EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008R1300-20110101

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1300/2008 tat- 18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokk ta’ aringi li jinsab fil-Punent tal-Iskozja u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1300/2011-01-01

2008R1300 — MT — 01.01.2011 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1300/2008

tat-18 ta' Diċembru 2008

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokk ta’ aringi li jinsab fil-Punent tal-Iskozja u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk

(ĠU L 344, 20.12.2008, p.6)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009

  L 343

1

22.12.2009




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1300/2008

tat-18 ta' Diċembru 2008

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokk ta’ aringi li jinsab fil-Punent tal-Iskozja u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 1 ),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd ( 2 ) jipprevedi li, sabiex jinkiseb l-għan stabbilit fih, il-Komunità għandha tapplika l-approċċ ta’ prekawzjoni meta tadotta miżuri għall-protezzjoni u konservazzjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin, sabiex tipprovdi għall-isfruttar sostenibbli tagħhom u sabiex tnaqqas għal minimu l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi marini.

(2)

Parir xjentifiku reċenti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (International Council for the Exploration of the Sea, ICES) u mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries, STECF) jindika li l-istokk tal-aringi (Clupea harengus) li jinsab fl-ibħra lejn il-Punent tal-Iskozja huwa sfruttat kemmxejn aktar meta mqabbel mal-ogħla rendiment sostenibbli.

(3)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit pjan pluriennali bl-iskop li jkun żgurat li l-istokk ikun sfruttat abbażi tal-ogħla rendiment sostenibbli u taħt kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

(4)

Għal dan il-għan, il-pjan għandu jiċċentra fuq l-implimentazzjoni progressiva ta’ approċċ għall-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, u għandu jikkontribwixxi għal attivitajiet effiċjenti ta’ sajd f’industrija tas-sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiva, li jġib standard ġust ta’ għajxien għal dawk li jiddependu mis-sajd tal-aringi fil-Punent tal-Iskozja u li jqis l-interessi tal-konsumaturi.

(5)

Parir xjentifiku mis-STECF u mill-ICES jindika li l-istokk ta’ aringi fl-ibħra lejn il-Punent tal-Iskozja ikun sostenibbli u jħalli rendiment raġonevolment għoli jekk jiġi sfruttat abbażi ta’ mortalità mis-sajd ta’ 0,25 meta l-livell tal-bijomassa tal-istokk ikun ugwali għal, jew aktar minn, 75 000 tunnellata metrika u abbażi ta’ mortalità mis-sajd ta’ 0,2 meta l-livell tal-bijomassa tal-istokk ikun anqas minn 75 000 tunnellata metrika iżda ugwali għal jew aktar minn 50 000 tunnellata metrika,.

(6)

Dak il-parir għandu jkun implimentat billi jkun stabbilit metodu xieraq sabiex ikunu ffissati l-qabdiet totali permissibbli (TACs) għall-istokk ta’ aringi fl-ibħra lejn il-Punent tal-Iskozja f’livell konsistenti ma’ mortalità mis-sajd xierqa għall-perijodu fit-tul u b'kont meħud tal-livell tal-bijomassa ta' dan l-istokk ta' ħut.

(7)

Sabiex tkun żgurata stabbiltà fil-possibbiltajiet tas-sajd, jeħtieġ li l-varjazzjoni fit-TACs minn sena għall-oħra tiġi limitata meta l-livell tal-bijomassa tal-istokk ikun ugwali għal jew aktar minn 50 000 tunnellata metrika.

(8)

Sabiex tkun żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ kontroll minbarra dawk stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta' Ġunju 1994 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet rigward permessi speċjali tas-sajd ( 3 ), mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni ( 4 ) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta’ Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni ta' informazzjoni dwar il-qabdiet ta' ħut tal-Istati Membri ( 5 ).

(9)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jikkwalifikaw il-pjan pluriennali introdott b'dan ir-Regolament bħala pjan ta' rkupru fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd taħt il-Politika Komuni dwar is-Sajd u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd ( 6 ) jew bħala pjan ta' ġestjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(iv) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006, b'kont meħud tal-livell tal-bijomassa tal-istokk.

(10)

L-istabbiliment tal-qabdiet totali permissibbli, ir-reviżjoni tar-rati minimi ta' mortalità mis-sajd, kif ukoll ċerti adattamenti meħtieġa għall-pjanijiet ta' ġestjoni u ta' rkupru fid-dawl tal-effikaċja tagħhom u tal-funzjonament tagħhom, jikkostitwixxu miżuri ta' importanza fundamentali fil-Politika Komuni tas-Sajd. Huwa għaldaqstant kunsiljabbli li l-Kunsill jirriżerva d-dritt li jeżerċita direttament is-setgħat implimentazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet speċifiċi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali għall-attivitajiet tas-sajd li jisfruttaw l-istokk ta’ aringi (Clupea harengus) f’ibħra internazzjonali u f’dawk tal-Komunità taż-żoni Vb u VIb tal-ICES, u f’dik il-parti taż-żona VIa tal-ICES li tinsab fil-Punent tal-meridjan ta' lonġitudini 7oW u fit-Tramuntana tal-parallel ta' latitudini 55oN jew fil-Lvant tal-meridjan ta' lonġitudini 7oW u fit-Tramuntana tal-parallel ta' latitudini 56oN, bl-esklużjoni ta’ Clyde (minn hawn ’il quddiem imsejħa “iż-żona fil-Punent tal-Iskozja”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Addizzjonalment, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a) “iż-żoni ICES”: iż-żoni definiti fir-Regolament (KEE) Nru 3880/91 tas-17 ta’ Diċembru 1991 dwar is-sottomissjoni ta' statistika nominali dwar il-qabda mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku ( 7 );

(b) “it-total permissibbli ta' qabdiet (TAC)”: il-kwantità li tista’ tinqabad u tinħatt l-art, mill-istokk kull sena;

(c) “VMS”: is-Sistema ta’ Sorveljanza ta’ Vapuri bbażata fuq satellita (VMS) fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2003 tat-18 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi disposizzjonijiet dettaljati dwar is-sistemi ta' sorveljanza tal-vapuri bażata fuq satellita ( 8 );

(d) “grupp ta' età adatta”: l-età minn tliet sa seba′ snin inklużi, jew gruppi oħra ta' età indikati bħala adatti mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (CSTEP).



KAPITOLU II

OBJETTIV U MIRI

Artikolu 3

Objettivi u miri

1.  Il-pjan pluriennali għandu jiżgura l-isfruttar tal-istokk ta’ aringi fiż-żona fil-Punent tal-Iskozja abbażi tal-ogħla rendiment sostenibbli.

2.  L-objettiv fil-paragrafu 1 għandu jintlaħaq billi:

(a) ir-rata ta’ mortalità tas-sajd tinżamm f’0,25 fis-sena għal gruppi ta’ età adatta meta l-livell tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk ikun aktar minn 75 000 tunnellata;

(b) ir-rata ta’ mortalità tas-sajd tinżamm f’mhux aktar minn 0,2 fis-sena għal gruppi ta’ età adatta meta l-livell tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk ikun anqas minn 75 000 tunnellata iżda ugwali għal jew aktar minn 50 000 tunnellata;

(c) ikun previst l-għeluq tas-sajd fil-każ li l-livell tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk jinżel taħt il-50 000 tunnellata.

3.  L-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jintlaħaq f'varjazzjoni annwali tat-TAC limitata għal 20 % jew 25 % abbażi tas-sitwazzjoni tal-istokk.



KAPITOLU III

QBID TOTALI AMMISSIBBLI

Artikolu 4

Iffissar tat-TACs

1.  Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, b’maġġoranza kwalifikata abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, kemm għandu jkun it-TAC, għas-sena ta’ wara, applikabbli għall-istokk tal-aringi fiż-żona fil-punent tal-Iskozja, konformement mal-paragrafi 2 sa 6.

2.  Meta fl-opinjoni tas-STECF il-livell tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk ikun ta' 75 000 tunnellata jew aktar fis-sena li għaliha jkollha tkun iffissata t-TAC, dan għandu jiġi stabbilit f’livell li, abbażi tal-parir tas-STECF, jirriżulta f’rata ta’ mortalità tas-sajd ta’ 0,25 fis-sena. Madankollu, il-varjazzjoni annwali tat-TAC għandha tkun limitata għal 20 %.

3.  Meta fl-opinjoni tas-STECF il-livell tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk ikun anqas minn 75 000 tunnellata iżda ugwali għal jew aktar minn 50 000 tunnellata fis-sena li għaliha jkollu jiġi ffissat it-TAC, dan għandu jiġi stabbilit f’livell li, abbażi tal-parir tas-STECF, jirriżulta f’rata ta’ mortalità tas-sajd ta’ 0,2 fis-sena. Madankollu, il-varjazzjoni minn sena għall-oħra tat-TAC għandha tkun limitata għal:

(a) 20 % jekk il-livell tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk ikun ta' 62 500 tunnellata jew aktar iżda anqas minn 75 000 tunnellata;

(b) 25 % jekk il-livell tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk ikun ta' 50 000 tunnellata jew aktar iżda anqas minn 62 500 tunnellata.

4.  Meta fl-opinjoni tas-STECF il-livell tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk ikun anqas minn 50 000 tunnellata fis-sena li għaliha jkollu jiġi ffissat it-TAC, dan għandu jiġi stabbilit għal 0 tunnellati.

5.  Għall-fini tal-kalkolu li għandu jsir konformement mal-paragrafi 2 u 3, is-STECF għandu jikkunsidra li l-istokk iġarrab rata ta’ mortalità fis-sajd ta’ 0,25 fis-sena qabel is-sena li għaliha għandha tkun iffissata t-TAC.

6.  B′deroga mill-paragrafi 2 jew 3, jekk, fl-opinjoni tas-STECF, l-istokk tal-aringi fiż-żona fuq in-naħa tal-punent tal-Iskozja ma jkunx qed jirkupra biżżejjed, it-TAC għandha tiġi ffissata f'livell aktar baxx minn dak previst f'dawk il-paragrafi.

▼M1 —————

▼B



KAPITOLU IV

SEGWITU

Artikolu 7

Reviżjoni tar-rati minimi ta’ mortalità tas-sajd

Meta l-Kummissjoni, abbażi ta’ parir mis-STECF, issib li r-rati ta’ mortalità fis-sajd u l-livelli relatati ma’ bijomassa ta’ stokkijiet li jbidu speċifikati fl-Artikolu 3(2) ma jkunux adatti sabiex tintlaħaq il-mira speċifikata fl-Artikolu 3(1), il-Kunsill għandu fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata dwar reviżjoni ta’ dawk il-livelli tal-bijomassa u/jew koeffiċjenti.

Artikolu 8

Evalwazzjoni u reviżjoni tal-pjan

1.  Il-Kummissjoni għandha kull sena titlob parir mingħand is-STECF u mill-Kunsill Konsultattiv Reġjonali Pelaġiku dwar kif għandhom jintlaħqu l-miri tal-pjan multiannwali. Fejn il-parir jindika li l-miri ma jkunux qegħdin jintlaħqu, il-Kunsill tal-UE għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni dwar miżuri addizzjonali jew alternattivi, jew it-tnejn, sabiex jiżgura li l-miri jintlaħqu.

2.  F’intervalli ta’ mhux anqas minn erba’ snin mit-18 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tirrivedi ż-żona ġeografika ta' applikazzjoni, il-livelli ta' referenza bijoloġika u l-adegwatezza u l-operat tal-pjan multiannwali. Fil-qafas ta' tali reviżjoni, il-Kummissjoni għandha titlob il-parir tas-STECF u tal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali Pelaġiku. Jekk ikun il-każ, il-Kunsill tal-UE għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifika fuq proposta mill-Kummissjoni dwar adattamenti adatti għall-pjan multiannwali, fir-rigward taż-żona ġeografika ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, il-livelli ta' referenza bijoloġika msemmija fl-Artikolu 3 jew ir-regoli għall-iffissar tat-TACs msemmija fl-Artikolu 4.



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Fond Ewropew għas-Sajd

Fejn il-bijomassa riproduttiva tal-aringi tiġi valutata mis-STECF bħala ta' livell ta' 75 000 tunnellata jew aktar, il-pjan multiannwali għandu jitqies bħala pjan ta’ ġestjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006. F'każ kuntrarju, il-pjan multiannwali għandu jitqies li huwa pjan ta' rkupru fit-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) L-Opinjoni tal-4 ta' Diċembru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 2 ) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

( 3 ) ĠU L 171, 6.07.1994, p. 7.

( 4 ) ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

( 5 ) ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1.

( 6 ) ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

( 7 ) ĠU L 365, 31.12.1991, p. 1.

( 8 ) ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17.

Top