This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02007E0369-20080804
Council Joint Action 2007/369/CFSP of 30 May 2007 on establishment of the European Union Police Mission in Afghanistan (EUPOL AFGANISTAN)
Consolidated text: Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK tat- 30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGANISTAN)
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK tat- 30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGANISTAN)
ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/369/2008-08-04
2007E0369 — MT — 04.08.2008 — 003.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/369/PESK tat-30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (ĠU L 139, 31.5.2007, p.33) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/733/PESK tat-13 ta’ Novembru 2007 |
L 295 |
31 |
14.11.2007 |
|
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/229/PESK tas-17 ta’ Marzu 2008 |
L 75 |
80 |
18.3.2008 |
|
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/643/PESK ta’ l-4 ta' Awwissu 2008 |
L 207 |
43 |
5.8.2008 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/369/PESK
tat-30 ta’ Mejju 2007
dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan
(EUPOL AFGANISTAN)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 14 u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-16 ta' Novembru 2005, il-Kunsill qabel dwar id-Dikjarazzjoni Konġunta “Nimpenjaw ruħna għal Sħubija ġdida UE-Afgana” li ddikjarat l-impenn ta' l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Gvern tar-Repubblika Islamika ta' l-Afganistan (il-Gvern ta' l-Afganistan) “għal Afganistan sigur, stabbli, ħieles, prosperu u demokratiku kif stabbilit fil-Kostituzzjoni Afgana adottata fl-4 ta' Jannar 2004 (14 Dalwa 1383). Iż-żewġ partijiet jixtiequ jaraw lill-Afganistan ikollu rwol sħiħ u attiv fil-komunità internazzjonali u jimpenjaw ruħhom sabiex jibnu futur prosperu liberu mit-theddid tat-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità organizzata”. |
(2) |
Fil-31 ta' Jannar 2006, tnieda l-Patt dwar l-Afganistan (London). Dan il-ftehim afferma l-impenn tal-Gvern ta' l-Afganistan u tal-komunità internazzjonali u stabbilixxa mekkaniżmu effikaċi għall-koordinazzjoni ta' l-isforzi Afgani u dawk internazzjonali matul il-ħames snin li ġejjin fil-ħidma lejn kondizzjonijiet fejn il-poplu Afgan jista' jgħix fil-paċi u s-sigurtà taħt l-istat tad-dritt, b'governanza tajba u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, u jista' jgawdi żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli. |
(3) |
Il-Patt dwar l-Afganistan jappoġġa l-Istrateġija interim għall-Iżvilupp Nazzjonali (i-ANDS) tal-Gvern Afgan li tistabbilixxi l-viżjoni u l-prijoritajiet ta' l-investiment tagħhom. L-i-ANDS tirrifletti proċess ta' konsultazzjoni nazzjonali, filwaqt li ssaħħaħ il-livelli ta' referenza fil-Patt dwar l-Afganistan u l-miri stabbiliti fil-Miri ta' Żvilupp tal-Millenju ta' l-Afganistan. |
(4) |
Fit-13 ta' Ottubru 2006 ġie preżentat ir-rapport tal-Missjoni ta' Valutazzjoni Konġunta ta' l-UE lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS), li kien fih analiżi tas-sitwazzjoni ta' l-istat tad-dritt fl-Afganistan kif ukoll rakkomandazzjonijiet għat-triq li trid tittieħed sabiex jissaħħaħ il-kontribut ta' l-UE għas-settur fl-Afganistan u sabiex jagħmel impatt strateġiku. Ir-Rapport tal-Missjoni ta' Valutazzjoni Konġunta rrakkomanda, fost oħrajn, li l-UE tista' tikkunsidra kontribut akbar bħala appoġġ għas-settur tal-pulizija permezz ta' missjoni tal-pulizija, u li tista' tintbagħat lejn l-Afganistan missjoni esplorattiva sabiex tesplora aktar il-fattibbiltà ta' tali missjoni. |
(5) |
Kienet intbagħtet lejn l-Afganistan missjoni esplorattiva bejn is-27 ta' Novembru u l-14 ta' Diċembru 2006. Abbażi tal-konklużjonijiet tagħha tal-11 ta' Diċembru 2006, fit-12 ta' Frar 2007, il-Kunsill approva l-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżijiet (CMC) għal missjoni tal-pulizija ta' l-UE fl-Afganistan fil-qasam ta' l-ordni pubbliku b'rabtiet mal-qasam usa' ta' l-istat tad-dritt u qabel li l-missjoni tkun tipprovdi valur miżjud. Il-missjoni ser taħdem sabiex tiġi żviluppata forza tal-pulizija Afgana b'appartenenza lokali, li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u topera fil-qafas ta' l-istat tad-dritt. Il-missjoni għandha tibni fuq l-isforzi attwali, u ssegwi approċċ komprensiv u strateġiku, b'mod konformi mas-CMC. B'hekk, il-missjoni għandha tindirizza kwistjonijiet dwar ir-riforma tal-pulizija fil-livelli ċentrali, reġjonali u provinċjali. |
(6) |
Fit-23 ta' Marzu 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1746 (2007) dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA), li inter alia tilqa' d-deċiżjoni mill-UE li tistabbilixxi missjoni tal-pulizija fil-qasam ta' l-ordni pubbliku b'rabtiet mal-qasam usa' ta' l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra n-narkotiċi, sabiex tassisti u ssaħħaħ l-isforzi attwali fil-qasam tar-riforma tal-pulizija fil-livelli ċentrali u provinċjali, u jistenna bil-ħerqa t-tnedija bikrija tal-missjoni. |
(7) |
Fit-23 ta' April 2007, il-Kunsill approva l-Kunċett ta' Operazzjonijiet (CONOPS) għal missjoni tal-pulizija ta' l-UE fl-Afganistan (EUPOL AFGANISTAN) b'rabtiet mal-qasam usa' ta' l-istat tad-dritt. |
(8) |
F'ittra ta' stedina tas-16 ta' Mejju 2007 il-Gvern ta' l-Afganistan stieden lill-UE sabiex tniedi missjoni tal-pulizija ta' l-UE lejn l-Afganistan. |
(9) |
Il-missjoni tal-pulizija ta' l-UE ser tiġi stabbilita fil-kuntest aktar wiesa' ta' l-isforz tal-komunità internazzjonali sabiex tappoġġa l-Gvern ta' l-Afganistan jassumi r-responsabbiltà għat-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, u partikolarment, it-titjib tal-kapaċità tagħha tal-pulizija ċivili u l-infurzar tal-liġi. Ser tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn il-missjoni tal-pulizija ta' l-UE u atturi internazzjonali oħrajn involuti fl-assistenza dwar is-sigurtà, inkluża l-Forza ta' Assistenza għas-Sigurtà Internazzjonali (ISAF), kif ukoll dawk li jagħtu appoġġ fir-rigward tar-riforma fil-pulizija u fl-istat tad-dritt fl-Afganistan. |
(10) |
Kif iddikjarat fil-CONOPS, u minħabba l-ħtieġa ta' impenn tanġibbli mill-UE għal riforma tal-pulizija, u r-rabta ma' l-għanijiet tal-Patt dwar l-Afganistan, it-tul ta' żmien minimu previst tal-missjoni għandu jkun ta' 3 snin. Minħabba l-imprevedibbiltà tas-sitwazzjoni u l-ħtieġa li jkun żgurat approċċ flessibbli, u skond il-kriterju ta' valutazzjoni stabbilit fil-CONOPS u fl-OPLAN, id-daqs u l-ambitu tal-Missjoni għandhom ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid ta' kull sitt xhur. |
(11) |
Il-mandat tal-Missjoni ser jiġi implimentat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tkun ta' ħsara għall-għanijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Missjoni
1. L-Unjoni Ewropea b'dan tistabbilixxi Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għall-Afganistan (“EUPOL AFGANISTAN” jew il-“Missjoni”) għal perijodu ta' tliet snin, li tinkludi fażi ta' ppjanar li tibda fit-30 ta’ Mejju 2007, u fażi operattiva li tibda mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju 2007.
2. L-EUPOL AFGANISTAN għandha topera skond l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 4.
Artikolu 2
Fażi ta' Ppjanar
1. Waqt il-fażi ta' ppjanar tal-Missjoni, il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn grupp ta' ppjanar li jikkonsisti mill-persunal meħtieġ sabiex jirrispondi għall-ħtiġijiet preparattivi tal-Missjoni.
2. Il-Kap tal-Missjoni, assistit mill-grupp ta' ppjanar għandu jfassal il-Pjan Operattiv (OPLAN) u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa sabiex tiġi esegwita l-EUPOL AFGANISTAN.
3. Għandha ssir stima komprensiva tar-riskju bħala prijorità fil-proċess ta' l-ippjanar u għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ, b'attenzjoni speċifika fuq ir-riskji ta' sigurtà assoċjati ma' l-attivitajiet tal-Missjoni. L-OPLAN għandu jieħu kont ta' stimi tar-riskju aġġornati u għandu jinkludi pjan ta' sigurtà.
4. Waqt il-fażi ta' ppjanar, il-Kap tal-Missjoni għandu jaħdem mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE (RSUE) għall-Afganistan, mal-Kummissjoni u l-Istati Membri attwalment involuti fir-riforma tal-pulizija fl-Afganistan.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jaħdem mill-qrib u jikkoordina mal-Gvern ta' l-Afganistan u ma' l-atturi internazzjonali rilevanti, skond il-każ, inklużi n-NATO/ISAF, il-Pajjiżi Mexxejja tal-Grupp ta' Rikostruzzjoni Provinċjali (PRT), in-NU (il-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA)), u l-Istati Terzi attwalment involuti fir-riforma tal-pulizija fl-Afganistan.
6. Il-Kunsill għandu japprova l-OPLAN.
Artikolu 3
Għanijiet
L-EUPOL AFGANISTAN għandha tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-istabbiliment, taħt appartenenza Afgana, ta' arranġamenti fil-qasam ta' l-ordni pubbliku ċivili li jkunu sostenibbli u effikaċi, li sejrin jiżguraw interazzjoni adegwata mas-sistema aktar wiesgħa tal-ġustizzja kriminali, skond il-pariri politiċi u l-ħidma fl-iżvilupp ta' istituzzjonijiet mill-Komunità, mill-Istati Membri u minn atturi internazzjonali oħrajn. Barra minn hekk il-Missjoni ser tappoġġa l-proċess ta' riforma għal servizz ta' pulizija ta' fiduċja u effiċjenti, li jaħdem b'mod konformi ma' standards internazzjonali, fl-ambitu ta' l-istat tad-dritt u li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.
Artikolu 4
Kompiti
1. Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, l-EUPOL AFGANISTAN għandha:
(a) taħdem fuq l-iżvilupp strateġiku, filwaqt li tagħmel enfasi fuq il-ħidma lejn strateġija ġenerali konġunta tal-komunità internazzjonali għar-riforma tal-pulizija, b'kont meħud tal-Patt dwar l-Afganistan u l-i-ANDS;
(b) tappoġġa lill-Gvern ta' l-Afganistan sabiex jimplimenta b'mod koerenti l-istrateġija tagħhom;
(c) ittejjeb il-koeżjoni u l-koordinazzjoni fost l-atturi internazzjonali; u
(d) tappoġġa r-rabtiet bejn il-pulizija u l-qasam usa' ta' l-istat tad-dritt.
Dawn il-kompiti ser jiġu żviluppati ulterjorment fl-OPLAN.
2. L-EUPOL AFGANISTAN għandha tkun Missjoni mhux eżekuttiva. Hija għandha twettaq il-kompiti tagħha permezz ta', fost oħrajn, monitoraġġ, konsulenza, għoti ta' pariri u taħriġ.
3. L-EUPOL AFGANISTAN għandha, skond il-każ, tikkoordina, tiffaċilita u tagħti pariri dwar proġetti li jkunu implimentati mill-Istati Membri u minn Stati Terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-Missjoni u b'appoġġ għall-għanijiet tagħha.
Artikolu 5
Struttura tal-Missjoni
1. Il-Missjoni ser ikollha l-Kwartieri Ġenerali (KĠ) tagħha f'Kabul u ser tikkonsisti minn:
(i) il-Kap tal-Missjoni,
(ii) Konsulenti tal-Persunal Ċentrali, inkluż Uffiċjal Anzjan għas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO),
(iii) Sezzjoni għat-Taħriġ,
(iv) Sezzjonijiet ta' Għoti ta' Pariri u Konsulenza,
(v) Dipartiment ta' l-Amministrazzjoni.
Il-Missjoni ser tinkludi, skond il-każ, element ta' appoġġ fi Brussell.
2. Il-persunal tal-Missjoni għandu jiġi skjerat fil-livelli ċentrali, reġjonali u provinċjali fid-dawl tal-valutazzjoni tas-sigurtà. Sejrin isiru arranġamenti tekniċi ma' l-ISAF u mal-Pajjiżi Mexxejja tal-Kmand Reġjonali/PRT għall-iskambju ta' informazzjoni, għall-appoġġ mediku, ta' sigurtà u loġistiku inkluża l-akkomodazzjoni mill-Kmandi Reġjonali u l-PRTs.
3. Barra minn hekk, għadd ta' membri tal-persunal tal-Missjoni sejrin ikunu skjerati sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni strateġika tar-riforma tal-pulizija fl-Afganistan, skond il-każ, u partikolarment mas-Segretarjat tal-Bord Internazzjonali għall-Koordinazzjoni tal-Pulizija f'Kabul. Is-sit tas-Segretarjat IPCB għandu jkun, kif ikun xieraq, fil-KĠ ta' l-EUPOL AFGHANISTAN.
Artikolu 5a
Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta' l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL AFGHANISTAN.
2. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGĦ, għandu jeżerċita kmand u kontroll ta' l-EUPOL AFGHANISTAN fil-livell strateġiku.
3. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fuq livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni.
4. Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istat mittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.
5. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza ta' l-UE jiġi attwat b'mod xieraq.
6. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u r-RSUE għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 6
Kap tal-Missjoni
1. Il-Brigadier Ġeneral Friedrich Eichele huwa b'dan maħtur Kap tal-Missjoni ta' l-EUOPOL AFGANISTAN.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni f'livell ta' teatru.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, r-riżorsi u l-informazzjoni li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-missjoni.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, inkluż f'dan il-każ l-element ta' appoġġ fi Brussell, għat-twettiq effettiv ta' l-EUPOL AFGHANISTAN f'teatru, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, billi jimxi fuq l-istruzzjonijiet fuq livell strateġiku tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUPOL AFGHANISTAN fiż-żona ta' l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.
8. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif xieraq, ma' atturi ta' l-UE oħrajn fl-art. Mingħajr preġudizzju għall-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.
9. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura li l-EUPOL AFGHANISTAN jaħdem mill-qrib u jikkoordina mal-Gvern ta' l-Afganistan u ma' l-atturi internazzjonali rilevanti, kif xieraq, inklużi n-NATO/ISAF, il-Pajjiżi Ewlenin tal-PRT, l-UNAMA, u l-Istati Terzi attwalment involuti fir-riforma tal-pulizija fl-Afganistan.
Artikolu 7
Persunal
1. In-numri u l-kompetenzi tal-persunal ta' l-EUPOL AFGANISTAN għandhom ikunu konsistenti ma' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-istruttura tal-Missjoni stabbilita fl-Artikolu 5.
2. L-EUPOL AFGANISTAN għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta' l-UE.
3. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta' l-UE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mill-post ta' skjerament, is-salarji, il-kopertura medika, u l-allowances, barra l-per diems applikabbli kif ukoll l-allowances għax-xogħol iebes u għar-riskji.
4. L-EUPOL AFGANISTAN tista' wkoll tirrekluta persunal internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali skond kif ikun meħtieġ.
5. Il-persunal kollu għandu jwettaq id-dover tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. ( 1 ).
Artikolu 8
Status tal-persunal ta' l-EUPOL AFGANISTAN
1. L-istatus tal-persunal ta' l-EUPOL AFGANISTAN fl-Afganistan, inklużi fejn ikun il-każ il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel ta' l-EUPOL AFGANISTAN għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li għandu jiġi konkluż skond l-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli li jassisti lill-Presidenza jista' jinnegozja tali arrangamenti f'isimha.
2. L-istat jew l-istituzzjoni ta' l-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal. L-istat jew l-istituzzjoni ta' l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli sabiex tiġi istitwita kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.
3. Il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.
Artikolu 9
Linja ta' Kmand
1. L-EUPOL AFGHANISTAN għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.
2. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-EUPOL AFGHANISTAN.
3. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, huwa l-kmandant ta' l-operazzjoni ċivili tal-PESD f'livell strateġiku u, għaldaqstant, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.
4. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq l-EUPOL AFGANISTAN f'livell ta' teatru u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.
Artikolu 10
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan b'mod konformi ma' l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat ta' l-emendament ta' l-OPLAN. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li sussegwentement jieħu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom.
Artikolu 11
Sigurtà
1. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għall-EUPOL AFGHANISTAN skond l-Artikoli 5a u 9, f'koordinazzjoni ma' l-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà ta' l-operazzjoni u biex jiżgura konformità mal-ħtiġiet minimi ta' sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-dokumenti ta' sostenn tiegħu.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan għas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li ser jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma' l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.
4. Il-Kap tal-Missjoni ser jaħtar Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali fil-postijiet provinċjali u reġjonali tal-missjoni, li, taħt l-awtorità ta' l-SMSO, sejrin ikunu responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-aspetti kollha ta' sigurtà ta' l-elementi rispettivi tal-Missjoni.
5. Il-persunal ta' l-EUPOL AFGHANISTAN għandu jagħmel taħriġ obbligatroju ta' sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, f'konformità ma' l-OPLAN. Għandu jingħatalu taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post organizzat mill-SMSO.
Artikolu 12
Parteċipazzjoni ta' Stati Terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali ta' l-Unjoni Ewropea u għall-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-istati kandidati u Stati Terzi oħrajn jistgħu jiġu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-EUPOL AFGANISTAN fuq il-bażi li huma jsostnu l-ispejjeż sabiex jibagħtu lill-esperti tal-pulizija u/jew il-persunal ċivili sekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-allowances, il-kopertura medika, l-assigurazzjoni għal riskju għoli u l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mill-Afganistan, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tmexxija ta' l-EUPOL AFGANISTAN skond il-każ.
2. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.
3. L-Istati Terzi li jagħmlu kontributi lill-EUPOL AFGANISTAN għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' l-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħal Stati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.
4. Il-KPS għandhu jieħu azzjoni xierqa fir-rigward ta' arranġamenti ta' parteċipazzjoni u għandu, jekk meħtieġ, jissottometti proposta lill-Kunsill, inkluż dwar il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni finanzjarja jew kontributi mhux finanzjarji minn Stati Terzi.
5. L-arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta' Stati Terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim skond l-Artikolu 24 tat-Trattat u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Is-SĠ/RGħ li jassisti lill-Presidenza jista' jinnegozja tali arranġamenti f'isimha. Fejn l-UE u Stat Terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan l-Istat Terz fl-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet ta' l-UE, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' din l-operazzjoni.
Artikolu 13
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont finanzjarju ta' referenza intiż sabiex ikopri l-infiq marbut ma' l-EUPOL AFGANISTAN sat-30 ta' Novembru 2008 għandu jkun ta' EUR 43 600 000.
2. L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-kumplament tas-sena 2008, kif ukoll għas-snin 2009 u 2010 għall-EUPOL AFGHANISTAN għandu jkun deċiż mill-Kunsill.
3. L-infiq kollu għandu jkun amministrat skond ir-regoli u l-proċeduri Komunitarji applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-UE, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jkun sorveljat minnha, dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.
5. Iċ-ċittadini ta' stati terzi għandhom jitħallew iressqu offerti għal kuntratti. Suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista' jikkonkludi arranġamenti tekniċi mal-pajjiżi mexxejja tal-Kmand Reġjonali/PRT u ma' l-atturi internazzjonali skjerati fl-Afganistan rigward il-forniment ta' tagħmir, servizzi u uffiċċji lill-Missjoni, speċjalment fejn ikun meħtieġ minħabba kondizzjonijiet ta' sigurtà.
6. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi ta' l-EUPOL AFGANISTAN inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha, u għandhom jieħdu kont ta' l-iskjerament tal-persunal fil-Kmandi Reġjonali u l-PRTs.
7. L-infiq għandu jkun eliġibbli mid-data ta' l-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta.
Artikolu 14
Koordinazzjoni ma' l-azzjonijiet Komunitarji
1. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond is-setgħat rispettivi tiegħu, konsistenza bejn l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità skond l-Artikolu 3 tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.
2. Għandhom jiġu stabbiliti l-arranġamenti meħtieġa ta' koordinazzjoni fiż-żona tal-Missjoni, skond il-każ, kif ukoll fi Brussell.
Artikolu 15
Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata
1. Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-NATO/ISAF informazzjoni u dokumenti ta' l-UE klassifikati ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b'mod konformi mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti tekniċi lokali sabiex dan jiġi faċilitat.
2. Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati Terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, skond il-każ u skond il-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b'mod konformi mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill.
3. Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti/UNAMA, skond il-każ u skond il-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b'mod konformi mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan il-għan.
4. Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, is-SĠ/RGħ għandu wkoll ikun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b'mod konformi mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, tali informazzjoni u dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-Istat ospitanti b'mod konformi mal-proċeduri adatti għal-livell ta' koperazzjoni ta' l-Istat ospitanti ma' l-UE.
5. Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil Stati Terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-Missjoni koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 2 ).
Artikolu 15a
Għassa
Il-Kapaċità ta' l-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL AFGHANISTAN.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u t-tul ta' żmien
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.
2. Għandha tiskadi fit-30 ta’ Mejju 2010.
Artikolu 17
Reviżjoni
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta kull sitt xhur sabiex jiġu aġġustati kif meħtieġ id-daqs u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Missjoni.
2. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tagħha, sabiex jiġi determinat jekk il-Missjoni għandhiex titkompla.
Artikolu 18
Pubblikazzjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
( 1 ) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/683/KE, Euratom tal-15 ta' Settembru 2006 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47). Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2007/4/KE, Euratom (ĠU L 1, 4.1.2007, p. 9).