodu ta’ sitt xhur, kwalunkwe mil-laqgħat ippjanati waqt dak il-perijodu ma tkunx aktar ġustifikata, il-Presidenza m’għandhiex tlaqqagħha.
Artikolu 3 ( 11 )
Aġenda
1. Billi jieħu kont tal-programm ta’ 18-il xahar tal-Kunsill, il-President għandu jfassal l-aġenda provviżorja għal kull laqgħa. L-aġenda għandha tintbagħat lill-membri l-oħrajn tal-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-inqas erbatax-il ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa. Din għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.
2. L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li dwarhom saret talba għal inklużjoni fl-aġenda, flimkien ma’ kwalunkwe dokumenti marbutin magħhom, u tkun ġiet irċevuta mis-Segretarjat Ġenerali minn membru tal-Kunsill jew mill-Kummissjoni tal-anqas sittax-il ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda provviżorja għandha tindika wkoll permezz ta’ asterisk il-punti li dwarhom il-Presidenza, membru tal-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu vot. Tali indikazzjoni għandha ssir ladarba jkun hemm konformità mal-ħtiġiet proċedurali kollha previsti mit-Trattati.
3. Fil-każ li jkun japplika l-perijodu ta’ tmien ġimgħat previst bil-protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-punti relatati mal-adozzjoni ta’ att leġislattiv jew pożizzjoni fl-ewwel qari fil-qafas ta’ proċedura leġislattiva komuni għandhom jitpoġġew fuq l-aġenda provviżorja għal deċiżjoni sakemm dan il-perijodu ta’ tmien ġimgħat ikun għadda.
Il-Kunsill jista’ jidderoga mill-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-ewwel subparagrafu fejn l-inklużjoni ta’ punt hija suġġetta għall-eċċezzjoni għal raġunijiet ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni konformement mal-arranġament għall-vot għall-adozzjoni tal-att jew tal-pożizzjoni kkonċernata.
Ħlief f’każijiet urġenti li għalihom ikunu ngħataw raġunijiet adatti, għandu jgħaddi perijodu ta’ għaxar t’ijiem bejn meta jitpoġġa abbozz ta’ att leġislattiv fuq l-aġenda provviżorja tal-Kunsill u l-adozzjoni ta’ pożizzjoni. ( 12 )
4. Jistgħu jitpoġġew fuq dik l-aġenda biss il-punti li dwarhom intbagħtu d-dokumenti lill-membri tal-Kunsill u lill-Kummissjoni l-aktar tard sad-data li fiha l-aġenda provviżorja ntbagħtet.
5. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jittrasmetti lill-membri tal-Kunsill u lill-Kummissjoni rikjesti għall-inklużjoni ta’ punti fl-aġenda u dokumenti li dwarhom il-limiti ta’ ħin speċifikati hawn fuq ma kinux irrispettati.
Jekk, sa tmiem il-ġimgħa li tippreċedi l-ġimgħa qabel il-laqgħa tal-Kunsill, il-Coreper ma jkunx temm l-eżami tiegħu tal-abbozzi tal-atti leġislattivi, il-Presidenza għandha, sakemm konsiderazzjonijiet ta’ urġenza ma jitolbux mod ieħor u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, tneħħihom mill-aġenda provviżorja.
6. L-aġenda provviżorja għandha tinqasam f’żewġ partijiet, iddedikati rispettivament għad-deliberazzjonijiet dwar l-atti leġislattivi u l-attivitajiet mhux leġislattivi. L-ewwel parti għandha tkun intitolata “Deliberazzjonijiet leġislattivi” u t-tieni “Attivitajiet mhux leġislattivi.”
Il-punti inklużi fuq kull waħda minn dawn iż-żewġ partijiet tal-aġenda provviżorja għandhom ikunu maqsuma f’punti A u punti B. Punti li fuqhom approvazzjoni mill-Kunsill tkun possibbli mingħajr diskussjoni għandhom ikunu inklużi f’Parti A, iżda din ma teskludix il-possibbiltà ta’ xi membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni milli jesprimi opinjoni fiż-żmien tal-approvazzjoni ta’ dawn il-punti u milli jkollu d-dikjarazzjonijiet inklużi fil-minuti.
7. L-aġenda għandha tkun adotta mill-Kunsill fil-bidu ta’ kull laqgħa. L-inklużjoni fl-aġenda ta’ punt barra minn dawk li jidhru fuq l-aġenda provviżorja għandha teħtieġ unanimità fil-Kunsill. Punti mdaħħlin b’dan il-mod jistgħu jitpoġġew għall-vot jekk ikun hemm konformità mal-ħtiġiet proċedurali kollha previsti fit-Trattati.
8. Madankollu, punt “A” għandu jitneħħa mill-aġenda, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, jekk pożizzjoni dwar punt “A” tista’ twassal għal diskussjoni ulterjuri tiegħu jew jekk membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jitlob dan.
9. Kwalunkwe talba għall-inklużjoni ta’ punt ta’ “affarijiet oħrajn” għandha tkun akkumpanjata minn dokument ta’ spjega.
Artikolu 4
Rappreżentanza ta’ membru tal-Kunsill
Suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 dwar id-delega ta’ drittijiet tal-vot, membru tal-Kunsill li huwa miżmum milli jattendi laqgħa jista’ jirranġa sabiex ikun rappreżentat.
Artikolu 5
Laqgħat
1. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ fil-pubbliku meta jiddelibera u jivvota fuq abbozz ta’ att leġislattiv. ( 13 ) Fil-każijiet l-oħrajn, il-laqgħat tal-Kunsill m’għandhomx ikunu pubbliċi ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kunsill. L-istess jgħodd għall-Bank Ċentrali Ewropew f’każijiet fejn huwa jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ inizjattiva. Il-Kunsill jista’, madankollu, jiddeċiedi li jiddelibera mingħajr il-preżenza tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew.
3. Il-membri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali li jassistuhom. L-ismijiet u l-funzjonijiet ta’ dawk l-uffiċjali għandhom ikunu notifikati bil-quddiem lis-Segretarjat Ġenerali. In-numru massimu ta’ persuni għal kull delegazzjoni fil-kamra tal-laqgħat tal-Kunsill fl-istess ħin, inklużi membri tal-Kunsill, jista’ jkun stabbilit mill-Kunsill.
4. Dħul għal laqgħat tal-Kunsill għandu jkun suġġett għall-produzzjoni ta’ permess mogħti mis-Segretarjat Ġenerali.
Artikolu 6
Segretezza professjonali u produzzjon ta’ dokumenti fi proċedimenti legali
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7, 8 u 9 u għad-dispożizzjonijiet dwar aċċess pubbliku għal dokumenti, id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill għandhom ikunu koperti mill-obbligu tas-segretezza professjonali, jekk il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor.
2. Il-Kunsill jew il-Coreper jista’ jawtorizza l-produzzjoni għal użu ta’ proċedimenti legali ta’ kopja ta’ jew estratt minn dokumenti tal-Kunsill li kienu għadhom ma nħarġux għall-pubbliku skont id-dispożizzjonijiet dwar aċċess pubbliku ta’ dokumenti.
Artikolu 7
Proċedura leġislattiva u pubbliċità
1. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ fil-pubbliku meta jiddelibera u jivvota fuq abbozz ta’ att leġislattiv. Għal dan il-għan, l-aġenda tiegħu għandha parti “Deliberazzjonijiet leġislattivi”.
2. Id-dokumenti ppreżentati lill-Kunsill li huma nnumerati f’punt tal-aġenda tiegħu fil-parti “Deliberazzjonijiet leġislattivi” tal-aġenda tiegħu huma magħmulin pubbliċi, l-istess bħall-partijiet tal-minuti tal-Kunsill li jikkonċernaw din il-parti tal-aġenda.
3. Il-ftuħ għall-pubbliku tal-laqgħat tal-Kunsill dwar il-parti “Deliberazzjonijiet leġislattivi” tal-aġenda tiegħu għandu jsir permezz ta’ trasmissjoni pubblika b’mezzi awdjoviżivi, b’ mod partikolari f’kamra overflow u permezz ta’ xandir fil-lingwi uffiċjali kollha ta’l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ video-streaming. Verżjoni rrekordjata għandha tibqa’ disponibbli tal-inqas għal xahar fuq is-sit tal-Internet tal-Kunsill. Ir-riżultat tal-votazzjoni għandu jkun indikat b’mezzi viżivi.
Is-Segretarjat Ġenerali għandu jinforma lill-pubbliku minn qabel bid-dati u l-ħin approssimattiv li fihom se jsiru t-tali trasmissjonijiet awdjoviżivi u għandu jieħu l-miżuri prattiċi kollha sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tajba ta’ dan l-Artikolu.
4. Ir-riżultati tal-voti u l-ispjegazzjonijiet ta’ voti minn membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom fuq il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni stabbilit bil-proċedura leġislattiva ordinarja, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u l-punti f’dawk il-minuti marbutin mal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandhom isiru pubbliċi.
5. Fejn ikunu preżentati proposti jew inizjattivi legali lill-Kunsill, huwa għandu joqgħod lura milli jadotta atti li mhumiex previsti mit-Trattati, bħal riżoluzzjonijiet, konklużjonijiet jew dikjarazzjonijiet barra minn dawk mehmużin mal-adozzjoni tal-att u li huma maħsuba sabiex jidaħħlu fil-minuti tal-Kunsill.
Artikolu 8
Każijiet oħrajn ta’ deliberazzjonijiet tal-Kunsill miftuħin għall-pubbliku u dibattiti pubbliċi
1. Meta tkun ippreżentata lill-Kunsill proposta mhux leġislattiva dwar l-adozzjoni ta’ regoli li jorbtu legalment fi jew għall-Istati Membri, permezz ta’ regolamenti, direttivi jew deċiżjonijiet, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, bl-eċċezzjoni ta’ diskussjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri interni, atti amministrattivi jew baġitarji, atti dwar relazzjonijiet interistituzzjonali jew internazzjonali jew atti li ma jorbtux (bħal konklużjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew riżoluzzjonijiet), l-ewwel deliberazzjoni tal-Kunsill dwar proposti leġislattivi ġodda importanti għandha tkunu miftuħa għall-pubbliku. Il-Presidenza għandha tidentifika liema proposti ġodda huma importanti u l-Kunsill jew il-Coreper jista’ jiddeċiedi mod ieħor, fejn adatt.
Il-Presidenza tista’ tiddeċiedi, fuq bażi ta’ każ b’każ, li d-deliberazzjonijiet sussegwenti tal-Kunsill dwar waħda mill-proposti previsti fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku, sakemm il-Kunsill jew il-Coreper ma jiddeċidix mod ieħor.
2. Fuq deċiżjoni meħuda mill-Kunsill jew mill-Coreper, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill għandu jwettaq dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha.
Għandu jkun f’idejn il-Presidenza, kwalunkwe membru tal-Kunsill, jew il-Kummissjoni li jipproponu kwistjonijiet jew suġġetti speċifiċi għal tali dibattiti, billi jikkunsidraw l-importanza tal-kwistjoni u l-interess tagħha għaċ-ċittadini.
3. Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali għandu jkollu dibattitu pubbliku ta’ orjentazzjoni dwar il-programm ta’ 18-il xahar tal-Kunsill. Id-dibattiti ta’ orjentazzjoni f’konfigurazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tagħhom għandhom ukoll isiru fil-pubbliku. Il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-programm ta’ ħames snin tagħha, tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u tal-istrateġija ta’ politika annwali tagħha, kif ukoll id-dibattitu li jirriżulta fil-Kunsill, għandhom ikunu pubbliċi.
4. Minn meta tintbagħat l-aġenda provviżorja skont l-Artikolu 3,
a) dawk il-punti fuq l-aġenda tal-Kunsill li huma miftuħin għall-pubbliku skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu mmarkati bil-kliem “deliberazzjoni pubblika”;
b) dawk il-punti fuq l-aġenda tal-Kunsill li huma miftuħin għall-pubbliku skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu mmarkati bil-kliem “dibattitu pubbliku”.
Il-ftuħ għall-pubbliku tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill u tad-dibattiti pubbliċi skont dan l-Artikolu għandu jsir permezz ta’ trasmissjoni pubblika bħal dik prevista fl-Artikolu 7(3).
Artikolu 9
Rendiment pubbliku tal-votazzjonijiet, ta’ spjegazzjonijiet ta’ voti u ta’ minuti f’każijiet oħrajn
1. Meta l-Kunsill jadotta atti mhux leġislattivi msemmija fl-Artikolu 8(1), ir-riżultati ta’ voti u spjegazzjonijiet għal voti minn membri tal-Kunsill, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u l-punti f’dawk il-minuti marbutin mal-adozzjoni ta’ tali atti, għandhom isiru pubbliċi.
2. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-voti għandhom isiru pubbliċi:
a) meta l-Kunsill jaġixxi skont it-Titolu V tat-TUE, b’deċiżjoni unanima tal-Kunsill jew tal-Coreper meħuda fuq talba ta’ wieħed mill-membri tagħhom;
b) f’każijiet oħrajn, b’deċiżjoni tal-Kunsill jew tal-Coreper meħuda fuq talba ta’ wieħed mill-membri tagħhom.
Meta r-riżultati ta’ vot fil-Kunsill ikunu pubblikati skont il-punti a) u b) tal-ewwel subparagrafu, l-ispjegazzjonijiet ta’ voti magħmula meta ttieħed il-vot għandha wkoll tkun pubblikata wara t-talba tal-membri kkonċernati tal-Kunsill, bl-attenzjoni dovuta għal dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, iċ-ċertezza legali u l-interessi tal-Kunsill.
Id-dikjarazzjonijiet imdaħħlin fil-minuti tal-Kunsill u l-punti f’dawk il-minuti marbutin mal-adozzjoni tal-atti msemmijin fil-punti a) u b) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu pubblikati b’deċiżjoni tal-Kunsill jew tal-Coreper meħuda fuq talba ta’ wieħed mill-membri tagħhom.
3. Ħlief f’każijiet fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill huma miftuħin għall-pubbliku skont l-Artikoli 7 u 8, il-voti m’għandhomx ikunu pubblikati fil-każ ta’ diskussjonijiet li jwasslu għal voti indikattivi jew l-adozzjoni ta’ atti preparatorji.
Artikolu 10
Aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill
Id-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill huma mniżżlin fl-Anness II.
Artikolu 11
Arranġamenti dwar il-vot u l-quorum
1. Il-Kunsill għandu jivvota fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu.
Il-President għandu, barra minn hekk, ikun mitlub jiftaħ proċedura ta’ votazzjoni fuq l-inizjattiva ta’ membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jekk jiddeċiedu hekk maġġoranza tal-membri tal-Kunsill.
2. Il-membri tal-Kunsill għandhom jivvotaw fl-ordni tal-Istati Membri stabbilita konformement mal-lista ta’ presidenzi suċċessivi billi jibdew mill-membru li, skont dik l-ordni, isegwi l-membru li għandu l-kariga ta’ President.
3. Meta jittieħed vot, kull membru tal-Kunsill jista’ jaġixxi wkoll f’isem ta’ mhux iżjed minn membru wieħed ieħor ( 14 ).
4. Il-preżenza ta’ maġġoranza tal-membri tal-Kunsill li huma, skont it-Trattat, intitolati għal vot hija meħtieġa sabiex tippermetti lill-Kunsill li jivvota. Meta jittieħed il-vot, il-President, assistit mis-Segretarjat Ġenerali, għandu jiċċekkja li hemm kworum.
5. Sal-31 ta’ Ottubru 2014, meta għandha tiġi adottata deċiżjoni mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata, u jekk membru tal-Kunsill hekk jitlob, għandu jiġi verifikat li l-Istati Membri li jikkostitwixxu l-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni totali tal-Unjoni Ewropea kkalkolata skont iċ-ċifri tal-popolazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Anness III. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll bejn l-1 ta’ Novembru 2014 u l-31 ta’ Marzu 2017 meta membru tal-Kunsill hekk jitlob konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji.
Artikolu 12
Proċedura ordinarja bil-miktub u proċedura ta’ silenzju
1. L-atti tal-Kunsill dwar xi kwistjoni urġenti jistgħu jiġu adottati b’vot bil-miktub fejn il-Kunsill jew il-Coreper jiddeċiedu b’mod unanimu li jużaw dik il-proċedura. F’ċirkostanzi speċjali, il-President jista’ jipproponi wkoll l-użu ta’ dik il-proċedura; f’każ bħal dan, fejn il-membri kollha tal-Kunsill jaqblu ma’ dik il-proċedura, jistgħu jintużaw voti bil-miktub.
Fil-każ fejn il-vot bil-miktub huwa dwar kwistjoni li l-Kummissjoni ressqet quddiem il-Kunsill, għandu jkun meħtieġ qbil min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-proċedura bil-miktub.
Għandu jiġi mfassal kull xahar mis-Segretarjat Ġenerali sommarju tal-atti adottati bil-proċedura bil-miktub. Dan is-sommarju għandu jkun fih id-dikjarazzjonijiet possibbli maħsuba sabiex jiddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill. Il-partijiet ta’ dan is-sommarju li jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ atti leġislattivi għandhom ikunu pubblikati.
2. Fuq l-inizjattiva tal-Presidenza, il-Kunsill jista’ jaġixxi permezz ta’ proċedura bil-miktub simplifikata msejħa “proċedura ta’ silenzju”:
a) bil-għan tal-adozzjoni tat-test ta’ tweġiba għal mistoqsija bil-miktub jew, skont ma jkun il-każ, għal mistoqsija orali preżentata lill-Kunsill minn Membru tal-Parlament Ewropew, wara li l-abbozz tat-tweġiba jkun ġie eżaminat mill-Coreper ( 15 );
b) bil-għan tal-ħatra tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni, u s-supplenti tagħhom, wara li l-abbozz tad-deċiżjoni jkun ġie eżaminat mill-Coreper;
c) bil-għan ta’ deċiżjoni dwar konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet jew korpi oħra kull meta tali konsultazzjoni tkun meħtieġa mit-Trattati;
d) bil-għan tal-implimentazzjoni ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni permezz tan-network “COREU” (“proċedura ta’ silenzju (COREU)”) ( 16 ).
F’dak il-każ, it-test rilevanti għandu jiġi meqjus bħala adottat fi tmiem il-perijodu stabbilit mill-Presidenza skont l-urġenza tal-kwistjoni, ħlief fejn membru tal-Kunsill joġġezzjona.
3. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jistabbilixxi li l-proċeduri bil-miktub ġew mitmuma.
Artikolu 13
Minuti
1. Il-minuti ta’ kull laqgħa għandhom jitfasslu u, meta jkunu approvati, għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarju-Ġenerali. Huwa jista’ jiddelega s-setgħa tiegħu li jiffirma lid-Diretturi-Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali.
Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fuq l-aġenda:
— id-dokumenti preżentati lill-Kunsill,
— id-deċiżjonijiet meħuda jew il-konklużjonijiet milħuqa mill-Kunsill,
— id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kunsill u dawk li d-dħul tagħhom ġie mitlub minn membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni.
2. L-abbozz tal-minuti għandu jitfassal mis-Segretarjat Ġenerali fi żmien ħmistax-il jum u preżentat lill-Kunsill jew lill-Coreper għall-approvazzjoni.
3. Qabel tali approvazzjoni, kwalunkwe membru tal-Kunsill, jew il-Kummissjoni, jistgħu jitolbu li jiddaħħlu aktar dettalji fil-minuti dwar kwalunkwe punt fuq l-aġenda. Dawn it-talbiet jistgħu jsiru lill-Coreper.
4. Il-minuti tal-partijiet “Deliberazzjonijiet leġislattivi” tal-laqgħat tal-Kunsill għandhom ikunu ppreżentati direttament lill-Parlamenti nazzjonali wara li jkunu ġew approvati, fl-istess ħin li jiġu ppreżentati lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Artikolu 14
Deliberazzjonijiet u deċiżjonijiet abbażi ta’ dokumenti u abbozzi mfassla fil-lingwi previsti mir-regoli fis-seħħ dwar il-lingwa
1. Ħlief fejn il-Kunsill, b’mod unanimu u minħabba raġunijiet ta’ urġenza, jiddeċiedi mod ieħor, il-Kunsill għandu jiddelibera u jieħu deċiżjonijiet biss abbażi ta’ dokumenti u abbozzi mfassla fil-lingwi speċifikati fir-regoli fis-seħħ li jirregolaw il-lingwi.
2. Kwalunkwe membru tal-Kunsill jista’ jopponi diskussjoni jekk it-testijiet ta’ kwalunkwe emenda proposta ma jkunux imfassla f’waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 li hu jagħżel.
Artikolu 15
Iffirmar tal-atti
It-test tal-atti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill konformement mal-proċedura leġislattiva ordinarja, kif ukoll dak tal-atti adottati mill-Kunsill, għandhom jiġu ffirmati mill-President-in-Kariga fil-ħin tal-adozzjoni tagħhom u mis-Segretarju-Ġenerali. Is-Segretarju-Ġenerali jista’ jiddelega s-setgħa tiegħu li jiffirma lid-Diretturi-Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali.
Artikolu 16 ( 17 )
Nuqqas tal-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fil-vot
Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, se jittieħed kont dovut, skont l-Anness IV, ta’ każijiet li fihom, taħt it-Trattati, membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma jistgħux jieħdu sehem fil-vot.
Artikolu 17
Pubblikazzjoni ta’ atti fil-Ġurnal Uffiċjali
1. Dawn li ġejjin għandhom jiġu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ġurnal Uffiċjali”) fuq talba tas-Segretarju-Ġenerali:
a) l-atti msemmija fl-Artikolu 297(1) u (2), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE;
b) il-pożizzjonijiet fl-ewwel qari adottati mill-Kunsill skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, kif ukoll il-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħhom;
c) l-inizjattivi ppreżentati lill-Kunsill skont l-Artikolu 76 tat-TFUE għall-adozzjoni ta’ att leġislattiv;
d) il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni.
Għandha ssir referenza fil-Ġurnal Uffiċjali għad-dħul fis-seħħ ta’ tali ftehimiet;
e) il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, ħlief jekk il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor abbażi tal-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ( 18 ).
Għandha ssir referenza fil-Ġurnal Uffiċjali għad-dħul fis-seħħ ta’ ftehimiet pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.
2. Ħlief jekk il-Kunsill jew il-Coreper jiddeċiedu mod ieħor, dawn li ġejjin għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali mis-Segretarju-Ġenerali:
a) l-inizjattivi ppreżentati lill-Kunsill skont l-Artikolu 76 tat-TFUE fil-każijiet li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafu 1, punt c);
b) id-direttivi u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 297(2), it-tielet subparagrafu, tat-TFUE, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
3. Il-Kunsill jew il-Coreper għandu jiddeċiedi, b’mod unanimu u fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk għandux ikun hemm pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fuq talba tas-Segretarju-Ġenerali, tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tat-TUE.
4. Il-Kunsill jew il-Coreper għandu jiddeċiedi, fuq bażi ta’ każ b’każ u b’kont meħud ta’ pubblikazzjoni possibbli tal-att bażiku, jekk dawn li ġejjin għandhomx jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fuq talba tas-Segretarju-Ġenerali:
a) id-deċiżjonijiet li jimplimentaw id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tat-TUE;
b) id-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 31(2), it-tieni u t-tielet inċiż tat-TUE;
c) l-atti l-oħra tal-Kunsill, bħall-konklużjonijiet jew ir-riżoluzzjonijiet.
5. Fil-każ fejn ftehim konkluż bejn l-Unjoni jew il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u Stat wieħed jew aktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali jistabbilixxi korp mogħti setgħat ta’ deċiżjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, meta tali ftehim ikun konkluż, jekk deċiżjonijiet meħuda minn dak il-korp għandhomx ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.
Artikolu 18
Notifika ta’ atti
1. Id-direttivi u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 297(2), it-tielet subparagrafu tat-TFUE għandhom ikunu notifikati lid-destinatarji tagħhom mis-Segretarju-Ġenerali jew Direttur-Ġenerali li jaġixxi f’ismu.
2. Meta ma jkunux pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, l-atti li ġejjin għandhom ikunu notifikati lid-destinatarji tagħhom mis-Segretarju-Ġenerali jew Direttur-Ġenerali li jaġixxi f’ismu:
a) rakkomandazzjonijiet;
b) id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tat-TUE.
3. Is-Segretarju-Ġenerali jew Direttur-Ġenerali, li jaġixxi f’ismu, għandu jibgħat lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni kopji awtentiċi ta’ direttivi u deċiżjonijiet tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 297(2), it-tielet subparagrafu tat-TFUE, kif ukoll ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.
Artikolu 19 ( 19 )
Coreper, kumitati u gruppi ta’ ħidma
1. Il-Coreper għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kunsill u sabiex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu mill-Kunsill. Huwa għandu fi kwalunkwe każ ( 20 ) jiżgura l-konsistenza tal-politika u l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u jara li l-prinċipji u r-regoli li ġejjin ikunu osservati:
a) il-prinċipji ta’ legalità, sussidjarjetà, proporzjonalità u l-għoti ta’ raġunijiet għal atti;
b) regoli li jistabbilixxu s-setgħat ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni;
c) dispożizzjonijiet baġitarji;
d) regoli dwar proċedura, trasparenza u l-kwalità tal-abbozzar.
2. Il-punti kollha fuq l-aġenda għal laqgħat tal-Kunsill għandhom jiġu eżaminati minn qabel mill-Coreper ħlief jekk dan tal-aħħar jiddeċiedi mod ieħor. Il-Coreper għandu jagħmel ħiltu sabiex jilħaq ftehim fil-livell tiegħu li għandu jiġi preżentat lill-Kunsill għal adozzjoni. Huwa għandu jiżgura preżentazzjoni adegwata tal-kwistjonijiet lill-Kunsill u, fejn ikun il-każ, għandu jippreżenta linji gwida, possibbiltajiet jew soluzzjonijiet suġġeriti. Fil-każ ta’ emerġenza, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu, jista’ jiddeċiedi li jsolvi l-kwistjoni mingħajr ►C2 eżami ◄ preċedenti.
3. Jistgħu jiġu stabbiliti kumitati jew gruppi ta’ ħidma mill-Coreper, jew bl-approvazzjoni tiegħu, bil-għan li titwettaq ċerta ħidma ta’ tħejjija jew studji definiti minn qabel.
Is-Segretarjat Ġenerali għandu jaġġorna l-lista ta’ korpi ta’ tħejjija u jagħmilha pubblika. Il-kumitati u l-gruppi ta’ ħidma biss fuq din il-lista jistgħu jiltaqgħu bħala gruppi ta’ tħejjija tal-Kunsill.
4. Il-Coreper għandu jkun presjedut, skont il-punti fuq l-aġenda, mir-Rappreżentant Permanenti jew id-Deputat Rappreżentant Permanenti tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali.
Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà huwa presjedut minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Il-korpi preparatorji oħra tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-konfigurazzjoni tal-Affarijiet Barranin, għandhom ikunu presjeduti minn delegat tal-Istat Membru responsabbli għall-presidenza tal-konfigurazzjoni rilevanti, dment li l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor fejn jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-lista msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu, telenka wkoll dawk il-korpi preparatorji li dwarhom il-Kunsill iddeċieda, konformement mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tal-eżerċizzju tal-presidenza tal-Kunsill, għal tip ieħor ta’ presidenza.
5. Għat-tħejjija ta’ laqgħat ta’ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill li jiltaqgħu darba kull sitt xhur, meta jsiru fl-ewwel nofs ta’ dan il-perijodu, il-laqgħat tal-kumitati minbarra tal-Coreper u dawk ta’ gruppi ta’ ħidma li jsiru matul is-sitt xhur ta’ qabel għandhom ikunu presjeduti minn delegat tal-Istat Membru li jkun imissu jippresjedi l-laqgħat imsemmija tal-Kunsill.
6. Ħlief għall-każijiet meta japplika tip ieħor ta’ presidenza, meta fajl ikun se jiġi essenzjalment ittrattat matul perijodu ta’ sitt xhur, delegat tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza matul dak il-perijodu ta’ sitt xhur jista’, matul il-perijodu ta’ sitt xhur preċedenti, jippresjedi laqgħat ta’ kumitati, minbarra Coreper, u gruppi ta’ ħidma meta jiddiskutu dak il-fajl. L-implimentazzjoni prattika ta’ dan il-paragrafu għandha tkun is-suġġett ta’ ftehim bejn iż-żewġ Presidenzi kkonċernati.
Fil-każ speċifiku ►C2 tal-eżami ◄ tal-baġit tal-Unjoni għal sena finanzjajra partikolari, laqgħat tal-korpi ta’ tħejjija tal-Kunsill, minbarra l-Coreper, li jieħdu ħsieb it-tħejjija tal-punti fuq l-aġenda tal-Kunsill ►C2 tal-eżami ◄ tal-baġit għandhom ikunu presjeduti minn delegat tal-Istat Membru li jkun se jkollu l-Presidenza tal-Kunsill matul it-tieni perijodu ta’ sitt xhur tas-sena qabel is-sena finanzjarja in kwistjoni. L-istess għandu japplika, bil-qbil tal-Presidenza l-oħra, għall-presidenza ta’ laqgħat tal-Kunsill meta l-punti baġitarji msemmija jkunu diskussi. Il-Presidenzi kkonċernati għandhom jikkonsultaw dwar l-arranġamenti prattiċi.
7. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti msemmija hawn taħt, il-Coreper jista’ jadotta d-deċiżjonijiet ta’ proċedura li ġejjin, dment li l-punti relatati magħhom ikunu ġew inklużi fuq l-aġenda provviżorja tiegħu tal-inqas tlett’ijiem ta’ ħidma qabel il-laqgħa. Għandha tkun meħtieġa unanimità min-naħa ta’ Coreper għal kwalunkwe deroga minn dak il-perijodu ( 21 ):
a) deċiżjoni li ssir laqgħa tal-Kunsill f’post li mhux Brussell jew il-Lussemburgu (Artikolu 1(3));
b) awtorizzazzjoni li tiġi prodotta kopja ta’ jew estratt minn dokument tal-Kunsill għall-użu fi proċedimenti legali (Artikolu 6(2));
c) deċiżjoni li jitwettaq dibattitu pubbliku fil-Kunsill jew li deliberazzjoni partikolari tal-Kunsill ma ssirx fil-pubbliku (Artikolu 8(1), (2) u (3));
d) deċiżjoni li r-riżultati ta’ votazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet mdaħħla fil-minuti tal-Kunsill isiru pubbliċi fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2);
e) deċiżjoni dwar l-użu tal-proċedura bil-miktub (Artikolu 12(1));
f) approvazzjoni jew emenda tal-minuti tal-Kunsill (Artikolu 13(2) u (3));
g) deċiżjoni dwar il-pubblikazzjoni jew le ta’ test jew ta’ att fil-Ġurnal Uffiċjali (Artikolu 17(2), (3) u (4));
h) deċiżjoni dwar il-konsultazzjoni ta’ istituzzjoni jew korp kull fejn tali konsultazzjoni ma tkunx meħtieġa mit-Trattati;
i) deċiżjoni li tistabbilixxi jew testendi l-limitu ta’ żmien għall-konsultazzjoni ta’ istituzzjoni jew korp;
j) deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-perijodi stabbiliti fl-Artikolu 294(14) tat-TFUE;
k) approvazzjoni tal-formulazzjoni tal-ittra li għandha tiġi mibgħuta lil istituzzjoni jew korp.
Artikolu 20
Il-Presidenza u t-tmexxija korretta tad-diskussjonijiet
1. Il-Presidenza għandha tkun responsabbli mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura u sabiex tiżgura li d-diskussjonijiet jitwettqu korrettament. B’mod partikolari, il-Presidenza għandha tiżgura li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness V dwar il-metodi ta’ ħidma tal-Kunsill.
Sabiex jiżgura li d-diskussjonijiet jitwettqu sew, hija tista’ wkoll, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, tieħu kwalunkwe miżura adatta meħtieġa għall-kisba tal-aħjar użu possibbli tal-ħin disponibbli matul il-laqgħat u b’mod partikolari:
a) tirrestrinġi n-numru għal kull delegazzjoni preżenti fil-kamra tal-laqgħat għad-diskussjoni ta’ punt partikolari u tiddeċiedi jekk tawtorizzax il-ftuħ ta’ kamra tas-smigħ;
b) tistabbilixxi l-ordni li fiha jinbdew il-punti u tiddetermina t-tul ta’ żmien għad-diskussjoni tagħhom;
c) torganizza l-ħin allokat għad-diskussjoni ta’ punt partikolari, b’mod partikolari billi tillimita l-ħin li matulu l-parteċipanti jistgħu jitkellmu u tiddetermina l-ordni li fiha jistgħu jitkellmu;
d) titlob lid-delegazzjonijiet jippreżentaw bil-miktub il-proposti tagħhom għal emenda ta’ test li jkun qed jiġi diskuss qabel data partikolari, flimkien ma’ spjegazzjoni qasira jekk ikun il-każ;
e) titlob lid-delegazzjoni li jkollhom pożizzjonijiet identiċi jew simili dwar punt jew test partikolari, jew parti minnhom, jagħżlu wieħed minnhom sabiex jesprimu l-pożizzjoni kondiviża tagħhom fil-laqgħa jew bil-miktub qabel il-laqgħa.
2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(4) sa (6) u għas-setgħat tagħha u għar-responsabbiltà politika ġenerali tagħha, il-Presidenza ta’ kull sitt xhur għandha tkun assistita fir-responsabbiltajiet tagħha kollha, abbażi tal-programm ta’ 18-il xahar jew skont arranġamenti oħra miftiehma bejniethom, mill-membri l-oħra tal-gruppi stabbiliti minn qabel ta’ tliet Stati Membri msemmija fl-Artikolu 1(4). Din għandha tkun assistita wkoll, skont il-każ, mir-rappreżentant tal-Istat Membru li ser jippresjedi l-presidenza li jmiss. Fuq it-talba tal-Presidenza u filwaqt li jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tagħha, dan tal-aħħar, jew membru tal-grupp imsemmi, għandu jissostitwiha kif u meta meħtieġ, għandu jieħu min idejha, fejn meħtieġ, ċerti kompiti u għandu jiżgura l-kontinwità tal-proċedimenti tal-Kunsill.
Rapporti tal-kumitati u l-gruppi ta’ ħidma
Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-Presidenza għandha torganizza l-laqgħat tad-diversi kumitati u gruppi ta’ ħidma sabiex hekk ir-rapporti tagħhom ikunu disponibbli qabel il-laqgħat tal-Coreper li fihom ikunu eżaminati.
Ħlief jekk konsiderazzjonijiet ta’ urġenza jitolbu mod ieħor, il-Presidenza għandha tipposponi għal laqgħa sussegwenti tal-Coreper kwalunkwe punt relatat ma’ atti leġislattivi dwar liema l-kumitat jew il-grupp ta’ ħidma ma jkunx temm id-diskussjonijiet tiegħu tal-inqas ħamest ijiem qabel il-laqgħat tal-Coreper.
Artikolu 22
Kwalità tal-abbozzar ( 24 )
Sabiex jgħin lill-Kunsill fil-kompitu tiegħu fl-iżgurar tal-kwalità tal-abbozzar tal-atti leġislattivi li jadotta, is-Servizz Legali għandu jkun responsabbli għall-kontroll tal-kwalità tal-abbozzar ta’ proposti u abbozzi ta’ atti fl-istadju adegwat, kif ukoll li jressaq suġġerimenti ta’ abbozzar għall-attenzjoni tal-Kunsill u l-korpi tiegħu skont il-Ftehim Interisituzzjonali tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ( 25 ).
Matul il-proċess leġislattiv kollu, dawk li jippreżentaw testi b’konnessjoni mal-proċedimenti tal-Kunsill għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwalità tal-abbozzar.
Artikolu 23
Is-Segretarju-Ġenerali u s-Segretarjat Ġenerali
1. Il-Kunsill għandu jkun assistit minn Segretarjat Ġenerali, taħt ir-responsabbiltà ta’ Segretarju-Ġenerali. Is-Segretarju Ġenerali għandu jinħatar mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.
2. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali ( 26 ).
Taħt l-awtorità tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura l-ħidma tajba tas-Segretarjat Ġenerali.
3. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun involut mill-qrib u kontinwament fl-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-iżgurar tal-koerenza tal-ħidma tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ 18-il xahar tiegħu. Taħt ir-responsabbiltà u l-gwida tal-Presidenza, huwa għandu jgħin lil din tal-aħħar fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet.
4. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jippreżenta lill-Kunsill abbozz tal-estimi tan-nefqa tal-Kunsill kmieni biżżejjed sabiex jiżgura li l-limiti ta’ żmien stabbiliti mid-dispożizzjonijiet finanzjarji jkunu rispettati.
5. Is-Segretarju-Ġenerali għandu responsabbiltà sħiħa għall-amministrazzjoni tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-Taqsima II – Kunsill Ewropew u Kunsill – tal-baġit u għandu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li jkunu amministrati tajjeb. Huwa għandu jimplimenta l-approprjazzjonijiet in kwistjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
Artikolu 24
Sigurtà
Ir-regoli dwar is-sigurtà għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.
Artikolu 25
Doveri bħala depożitarju ta’ ftehim
Fil-każ li s-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill ikun magħżul bħala d-depożitarju ta’ ftehim konkluż bejn l-Unjoni jew il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u Stat wieħed jew aktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, l-atti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni ta’ dawk il-ftehim għandhom ikunu ddepożitati fis-sede tal-Kunsill.
F’każijiet bħal dawn, is-Segretarju-Ġenerali għandu jwettaq id-doveri ta’ depożitarju u għandu jiżgura wkoll li d-dati tad-dħul fis-seħħ ta’ tali ftehim ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.
Artikolu 26
Rappreżentanza quddiem il-Parlament Ewropew
Ir-rappreżentanza tal-Kunsill quddiem il-Parlament Ewropew u l-kumitati tiegħu hija r-responsabbiltà tal-Presidenza, jew bil-qbil ta’ din tal-aħħar, ta’ membru tal-grupp stabbilit minn qabel tat-tliet Stati Membri msemmija fl-Artikolu 1(4), tal-Presidenza li jkun imiss jew tas-Segretarju-Ġenerali. Il-Kunsill jista’ jkun rappreżentat ukoll quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew minn uffiċjali anzjani tas-Segretarjat Ġenerali, li jaġixxu fuq istruzzjonijiet mill-Presidenza.
Fil-każ tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, ir-rappreżentanza tal-Kunsill quddiem il-Parlament Ewropew u l-kumitati tiegħu hija r-responsabbiltà tal-president tiegħu. Huwa jista’, jekk meħtieġ, jiġi sostitwit mill-membru ta’ din il-konfigurazzjoni li tirrappreżenta l-Istat Membru li jkollu l-presidenza ta’ kull sitt xhur tal-Kunsill. Fuq mandat tal-president tiegħu, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin jista’ wkoll jkun rappreżentat quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew minn uffiċjali anzjani tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jew, skont il-każ, tas-Segretarjat Ġenerali.
Il-Kunsill jista’ jippreżenta wkoll l-opinjonijiet tiegħu lill-Parlament Ewropew permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub.
Artikolu 27
Dispożizzjonijiet dwar il-forma tal-atti
Id-dispożizzjonijiet dwar il-forma tal-atti huma stabbiliti fl-Anness VI.
Artikolu 28
Korrispondenza indirizzata lill-Kunsill
Il-korrispondenza mibgħuta lill-Kunsill għandha tiġi indirizzata lill-President, fis-sede tal-Kunsill, kif ġej:
Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Rue de la Loi, 175
B-1048 Brussels
ANNESS I
Lista ta' konfigurazzjonijiet tal-Kunsill
1. Affarijiet Ġenerali ( 27 );
2. Affarijiet Barranin ( 28 );
3. Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ( 29 );
4. Ġustizzja u Affarijiet Interni ( 30 );
5. Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur;
6. Kompetittività (suq intern, industrija, riċerka u spazju) ◄ ( 31 );
7. Trasport, Telekomunikazzjonijiet u Enerġija;
8. Agrikoltura u Sajd;
9. Ambjent;
10. Edukazzjoni, żgħażagħ, kultura u sport ◄ ( 32 ).
Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-mod li bih ikun rappreżentat fil-Kunsill skont l-Artikolu 16(2) tat-TUE.
Diversi Ministri jistgħu jipparteċipaw bħala membri sħaħ tal-istess konfigurazzjoni tal-Kunsill, bl-aġenda u l-organizzazzjoni ta' proċedimenti tiġi aġġustata kif meħtieġ ( 33 ).
ANNESS II
Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha aċċess għal dokumenti tal-Kunsill suġġett għall-prinċipji, il-kondizzjonijiet u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u d-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan l-Anness.
Artikolu 2
Konsultazzjoni rigward dokumenti ta’ partijiet terzi
1. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u sakemm ma jkunx ċar, wara l-eżami tad-dokument fid-dawl tal-Artikolu 4(1), (2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li m'għandux jiġi żvelat, il-parti terza kkonċernata għandha tiġi kkonsultata jekk:
a) id-dokument huwa dokument sensittiv kif definit fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;
b) id-dokument joriġina minn Stat Membru u:
— ġie ppreżentat lill-Kunsill qabel it-3 ta’ Diċembru 2001, jew
— l-Istat Membru kkonċernat talab li ma jkunx żvelat mingħajr il-qbil tiegħu minn qabel.
2. Fil-każijiet l-oħra kollha, fejn il-Kunsill jirċievi applikazzjoni għal dokument tiegħu mingħand parti terza, is-Segretarjat Ġenerali, għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għandu jikkonsulta lill-parti terza kkonċernata sakemm ma jkunx ċar, wara l-eżami tad-dokument fid-dawl tal-Artikolu 4(1), (2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li hu għandu jew m'għandux jiġi żvelat.
3. Il-parti terza għandha tiġi kkonsultata bil-miktub (inkluż bil-posta elettronika) u tingħata limitu ta’ żmien raġonevoli sabiex twieġeb, b'kont meħud tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-parti terza għandha tintalab tagħti l-opinjoni tagħha bil-miktub.
4. Fejn id-dokument ma jaqax taħt il-paragrafu 1(a) jew (b) u s-Segretarjat Ġenerali, fid-dawl tal-opinjoni negattiva tal-parti terza, ma jkunx sodisfatt li l-Artikolu 4(1) jew (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 huwa applikabbli, il-Kunsill għandu jieħu l-kwistjoni f'idejh.
Jekk il-Kunsill jaħseb li jirrilaxxa d-dokument, il-parti terza għandha tiġi infurmata immedjatament bil-miktub bil-ħsieb tal-Kunsill li jirrilaxxa d-dokument wara perijodu ta’ żmien ta’ mhux anqas minn għaxart ijiem tax-xogħol. Fl-istess waqt, għandha tinġibed l-attenzjoni tal-parti terza għall-Artikolu 279 tat-TFUE.
Artikolu 3
Talbiet għal konsultazzjoni li jaslu minn istituzzjonijiet oħra jew minn Stati Membri
Talbiet għal konsultazzjonijiet mal-Kunsill magħmula minn istituzzjoni jew Stat Membru ieħor li jikkonċernaw applikazzjoni għal dokument tal-Kunsill għandhom jintbagħtu permezz tal-posta elettronika lil access@consilium.europa.eu jew bil-fax fuq: +32(0)2 281 63 61.
Is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f'isem il-Kunsill mill-ewwel, waqt li jieħu kont ta’ kwalunkwe limitu ta’ żmien meħtieġ sabiex tittieħed deċiżjoni mill-istituzzjoni jew l-Istat Membru konċernat, u mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol.
Artikolu 4
Dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri
Kwalunkwe talba minn Stat Membru taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandha ssir bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali.
Artikolu 5
Talbiet ippreżentati mill-Istati Membri
Meta Stat Membru jippreżenta talba lill-Kunsill, din għandha tiġi ttrattata skont l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-Anness. Fil-każ ta’ rifjut sħiħ jew parzjali tal-aċċess, l-applikant għandu jkun infurmat li kwalunkwe applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi indirizzata direttament lill-Kunsill.
Artikolu 6
Indirizz għal applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokument għandhom jiġu indirizzati bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, rue de la Loi 175, B-1048 Brussell, permezz tal-posta elettronika lil access@consilium.europa.eu jew bil-fax fuq: +32(0)2 281 63 61.
Artikolu 7
Proċessar ta’ applikazzjonijiet inizjali
Suġġett għall-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kwalunkwe applikazzjoni għal aċċess għal dokument tal-Kunsill għandha tiġi ttrattata mis-Segretarjat Ġenerali.
Artikolu 8
Proċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji
Suġġett għall-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kwalunkwe applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi deċiża mill-Kunsill.
Artikolu 9
Ħlasijiet
Il-ħlasijiet sabiex jiġu prodotti u sabiex jintbagħtu kopji ta’ dokumenti tal-Kunsill għandhom jiġu stabbiliti mis-Segretarju Ġenerali.
Artikolu 10
Reġistru pubbliku ta’ dokumenti tal-Kunsill
1. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun responsabbli sabiex jipprovdi aċċess pubbliku għar-reġistru ta’ dokumenti tal-Kunsill.
2. Minbarra r-referenzi għad-dokumenti, għandu jkun indikat fir-reġistru liema dokumenti mfassla wara l- 1 ta’ Lulju 2000 diġà ġew rilaxxati lill-pubbliku. Suġġett għar-Regolament (KE) 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ( 34 ), u l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-kontenut tagħhom għandu jkun disponibbli fuq l-Internet.
Artikolu 11
Dokumenti direttament aċċessibbli għall-pubbliku
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għad-dokumenti kollha tal-Kunsill, sakemm huma ma jkunux klassifikati u mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni bil-miktub skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
2. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu:
— “ċirkolazzjoni” għandha tfisser distribuzzjoni tal-verżjoni finali ta’ dokument lill-membri tal-Kunsill, ir-rappreżentanti jew id-delegati tagħhom;
— “dokument leġislattiv” għandha tfisser kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-eżami u l-adozzjoni ta’ att leġislattiv.
3. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħmel id-dokumenti li ġejjin disponibbli għall-pubbliku hekk kif huma jiġu ċċirkolati:
a) dokumenti li l-awtur tagħhom la huwa l-Kunsill u lanqas Stat Membru, li saru pubbliċi mill-awtur tagħhom jew bl-approvazzjoni tiegħu;
b) l-aġenda provviżorja għal laqgħat tal-Kunsill fid-diversi konfigurazzjonijiet tiegħu;
c) kwalunkwe test adottat mill-Kunsill u li għandu jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.
4. Sakemm ikun ċar li huma mhumiex koperti minn xi waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, is-Segretarjat Ġenerali jista’ wkoll jagħmel id-dokumenti li ġejjin disponibbli lill-pubbliku hekk kif huma jkunu ġew iċċirkolati:
a) aġenda provviżorja ta’ kumitati u gruppi ta’ ħidma;
b) dokumenti oħra, bħal noti ta’ informazzjoni, rapporti, rapporti ta’ progress u rapporti dwar l-istat ta’ diskussjonijiet fil-Kunsill jew wieħed mill-korpi preparatorji tiegħu li ma jirriflettux pożizzjonijiet individwali ta’ delegazzjonijiet, esklużi opinjonijiet u kontribuzzjonijiet tas-Servizz Legali.
5. Addizzjonalment għad-dokumenti msemmija fil-paragrafi 3 u 4, s-Segretarjat Ġenerali għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku, hekk kif huma jiġu ċċirkolati, id-dokumenti leġislattivi u d-dokumenti oħrajn li ġejjin:
a) noti ta’ tifsir u kopji ta’ ittri li jikkonċernaw atti leġislattivi u atti msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regoli ta’ Proċedura indirizzati lill-Kunsill minn istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni Ewropea jew, suġġett għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, minn Stat Membru;
b) dokumenti preżentati lill-Kunsill li huma elenkati taħt punt fuq l-aġenda tiegħu li jinsabu fil-parti “Deliberazzjonijiet leġislattivi” jew immarkati bil-kliem “deliberazzjoni pubblika” jew “dibattitu pubbliku” skont l-Artikolu 8 tar-Regolamenti ta’ Proċedura;
c) noti preżentati lill-Coreper u/jew lill-Kunsill għal approvazzjoni (noti ta’ punt “I/A” u “A”) dwar abbozzi ta’ atti leġislattivi u ta’ atti msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, kif ukoll l-abbozz ta’ atti leġislattivi u ta’ atti memmija fl-Artikolu 8(1), ta’ dawk ir-regoli li jirreferu għalihom;
d) atti adottati mill-Kunsill waqt il-proċedura leġislattiva ordinarja jew speċjali u testi konġunti approvati mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ordinarja.
6. Wara l-adozzjoni ta’ wieħed mill-atti imsemmija fil-paragrafu 5(d) jew l-adozzjoni finali tal-att konċernat, is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħmel disponibbli lill-pubbliku kwalunkwe dokumenti li jirrelataw ma’ dan l-att li tfasslu qabel wieħed minn tali atti u li m'huma koperti bl-ebda eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1), (2) u (3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, bħal noti ta’ informazzjoni, rapporti, rapporti ta’ progress u rapporti dwar l-istat ta’ diskussjonijiet fil-Kunsill jew f'wieħed mill-korpi preparatorji tiegħu (“riżultati ta’ proċedimenti”), esklużi l-opinjonijiet u l-kontributi tas-Servizz Legali.
Fuq talba ta’ Stat Membru, dokumenti li huma koperti bl-ewwel subparagrafu u li jirriflettu l-pożizzjoni individwali tad-delegazzjoni ta’ dak l-Istat Membru fil-Kunsill m'għandhomx isiru disponibbli għall-pubbliku.
ANNESS III
Dettalji tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-peżatura tal-voti fil-Kunsill
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 16(5) tat-TUE u tal-Artikolu 3(3) u (4) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji anness għat-Trattati, il-popolazzjoni totali ta’ kull Stat Membru għall-perijodu kompriż bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013, għandha tkun kif ġej:
Stat Membru |
Popolazzjoni (× 1 000) |
Ġermanja |
81 843,7 |
Franza |
65 397,9 |
Renju Unit |
62 989,6 |
Italja |
60 820,8 |
Spanja |
46 196,3 |
Polonja |
38 538,4 |
Rumanija |
21 355,8 |
Pajjiżi l-Baxxi |
16 730,3 |
Greċja |
11 290,9 |
Belġju |
11 041,3 |
Portugall |
10 541,8 |
Repubblika Ċeka |
10 505,4 |
Ungerija |
9 957,7 |
Svezja |
9 482,9 |
Awstrija |
8 443,0 |
Bulgarija |
7 327,2 |
Danimarka |
5 580,5 |
Slovakkja |
5 404,3 |
Finlandja |
5 401,3 |
Irlanda |
4 582,8 |
Litwanja |
3 007,8 |
Slovenja |
2 055,5 |
Latvja |
2 041,8 |
Estonja |
1 339,7 |
Ċipru |
862,0 |
Lussemburgu |
524,9 |
Malta |
416,1 |
Total |
503 679,7 |
Livell minimu (62 %) |
312 281,4 |
Artikolu 2
1. Qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea id-data dwar il-popolazzjoni totali tagħhom kif kienet fl-1 ta’ Jannar tas-sena attwali.
2. B'effett mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, il-Kunsill għandu, skont id-data disponibbli lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel, jemenda ċ-ċifri stabbiliti fl-Artikolu 1. Din id-Deċizjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Din id-Deċizjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
ANNESS IV
imsemmija fl-Artikolu 16
1. Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dawn ir-Regoli ta' Proċedura u għal deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom, taħt it-Trattati, membri tal-Kunsill jew tal-Coreper ma jistgħux jipparteċipaw fil-votazzjoni, m'għandux jittieħed kont ta' voti minn tali membri:
a) l-Artikolu 1(3), it-tieni subparagrafu (iż-żamma ta' laqgħa tal-Kunsill f'post li mhux Brussell jew il-Lussemburgu);
b) l-Artikolu 3(7) (l-inklużjoni fl-aġenda punt apparti dawk li jidhru fuq l-aġenda provviżorja);
c) l-Artikolu 3(8) (iż-żamma bħala punt “B” fuq l-aġenda punt “A” li kieku kellu jitneħħa mill-aġenda);
d) l-Artikolu 5(3), għal dak li jirrigwarda l-preżenza tal-Bank Ċentrali Ewropew biss (deliberazzjoni mingħajr il-preżenza tal-Bank Ċentrali Ewropew);
e) l-Artikolu 9(2), l-ewwel subparagrafu, punt b), u t-tieni u t-tielet subparagrafi (dwar ir-rendiment pubbliku tar-riżultati tal-votazzjonijiet, ta’ spjegazzjonijiet tal-voti, ta’ dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u ta’ punti f’dawk il-minuti relatati ma' każijiet oħra barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1);
f) l-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu (il-ftuħ ta’ proċedura ta' votazzjoni);
g) l-Artikolu 12(1) (l-użu tal-proċedura bil-miktub);
h) l-Artikolu 14(1) (id-deċiżjoni sabiex issir deliberazzjoni u sabiex jittieħdu deċiżjonijiet eċċezzjonalment abbażi ta' dokumenti u abbozzi li ma tfasslux fil-lingwi kollha) ( 35 );
i) l-Artikolu 17(2), punta) (in-non-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' inizjattiva ppreżentata minn Stat Membru skont l-Artikolu 76 tat-TFUE);
j) l-Artikolu 17(2) puntb) (in-non-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' ċerti direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet);
k) l-Artikolu 17(5) (jekk deċiżjonijiet meħuda minn korp stabbilit taħt xi ftehim internazzjonali għandhomx jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali).
2. Membru tal-Kunsill jew tal-Coreper ma jistax jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet li ġejjin ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura b'konnessjoni ma' deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom, taħt it-Trattati, huwa ma jistax jipparteċipa fil-votazzjoni:
a) l-Artikolu 3(8) (possibbiltà ta' membru tal-Kunsill li jitlob l-irtirar ta' punt “A” mill-aġenda);
b) l-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu (possibbiltà ta' membru tal-Kunsill li jitlob il-ftuħ ta' proċedura ta' votazzjoni);
c) l-Artikolu 11(3) (possibbiltà ta' membru tal-Kunsill li jaġixxi f'isem ieħor waqt il-votazzjoni);
d) l-Artikolu 14(2) (possibbiltà għal kwalunkwe membru tal-Kunsill li jopponi diskussjoni jekk it-testi ta' kwalunkwe emendi ma jkunux tfasslu fil-lingwa li hu jew hi jkun speċifika).
ANNESS V
Metodi ta’ ħidma tal-Kunsill
Tħejjija tal-laqgħat
1. Il-Presidenza għandha tiżgura li fajl jiġi preżentat biss lill-Coreper minn grupp ta' ħidma jew minn kumitat meta jkun hemm prospett raġonevoli ta' progress jew kjarifika ta' pożizzjonijiet li jkunu qed jintlaħqu f'dak il-livell. Viċi-versa, fajls jistgħu jerġgħu jiġu riferuti biss lil grupp ta' ħidma jew lil kumitat meta meħtieġ, u fi kwalunkwe każ bil-ħsieb li jiġu indirizzati problemi preċiżi u definiti sew.
2. Il-Presidenza għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tavvanza l-ħidma bejn il-laqgħat. Hi tista', pereżempju, bil-qbil tal-grupp ta' ħidma jew kumitat, twettaq bl-iżjed mod effiċjenti l-konsultazzjonijiet meħtieġa dwar problemi speċifiċi bil-ħsieb li tirrapporta lura lill-grupp ta' ħidma jew kumitat konċernat is-soluzzjonijiet possibbli. Hi tista' wkoll twettaq konsultazzjonijiet bil-miktub billi titlob lid-delegazzjonijiet jirreaġixxu b'forma miktuba għal proposta qabel il-laqgħa li jkun imiss tal-grupp ta' ħidma jew kumitat.
3. Kull fejn ikun il-każ, id-delegazzjonijiet għandhom jistabbilixxu bil-quddiem bil-miktub il-pożizzjonijiet li wisq probabbli jkunu se jieħdu fil-laqgħa li jkun imiss. Meta dan jinkludi proposti sabiex jiġi emendat test, id-delegazzjonijiet għandhom jissuġġerixxu l-formulazzjoni speċifika. Kull fejn possibbli, il-kontribut bil-miktub għandu jiġi preżentat konġuntement minn delegazzjonijiet li jħaddnu pożizzjonijiet identiċi.
4. Il-Coreper għandu jevita milli jerġa' jagħmel xogħol li jkun ġa sar fit-tħejjija tal-proċedimenti tiegħu. Dan għandu japplika b'mod partikolari għal punti “I”, għal informazzjoni dwar l-organizzazzjoni u l-ordni tal-ħidma tiegħu u għal informazzjoni fuq l-aġenda u l-organizzazzjoni ta' laqgħat futuri tal-Kunsill. Kull fejn ikun possibbli, id-delegazzjonijiet għandhom iqajmu punti dwar Affarijiet Oħra fil-qafas tat-tħejjija tal-ħidma tal-Coreper aktar milli lill-Coreper innifsu.
5. Il-Presidenza għandha tinforma lid-delegazzjonijiet malajr kemm jista' jkun meta l-proċedimenti tal-Coreper ikunu qed jitħejjew dwar l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tippermetti tħejjija ddettaljata tal-proċedimenti tal-Coreper, inkluż informazzjoni dwar dak li l-Presidenza tistenna li tilħaq mid-diskussjoni dwar kull punt tal-aġenda. Viċi versa, il-Presidenza għandha, jekk ikun il-każ, tinkoraġġixxi lid-delegazzjonijiet jikkomunikaw lil delegazzjonijiet oħra, meta l-proċedimenti tal-Coreper ikun qed jitħejjew, informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet li jkunu se jieħdu fil-Coreper. F'dan il-kuntest il-Presidenza għandha tiffinalizza l-aġenda tal-Coreper. Il-Presidenza tista' tlaqqa' b'mod iżjed frekwenti l-gruppi li jħejju l-proċedimenti tal-Coreper, meta ċ-ċirkostanzi jitolbu hekk.
Kondotta tal-laqgħat
6. L-ebda punt mhu se jitpoġġa fuq l-aġenda tal-Kunsill sempliċiment għal preżentazzjoni mill-Kummissjoni jew minn membru tal-Kunsill, ħlief fejn hu ppjanat dibattitu dwar inizjattivi maġġuri ġodda.
7. Il-Presidenza għandha toqgħod lura milli tpoġġi fuq l-aġenda tal-Coreper punti għal informazzjoni biss. Tali informazzjoni, pereżempju dwar ir-riżultat ta' laqgħat f'forum ieħor jew ma' Stat Terz jew istituzzjoni oħra, kwistjonijiet ta' proċedura u organizzazzjoni, eċċ, għandhom minflok jiġu trasmessi lil delegazzjonijiet meta l-proċedimenti tal-Coreper ikunu qed jitħejjew, kull meta jkun possibbli f'forma miktuba, u m'għandhomx jiġu ripetuti fil-Coreper.
8. Fil-bidu ta' laqgħa, il-Presidenza għandha tagħti kwalunkwe informazzjoni meħtieġa fir-rigward ta' kif għandha tiġi ttrattata l-laqgħa u b'mod partikolari tindika t-tul ta' ħin li għandha f'moħħha tiddedika għal kull punt. Għandha toqgħod lura milli tagħmel introduzzjonijiet twal u tevita r-ripetizzjoni ta' informazzjoni li hi diġà magħrufa mid-delegazzjonijiet.
9. Fil-bidu ta' diskussjoni dwar punt sostantiv, il-Presidenza għandha, skont it-tip ta' diskussjoni li jkun hemm bżonn, tindika lid-delegazzjonijiet it-tul massimu tal-interventi tagħhom dwar dak il-punt. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-interventi m'għandhomx jaqbżu ż-żewġ minuti.
10. Sessjonijiet ta' laqgħat kompleti għandhom, fil-prinċipju, jiġu pprojbiti; jistgħu jintużaw biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali fuq kwistjonijiet speċifiċi, b'limitu ta' żmien għall-interventi stabbilit mill-Presidenza.
11. Il-Presidenza għandha tagħti kemm tista' attenzjoni lid-diskussjonijiet, b'mod partikolari billi titlob lid-delegazzjonijiet jirreaġixxu għal testi ta' kompromess jew proposti speċifiċi.
12. Matul u fi tmiem il-laqgħat il-Presidenza għandha żżomm lura milli tagħmel sommarji twal tad-diskussjonijiet u għandha tirrestrinġi ruħha billi tislet konklużjoni qasira tar-riżultati (sustanza u/jew proċedura) milħuqa.
13. Id-delegazzjonijiet għandhom jevitaw li jirrepetu punti magħmula minn kelliema preċendenti. L-interventi tagħhom ikunu qosra, sostantivi u dritt għall-punt.
14. Delegazzjonijiet li jaħsbuha l-istess huma mħeġġa jikkonsultaw bil-ħsieb li kelliem wieħed jagħmel preżentazzjoni ta' pożizzjoni komuni dwar punt speċifiku.
15. Meta jkunu qed jiddiskutu testi, id-delegazzjonijiet għandhom jagħmlu proposti konkreti ta' abbozzar, bil-miktub, iżjed milli sempliċiment jesprimu n-nuqqas ta' qbil tagħhom ma' proposta partikolari.
16. Ħlief jekk indikat mod ieħor mill-Presidenza, id-delegazzjonijiet għandhom joqogħdu lura milli jindirizzaw il-laqgħa meta jkunu jaqblu ma' proposta partikolari; f'dan il-każ is-silenzju jiġi kkunsidrat bħala qbil fil-prinċipju.
ANNESS VI
Dispożizzjonijiet dwar il-forma tal-atti
A. Forom ta’ Regolamenti
1. Ir-Regolamenti adottati konġuntement mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kunsill għandhom jinkludu:
a) fit-titolu tagħhom il-kelma “Regolament”, segwita min-numru serjali, id-data tal-adozzjoni tagħhom u indikazzjoni tas-suġġett; Fil-każ ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 291(2) tat-TFUE, ir-Regolament għandu jindika fit-titolu “Regolament ta’ Implimentazzjoni”;
b) il-kliem “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea” jew “Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea”, skont il-każ;
c) indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li taħthom huwa adottat ir-Regolament, ippreċeduta bil-kliem “Wara li kkunsidra(w)”;
d) kunsiderazzjoni li tinkludi referenza għal proposti preżentati u għal opinjonijiet miksuba u konsultazzjonijiet miżmuma;
e) dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament, ippreċeduta mill-kelma “Billi:”, bil-premessi jkunu nnumerati;
f) il-kliem “adottaw dan ir-Regolament” jew “adotta dan ir-Regolament”, skont il-każ, segwit mit-termini normattivi tar-Regolament.
2. Ir-Regolamenti għandhom jinqasmu f’Artikoli u, skont il-każ, miġbura f’kapitoli u taqsimiet.
3. L-Artikolu finali ta’ Regolament għandu jiffissa d-data tad-dħul fis-seħħ, fejn dik id-data tkun qabel jew wara l-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni.
4. L-Artikolu finali ta’ Regolament għandu jkun segwit bi:
i) il-kliem: “Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha”,
jew
ii) il-kliem: “Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati”, fil-każijiet kollha fejn att mhuwiex applikabbli għal, jew fi, l-Istati Membri kollha ( 36 )
b) il-kliem “Magħmul fi …”, segwit mid-data li fiha r-Regolament ġie adottat,
u
c) fil-każ ta’:
i) Regolament adottat konġuntement mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-formola:
“Għall-Parlament Ewropew
Il-President”
“Għall-Kunsill
Il-President”
segwit bl-isem tal-President tal-Parlament Ewropew u tal-President-fil-Kariga tal-Kunsill fiż-żmien meta r-Regolament jiġi adottat;
ii) Regolament tal-Kunsill, il-formola:
“Għall-Kunsill
Il-President”
segwit bl-isem tal-President fil-Kariga tal-Kunsill fiż-żmien meta r-Regolament jiġi adottat.
B. Forom ta’ Direttivi, Deċiżjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet:
1. Id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet adottati konġuntement mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u Direttivi u Deċiżjonijiet tal-Kunsill, għandhom jinkludu fit-titoli tagħhom il-kelma “Direttiva” jew “Deċiżjoni”;
Fil-każ ta’ Direttiva jew Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 291(2) tat-TFUE, din għandha tinkludi fit-titolu “Direttiva ta’ Implimentazzjoni” jew “Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni”;
2. Ir-Rakkomandazzjonijiet u l-Opinjonijiet maħruġa mill-Kunsill għandhom jinkludu fit-titoli tagħhom il-kelma “Rakkomandazzjoni” jew “Opinjoni”;
3. Id-dispożizzjonijiet relatati ma’ Regolamenti stabbiliti fil-punti A hawn fuq għandhom japplikaw mutatis mutandis, suġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, għal Direttivi u Deċiżjonijiet.
C. Forom ta’ deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tat-TUE
Dawn id-Deċiżjonijiet għandhom jindikaw fit-titoli tagħhom l-intestaturi: “Deċiżjoni tal-Kunsill”, numru serjali (sena/numru/PESK), id-data tal-adozzjoni u indikazzjoni tas-suġġett tagħhom.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/683/KE, Euratom tat-15 ta’ Settembru 2006 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47).
( 2 ) Dan il-paragrafu jirriproduċi l-Artikolu 237 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “TFUE”).
( 3 ) Dan il-paragrafu jirriproduċi l-punt b) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar l-istabbiliment tas-sedi tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organizzazzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni Ewropea annessi għat-Trattati.
( 4 ) Dan il-paragrafu jirriproduċi l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ 1 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill (ĠU L 315, 2.12.2009, p. 50).
( 5 ) Dawn iż-żewġ sentenzi jirriproduċu, u jadattaw, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “TUE”) u l-punt a) tal-Artikolu 236 tat-TFUE.
( 6 ) Dawn iż-żewġ sentenzi jirriproduċu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(6), tat-TUE
( 7 ) Dan il-paragrafu jirriproduċi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3 tal-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ 1 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill.
( 8 ) Din is-sentenza tirriproduċi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16 (6) tat-TUE.
( 9 ) Ara d-dikjarazzjoni a) ta’ hawn taħt:
a) Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5):
“Meta l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin jissejjaħ sabiex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta' politika kummerċjali komuni, il-President tiegħu ser jitlob sabiex jiġi sostitwit bil-presidenza ta' sitt xhur kif previst bl-Artikolu 2(5), it-tieni subparagrafu.”
( 10 ) Ara d-dikjarazzjoni b) ta’ hawn taħt:
(b) Fir-rigward tal-Artikolu 2(6):
“Il-programm ta' 18-il xahar jinkludi parti introduttorja ġenerali li tistabbilixxi l-programm fil-kuntest tal-orjentazzjonijiet strateġiċi għall-perijodu fit-tul tal-Unjoni. It-tliet Presidenzi responsabbli għall-preparazzjoni tal-abbozz tal-programm ta' 18-il xahar se jikkonsultaw mat-tliet Presidenzi sussegwenti, bħala parti mill-‘konsultazzjonijiet adatti’ imsemmija fit-tielet sentenza tal-paragrafu 6. L-abbozz ta' programm ta' 18-il xahar għandu jqis ukoll, fost l-oħrajn, il-punti rilevanti li joħorġu mid-djalogu dwar il-prijoritajiet politiċi annwali, mibdi fuq inizjattiva tal-Kummissjoni.”
( 11 ) Ara d-dikarazzjonijiet c) u d) ta’ hawn taħt:
c) Fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (2):
“Il-President se jipprova jiżgura li, fil-prinċipju, l-aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill li tittratta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u kwalunkwe dokumenti marbutin mal-punti involuti, jaslu għand il-membri tal-Kunsill tal-inqas wieħed u għoxrin ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa.”
d) Fir-rigward tal-Artikoli 1 u 3:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30(2) tat-Trattat UE, li jispeċifika li laqgħa straordinarja tal-Kunsill tista' titlaqqa' fi żmien qasir f'każijiet li jeħtieġu deċiżjoni rapida, il-Kunsill huwa konxju tal-ħtieġa li materji relatati mal-politika barranija u ta' sigurtà komuni jkunu trattati b'ħeffa u b'effiċjenza. L-arranġamenti fl-Artikolu 3 m'għandhomx iżommu milli tintlaqa' din il-ħtieġa.”
( 12 ) Dan is-subparagrafu jirriproduċi l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea.
( 13 ) Din is-sentenza tirriproduċi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(8) tat-Trattat UE.
( 14 ) Dan il-paragrafu jirriproduċi l-Artikolu 239 tat-TFUE.
( 15 ) Ara d-dikjarazzjoni e) ta’ hawn taħt:
e) Fir-rigward tal-Artikolu 12(2), punti a), b) u c):
“Skont il-prattika regolari tal-Kunsill, il-limitu ta' żmien stipulat normalment ikun ta' tlett ijiem ta' ħidma”;
( 16 ) Ara d-dikjarazzjoni f) ta’ hawn taħt:
f) Fir-rigward tal-Artikolu 12(2)(d):
“Il-Kunsill jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-network COREU għandu jintuża skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 1995 (dok. 7896/95) dwar il-metodi ta' ħidma tal-Kunsill.”
( 17 ) Ara d-dikjarazzjoni g) ta’ hawn taħt:
g) Fir-rigward tal-Artikolu 16 u l-Anness IV:
“Il-Kunsill jaqbel li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 u l-Anness IV japplikaw għal atti fir-rigward ta' liema xi membri tal-Kunsill, taħt it-Trattati, ma għandhomx dritt jivvutaw għall-adozzjoni tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tat-Trattat UE mhix koperta minn dawk id-dispożizzjonijiet.”
( 18 ) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
( 19 ) Dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbiliti fl-Artikolu 134 tat-TFUE u għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill eżistenti dwaru (ĠU L 358, 31.12.1998, p. 109, ►C1 u ĠU L 5, 9.1.1999, p. 71). ◄
( 20 ) Ara d-dikjarazzjoni h) ta’ hawn taħt:
h) Fir-rigward tal-Artikolu 19(1):
“Il-Coreper għandu jiżgura l-konsistenza u l-osservanza tal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li s-suġġett tagħhom ikun trattat f'fora oħra.”
( 21 ) Ara d-dikjarazzjoni i) ta’ hawn taħt:
i) Fir-rigward tal-Artikolu 19(7):
“Jekk membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' deċiżjoni ta' proċedura preżentat lill-Coreper għal adozzjoni skont l-Artikolu 19(7) iqajjem kwistjoni ta' sustanza, l-abbozz ta' deċiżjoni għandu jiġi preżentat lill-Kunsill.”
( 22 ) Dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbiliti fl-Artikolu 114 tat-TFUE u għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill eżistenti dwaru (ĠU L 358, 31.12.1998, p. 109, u ĠU L 5, 9.1.1999, p. 71).
( 23 ) Ara d-dikjarazzjoni j) ta’ hawn taħt:
j) Fir-rigward tal-Artikolu 21:
“Rapporti mill-gruppi ta' ħidma u kwalunkwe dokument ieħor użat bħala l-bażi għad-diskussjonijiet tal-Coreper għandhom jiġu mibgħuta lid-delegazzjonijiet minn qabel sabiex ikollhom ħin biżżejjed ►C2 għall-eżami ◄ tagħhom.”
( 24 ) Ara d-dikjarazzjoni k) ta’ hawn taħt:
k) Fir-rigward tal-Artikolu 22:
“Is-Servizz Legali tal-Kunsill ġie mogħti wkoll istruzzjonijiet sabiex jipprovdi assistenza lill- Istati Membri responabbli għal inizjattiva fis-sens tal-Artikolu 76, punt b), tat-TFUE bil-għan, inter alia, tal-kontroll tal-kwalità tal-abbozzar ta' tali inizjattivi jekk dik l-assistenza tkun mitluba mill-Istat Membru kkonċernat.”
Ara d-dikjarazzjoni l) ta’ hawn taħt:
l) Fir-rigward tal-Artikolu 22:
“Il-membri tal-Kunsill għandhom jikkumentaw dwar proposti għal kodifikazzjoni uffiċjali ta' testi leġislattivi fi żmien tletin jum ta’ xogħol miċ-ċirkolazzjoni ta' tali proposti mis-Segretarjat Ġenerali. Il-membri tal-Kunsill għandhom jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet ta' proposta għall-formulazzjoni mill-ġdid ta' testi leġislattivi li jkunu ttieħdu mill-att preċedenti mingħajr emenda sostantiva jkunu eżaminati skont il-prinċipji stabbiliti għall-eżami ta' proposti ta' kodifikazzjoni.”
◄
( 25 ) ĠU C 73, 17.3.1999, p. 1.
( 26 ) Il-paragrafi 1 u 2, l-ewwel subparagrafu, jirriproduċu l-Artikolu 240(2) tat-TFUE.
( 27 ) Din il-formazzjoni hija istitwita mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16(6) tat-TUE.
( 28 ) Din il-formazzjoni hija istitwita mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16(6) tat-TUE.
( 29 ) Inkluż il-baġit.
( 30 ) Inkluża l-protezzjoni ċivili.
( 31 ) Inkluż it-turiżmu.
( 32 ) Inklużi affarijiet awdjoviżivi.
( 33 ) Ara d-dikjarazzjoni m) ta' hawn taħt:
m) Fir-rigward tal-Anness I, it-tieni paragrafu:
“Il-Presidenza se torganizza l-aġendi tal-Kunsill billi tiġbor flimkien punti ta' aġenda relatati, sabiex tiffaċilita l-attendenza mir-rappreżentanti nazzjonali rilevanti, b'mod partikolari fejn konfigurazzjoni partikolari tal-Kunsill tkun se tittratta ma' settijiet ta' suġġetti li jiddistingwu ruħhom b'mod ċar.”
( 34 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
( 35 ) Ara d-dikjarazzjoni n) ta' hawn taħt:
n) Fir-rigward tal-Anness IV, il-paragrafu 1(h):
“Il-Kunsill jikkonferma li l-prattika preżenti li permezz tagħha t-testi li jservu bħala bażi għad-deliberazzjonijiet tagħha huma mfassla fil-lingwi kollha ser tkompli tapplika.”
( 36 ) Ara d-dikjarazzjoni o) ta’ hawn taħt:
o) Fir-rigward tal-Anness VI, il-paragrafu A.4 (a) (ii):
“Il-Kunsill jixtieq ifakkar li, fil-każijiet previsti fit-Trattati fejn att mhuwiex applikabbli għal jew fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li tiġi ċċarata l-applikazzjoni territorjali tiegħu fir-raġunijiet mogħtija għal u fil-kontenut tal-att konċernat.”