Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008E0124-20111124

    Consolidated text: Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK ta’ l- 4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/124/2011-11-24

    2008E0124 — MT — 24.11.2011 — 005.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/124/PESK

    ta’ l-4 ta’ Frar 2008

    dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO

    (ĠU L 042, 16.2.2008, p.92)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/445/PESK tad-9 ta’ Ġunju 2009

      L 148

    33

    11.6.2009

    ►M2

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/322/PESK tat-8 ta’ Ġunju 2010

      L 145

    13

    11.6.2010

     M3

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/619/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2010

      L 272

    19

    16.10.2010

     M4

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/687/PESK tal-14 ta’ Ottubru 2011

      L 270

    31

    15.10.2011

    ►M5

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/752/PESK tal-24 ta’ Novembru 2011

      L 310

    10

    25.11.2011




    ▼B

    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/124/PESK

    ta’ l-4 ta’ Frar 2008

    dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO



    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 u l-Artikolu 25(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta’ Ġunju 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244 (minn hawn 'il quddiem r-“Riżoluzzjoni 1244”), u fi ħdan tali qafas, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti:

     “Jiddeċiedi li l-preżenzi internazzjonali, ċivili u ta’ sigurtà, jiġu stabbiliti għal perijodu inizjali ta’ 12-il xahar, li għandhom jibqgħu hekk sussegwentement sakemm il-Kunsill tas-Sigurtà ma jiddeċidix mod ieħor” (Paragrafu 19),

     “Jawtorizza lis-Segretarju-Ġenerali, bl-assistenza ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, sabiex jistabbilixxi preżenza internazzjonali ċivili fil-Kosovo …” u “Jiddeċiedi li r-responsabbiltajiet prinċipali tal-preżenza internazzjonali ċivili tinkludi …(f) fi stadju finali, is-superviżjoni tat-trasferiment ta’ l-awtorità mill-istituzzjonijiet provviżorji tal-Kosovo lil istituzzjonijiet stabbiliti taħt ftehim politiku …(i) l-infurzar tal-liġi ċivili u ż-żamma ta’ l-ordni pubbliku, inkluż l-istabbiliment ta’ forzi lokali tal-pulizija u sadanittant permezz ta’ l-iskjerament ta’ persunal tal-pulizija internazzjonali sabiex iservi fil-Kosovo” (Paragrafi 10 u 11),

     “Jilqa' l-ħidma attwali fl-Unjoni Ewropea u f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħra sabiex jiġi żviluppat approċċ komprensiv lejn l-iżvilupp ekonomiku u l-istabbilizzazzjoni tar-reġjun milqut mill-kriżi tal-Kosovo, inkluża l-implimentazzjoni ta’ Patt ta’ Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk b'parteċipazzjoni internazzjoniali wiesgħa sabiex tiżdied il-promozzjoni tad-demokrazija, tal-prosperità ekonomika, ta’ l-istabbiltà u tal-koperazzjoni reġjonali” (Paragrafu 17).

    (2)

    L-organi, istituzzjonijiet u awtoritajiet tal-Kosovo msemmija f'din l-Azzjoni Konġunta huma l-istituzzjonijiet (minn hawn 'il quddiem “l-istituzzjonijiet tal-Kosovo”) maħluqa abbażi tar-Riżoluzzjoni 1244. Huma jinkludu, inter alia, is-Servizz tal-Pulizija tal-Kosovo, il-ġudikatura u l-Ministri assoċjati ta’ l-Intern u tal-Ġustizzja.

    (3)

    Teżisti l-ħtieġa li jiġu impediti, għal raġunijiet umanitarji, azzjonijiet għal għarrieda ta’ vjolenza, atti ta’ persekuzzjoni u intimidazzjoni fil-Kosovo, b'kont meħud, adegwatament, tar-responsabbiltà lejn il-popolazzjonijiet kif imsemmi fir-Riżoluzzjoni 1674 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta’ April 2006.

    (4)

    Fl-10 ta’ April 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK li tistabbilixxi Grupp ta’ Ippjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u possibbilment f'oqsma oħra fil-Kosovo ( 6 ).

    (5)

    Fil-11 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill approva l-Kunċett għall-Maniġġar ta’ Kriżi għal operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat tad-dritt u possibbilment f'oqsma oħra fil-Kosovo.

    (6)

    L-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK tispeċifika li l-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu, b'mod partikolari, jaġixxi taħt it-tmexxija tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-maniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo, ladarba dan ta’ l-aħħar ikun inħatar.

    (7)

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-14 ta’ Diċembru 2007, enfasizza r-rieda ta’ l-UE li jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ ta’ l-istabbiltà fir-reġjun skond il-perspettiva Ewropea tagħha u fl-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo. Huwa ddikjara r-rieda ta’ l-UE li tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli, inkluż permezz ta’ missjoni tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u Difiża (PESD) u kontribuzzjoni għal uffiċċju ċivili internazzjonali bħala parti mill-preżenzi internazzjonali. Il-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni kien mistieden jiddetermina l-modalitajiet għall-missjoni u meta jnediha. Is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) ġie mitlub iħejji l-missjoni f'diskussjoni ma’ l-awtoritajiet responsabbli fil-Kosovo u n-Nazzjonijiet Uniti. F'dan ir-rigward, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjara li n-Nazzjonijiet Uniti, bl-assistenza ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, hija impenjata li tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli. Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti innota wkoll ir-rieda ta’ l-UE li jkollha rwol imsaħħaħ fil-Kosovo, kif rifless fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell fl-14 ta’ Diċembru 2007.

    (8)

    Konġuntement ma’ din l-Azzjoni Konġunta, il-Kunsill qiegħed jadotta Azzjoni Konġunta dwar il-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE għall-Kosovo.

    (9)

    Konformement mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza tas-7 u d-9 ta’ Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-SĠ/RGħ skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat.

    (10)

    L-Artikolu 14(1) tat-Trattat jitlob l-indikazzjoni tal-finanzi għall-perijodu kollu ta’ implementazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta’ l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea turi r-rieda ta’ l-awtorità politika u hija suġġetta għad-disponibbiltà ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn matul is-sena baġitarja rispettiva.

    (11)

    Fid-dawl tad-daqs u tan-natura tal-missjoni stabbilita minn din l-Azzjoni Konġunta, teżisti l-ħtieġa ta’ provvedimenti speċifiċi dwar ir-reklutaġġ tal-persunal u dwar l-akkwist.

    (12)

    L-istruttura ta’ kmand u kontroll tal-missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-missjoni.

    (13)

    Il-kapaċità ta’ l-għassa stabbilita fis-Segretarjat tal-Kunsill għandha tiġi attivata għal din il-Missjoni.

    (14)

    Il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo ser titwettaq f'sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tkun ta’ ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:



    Artikolu 1

    Il-missjoni

    1.  L-UE b'dan tistabbilixxi l-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (minn hawn 'il quddiem “EULEX KOSOVO”).

    2.  EULEX KOSOVO għandha topera skond il-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2 u twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

    Artikolu 2

    Mandat tal-Missjoni

    EULEX KOSOVO għandha tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo, lil awtoritajiet ġudizzjarji u lil aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi fil-progress tagħhom lejn is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà u fl-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri ta’ sistema ġudizzjarja multi-etnika indipendenti u servizz tal-pulizija u tad-dwana multi-etniku, filwaqt li jiġi żgurat li dawn l-istituzzjonijiet huma ħielsa minn interferenzi politiċi u jaderixxu ma’ l-istandards rikonoxxuti fl-ambitu internazzjonali u l-aħjar prattika Ewropea.

    EULEX KOSOVO, f'koperazzjoni sħiħa mal-Programmi ta’ assistenza tal-Kummissjoni Ewropea, għandha timplimenta l-mandat tagħha permezz ta’ monitoraġġ, iggwidar u konsulenza, filwaqt li żżomm ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi.

    Artikolu 3

    Kompiti

    Sabiex jitwettaq il-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2, EULEX KOSOVO għandha:

    (a) tiċċekkja, tiggwida u tagħti pariri lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Kosovo fl-oqsma kollha relatati mas-settur usa' ta’ l-istat tad-dritt (inkluż is-servizz tad-dwana), filwaqt li żżomm ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi;

    (b) tiżgura ż-żamma u l-protezzjoni ta’ l-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà anke permezz, skond il-każ, ta’ konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet internazzjonali ċivili rilevanti fil-Kosovo, billi tirtira jew tħassar deċiżjonijiet operattivi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo;

    (c) tgħin jiżgura li s-servizzi kollha ta’ l-istat tad-dritt fil-Kosovo, inkluż servizz tad-dwana, ikunu ħielsa minn interferenzi politiċi;

    (d) tiżgura li, b'mod adegwat, isir stħarriġ, titmexxa prosekuzzjoni, jingħataw sentenzi u jsir infurzar, skond il-liġi applikabbli, fir-rigward ta’ każijiet ta’ reati tal-gwerra, terroriżmu, kriminalità organizzata, korruzzjoni, reati inter-etniċi, reati ekonomiċi/finanzjarji u reati serji oħra, anke, skond il-każ, permezz ta’ investigaturi, prosekuturi u mħallfin internazzjonali flimkien ma’ investigaturi, prosekuturi u imħallfin tal-Kosovo jew b'mod indipendenti, u permezz anke, skond il-każ, tal-ħolqien ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk tal-prosekuzzjoni;

    (e) tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-proċess ġudizzjarju kollu, b'mod partikolari fil-qasam tal-kriminalità organizzata;

    (f) tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità finanzjarja;

    (g) tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni tal-Kosovo;

    (h) tieħu f'idejha responsabbiltajiet oħra, b'mod indipendenti jew f'appoġġ ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo, sabiex tiżgura ż-żamma u l-protezzjoni ta’ l-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà anke permezz ta’ konsultazzjoni ma’ l-aġenziji rilevanti tal-Kunsill; u

    (i) tiżgura li l-attivitajiet kollha tagħha jirrispettaw l-istandards internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    Artikolu 4

    Fażi ta’ ppjanar u tħejjija

    1.  Matul il-fażi ta’ ppjanar u tħejjija tal-missjoni, l-EUPT Kosovo għandu jaġixxi bħala l-element ta’ ppjanar u tħejjija ewlieni għal EULEX KOSOVO.

    Il-Kap tal-EUPT Kosovo għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kap ta’ EULEX KOSOVO (minn hawn 'il quddiem “il-Kap tal-Missjoni”).

    2.  Bħala prijorità, għandha titwettaq stima komprensiva tar-riskju bħala parti tal-proċess ta’ ppjanar. Din l-istima tista’ tiġi aġġornata kif meħtieġ.

    3.  L-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għar-reklutaġġ u l-iskjerament tal-persunal, il-ksib ta’ l-assi, il-provvisti u s-servizzi, inkluż f'isem EULEX KOSOVO, ffinanzjati mill-baġit ta’ l-EUPT Kosovo.

    4.  L-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għat-tfassil tal-Pjan Operattiv (OPLAN) u l-iżvilupp ta’ l-istrumenti tekniċi neċessarji sabiex jiġi esegwit il-mandat ta’ EULEX KOSOVO. L-OPLAN għandu jieħu kont ta’ l-istima komprensiva tar-riskju u għandu jinkludi pjan ta’ sigurtà. Il-Kunsill għandu japprova l-OPLAN.

    Artikolu 5

    Varar u perijodu ta’ transizzjoni

    1.  Id-deċiżjoni għall-varar ta' l-EULEX KOSOVO għandha tittieħed mill-Kunsill ma' l-approvazzjoni ta' l-OPLAN. Il-fażi operattiva tal-missjoni tal-PESD għandha tibda mat-trasferiment ta' l-awtorità mill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo, UNMIK.

    2.  Matul il-perijodu transitorju, il-Kap tal-Missjoni jista' jistruwixxi lill-EUPT sabiex imexxi l-attivitajiet meħtieġa sabiex il-missjoni tal-PESD tkun operattiva bis-sħiħ dakinhar tat-trasferiment ta' l-awtorità.

    Artikolu 6

    Struttura ta’ EULEX KOSOVO

    1.  Il-Missjoni EULEX KOSOVO għandha tkun missjoni ESDP unifikata fil-Kosovo kollu.

    2.  Il-Missjoni EULEX KOSOVO għandha tistabbilixxi:

    (a) il-Kwartier Ġenerali prinċipali tagħha fi Pristina,

    (b) uffiċċji reġjonali u lokali fil-Kosovo kollu,

    (c) element ta’ appoġġ minn Brussell, u

    (d) uffiċċji ta’ kollegament, kif meħtieġ.

    3.  Suġġett għall-arranġamenti dettaljati fl-OPLAN, EULEX KOSOVO għandha tkun strutturata kif ġej:

    (a) il-Kap tal-Missjoni u l-persunal kif iddefinit fl-OPLAN,

    (b) komponent tal-pulizija, ko-lokat fejn adegwat mad-diversi servizzi tal-pulizija fil-Kosovo, inklużi fil-punti ta’ qsim tal-Fruntieri,

    (c) komponent tal-ġustizzja, allokat fejn adegwat mal-Ministeri relevanti, il-Ġudikatura tal-Kosovo, l-Aġenzija tal-Proprjetà tal-Kosovo, is-Servizz Korrettiv tal-Kosovo, u

    (d) komponent doganali, allokat fejn meħtieġ mas-Servizzi Doganali tal-Kosovo.

    4.  Tista’ tiġi ospitata pulizija speċjalizzata f'kampijiet maħsuba sabiex jakkomodaw il-ħtiġijiet operattivi tagħhom.

    Artikolu 7

    Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili

    1.  Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għal EULEX KOSOVO.

    ▼M2

    2.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EULEX KOSOVO fil-livell strateġiku.

    ▼B

    3.  Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, anke billi jagħti istruzzjonijiet, fil-livell strateġiku, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni u billi jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

    4.  Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat ikkonċernat li jissekonda jew ta’ l-istituzzjoni kkonċernata ta’ l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

    5.  Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza ta’ l-UE jiġi attwat b'mod xieraq.

    6.  Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (RSUE) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

    Artikolu 8

    Kap tal-Missjoni

    1.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll ta’ EULEX KOSOVO fuq il-post ta’ l-operazzjoni.

    2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ EULEX KOSOVO. L-eżerċizzju ta’ tali kmand u tali kontroll ser ikun mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ l-indipendenza tal-ġudikatura u l-awtonomija tal-prosekuzzjoni meta jitqies it-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji ta’ l-imħallfin u l-prosekuturi ta’ EULEX KOSOVO.

    3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jagħti istruzzjonijiet lill-persunal kollu ta’ EULEX KOSOVO, inkluż f'dan il-każ l-element ta’ appoġġ fi Brussell, għat-tmexxija effikaċi ta’ EULEX KOSOVO fuq il-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u billi jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

    4.  Sa l-iskadenza ta’ l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK, il-Kap tal-Missjoni għandu jkun appoġġat mill-EUPT Kosovo stabbilit permezz tagħha.

    5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ EULEX KOSOVO. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

    6.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità kkonċernata nazzjonali jew ta’ l-UE.

    7.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lil EULEX KOSOVO fil-qasam ta’ l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata ta’ EULEX KOSOVO.

    8.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, skond il-każ, ma’ atturi oħrajn ta’ l-UE fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE, anke fir-rigward ta’ l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbiltajiet eżekuttivi.

    9.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura li EULEX KOSOVO taħdem mill-qrib u tikkoordina ma’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo u ma’ atturi internazzjonali relevanti, kif meħtieġ, inklużi n-NATO/KFOR, l-UNMIK, l-OSCE u Stati terzi involuti fl-Istat tad-dritt fil-Kosovo.

    10.  Taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kap tal-Missjoni, għandha tiġi stabbilita unità interna ta’ kontroll legali u finanzjarju, indipendenti mill-persunal responabbli għall-amministrazzjoni ta’ EULEX KOSOVO.

    Artikolu 9

    Persunal

    1.  In-numri u l-kompetenzi tal-persunal ta’ l-EULEX KOSOVO għandhom ikunu konsistenti mal-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2, il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-istruttura ta’ EULEX KOSOVO stabbilita fl-Artikolu 6.

    2.  EULEX KOSOVO għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ skjerament, is-salarji, il-kopertura medika, u l-benefiċċji, barra l-benefiċċji ta’ kuljum, il-benefiċċji għar-riskji u għax-xogħol iebes.

    ▼M2

    3.  Persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali jista’ wkoll jiġi reklutat mill-EULEX KOSOVO, kif meħtieġ, fuq bażi kuntrattwali, jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux ipprovduti mill-persunal sekondat mill-Istati Membri. B’mod eċċezzjonali, f’każijiet debitament ġustifikati, meta ma jkunux disponibbli applikazzjonijiet kwalifikati mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.

    4.  Il-persunal kollu għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà ( 7 ).

    ▼B

    Artikolu 10

    Status ta’ EULEX KOSOVO u tal-persunal tagħha

    1.  Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal ta’ EULEX KOSOVO, inklużi, fejn ikun il-każ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel ta’ EULEX KOSOVO għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim.

    2.  L-Istat Kontribwenti jew l-istituzzjoni ta’ l-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta ma’ l-issekondar, minn jew rigward membru tal-persunal. L-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli mit-tressiq ta’ kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

    3.  Il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

    Artikolu 11

    Linja ta’ kmand

    1.  EULEX KOSOVO għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata, bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

    ▼M2

    2.  Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u r-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EULEX KOSOVO.

    3.  Kif stabbilit ukoll fl-Artikolu 7, il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jkun il-kmandant tal-EULEX KOSOVO fil-livell strateġiku u, għaldaqstant, għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni b’istruzzjonijiet u b’konsulenza u appoġġ tekniku.

    4.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

    ▼B

    5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ EULEX KOSOVO fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

    Artikolu 12

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    ▼M2

    1.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u r-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EULEX KOSOVO.

    2.  Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-fini, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat ta’ emenda tal-OPLAN u l-linja ta’ kmand. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet sussegwenti rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ, għandu jiddeċiedi dwar l-objettivi u t-terminazzjoni tal-EULEX KOSOVO.

    ▼B

    3.  Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    4.  Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom. L-ippjanar fir-rigward ta’ oqsma speċifiċi jista’ jiġi rivedut mill-KPS fuq bażi regolari.

    Artikolu 13

    Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

    1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-tfassil ta’ deċiżjonijiet ta’ l-UE u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-Istati terzi jistgħu jkunu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għal EULEX KOSOVO, dment li jħallsu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni għar-Riskju Għoli, il-benefiċċji u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u sabiex jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ kuljum ta’ EULEX KOSOVO, kif meħtieġ.

    2.  Stati terzi li jagħmlu kontributi lil EULEX KOSOVO għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-ġestjoni ta’ kuljum ta’ EULEX KOSOVO bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fiha.

    3.  Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti dwar l-aċċettazzjoni jew le tal-kontributi proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.

    ▼M2

    4.  Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi fi ftehim li għandu jiġi konkluż f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat u l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-UE u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ tali Stat terz fl-operazzjonijiet tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EULEX KOSOVO.

    ▼B

    Artikolu 14

    Sigurtà

    1.  Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għal EULEX KOSOVO skond l-Artikoli 7 u 11 u f'koordinazzjoni ma’ l-Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kunsill.

    2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà ta’ l-operazzjoni u sabiex jiżgura konformità mal-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, skond il-politika ta’ l-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva skond it-Titolu V tat-Trattat u l-istrumenti li jappoġġawh.

    3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Superjuri għas-Sigurtà tal-Missjoni (USSM), li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma’ l-Uffiċċju tas-Sigurtà msemmi fil-paragrafu 1.

    4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jaħtar Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali fil-postijiet provinċjali u reġjonali ta’ EULEX KOSOVO, li, taħt l-awtorità ta’ l-USSM, ikunu responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ l-aspetti kollha ta’ sigurtà ta’ l-elementi rispettivi ta’ EULEX KOSOVO.

    5.  Il-persunal ta’ EULEX KOSOVO għandu jieħu taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, konformement ma’ l-OPLAN. Għandu jingħatalu ukoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post, organizzat mill-USSM u mill-Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali.

    6.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura li n-numri tal-persunal preżenti ta’ EULEX KOSOVO u tal-viżitaturi awtorizzati qatt ma jeċċedu l-kapaċitajiet ta’ EULEX KOSOVO li tiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tagħhom jew li tmexxi l-evakwazzjoni tagħhom f'sitwazzjoni ta’ emerġenza.

    7.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni klassifikata ta’ l-UE skond id-Deċiżjoni 2001/264/KE.

    Artikolu 15

    Għassa

    Il-kapaċità ta’ l-għassa għandha tiġi attivata għal EULEX KOSOVO.

    Artikolu 16

    Arranġamenti finanzjarji

    ▼M5

    1.  L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO sal-14 ta’ Ottubru 2010 għandu jkun ta’ EUR 265 000 000.

    L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta’ Ottubru 2010 sal-14 ta’ Diċembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 165 000 000.

    L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta’ Diċembru 2010 sal-14 ta’ Ġunju 2012 għandu jkun ta’ EUR 72 800 000.

    ▼M2

    2.  In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE.

    ▼B

    3.  Suġġett għall-approvazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jidħol f'arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri ta’ l-UE, ma’ Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u postijiet lil EULEX KOSOVO. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom ikunu permessi jressqu offerti għal kuntratti. Il-pożizzjoni ta’ detentur tal-kuntratt ta’ kuntratti jew arranġamenti konklużi mill-EUPT Kosovo għal EULEX KOSOVO matul il-fażi ta’ ppjanar u tħejjija għandha tiġi trasferita lil EULEX KOSOVO, skond il-każ. Assi ta’ proprjetà ta’ l-EUPT Kosovo għandhom jiġu trasferiti lil EULEX KOSOVO.

    4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u jiġi sorveljat minnha dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

    5.  L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operattivi ta’ EULEX KOSOVO, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha, u għandhom jieħdu kont ta’ l-iskjerament tal-persunal fl-uffiċċji reġjonali.

    6.  L-infiq għandu jkun eliġibbli mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

    ▼M2 —————

    ▼M2

    Artikolu 18

    Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

    1.  Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO/KFOR u lil partijiet terzi oħrajn, assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni klassifikata tal-UE u dokumenti ġġenerati għall-finijiet tal-EULEX KOSOVO sal-livell tal-klassifikazzjoni rilevanti rispettivament għal kull wieħed minnhom, f’konformità mad-Deċiżjoni 2001/264/KE. Għandhom jitfasslu arranġamenti tekniċi lokali biex dan jiġi ffaċilitat.

    2.  Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu wkoll ikun awtorizzat jirrilaxxa lill-awtoritajiet lokali kompetenti informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġġenerati għall-finijiet tal-EULEX KOSOVO, f’konformità mad-Deċiżjoni 2001/264/KE. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, tali informazzjoni u dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-awtoritajiet lokali kompetenti f’konformità mal-proċeduri adatti għal-livell ta’ kooperazzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet mal-UE.

    3.  Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO/KFOR, lil Stati terzi oħrajn assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta u lill-awtoritajiet lokali rilevanti, dokumenti tal-UE mhux klassifikati relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-EULEX KOSOVO koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ( 8 ).

    Artikolu 19

    Rieżami

    Il-Kunsill għandu jevalwa, mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-iskadenza ta’ din l-Azzjoni Konġunta jekk il-EULEX KOSOVO għandhiex tiġi estiża.

    ▼M1

    Artikolu 20

    Dħul fis-seħħ u perijodu ta’ validità

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    ▼M2

    Għandha tiskadi fl-14 ta’ Ġunju 2012.

    ▼B

    Artikolu 21

    Pubblikazzjoni

    1.  Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    2.  Id-deċiżjonijiet tal-KPS skond l-Artikolu 12(1) fir-rigward tal-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom ukoll jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.



    ( 1 ) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999).

    ( 2 ) Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    ( 3 ) Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    ( 4 ) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999)

    ( 5 ) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999).

    ( 6 ) ĠU L 112, 26.4.2006, p. 19.

    ( 7 ) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

    ( 8 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/EU, tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

    Top