EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02006D0683-20080101

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 15 ta' Settembru 2006 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (2006/683/KE, Euratom)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/683/2008-01-01

2006D0683 — MT — 01.01.2008 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Settembru 2006

li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill

(2006/683/KE, Euratom)

(ĠU L 285, 16.10.2006, p.47)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL ta' l-1 ta’ Jannar 2007

  L 1

9

4.1.2007

►M2

DEĊIZJONI TAL-KUNSILL ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

  L 346

17

29.12.2007




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Settembru 2006

li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill

(2006/683/KE, Euratom)



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(3), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' fil-15 u s-16 ta' Ġunju 2006, issottlinja li bil-ħsieb li tiżdied il-kunfidenza taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea, huwa importanti li dawn ikunu jistgħu jiksbu għarfien dirett ta' l-attivitajiet tiegħu, b' mod partikulari permezz ta' aktar ftuħ u trasparenza. Għalhekk, kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew, u b'rispett sħiħ tal-ħtieġa li tkun żgurata l-effettività ta' ħidmet il-Kunsill, din ta' l-aħħar għandha tkun miftuħa aktar, partikolarment meta l-Kunsill jiddelibera dwar atti leġiżlattivi taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri sabiex itejbu sostanzjalment il-mezzi tekniċi użati biex jixxandru, fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, id-deliberazzjonijiet u d-dibattiti pubbliċi tal-Kunsill, b' mod partikulari permezz ta' l-użu ta' l-Internet.

F'Diċembru ta' l-2006 il-Kunsill se jirrevedi l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ftuħ hawn imsemmija bil-ħsieb li jivvaluta l-impatt tagħhom fuq l-effettività ta' ħidmet il-Kunsill.

(2)

Huwa xieraq ukoll li l-ipprogrammar ta' l-attivitajiet tal-Kunsill ikun ikkonsolidat. Għalhekk, se tkun introdotta sistema ġdida, li tieħu post is-sistema preċedenti, ibbażata fuq programm ta' 18-il xahar li se tkun preżentata għall-endorsjar lill-Kunsill mit-tliet Presidenzi li se jkollhom il-mandat waqt dak il-perjodu partikolari.

(3)

Finalment, fi sforz biex jitjieb il-funzjonament tal-proċedura bil-miktub u biex tkun aċċellerata l-adozzjoni mill-Kunsill ta' risposti għal mistoqsijiet minn Membri tal-Parlament Ewropew, ta' deċiżjonijiet biex ikunu maħturin Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u Membri tal-Kumitat tar-Reġjuni u ta' deċiżjonijiet biex ikunu kkonsultati istituzzjonijiet u korpi oħrajn, huwa xieraq li jkunu emendati u ċċarati d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura bil-miktub.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:



Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2004 ( 1 ) għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej.




“REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUNSILL

Artikolu 1

Avviż u post tal-laqgħat

1.  Il-Kunsill għandu jiltaqa' meta jiġi msejjaħ mill-President tiegħu fuq inizjattiva tiegħu jew wara talba ta' xi wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni ( 2 ).

2.  Seba' xhur qabel il-bidu tal-mandat tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Presidenzi li jippreċedu u li jsegwu l-mandat fejn xieraq, il-Presidenza għandha tgħarraf bid-dati li hija tipprevedi għal laqgħat li l-Kunsill se jkollu jagħmel sabiex iwettaq il-ħidma leġiżlattiva tiegħu jew jieħu deċiżjonijiet operattivi.

3.  Il-Kunsill għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel. Matul ix-xhur ta' April, Ġunju u Ottubru, il-Kunsill għandu jkollu l-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu ( 3 ).

F'ċirkostanzi eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament issostanzjati, il-Kunsill jew il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (minn hawn 'il quddiem ‘Coreper’), filwaqt li jaġixxi unanimament, jista' jiddeċiedi li laqgħa tal-Kunsill tinżamm x'imkien ieħor.

Artikolu 2

Konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, rwol tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni u programmar

1.  Il-Kunsill jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet differenti skond is-suġġett ittrattat. Il-Kunsill fil-konfigurazzjoni tiegħu ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (minn hawn 'il quddiem ‘il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni’), imlaqqa' f'laqgħa kif imsemmi fil-paragrafu 2(a), għandu jiddetermina l-lista ta' dawn il-konfigurazzjonijiet, li tidher fl-Anness I.

2.  Il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni għandu jkopri dawn iż-żewġ oqsma prinċipali ta' attivitajiet li ġejjin, li għalihom għandu jkollu laqgħat separati, b'aġendi separati u possibbilment f'dati differenti, li jittrattaw rispettivament:

(a) il-preparazzjoni għal u s-segwitu tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, inklużi l-koordinazzjoni meħtieġa tal-ħidma preparatorja kollha, il-koordinazzjoni ġenerali tal-linji politiċi, kwistjonijiet istituzzjonali u amministrattivi, id-dokumenti orizzontali li jaffetwaw ħafna mil-linji politiċi ta' l-Unjoni u kwalunkwe dokument afdat lilu mill-Kunsill Ewropew, rigward regoli operattivi għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

(b) l-azzjoni esterna kollha ta' l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-politika estera u ta' sigurtà komuni, il-politika Ewropea ta' sigurtà u difiża, il-kummerċ estern, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

3.  Għall-għan tal-preparazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni mlaqqa' f'laqgħa kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) għandu:

(a) ifassal abbozz ta' aġenda annotata fuq proposta mill-Presidenza ta' l-inqas erba' ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew;

(b) ikollu laqgħa preparatorja finali awl il-lejl tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u japprova l-aġenda.

Il-kontributi għall-proċedimenti tal-Kunsill Ewropew minn konfigurazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill għandhom jingħaddew lill-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni, imlaqqa' f'laqgħa kif imsemmi fil-punt (2)(a), ta' l-inqas ġimagħtejn qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Ħlief għal raġunijiet urġenti u imprevedibbli marbutin, bħala eżempju, ma' ġrajjiet kurrenti internazzjonali, l-ebda konfigurazzjoni oħra tal-Kunsill jew kumitat preparatorju tal-Kunsill ma jista' jiltaqa' bejn il-laqgħa preparatorja finali msemmija fil-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu u l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Il-miżuri meħtieġa għall-organizzazzjoni prattika tal-proċedimenti tal-Kunsill Ewropew għandhom jittieħdu mill-Presidenza flimkien mas-Segretarjat Ġenerali, skond ir-regoli li dwarhom qabel il-Kunsill Ewropew innifsu.

4.  Kull 18-il xahar, it-tliet Presidenzi li se jkollhom il-mandat għandhom jippreparaw, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, u wara konsultazzjonijiet xierqa, abbozz ta' programm ta' attivitajiet tal-Kunsill għal dak il-perjodu. Il-tliet Presidenzi għandhom jippreżentaw flimkien l-abbozz ta' programm mhux aktar tard minn xahar qabel il-perjodu rilevanti, bil-ħsieb li jkun endorsjat mill-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet esterni, imlaqqa' f'laqgħa kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) ( 4 ).

5.  Il-Presidenza li jmiss għandha tistabbilixxi aġendi provviżorji indikattivi għal-laqgħat tal-Kunsill skedati għall-perjodu ta' sitt xhur li ġejjin, li juru l-ħidma leġiżlattiva u d-diskussjonijiet operattivi previsti. Dawn l-aġendi provviżorji indikattivi għandhom ikunu stabbiliti ta' l-inqas ġimgħa qabel il-bidu tal-mandat tagħha, abbażi tal-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Fejn meħtieġ, jistgħu jkunu previsti laqgħat oħrajn tal-Kunsill, barra dawk li kienu diġà ppjanati.

Aġendi provviżorji indikattivi simili għal-laqgħat tal-Kunsill skedati għall-perjodu ta' sitt xhur li jsegwi dak imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu stabbiliti mill-Presidenza involuta, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-Presidenza li jmiss, ta' l-inqas ġimgħa qabel il-bidu tal-mandat tagħha.

Jekk waqt perjodu ta' sitt xhur kwalunkwe mil-laqgħat ippjanati waqt dak il-perjodu turi li ma tkunx aktar iġġustifikata, il-Presidenza m'għandhiex tlaqqagħha.

Artikolu 3 ( 5 )

Aġenda

1.  Billi jieħu kont tal-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill, il-President għandu jfassal l-aġenda provviżorja għal kull laqgħa. L-aġenda għandha tintbagħat lill-membri l-oħrajn tal-Kunsill u lill-Kummissjoni ta' l-inqas erbatax-il ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.  L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li dwarhom saret talba għal inklużjoni fl-aġenda, flimkien ma' kwalunkwe dokumenti marbutin magħhom, u tkun ġiet riċevuta mis-Segretarjat Ġenerali minn membru tal-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta' l-inqas sittax-il ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda provviżorja għandha tindika wkoll permezz ta' asterisk il-punti li dwarhom il-Presidenza, membru tal-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu vot. Tali indikazzjoni għandha ssir ladarba jkun hemm konformità mal-ħtiġiet proċedurali kollha previsti mit-Trattati.

3.  Punti relatati ma' l-adozzjoni ta' att jew pożizzjoni komuni dwar proposta leġiżlattiva jew proposta għal miżura li se tkun adottata taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (hawn aktar 'il quddiem ‘it-Trattat UE’)għandhom jitpoġġew fuq l-aġenda provviżorja għal deċiżjoni sakemm il-perjodu ta' sitt ġimgħat previst fil-punt 3 tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali ta' l-Unjoni Ewropea jkun skada.

Il-Kunsill jista' unanimament jidderoga mill-perjodu ta' sitt ġimgħat fejn id-dħul ta' punt huwa soġġett għall-eċċezzjoni għal raġunijiet ta' urġenza previsti fil-punt 3 ta' dak il-Protokoll.

4.  Punti oħrajn li dwarhom intbagħtu d-dokumenti lill-membri tal-Kunsill u lill-Kummissjoni l-aktar tard sad-data li fiha l-aġenda provviżorja ntbagħtet jistgħu jitpoġġew fuq dik l-aġenda.

5.  Is-Segretarjat Ġenerali għandu jittrasmetti lill-membri tal-Kunsill u lill-Kummissjoni rikjesti għall-inklużjoni ta' punti fl-aġenda u dokumenti li dwarhom il-limiti ta' ħin speċifikati hawn fuq ma kinux irrispettati.

Jekk, sa tmiem il-ġimgħa li tippreċedi l-ġimgħa qabel il-laqgħa tal-Kunsill, il-Coreper ma kompliex l-eżami tiegħu tal-punti leġiżlattivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7, il-Presidenza għandha, sakemm konsiderazzjonijiet ta' urġenza ma jitolbux mod ieħor u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, tneħħihom mill-aġenda provviżorja.

6.  L-aġenda provviżorja għandha tinqasam f'Parti A u Parti B. Punti li hija possibbli għalihom approvazzjoni mingħajr diskussjoni mill-Kunsill għandhom ikunu inklużi fil-Parti A, iżda dan ma jeskludix il-possibbiltà li kwalunkwe membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jesprimi opinjoni fil-waqt ta' l-approvazzjoni ta' dawn il-punti u li jkun hemm stqarrijiet inklużi fil-minuti.

7.  L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill fil-bidu ta' kull laqgħa. L-inklużjoni fl-aġenda ta' punt barra minn dawk li jidhru fuq l-aġenda provviżorja għandha teħtieġ unanimità fil-Kunsill. Punti mdaħħlin b'dan il-mod jistgħu jitpoġġew għall-vot jekk ikun hemm konformità mal-ħtiġiet proċedurali kollha previsti fit-Trattati.

8.  Madankollu, punt ‘A’ għandu jitneħħa mill-aġenda, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, jekk pożizzjoni dwar punt ‘A’ tista' twassal għal diskussjoni ulterjuri tiegħu jew jekk membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jitlob dan.

9.  Kwalunkwe talba għall-inklużjoni ta' punt ta' ‘affarijiet oħrajn’ għandha tkun akkumpanjata minn dokument ta' spjega.

Artikolu 4

Rappreżentanza ta' membru tal-Kunsill li ma jistax jattendi

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 dwar id-delega ta' drittijiet tal-vot, membru tal-Kunsill li huwa miżmum milli jattendi laqgħa jista' jirranġa biex ikun rappreżentat.

Artikolu 5

Laqgħat

1.  Il-laqgħat tal-Kunsill m'għandhomx ikunu pubbliċi ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8.

2.  Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kunsill. L-istess jgħodd għall-Bank Ċentrali Ewropew f'każijiet fejn huwa jeżerċita d-dritt tiegħu ta' inizjattiva. Il-Kunsill jista', madankollu, jiddeċiedi li jiddelibera mingħajr il-preżenza tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew.

3.  Il-membri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali li jassistuhom. L-ismijiet u l-funzjonijiet ta' dawk l-uffiċjali għandhom ikunu notifikati bil-quddiem lis-Segretarjat Ġenerali. In-numru massimu ta' persuni għal kull delegazzjoni fil-kamra tal-laqgħat tal-Kunsill fl-istess ħin, inklużi membri tal-Kunsill, jista' jkun stabbilit mill-Kunsill.

4.  Dħul għal laqgħat tal-Kunsill għandu jkun soġġett għall-produzzjoni ta' permess mogħti mis-Segretarjat Ġenerali.

Artikolu 6

Segretezza professjonali u produzzjoni ta' dokumenti fi proċedimenti legali

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8 u 9 u għad-dispożizzjonijiet dwar aċċess pubbliku għal dokumenti, id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill għandhom ikunu koperti mill-obbligu tas-segretezza professjonali, ħlief sal-punt fejn il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor.

2.  Il-Kunsill jew il-Coreper jista' jawtorizza l-produzzjoni għal użu ta' proċedimenti legali ta' kopja ta' jew estratt minn dokumenti tal-Kunsill li kienu għadhom ma nħarġux għall-pubbliku skond id-dispożizzjonijiet dwar aċċess pubbliku ta' dokumenti.

Artikolu 7

Każijiet fejn il-Kunsill jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu

Il-Kunsill jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu skond it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 207(3) tat-Trattat tal-KE meta jadotta regoli li jorbtu legalment fi jew għall-Istati Membri, permezz ta' regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet kwadru jew deċiżjonijiet, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, bl-eċċezzjoni ta' diskussjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta' miżuri interni, atti amministrattivi jew baġitarji, atti dwar relazzjonijiet interistituzzjonali jew internazzjonali jew atti li ma jorbtux (bħal konklużjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew riżoluzzjonijiet).

Fejn proposti jew inizjattivi legali jkunu preżentati lilu, il-Kunsill għandu joqgħod lura milli jadotta atti li mhumiex previsti mit-Trattati, bħal riżoluzzjonijiet, konklużjonijiet jew dikjarazzjonijiet barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet tal-Kunsill miftuħin għall-pubbliku u dibattiti pubbliċi

1.  Id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar atti leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni taħt l-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku kif ġej:

(a) il-preżentazzjoni, jekk ikun hemm, mill-Kummissjoni tal-proposti leġiżlattivi tagħha u d-deliberazzjoni li ssegwi fil-Kunsill għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku;

(b) il-vot dwar atti leġiżlattivi għandu jkun miftuħ għall-pubbliku, kif ukoll id-deliberazzjonijiet finali tal-Kunsill li jwasslu għal dak il-vot u l-ispjegazzjonijiet dwar l-ivvotar li jakkumpanjawh;

(ċ) id-deliberazzjonijiet l-oħrajn kollha tal-Kunsill dwar tali atti leġiżlattivi għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku, sakemm, fuq bażi ta' każ b'każ, il-Kunsill jew il-Coreper ma jiddeċiedix mod ieħor rigward deliberazzjoni partikolari.

2.  L-ewwel deliberazzjoni tal-Kunsill dwar proposti leġiżlattivi ġodda importanti barra minn dawk li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku. Il-Presidenza għandha tidentifika liema proposti leġiżlattivi ġodda huma importanti u l-Kunsill jew il-Coreper jista' jiddeċiedi mod ieħor, fejn xieraq. Il-Presidenza tista' tiddeċiedi, fuq bażi ta' każ b'każ, li d-deliberazzjonijiet sussegwenti tal-Kunsill dwar att leġiżlattiv partikolari għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku, sakemm il-Kunsill jew il-Coreper ma jiddeċiedix mod ieħor.

3.  Fuq deċiżjoni meħuda mill-Kunsill jew mill-Coreper, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill għandu jwettaq dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-interessi ta' l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha.

Għandu jkun f'idejn il-Presidenza, kwalunkwe membru tal-Kunsill, jew il-Kummissjoni li jipproponu kwistjonijiet jew suġġetti speċifiċi għal tali dibattiti, billi jikkunsidraw l-importanza tal-kwistjoni u l-interess tagħha għaċ-ċittadini.

4.  Il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni mlaqqa' f'laqgħa kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(a) għandu jwettaq dibattitu pubbliku dwar politika dwar il-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill. Id-dibattiti dwar politika f'konfigurazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tagħhom għandhom ukoll isiru fil-pubbliku. Il-preżentazzjoni tal-Kummissjoni tal-programm ta' ħames snin tagħha, tal-programm ta' ħidma annwali tagħha u ta' l-istrateġija ta' politika annwali tagħha, kif ukoll id-dibattitu li jirriżulta, għandhom ikunu pubbliċi.

5.  Sa minn meta tintbagħat l-aġenda provviżorja skond l-Artikolu 3:

(a) dawk il-punti fuq l-aġenda tal-Kunsill li huma miftuħin għall-pubbliku skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mmarkati bil-kliem ‘deliberazzjoni pubblika’;

(b) dawk il-punti fuq l-aġenda tal-Kunsill li huma miftuħin għall-pubbliku skond il-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu mmarkati bil-kliem ‘dibattitu pubbliku’.

Il-ftuħ għall-pubbliku tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill u tad-dibattiti pubbliċi skond dan l-Artikolu għandu jsir permezz ta' trasmissjoni pubblika b'mezzi awdjoviżivi, b' mod partikolari f'kamra overflow u permezz ta' xandir fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' vidjo-streaming. Verżjoni rrekordjata għandha tibqa' disponibbli ta' l-inqas għal xahar fuq is-sit ta' l-Internet tal-Kunsill. Ir-riżultat ta' l-ivvotar għandu jkun indikat b'mezzi viżwali.

Is-Segretarjat Ġenerali għandu, safejn huwa possibbli, jinforma lill-pubbliku minn qabel bid-dati u l-ħin approssimattiv li fihom se jsiru t-tali trasmissjonijiet awdjoviżivi u għandu jieħu l-miżuri prattiċi kollha biex jiżgura l-implimentazzjoni tajba ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Votazzjoni pubblika, spjegazzjonijiet ta' voti u ta' minuti

1.  Barra minn każijiet fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill huma miftuħin għall-pubbliku skond l-Artikolu 8(1), fejn il-Kunsill jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7, ir-riżultati ta' voti u spjegazzjonijiet għal voti minn membri tal-Kunsill, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u l-punti f'dawk il-minuti marbutin ma' l-adozzjoni ta' l-atti leġiżlattivi, għandhom isiru pubbliċi.

L-istess regola għandha tapplika għal:

(a) riżultati ta' voti u spjegazzjonijiet ta' voti, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u l-punti f'dawk il-minuti marbutin ma' l-adozzjoni ta' pożizzjoni komuni skond l-Artikolu 251 jew l-Artikolu 252 tat-Trattat tal-KE;

(b) riżultati ta' voti u spjegazzjonijiet ta' voti minn membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom fuq il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni stabbilit bl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u l-punti f'dawk il-minuti marbutin mal-laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni;

(ċ) riżultati ta' voti u spjegazzjonijiet ta' voti, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u l-punti f'dawk il-minuti marbutin ma' l-istabbiliment mill-Kunsill ta' konvenzjoni abbażi tat-Titolu VI tat-Trattat UE.

2.  Barra minn hekk, ir-riżultati tal-voti għandhom isiru pubbliċi:

(a) meta l-Kunsill jaġixxi skond it-Titolu V tat-Trattat UE, b'deċiżjoni unanima tal-Kunsill jew tal-Coreper meħuda wara talba ta' wieħed mill-membri tagħhom;

(b) meta l-Kunsill jadotta l-pożizzjoni komuni fit-tifsira tat-Titolu VI tat-Trattat UE, b'deċiżjoni unanima tal-Kunsill jew tal-Coreper meħuda wara talba ta' wieħed mill-membri tagħhom;

(ċ) f'każijiet oħrajn, b'deċiżjoni tal-Kunsill jew tal-Coreper meħuda wara talba ta' wieħed mill-membri tagħhom.

Meta r-riżultat ta' vot fil-Kunsill ikun pubblikat skond il-punti (a), (b) u (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu, l-ispjegazzjonijiet ta' voti magħmula meta ttieħed il-vot għandha wkoll tkun pubblikata wara t-talba tal-membri kkonċernati tal-Kunsill, bl-attenzjoni dovuta għal dawn ir-Regoli ta' proċedura, ċertezza legali u l-interessi tal-Kunsill.

Id-dikjarazzjonijiet imdaħħlin fil-minuti tal-Kunsill u l-punti f'dawk il-minuti marbutin ma' l-adozzjoni ta' l-atti msemmijin fil-punti (a), (b) u (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu għandhom ikunu pubblikati b'deċiżjoni tal-Kunsill jew tal-Coreper meħuda wara talba ta' wieħed mill-membri tagħhom.

3.  Ħlief f'każijiet fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill huma miftuħin għall-pubbliku skond l-Artikolu 8, il-voti m'għandhomx ikunu pubblikati fil-każ ta' diskussjonijiet li jwasslu għal voti indikattivi jew l-adozzjoni ta' atti preparatorji.

Artikolu 10

Aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill huma mniżżlin fl-Anness II.

Artikolu 11

Arranġamenti dwar il-vot u l-quorum

1.  Il-Kunsill għandu jivvota fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu.

Il-President għandu, barra minn hekk, ikun rikjest jiftaħ proċedura ta' ivvotar fuq l-inizjattiva ta' membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jekk tiddeċiedi hekk maġġoranza tal-membri tal-Kunsill.

2.  Il-membri tal-Kunsill għandhom jivvotaw fl-ordni ta' l-Istati Membri stabbilita fl-Artikolu 203 tat-Trattat tal-KE u fl-Artikolu 116 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (min hawn 'il quddiem it-Trattat Euratom), billi jibdew mill-membru li, skond dik l-ordni, isegwi l-membru li għandu l-kariga ta' President.

3.  Meta jittieħed vot, kull membru tal-Kunsill jista' jaġixxi wkoll f'isem ta' mhux iżjed minn membru wieħed ieħor ( 6 ).

4.  Il-preżenza ta' maġġoranza tal-membri tal-Kunsill li huma, skond it-Trattat, intitolati għal vot hija meħtieġa biex tippermetti lill-Kunsill li jivvota. Meta jittieħed il-vot, il-President, assistit mis-Segretarjat Ġenerali, għandu jiċċekkja li hemm quorum.

5.  Meta deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, u jekk membru tal-Kunsill hekk jitlob, għandu jiġi verifikat li l-Istati Membri li jikkostitwixxu l-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni Ewropea kkalkolata skond iċ-ċifri tal-popolazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' l-Anness III.

Artikolu 12

Proċedura ordinarja bil-miktub u proċedura ta' silenzju

1.  Atti tal-Kunsill dwar xi kwistjoni urġenti jistgħu jiġu adottati b'vot bil-miktub fejn il-Kunsill jew il-Coreper jiddeċiedu b'mod unanimu li jużaw dik il-proċedura. F'ċirkostanzi speċjali, il-President jista' jipproponi wkoll l-użu ta' dik il-proċedura; f'każ bħal dan, fejn il-membri kollha tal-Kunsill jaqblu ma' dik il-proċedura, jistgħu jintużaw voti bil-miktub.

Fil-każ fejn il-vot bil-miktub huwa dwar kwistjoni li l-Kummissjoni ressqet quddiem il-Kunsill, għandu jkun meħtieġ qbil min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-proċedura bil-miktub.

Sommarju ta' l-atti adottati bil-proċedura bil-miktub għandu jiġi mfassal kull xahar mis-Segretarjat Ġenerali.

2.  Fuq l-inizjattiva tal-Presidenza, il-Kunsill jista' jaġixxi permezz ta' proċedura bil-miktub simplifikata msejħa ‘proċedura ta' silenzju’:

(a) bil-għan ta' l-adozzjoni tat-test ta' tweġiba għal mistoqsija bil-miktub jew, skond ma jkun il-każ, għal mistoqsija orali preżentata lill-Kunsill minn Membru tal-Parlament Ewropew, wara li l-abbozz tat-tweġiba jkun ġie eżaminat mill-Coreper ( 7 );

(b) bil-għan tal-ħatra ta' Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u Membri, u s-supplenti tagħhom, tal-Kumitat tar-Reġjuni, wara li l-abbozz tad-deċiżjoni jkun ġie eżaminat mill-Coreper;

(ċ) bil-għan tad-deċiżjoni dwar il-konsultazzjoni ta' istituzzjonijiet jew korpi oħra kull meta tali konsultazzjoni tkun meħtieġa mit-Trattati;

(d) bil-għan ta' l-implimentazzjoni ta' politika estera u ta' sigurtà komuni permezz tan-network ‘COREU’ (‘proċedura ta' silenzju COREU’) ( 8 ).

F'dak il-każ, it-test rilevanti għandu jiġi meqjus bħala adottat fi tmiem il-perjodu stabbilit mill-Presidenza skond l-urġenza tal-kwistjoni, ħlief fejn membru tal-Kunsill joġġezzjona.

3.  Is-Segretarjat Ġenerali għandu jistabbilixxi li l-proċeduri bil-miktub ġew mitmuma.

Artikolu 13

Minuti

1.  Il-minuti ta' kull laqgħa għandhom jitfasslu u, meta jkunu approvati, għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ ‘is-Segretarju-Ġenerali’) jew id-Deputat Segretarju-Ġenerali. Huma jistgħu jiddelegaw is-setgħa tagħhom li jiffirmaw lid-Diretturi-Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali.

Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:

 id-dokumenti preżentati lill-Kunsill,

 id-deċiżjonijiet meħuda jew il-konklużjonijiet milħuqa mill-Kunsill,

 id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kunsill u dawk li d-dħul tagħhom ġie mitlub minn membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni.

2.  L-abbozz tal-minuti għandu jitfassal mis-Segretarjat Ġenerali fi żmien ħmistax-il jum u preżentat lill-Kunsill jew lill-Coreper għall-approvazzjoni.

3.  Qabel tali approvazzjoni kwalunkwe membru tal-Kunsill, jew tal-Kummissjoni, jista' jitlob li jiddaħħlu aktar dettalji fil-minuti dwar kwalunkwe punt fuq l-aġenda. Dawn it-talbiet jistgħu jsiru lill-Coreper.

Artikolu 14

Deliberazzjonijiet u deċiżjonijiet abbażi ta' dokumenti u abbozzi mfassla fil-lingwi previsti mir-regoli fis-seħħ dwar il-lingwa

1.  Ħlief fejn il-Kunsill, b'mod unanimu u minħabba raġunijiet ta' urġenza, jiddeċiedi mod ieħor, il-Kunsill għandu jiddelibera u jieħu deċiżjonijiet biss abbażi ta' dokumenti u abbozzi mfassla fil-lingwi speċifikati fir-regoli fis-seħħ li jirregolaw il-lingwi.

2.  Kwalunkwe membru tal-Kunsill jista' jopponi diskussjoni jekk it-testijiet ta' kwalunkwe emenda proposta ma jkunux imfassla f'waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 kif hu jew hi jistgħu jispeċifikaw.

Artikolu 15

Iffirmar ta' l-atti

It-test ta' l-atti adottati mill-Kunsill u dak ta' l-atti adottati konġuntament mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu ffirmati mill-President-in-Kariga fil-ħin ta' l-adozzjoni tagħhom u mis-Segretarju-Ġenerali jew id-Deputat Segretarju-Ġenerali. Is-Segretarju-Ġenerali u d-Deputat Segretarju-Ġenerali jistgħu jiddelegaw is-setgħa tagħhom li jiffirmaw lid-Diretturi-Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali.

Artikolu 16 ( 9 )

Nuqqas tal-possibbiltà ta' parteċipazzjoni fil-vot

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, se jittieħed kont dovut, skond l-Anness IV, ta' każijiet li fihom, taħt it-Trattati, membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma jistgħux jieħdu sehem fil-vot.

Artikolu 17

Pubblikazzjoni ta' atti fil-Ġurnal Uffiċjali

1.  Dawn li ġejjin għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejjaħ ‘il-Ġurnal Uffiċjali’) mis-Segretarju-Ġenerali jew mid-Deputat Segretarju-Ġenerali:

(a) l-atti msemmija fl-Artikolu 254(1) u (2) tat-Trattat tal-KE;

(b) l-atti msemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 163 tat-Trattat Euratom;

(ċ) il-pożizzjonijiet komuni adottati mill-Kunsill skond il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 251 u 252 tat-Trattat tal-KE, u r-raġunijiet sottostanti għal dawn il-pożizzjonijiet komuni;

(d) id-deċiżjonijiet kwadru u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE;

(e) il-konvenzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skond l-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE.

Għandha ssir referenza fil-Ġurnal Uffiċjali għad-dħul fis-seħħ ta' tali konvenzjonijiet;

(f) il-konvenzjonijiet iffirmati bejn l-Istati Membri abbażi ta' l-Artikolu 293 tat-Trattat tal-KE.

Għandha ssir referenza fil-Ġurnal Uffiċjali għad-dħul fis-seħħ ta' tali konvenzjonijiet;

(g) ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità.

Għandha ssir referenza fil-Ġurnal Uffiċjali għad-dħul fis-seħħ ta' tali ftehim;

(h) ftehim internazzjonali konklużi skond l-Artikolu 24 tat-Trattat UE, ħlief jekk il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor abbażi ta' l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ( 10 ).

Għandha ssir referenza fil-Ġurnal Uffiċjali għad-dħul fis-seħħ ta' tali ftehim.

2.  Ħlief jekk il-Kunsill jew il-Coreper jiddeċiedu mod ieħor, dawn li ġejjin għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali mis-Segretarju-Ġenerali jew mid-Deputat Segretarju-Ġenerali:

(a) inizjattivi ppreżentati lill-Kunsill minn Stat Membru skond l-Artikolu 67(1) tat-Trattat tal-KE;

(b) inizjattivi ppreżentati lill-Kunsill minn Stat Membru skond l-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE;

(ċ) il-pożizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE;

(d) direttivi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 254(1) u (2) tat-Trattat tal-KE, deċiżjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 254(1) tat-Trattat tal-KE, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

3.  Il-Kunsill jew il-Coreper għandhom jiddeċiedu b'mod unanimu, fuq bażi ta' każ b'każ, jekk għandux ikun hemm pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali mis-Segretarju-Ġenerali jew id-Deputat Segretarju-Ġenerali ta' l-istrateġiji komuni, l-azzjonijiet konġunti u l-pożizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 12 tat-Trattat UE.

4.  Il-Kunsill jew il-Coreper għandhom jiddeċiedu, fuq bażi ta' każ b'każ u b'kont meħud ta' pubblikazzjoni possibbli ta' l-att bażiku, jekk dawn li ġejjin għandhomx jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali mis-Segretarju-Ġenerali jew mid-Deputat Segretarju-Ġenerali:

(a) il-miżuri li jimplimentaw l-azzjonijiet konġunti msemmija fl-Artikolu 12 tat-Trattat UE;

(b) l-azzjonijiet konġunti, il-pożizzjonijiet komuni jew kwalunkwe deċiżjoni oħra adottati abbażi ta' strateġija komuni, kif previst fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 23(2) tat-Trattat UE;

(ċ) kwalunkwe miżura li timplimenta d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE u kwalunkwe miżura li timplimenta konvenzjonijiet imfassla mill-Kunsill skond l-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE;

(d) atti oħra tal-Kunsill, bħal deċiżjonijiet jew riżoluzzjonijiet sui generis.

5.  Fil-każ fejn ftehim konkluż bejn il-Komunitajiet u Stat wieħed jew aktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali jistabbilixxi korp mogħti setgħat ta' deċiżjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, meta tali ftehim ikun konkluż, jekk deċiżjonijiet meħuda minn dak il-korp għandhomx ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 18

Notifika ta' atti

1.  Direttivi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 254(1) u (2) tat-Trattat tal-KE u Deċiżjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 254(1) tat-Trattat tal-KE għandhom ikunu notifikati lill-indirizzati tagħhom mis-Segretarju-Ġenerali, id-Deputat Segretarju-Ġenerali jew Direttur-Ġenerali li jaġixxi f'isimhom.

2.  Meta ma jkunux pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, l-atti li ġejjin għandhom ikunu notifikati lill-indirizzati tagħhom mis-Segretarju-Ġenerali, id-Deputat Segretarju-Ġenerali jew Direttur-Ġenerali li jaġixxi f'isimhom:

(a) rakkomandazzjonijiet;

(b) l-istrateġiji komuni, l-azzjonijiet konġunti u l-pożizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 12 tat-Trattat UE;

(ċ) il-pożizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE;

(d) miżuri li jimplimentaw l-atti adottati abbażi ta' l-Artikoli 12 u 34 tat-Trattat UE.

3.  Is-Segretarju-Ġenerali, id-Deputat Segretarju-Ġenerali jew Direttur-Ġenerali li jaġixxi f'isimhom għandhom jibagħtu lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kummissjoni kopji awtentiċi ta' direttivi tal-Kunsill minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 254(1) u (2) tat-Trattat tal-KE u deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Artikolu 19 ( 11 )

Coreper, kumitati u gruppi ta' ħidma

1.  Il-Coreper għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kunsill u biex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu mill-Kunsill. Huwa għandu fi kwalunkwe każ ( 12 ) jiżgura l-konsistenza tal-politika u l-azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u jara li l-prinċipji u r-regoli li ġejjin ikunu osservati:

(a) il-prinċipji ta' legalità, sussidjarjetà, proporzjonalità u l-għoti ta' raġunijiet għal atti;

(b) regoli li jistabbilixxu s-setgħat ta' istituzzjonijiet u korpi ta' l-Unjoni;

(ċ) dispożizzjonijiet baġitarji;

(d) regoli dwar proċedura, trasparenza u l-kwalità ta' l-abbozzar.

2.  Il-punti kollha fuq l-aġenda għal laqgħat tal-Kunsill għandhom jiġu eżaminati minn qabel mill-Coreper ħlief jekk dan ta' l-aħħar ma jiddeċidix mod ieħor. Il-Coreper għandu jagħmel ħiltu sabiex jilħaq ftehim fil-livell tiegħu li għandu jiġi preżentat lill-Kunsill għal adozzjoni. Huwa għandu jiżgura preżentazzjoni adegwata tad-dossjers lill-Kunsill u, fejn ikun il-każ, għandu jippreżenta linji gwida, possibbiltajiet jew soluzzjonijiet suġġeriti. Fil-każ ta' emerġenza, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu, jista' jiddeċiedi li jsolvi l-kwistjoni mingħajr eżaminazzjoni preċedenti.

3.  Jistgħu jiġu stabbiliti kumitati jew gruppi ta' ħidma mill-Coreper, jew bl-approvazzjoni tiegħu, bil-għan li titwettaq ċerta ħidma ta' tħejjija jew studji definiti minn qabel.

Is-Segretarjat Ġenerali għandu jaġġorna l-lista ta' korpi ta' tħejjija u jagħmilha pubblika. Il-kumitati u l-gruppi ta' ħidma biss fuq din il-lista jistgħu jiltaqgħu bħala gruppi ta' tħejjija tal-Kunsill.

4.  Il-Coreper għandu jkun presjedut, skond il-punti fuq l-aġenda, mir-Rappreżentant Permanenti jew id-Deputat Rappreżentant Permanenti ta' l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill. Dment li l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, id-diversi kumitati previsti mit-Trattati għandhom ikunu wkoll presjeduti minn delegat ta' dak l-Istat Membru. L-istess għandu japplika għall-kumitati u l-gruppi ta' ħidma msemmija fil-paragrafu 3, dment li l-Coreper ma jiddeċidix mod ieħor.

5.  Għat-tħejjija ta' laqgħat ta' konfigurazzjonijiet tal-Kunsill li jiltaqgħu darba kull sitt xhur, meta jsiru fl-ewwel nofs ta' dan il-perjodu, il-laqgħat tal-kumitati minbarra tal-Coreper u dawk ta' gruppi ta' ħidma li jsiru matul is-sitt xhur ta' qabel għandhom ikunu presjeduti minn delegat ta' l-Istat Membru li jkun imissu jippresjedi l-laqgħat imsemmija tal-Kunsill.

6.  Meta fajl ikun se jiġi essenzjalment ittrattat matul perjodu ta' sitt xhur, delegat ta' l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza matul dak il-perjodu ta' sitt xhur jista', matul il-perjodu ta' sitt xhur preċedenti, jippresjedi laqgħat ta' kumitati, minbarra Coreper, u gruppi ta' ħidma meta jiddiskutu dak il-fajl. L-implimentazzjoni prattika ta' dan il-paragrafu għandha tkun is-suġġett ta' ftehim bejn iż-żewġ Presidenzi kkonċernati.

Fil-każ speċifiku ta' l-eżaminazzjoni tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għal sena finanzjajra partikolari, laqgħat tal-korpi ta' tħejjija tal-Kunsill, minbarra l-Coreper, li jieħdu ħsieb it-tħejjija tal-punti fuq l-aġenda tal-Kunsill dwar l-eżaminazzjoni tal-baġit għandhom ikunu presjeduti minn delegat ta' l-Istat Membru li jkun se jkollu l-Presidenza tal-Kunsill matul it-tieni perjodu ta' sitt xhur tas-sena qabel is-sena finanzjarja in kwistjoni. L-istess għandu japplika, bil-qbil tal-Presidenza l-oħra, għall-presidenza ta' laqgħat tal-Kunsill meta l-punti baġitarji msemmija jkunu diskussi. Il-Presidenzi kkonċernati se jikkonsultaw dwar l-arranġamenti prattiċi.

7.  Skond id-dispożizzjonijiet rilevanti msemmija hawn taħt, il-Coreper jista' jadotta d-deċiżjonijiet ta' proċedura li ġejjin, dment li l-punti relatati magħhom ikunu ġew inklużi fuq l-aġenda provviżorja tiegħu ta' l-inqas tliet ijiem ta' ħidma qabel il-laqgħa. Għandha tkun meħtieġa unanimità min-naħa ta' Coreper għal kwalunkwe deroga minn dak il-perjodu ( 13 ):

(a) deċiżjoni li ssir laqgħa tal-Kunsill f'post li mhux Brussel jew il-Lussemburgu (Artikolu 1(3));

(b) awtorizzazzjoni li tiġi prodotta kopja ta' jew estratt minn dokument tal-Kunsill għall-użu fi proċedimenti legali (Artikolu 6(2));

(ċ) deċiżjoni li jitwettaq dibattitu pubbliku fil-Kunsill jew li deliberazzjoni partikolari tal-Kunsill ma ssirx fil-pubbliku (Artikolu 8(1)(ċ), (2) u (3));

(d) deċiżjoni li r-riżultati ta' votazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet mdaħħla fil-minuti tal-Kunsill isiru pubbliċi fil-każijiet imniżżla fl-Artikolu 9(2);

(e) deċiżjoni dwar l-użu tal-proċedura bil-miktub (Artikolu 12(1));

(f) approvazzjoni jew emenda tal-minuti tal-Kunsill (Artikolu 13(2) u (3));

(g) deċiżjoni dwar il-pubblikazzjoni jew le ta' test jew ta' att fil-Ġurnal Uffiċjali (Artikolu 17(2), (3) u (4));

(h) deċiżjoni dwar il-konsultazzjoni ta' istituzzjoni jew korp kull fejn tali konsultazzjoni ma tkunx meħtieġa mit-Trattati;

(i) deċiżjoni li tistabbilixxi jew testendi l-limitu ta' żmien għall-konsultazzjoni ta' istituzzjoni jew korp;

(j) deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-perjodi mniżżla fl-Artikolu 251(7) tat-Trattat tal-KE;

(k) approvazzjoni tal-formulazzjoni ta' l-ittra li għandha tiġi mibgħuta lil istituzzjoni jew korp.

Artikolu 20

Il-Presidenza u t-twettiq korrett tad-diskussjonijiet

1.  Il-Presidenza għandha tkun responsabbli mill-applikazzjoni ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura u sabiex tiżgura li d-diskussjonijiet jitwettqu korrettament. B'mod partikolari, il-Presidenza għandha tiżgura li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness V dwar il-metodi ta' ħidma għal Kunsill imkabbar.

Sabiex jiżgura li d-diskussjonijiet jitwettqu sew tista' wkoll, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, tieħu kwalunkwe miżura adatta meħtieġa għall-kisba ta' l-aħjar użu possibbli tal-ħin disponibbli matul il-laqgħat u b'mod partikolari:

(a) tirrestrinġi n-numru għal kull delegazzjoni preżenti fil-kamra tal-laqgħat għad-diskussjoni ta' punt partikolari u tiddeċiedi jekk tawtorizzax il-ftuħ ta' kamra tas-smigħ;

(b) tistabbilixxi l-ordni li fiha jinbdew il-punti u tiddetermina t-tul ta' żmien għad-diskussjoni tagħhom;

(ċ) torganizza l-ħin allokat għad-diskussjoni ta' punt partikolari, b'mod partikolari billi tillimita l-ħin li matulu l-parteċipanti jistgħu jitkellmu u tiddetermina l-ordni li fiha jistgħu jitkellmu;

(d) tistaqsi lid-delegazzjonijiet jippreżentaw bil-miktub il-proposti tagħhom għal emenda ta' test li jkun qed jiġi diskuss qabel data partikolari, flimkien ma' spjegazzjoni qasira jekk ikun il-każ;

(e) tistaqsi lid-delegazzjoni li jkollhom pożizzjonijiet identiċi jew simili dwar punt jew test partikolari, jew parti minnhom, jagħżlu wieħed minnhom sabiex jesprimu l-pożizzjoni kondiviża tagħhom fil-laqgħa jew bil-miktub qabel il-laqgħa.

2.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19(4) sa (6) u għas-setgħat tagħha u għar-responsabbiltà politika ġenerali tagħha, il-Presidenza għandha tkun assistita mir-rappreżentant ta' l-Istat Membru li jkun imissu jkollu l-Presidenza. Fuq it-talba tal-Presidenza u filwaqt li jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tagħha, dan ta' l-aħħar għandu jissostitwiha kif u meta meħtieġ, għandu jieħu min idejha, fejn meħtieġ, ċerti kompiti u għandu jiżgura l-kontinwità tal-proċedimenti tal-Kunsill.

Artikolu 21 ( 14 ) ( 15 )

Rapporti minn kumitati u gruppi ta' ħidma

Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-Presidenza għandha torganizza l-laqgħat tad-diversi kumitati u gruppi ta' ħidma sabiex hekk ir-rapporti tagħhom ikunu disponibbli qabel il-laqgħat tal-Coreper li fihom ikunu eżaminati.

Ħlief jekk konsiderazzjonijiet ta' urġenza ma jitolbux mod ieħor, il-Presidenza għandha tipposponi għal laqgħa sussegwenti tal-Coreper kwalunkwe punt leġiżlattiv fis-sens ta' l-Artikolu 7 dwar liema l-kumitat jew il-grupp ta' ħidma ma jkunx temm id-diskussjonijiet tiegħu ta' l-inqas ħamest ijiem qabel il-laqgħat tal-Coreper.

Artikolu 22

Kwalità ta' l-abbozzar ( 16 )

Sabiex jgħin lill-Kunsill fil-kompitu tiegħu fl-iżgurar tal-kwalità ta' l-abbozzar ta' l-atti leġiżlattivi li jadotta, is-Servizz Legali għandu jkun responsabbli għall-kontroll tal-kwalità ta' l-abbozzar ta' proposti u abbozzi ta' atti fl-istadju adegwat, kif ukoll li jressaq suġġerimenti ta' abbozzar għall-attenzjoni tal-Kunsill u l-korpi tiegħu skond il-Ftehim Interisituzzjonali tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar linji gwida komuni għall-kwalita' ta' l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ( 17 ).

Matul il-proċess leġiżlattiv kollu, dawk li jippreżentaw testi b'konnessjoni mal-proċedimenti tal-Kunsill għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwalità ta' l-abbozzar.

Artikolu 23

Is-Segretarju-Ġenerali u s-Segretarjat Ġenerali

1.  Il-Kunsill għandu jkun assistit minn Segretarjat Ġenerali, taħt ir-responsabbiltà ta' Segretarju-Ġenerali, li għandu jkun assistit minn Deputat Segretarju-Ġenerali responsabbli mit-tmexxija tas-Segretarjat Ġenerali. Is-Segretarju-Ġenerali u d-Deputat Segretarju-Ġenerali għandhom jinħatru mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

2.  Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali. ( 18 )

Taħt l-awtorità tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali u d-Deputat Segretarju-Ġenerali għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-ħidma tajba tas-Segretarjat Ġenerali.

3.  Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun involut mill-qrib u kontinwament fl-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-iżgurar tal-koerenza tal-ħidma tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-programm ta' 18-il xahar tiegħu. Taħt ir-responsabbiltà u l-gwida tal-Presidenza, huwa għandu jgħin lil din ta' l-aħħar fis-sejba ta' soluzzjonijiet.

Skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE, is-Segretarju-Ġenerali għandu jgħin lill-Kunsill u lill-Presidenza fi kwistjonijiet dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-koordinazzjoni tal-ħidma tar-Rappreżentanti Speċjali.

Jekk ikun xieraq, is-Segretarju-Ġenerali jista' jitlob lill-Presidenza tlaqqa' kumitat jew grupp ta' ħidma, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwisjonijiet relatati mal-politika estera u ta' sigurtà komuni, jew tqiegħed punt fuq l-aġenda għal kumitat jew grupp ta' ħidma.

4.  Is-Segretarju-Ġenerali jew id-Deputat Segretarju-Ġenerali għandhom jissottomettu lill-Kunsill abbozz ta' l-estimi tan-nefqa tal-Kunsill minn qabel biżżejjed sabiex jiżguraw li l-limiti ta' żmien stabbiliti mid-dispożizzjonijiet finanzjarji jkunu rispettati.

5.  Is-Segretarju-Ġenerali, assistit mid-Deputat Segretarju-Ġenerali, għandu responsabbiltà sħiħa għall-amministrazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-Taqsima II – Kunsill – tal-baġit u għandu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li jkunu amministrati tajjeb. Huwa għandu jimplimenta l-approprjazzjonijiet in kwistjoni skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 24

Sigurtà

Ir-regoli dwar is-sigurtà għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Artikolu 25

Doveri bħala depożitarju ta' ftehim u konvenzjonijiet

Fil-każ li s-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill ikun magħżul bħala d-depożitarju ta' ftehim konkluż skond l-Artikolu 24 tat-Trattat UE jew konkluż mill-Komunità u Stat wieħed jew aktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, ta' konvenzjoni konkluża bejn l-Istati Membri jew ta' konvenzjoni stabbilita skond l-Artikolu 34 tat-Trattat UE, l-atti ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni jew ta' approvazzjoni ta' dawk il-ftehim jew konvenzjonijiet għandhom ikunu ddepożitati fl-indirizz tal-Kunsill.

F'każijiet bħal dawn, is-Segretarju-Ġenerali għandu jwettaq id-doveri ta' depożitarju u għandu jiżgura wkoll li d-dati tad-dħul fis-seħħ ta' tali ftehim jew konvenzjonijiet ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 26

Rappreżentanza quddiem il-Parlament Ewropew

Il-Kunsill jista' jkun rappreżentat quddiem il-Parlament Ewropew jew il-kumitati tiegħu mill-Presidenza jew bil-qbil ta' din ta' l-aħħar, mill-Presidenza li jkun imiss jew mis-Segretarju-Ġenerali. Il-Kunsill jista' jkun rappreżentat ukoll quddiem dawk il-kumitati mid-Deputat Segretarju-Ġenerali tiegħu jew minn uffiċjali anzjani tas-Segretarjat Ġenerali, li jaġixxu fuq istruzzjonijiet mill-Presidenza.

Il-Kunsill jista' jippreżenta wkoll l-opinjonijiet tiegħu lill-Parlament Ewropew permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub.

Artikolu 27

Dispożizzjonijiet dwar il-forma ta' l-atti

Id-dispożizzjonijiet dwar il-forma ta' l-atti huma mniżżla fl-Anness VI.

Artikolu 28

Korrispondenza inidrizzata lill-Kunsill

Korrispondenza lill-Kunsill għandha tiġi mibgħuta lill-President fl-indirizz li ġej tal-Kunsill:

Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

rue de la Loi/Wetstraat 175

B-1048 Brussels




ANNESS I

LISTA TA' KONFIGURAZZJONIJIET TAL-KUNSILL

1. Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni ( 19 );

2. Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ( 20 );

3. Ġustizzja u Affarijiet Interni ( 21 );

4. Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur;

5. Kompetittività (Suq Intern, Industrija u Riċerka) ( 22 );

6. Trasport, Telekomunikazzjonijiet u Enerġija;

7. Agrikoltura u Sajd;

8. Ambjent;

9. Edukazzjoni, Żgħażagħ u Kultura ( 23 ).

Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-mod li bih ikun rappreżentat fil-Kunsill, skond l-Artikolu 203 tat-Trattat tal-KE.

Bosta Ministri jistgħu jipparteċipaw bħala membri sħaħ ta' l-istess konfigurazzjoni tal-Kunsill, bl-aġenda u l-organizzazzjoni ta' proċedimenti tiġi aġġustata kif meħtieġ. ( 24 )

Fil-każ tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni, kull gvern għandu jkun rappreżentat fil-laqgħat differenti tal-Kunsill ta' din il-konfigurazzjoni mill-Ministru jew is-Segretarju ta' l-Istat ta' l-għażla tiegħu.




ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI RIGWARD L-AĊĊESS PUBBLIKU GĦAL DOKUMENTI TAL-KUNSILL

Artikolu 1

Kamp ta' Applikazzjoni

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha aċċess għal dokumenti tal-Kunsill soġġett għall-prinċipji, il-kondizzjonijiet u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u d-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan l-Anness.

Artikolu 2

Konsultazzjoni rigward dokumenti ta' partijiet terzi

1.  Għall-fini li jiġu applikati l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u sakemm ma jkunx ċar, wara l-eżami tad-dokument fid-dawl ta' l-Artikolu 4(1), (2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li m'għandux jiġi żvelat, il-parti terza kkonċernata għandha tiġi kkonsultata jekk:

(a) id-dokument huwa dokument sensittiv kif definit fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

(b) id-dokument joriġina minn Stat Membru u

ġie preżentat lill-Kunsill qabel it-3 ta' Diċembru 2001; jew

l-Istat Membru kkonċernat talab li ma jkunx żvelat mingħajr il-qbil tiegħu minn qabel.

2.  Fil-każijiet l-oħra kollha, fejn il-Kunsill jirċievi applikazzjoni għal dokument ta' parti terza fil-pussess tiegħu, is-Segretarjat Ġenerali, għall-fini li japplika l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għandu jikkonsulta lill-parti terza kkonċernata sakemm ma jkunx ċar, wara l-eżami tad-dokument fid-dawl ta' l-Artikolu 4(1), (2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li hu għandu jew m'għandux jiġi żvelat.

3.  Il-parti terza għandha tiġi kkonsultata bil-miktub (inkluż bl-email) u tingħata limitu ta' żmien raġonevoli biex twieġeb, b'kont meħud tal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-parti terza għandha tintalab tagħti l-opinjoni tagħha bil-miktub.

4.  Fejn id-dokument ma jaqax taħt il-paragrafu 1(a) jew (b) u s-Segretarjat Ġenerali, fid-dawl ta' l-opinjoni negattiva tal-parti terza, ma jkunx sodisfatt li l-Artikolu 4(1) jew (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 huwa applikabbli, il-Kunsill għandu jieħu l-kwistjoni f'idejh.

Jekk il-Kunsill jaħseb li jirrilaxxa d-dokument, il-parti terza għandha tiġi infurmata immedjatament bil-miktub bil-ħsieb tal-Kunsill li jirrilaxxa d-dokument wara perjodu ta' żmien ta' mhux anqas minn għaxart ijiem ta' ħidma. Fl-istess waqt, għandha tinġibed l-attenzjoni tal-parti terza għall-Artikolu 243 tat-Trattat KE.

Artikolu 3

Talbiet għal konsultazzjoni li jaslu minn istituzzjonijiet oħra jew minn Stati Membri

Talbiet għal konsultazzjonijiet mal-Kunsill magħmula minn istituzzjoni jew Stat Membru ieħor li jikkonċernaw applikazzjoni għal dokument tal-Kunsill għandhom jintbagħtu permezz ta' e-mail lil access@consilium.europa.eu jew bil-fax fuq + 32(0)2 281 63 61.

Is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f'isem il-Kunsill mill-ewwel, waqt li jieħu kont ta' kwalunkwe limitu ta' żmien meħtieġ biex tittieħed deċiżjoni mill-istituzzjoni jew l-Istat Membru konċernat, u mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta' ħidma.

Artikolu 4

Dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri

Kwalunkwe talba minn Stat Membru taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandha ssir bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 5

Referenza għal talbiet mill-Istati Membri

Meta Stat Membru jirreferi għal talba lill-Kunsill, din għandha tiġi ttrattata skond l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan l-Anness. Fil-każ ta' rifjut sħiħ jew parzjali ta' l-aċċess, l-applikant għandu jkun infurmat li kwalunkwe applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi indirizzata direttament lill-Kunsill.

Artikolu 6

Indirizz għal applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għal aċċess għal dokument għandhom jiġu indirizzati bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli, rue de la Loi/Wetstraat 175, B-1048 Brussel, b'e-mail lil access@consilium.europa.eu jew bil-fax lil + 32(0)2 281 63 61.

Artikolu 7

Ipproċessar ta' applikazzjonijiet inizjali

Soġġett għall-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kwalunkwe applikazzjoni għal aċċess għal dokument tal-Kunsill għandha tiġi ttrattata mis-Segretarjat Ġenerali.

Artikolu 8

Ipproċessar ta' applikazzjonijiet konfermatorji

Soġġett għall-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kwalunkwe applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi deċiża mill-Kunsill.

Artikolu 9

Ħlasijiet

Il-ħlasijiet biex jiġu prodotti u biex jintbagħtu kopji ta' dokumenti tal-Kunsill għandhom jiġu stabbiliti mis-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 10

Reġistru pubbliku ta' dokumenti tal-Kunsill

1.  Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun responsabbli biex jipprovdi aċċess pubbliku għar-reġistru ta' dokumenti tal-Kunsill.

2.  B'żieda mar-referenzi għad-dokumenti, għandu jkun indikat fir-reġistru liema dokumenti mfassla wara l-1 ta' Lulju 2000 diġà ġew rilaxxati lill-pubbliku. Soġġett għar-Regolament (KE) 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' tali data ( 25 ) u l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-kontenut tagħhom għandu jkun disponibbli fuq l-Internet.

Artikolu 11

Dokumenti direttament aċċessibbli għall-pubbliku

1.  Dan l-Artikolu għandu japplika għad-dokumenti kollha tal-Kunsill, sakemm huma ma jkunux klassifikati u mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni bil-miktub skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

2.  Għall-fini ta' dan l-Artikolu:

 ‘ċirkolazzjoni’ għandha tfisser distribuzzjoni tal-verżjoni finali ta' dokument lill-membri tal-Kunsill, ir-rappreżentanti jew id-delegati tagħhom;

 ‘dokument leġiżlattiv’ għandha tfisser kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-eżami u l-adozzjoni ta' att leġiżlattiv fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 7 tar-Regoli preżenti.

3.  Is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħmel id-dokumenti li ġejjin disponibbli għall-pubbliku hekk kif huma jiġu ċċirkolati:

(a) dokumenti li l-awtur tagħhom la huwa l-Kunsill u lanqas Stat Membru, li saru pubbliċi mill-awtur tagħhom jew bl-approvazzjoni tiegħu;

(b) aġenda provviżorja għal laqgħat tal-Kunsill fil-bosta konfigurazzjonijiet tiegħu;

(ċ) kwalunkwe test adotta tal-Komunitajiet Ewropej.

4.  Sakemm ikun ċar li huma mhumiex koperti minn xi waħda mill-eċċezzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, is-Segretarjat Ġenerali jista' wkoll jagħmel id-dokumenti li ġejjin disponibbli lill-pubbliku hekk kif huma jkunu ġew iċċirkolati.

(a) aġenda provviżorja ta' kumitati u gruppi ta' ħidma;

(b) dokumenti oħra, bħal noti ta' informazzjoni, rapporti, rapporti ta' progress u rapporti dwar l-istat ta' diskussjonijiet fil-Kunsill jew wieħed mill-korpi preparatorji tiegħu li ma jirriflettux pożizzjonijiet individwali ta' delegazzjonijiet, eskluż opinjonijiet u kontribuzzjonijiet tas-Servizz Legali.

5.  Is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħmel id-dokumenti leġiżlattivi li ġejjin disponibbli għall-pubbliku, flimkien mad-dokumenti msemmija fil-paragrafi 3 u 4, hekk kif huma jiġu ċċirkolati.

(a) noti ta' tifsir u kopji ta' ittri li jikkonċernaw atti leġiżlattivi indirizzati lill-Kunsill minn istituzzjonijiet jew korpi oħra ta' l-Unjoni Ewropea jew, soġġett għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, minn Stat Membru;

(b) dokumenti preżentati lill-Kunsill li huma elenkati taħt punt fuq l-aġenda tiegħu mmarkati bil-kliem ‘deliberazzjoni pubblika’ jew ‘dibattitu pubbliku’ skond l-Artikolu 8 tar-Regolamenti ta' Proċedura;

(ċ) noti preżentati lill-Coreper u/jew lill-Kunsill għal approvazzjoni (noti ta' punt ‘I/A’ u ‘A’), kif ukoll l-abbozz ta' atti leġiżlattivi li għalihom jirreferu;

(d) deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill waqt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE u testi konġunti approvati mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

6.  Wara l-adozzjoni ta' waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5(d) jew l-adozzjoni finali ta' l-att konċernat, is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħmel disponibbli lill-pubbilku kwalunkwe dokumenti leġiżlattivi li jirrelataw ma' dan l-att li tfasslu qabel waħda minn tali deċiżjonijiet u li m'huma koperti bl-ebda eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1), (2) u (3), it-tieni sottoparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, bħal noti ta' informazzjoni, rapporti, rapporti ta' progress u rapporti dwar l-istat ta' diskussjonijiet fil-Kunsill jew f'wieħed mill-korpi preparatorji tiegħu (‘riżultati ta' proċedimenti’), esklużi l-opinjonijiet u l-kontributi tas-Servizz Legali.

Fuq talba ta' Stat Membru, dokumenti li huma koperti bl-ewwel sottoparagrafu u li jirriflettu l-pożizzjoni individwali tad-delegazzjoni ta' dak l-Istat Membru fil-Kunsill m'għandhomx isiru disponibbli lill-pubbliku taħt dawn id-dispożizzjonijiet.




ANNESS III

REGOLI DETTALJATI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-PEŻATURA TAL-VOTI FIL-KUNSILL

▼M2

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 205(4) tat-Trattat KE, l-Artikolu 118(4) tat-Trattat Euratom, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 34(3) tat-Trattat UE, il-popolazzjoni totali ta’ kull Stat Membru għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2008 għandha tkun kif ġej:



Stat Membru

Popolazzjoni

(× 1 000)

Il-Ġermanja

82 314,9

Franza

63 392,1

Ir-Renju Unit

60 823,8

L-Italja

59 131,3

Spanja

44 474,6

Il-Polonja

38 125,5

Ir-Rumanija

21 565,1

L-Olanda

16 358

Il-Greċja

11 171,7

Il-Portugall

10 599,1

Il-Belġju

10 584,5

Ir-Repubblika Ċeka

10 287,2

L-Ungerija

10 066,1

L-Iżvezja

9 113,2

L-Awstrija

8 298,9

Il-Bulgarija

7 679,3

Id-Danimarka

5 447,1

Is-Slovakja

5 393,6

Il-Finlandja

5 276,9

L-Irlanda

4 319,4

Il-Litwanja

3 384,9

Il-Latvja

2 281,3

Is-Slovenja

2 010,3

L-Estonja

1 342,4

Ċipru

778,7

Il-Lussemburgu

476,2

Malta

407,8

Total

495 103,9

Livell mitlub (62 %)

306 964,4

.

▼B

Artikolu 2

1.  Qabel l-1 ta' Settembru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej id-data dwar il-popolazzjoni totali tagħhom kif kienet fl-1 ta' Jannar tas-sena attwali.

2.  B'effett mill-1 ta' Jannar ta' kull sena, il-Kunsill għandu, skond id-data disponibbli lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej fit-30 ta' Settembru tas-sena ta' qabel, jemenda ċ-ċifri stabbiliti fl-Artikolu 1. Din id-Deċizjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.




ANNESS IV

1. Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regoli ta' Proċedura u għal deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom, taħt it-Trattati, membri tal-Kunsill jew tal-Coreper ma jistgħux jipparteċipaw fil-vot, m'għandux jittieħed kont ta' voti minn tali membri:

(a) L-Artikolu 1(3), it-tieni subparagrafu (iż-żamma ta' laqgħa tal-Kunsill f'post li mhux Brussel jew il-Lussemburgu;

(b) L-Artikolu 3(7) (li jiġi inkluż fl-aġenda punt apparti dawk li jidhru fuq l-aġenda provviżorja);

(ċ) L-Artikolu 3(8) (li jinżamm bħala punt ‘B’ fuq l-aġenda punt ‘A’ li kieku kellu jitneħħa mill-aġenda);

(d) L-Artikolu 5(2), għal dak li jirrigwarda l-preżenza tal-Bank Ċentrali Ewropew biss (deliberazzjoni mingħajr il-preżenza tal-Bank Ċentrali Ewropew);

(e) L-Artikolu 9(2), l-ewwel subparagrafu, punti (b) u (ċ), it-tieni u t-tielet subparagrafi (li r-riżultati tal-voti jsiru pubbliċi, spjegazzjonijiet tal-voti, dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u punti fuq dawk il-minuti marbutin ma' l-adozzjoni ta' pożizzjoni komuni taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE; li r-riżultati tal-voti jsiru pubbliċi, spjegazzjonijiet tal-voti, dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill u punti fuq dawk il-minuti li għandhom x'jaqsmu ma' każijiet oħra apparti dawk imsemmija fil-paragrafu 2);

(f) L-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu (li tinfetaħ proċedura ta' votazzjoni);

(g) L-Artikolu 12(1) (użu tal-proċedura bil-miktub);

(h) L-Artikolu 14(1) (deċiżjoni biex issir deliberazzjoni u jittieħdu deċiżjonijiet eċċezzjonalment abbażi ta' dokumenti u abbozzi li ma tfasslux fil-lingwi kollha) ( 26 );

(i) L-Artikolu 17(2)(a) u (b) (non-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' inizjattiva ppreżentata minn Stat Membru skond l-Artikolu 67(1) tat-Trattat tal-KE dwar l-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE);

(j) l-Artikolu 17(2)(ċ) u (d) (non-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' pożizzjoni komuni adottata abbażi ta' l-Artikolu 34 tat-Trattat UE jew ċerti direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet);

(k) L-Artikolu 17(4)(ċ) (pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' kwalunkwe miżuri li jimplimentaw deċiżjonijiet jew konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE);

(l) L-Artikolu 17(5) (jekk deċiżjonijiet meħuda minn korp stabbilit taħt ftehim internazzjonali għandhomx jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali).

2. Membru tal-Kunsill jew tal-Coreper jistgħu ma jagħmlux użu mid-dispożizzjonijiet li ġejjin ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura b'konnessjoni ma' deċiżjonijiet li permezz tagħhom, taħt it-Trattati, dak il-membru jista' ma jipparteċipax fil-votazzjoni:

(a) L-Artikolu 3(8) (possibbiltà ta' membru tal-Kunsill li jitlob l-irtirar ta' punt ‘A’ mill-aġenda);

(b) L-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu (possibbiltà ta' membru tal-Kunsill li jitlob il-ftuħ ta' proċedura ta' votazzjoni);

(ċ) L-Artikolu 11(3) (possibbiltà ta' membru tal-Kunsill li jaġixxi f'isem ieħor waqt il-votazzjoni);

(d) L-Artikolu 14(2) (possibbiltà għal kwalunkwe membru tal-Kunsill li jopponi diskussjoni jekk it-testi ta' kwalunkwe emendi ma jkunux tfasslu fil-lingwa li hu jew hi jkun speċifika).




ANNESS V

METODI TA' ĦIDMA GĦAL KUNSILL IMKABBAR

Tħejjija għal laqgħat

1. Il-Presidenza għandha tiżgura li fajl jiġi preżentat biss lill-Coreper minn grupp ta' ħidma jew minn kumitat meta jkun hemm prospett raġonevoli ta' progress jew kjarifika ta' pożizzjonijiet li jkunu qed jintlaħqu f'dak il-livell. Bil-kuntrarju, fajls jistgħu jerġgħu jiġu riferuti biss lil grupp ta' ħidma jew lil kumitat meta meħtieġ, u fi kwalunkwe każ bil-ħsieb li jiġu indirizzati problemi preċiżi u definiti sew.

2. Il-Presidenza għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tavvanza l-ħidma bejn il-laqgħat. Hi tista', per eżempju, bil-qbil tal-grupp ta' ħidma jew kumitat, twettaq bl-iżjed mod effiċjenti l-konsultazzjonijiet meħtieġa dwar problemi speċifiċi bil-ħsieb li tirrapporta lura lill-grupp ta' ħidma jew kumitat konċernat is-soluzzjonijiet possibbli. Hi tista' wkoll twettaq konsultazzjonijiet bil-miktub billi titlob lid-delegazzjonijiet jirreaġixxu b'forma miktuba għal proposta qabel il-laqgħa li jkun imiss tal-grupp ta' ħidma jew kumitat.

3. Kull fejn ikun xieraq, id-delegazzjonijiet għandhom jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li wisq probabbli jkunu se jieħdu fil-laqgħa li jkun imiss f'forma miktuba qabel dik il-laqgħa. Meta dan jinkludi proposti biex jiġi emendat test, id-delegazzjonijiet għandhom jissuġġerixxu l-formulazzjoni speċifika. Kull fejn possibbli, il-kontribut bil-miktub għandu jiġi preżentat b'mod konġunt minn delegazzjonijiet li jħaddnu pożizzjonijiet identiċi.

4. Il-Coreper għandu jevita milli jerġa' jagħmel xogħol li jkun ġa sar fit-tħejjija tal-proċedimenti tiegħu. Dan għandu japplika b'mod partikolari għal punti ‘I’, għal informazzjoni dwar l-organizzazzjoni u l-ordni tal-ħidma tiegħu u għal informazzjoni fuq l-aġenda u l-organizzazzjoni ta' laqgħat futuri tal-Kunsill. Kull fejn ikun possibbli, id-delegazzjonijiet għandhom iqajmu punti dwar Affarijiet Oħra meta l-proċedimenti tal-Coreper ikunu qed jitħejjew iżjed milli waqt fil-Coreper innifsu.

5. Il-Presidenza għandha tinforma lid-delegazzjonijiet malajr kemm jista' jkun meta l-proċedimenti tal-Coreper ikunu qed jitħejjew dwar l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti tħejjija ddettaljata tal-proċedimenti tal-Coreper, inkluż informazzjoni dwar dak li l-Presidenza tistenna li tilħaq mid-diskussjoni dwar kull punt ta' l-aġenda. Bil-kuntrarju, il-Presidenza għandha, kif xieraq, tinkoraġġixxi lid-delegazzjonijiet jikkomunikaw lil delegazzjonijiet oħra, meta l-proċedimenti tal-Coreper ikun qed jitħejjew, informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet li jkunu se jieħdu fil-Coreper. F'dan il-kuntest il-Presidenza għandha tiffinalizza l-aġenda tal-Coreper. Il-Presidenza tista' tlaqqa' b'mod iżjed frekwenti l-gruppi li jħejju l-proċedimenti tal-Coreper, meta ċ-ċirkostanzi jitolbu hekk.

Kondotta tal-laqgħat

6. L-ebda punt mhu se jitpoġġa fuq l-aġenda tal-Kunsill sempliċiment għal preżentazzjoni mill-Kummissjoni jew minn membru tal-Kunsill, ħlief fejn hu ppjanat dibattitu dwar inizjattivi maġġuri ġodda.

7. Il-Presidenza għandha toqgħod lura milli tpoġġi fuq l-aġenda tal-Coreper punti għal informazzjoni biss. Tali informazzjoni, per eżempju dwar ir-riżultat ta' laqgħat f'forum ieħor jew ma' Stat Terz jew istituzzjoni oħra, kwistjonijiet ta' proċedura u organizzazzjoni, eċċ, għandhom minflok jiġu trasmessi lil delegazzjonijiet meta l-proċedimenti tal-Coreper ikunu qed jitħejjew, kull meta jkun possibbli f'forma miktuba, u m'għandhomx jiġu ripetuti fil-Coreper.

8. Fil-bidu ta' laqgħa, il-Presidenza għandha tagħti kwalunkwe informazzjoni meħtieġa fir-rigward ta' kif għandha tiġi ttrattata l-laqgħa u b'mod partikolari tindika t-tul ta' ħin li għandha f'moħħha tiddedika għal kull punt. Għandha toqgħod lura milli tagħmel introduzzjonijiet twal u tevita r-ripetizzjoni ta' informazzjoni li hi diġà magħrufa mid-delegazzjonijiet.

9. Fil-bidu ta' diskussjoni dwar punt sostantiv, il-Presidenza għandha, skond it-tip ta' diskussjoni li jkun hemm bżonn, tindika lid-delegazzjonijiet it-tul massimu ta' l-interventi tagħhom dwar dak il-punt. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-interventi m'għandhomx jaqbżu ż-żewġ minuti.

10. Sessjonijiet ta' laqgħat kompleti għandhom, fil-prinċipju, jiġu pprojbiti; jistgħu jintużaw biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali fuq kwistjonijiet speċifiċi, b'limitu ta' żmien għall-interventi stabbilit mill-Presidenza.

11. Il-Presidenza għandha tagħti kemm tista' attenzjoni lid-diskussjonijiet, b'mod partikolari billi titlob lid-delegazzjonijiet jirreaġixxu għal testi ta' kompromess jew proposti speċifiċi.

12. Matul u fi tmiem il-laqgħat il-Presidenza għandha żżomm lura milli tagħmel sommarji twal tad-diskussjonijiet u għandha tirrestrinġi ruħha billi tislet konklużjoni qasira tar-riżultati (sustanza u/jew proċedura) milħuqa.

13. Id-delegazzjonijiet għandhom jevitaw li jirrepetu punti magħmula minn kelliema preċendenti. L-interventi tagħhom ikunu qosra, sostantivi u dritt għall-punt.

14. Delegazzjonijiet li jaħsbuha l-istess huma mħeġġa jikkonsultaw bil-ħsieb li kelliem wieħed jagħmel preżentazzjoni ta' pożizzjoni komuni dwar punt speċifiku.

15. Meta jkunu qed jiddiskutu testi, id-delegazzjonijiet għandhom jagħmlu proposti konkreti ta' abbozzar, bil-miktub, iżjed milli sempliċiment jesprimu n-nuqqas ta' qbil tagħhom ma' proposta partikolari.

16. Sakemm indikat mod ieħor mill-Presidenza, id-delegazzjonijiet għandhom joqogħdu lura milli jindirizzaw il-laqgħa meta jkunu jaqblu ma' proposta partikolari; f'dan il-każ is-silenzju jiġi kkunsidrat bħala qbil fil-prinċipju.




ANNESS VI

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-FOROM TA' L-ATTI

A.   Forom ta' Regolamenti:

1. Regolamenti adottati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u Regolamenti tal-Kunsill għandhom jinkludu:

(a) fit-titolu tagħhom il-kelma ‘Regolament’, segwita min-numru tas-serje, id-data ta' l-adozzjoni tagħhom u indikazzjoni tas-suġġett-materja;

(b) il-kliem ‘Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea’ jew ‘Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea’, kif xieraq;

(ċ) referenza għad-dispożizzjonijiet li taħthom huwa adottat ir-Regolament, ippreċeduta bil-kliem ‘Wara li kkunsidra’;

(d) kwotazzjoni li tinkludi referenza għal proposti preżentati u għal opinjonijiet miksuba u konsultazzjonijiet miżmuma;

(e) dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament, ippreċeduta mill-kelma ‘Billi:’, il-premessi jkunu nnumerati;

(f) il-kliem ‘adottaw dan ir-Regolament’ jew ‘adotta dan ir-Regolament’, kif xieraq, segwit mit-termini normattivi tar-Regolament.

2. Ir-Regolamenti għandhom jinqasmu f'Artikoli, u jekk xieraq miġbura f'kapitoli u taqsimiet.

3. L-Artikolu finali ta' Regolament għandu jiffissa d-data tad-dħul fis-seħħ, fejn dik id-data hi qabel jew wara l-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni.

4. L-Artikolu finali ta' Regolament għandu jkun segwit bi:

(a) 

(i) il-kliem ‘Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha’

jew

(ii) il-kliem ‘Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea’, fil-każijiet kollha fejn att mhuwiex applikabbli għal, jew fi, l-Istati Membri kollha ( 27 );

(b) il-kliem ‘Magħmul fi…’, segwit mid-data li fiha r-Regolament ġie adottat,

u

(ċ) fil-każ ta':

(i) Regolament adottat b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-formola:

‘Għall-Parlament Ewropew

Il-President’

‘Għall-Kunsill

Il-President’

segwit bl-isem tal-President tal-Parlament Ewropew u tal-President-fil-Kariga tal-Kunsill fiż-żmien meta r-Regolament jiġi adottat;

(ii) Regolament tal-Kunsill, il-formola:

‘Għall-Kunsill

Il-President’

segwit bl-isem tal-President-fil-Kariga tal-Kunsill fiż-żmien meta r-Regolament jiġi adottat.

B.   Forom ta' Direttivi, Deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet (Trattat tal-KE)

1. Direttivi u Deċiżjonijiet adottati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u Direttivi u Deċiżjonijiet tal-Kunsill, għandhom jinkludu fit-titoli tagħhom il-kelma ‘Direttiva’ jew ‘Deċiżjoni’.

2. Rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet maħruġa mill-Kunsill għandhom jinkludu fit-titoli tagħhom il-kelma ‘Rakkomandazzjoni’ jew ‘Opinjoni’.

3. Id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' Regolamenti mniżżla f'A hawn fuq għandhom japplikaw mutatis mutandis, soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE, għal Direttivi u Deċiżjonijiet.

Ċ.   Forom ta' strateġiji komuni tal-Kunsill Ewropew, azzjonijiet konġunti u pożizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 12 tat-Trattat UE,

strateġiji komuni, azzjonijiet konġunti u pożizzjonijiet komuni fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 12 tat-Trattat UE għandu jkollhom wieħed minn dawn l-intestaturi, kif xieraq:

(a) ‘Strateġija Komuni tal-Kunsill Ewropew’, numru tas-serje (sena/numru/PESK), id-data ta' l-adozzjoni u s-suġġett;

(b) ‘Azzjoni Konġunta tal-Kunsill’, numru tas-serje (sena/numru/PESK), id-data ta' l-adozzjoni u s-suġġett;

(ċ) ‘Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill’, numru tas-serje (sena/numru/PESK), id-data ta' l-adozzjoni u s-suġġett.

D.   Forom ta' pożizzjonijiet komuni, deċiżjonijiet kwadru, deċiżjonijiet u konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE,

Pożizzjonijiet Komuni, Deċiżjonijiet kwadru, Deċiżjonijiet u konvenzjonijiet fit-tifsira ta' l-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE għandu jkollhom waħda mill-intestaturi li ġejjin, kif xieraq:

(a) ‘Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill’, numru tas-serje (sena/numru/PESK), id-data ta' l-adozzjoni u s-suġġett;

(b) ‘Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill’, numru tas-serje (sena/numru/PESK), id-data ta' l-adozzjoni u s-suġġett;

(ċ) ‘Deċiżjoni tal-Kunsill’, numru tas-serje (sena/numru/ĠAI), id-data ta' l-adozzjoni u s-suġġett;

(d) ‘Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skond l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea’ u s-suġġett.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha. Għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-ewwel programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill għandu jiġi stabbilit għall-perjodu li jibda f'Jannar 2007.



( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (2004/338/KE, Euratom) tat-22 ta' Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 106, 15.04.2004, p. 22). Regoli ta' Proċedura kif emendati l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/34/KE, Euratom tat-23 ta' Jannar 2006 (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 32).

( 2 ) Dan il-paragrafu jirriproduċi l-Artikolu 204 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

( 3 ) Dan il-paragrafu jirriproduċi l-punt (b) ta' l-Artikolu waħdieni tal-Protokoll dwar il-lokazzjoni tas-sedi ta' l-istituzzjonijiet u ta' ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u ta' l-Europol anness mat-Trattati.

( 4 ) Ara d-dikjarazzjoni (a) imniżżla hawn taħt:

(a) Rigward l-Artikolu 2(4):

‘Il-programm ta' 18-il xahar se jinkludi sezzjoni introduttorja ġenerali li tistabbilixxi l-programm fil-kuntest ta' l-orjentazzjonijiet strateġiċi għall-perjodu fit-tul ta' l-Unjoni Ewropea. Dwar din is-sezzjoni, it-tliet Presidenzi responsabbli għall-preparazzjoni ta' l-abbozz tal-programm ta' 18-il xahar se jikkonsultaw mat-tliet Presidenzi sussegwenti, bħala parti mill-“konsultazzjonijiet xierqa” imsemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 4.

L-abbozz ta' programm ta' 18-il xahar għandu jqis ukoll, fost l-oħrajn, il-punti rilevanti li joħorġu mid-djalogu dwar il-prijoritajiet politiċi għas-sena, immexxi mill-inizjattiva tal-Kummissjoni.’

( 5 ) Ara d-dikjarazzjonijiet (b) u (ċ) imniżżlin hawn taħt:

(b) Rigward l-Artikolu 3(1) u (2)

‘Il-President se jipprova jiżgura li, fil-prinċipju, l-aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill li tittratta l-implimentazzjoni tat-Titolu IV ta' Parti Tlieta tat-Trattat tal-KE u t-Titolu VI tat-Trattat UE u kwalunkwe dokumenti marbutin mal-punti involuti jaslu għand il-membri tal-Kunsill ta' l-inqas wieħed u għoxrin ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa.’

(ċ) Rigward l-Artikolu 1 u 3

‘Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22(2) tat-Trattat UE, li jispeċifika li laqgħa straordinarja tal-Kunsill tista' titlaqqa' fi żmien qasir f'każijiet li jeħtieġu deċiżjoni rapida, il-Kunsill huwa konxju tal-ħtieġa li materji relatati mal-politika barranija u ta' sigurtà komuni jkunu trattati b'ħeffa u b' effiċjenza. L-arranġamenti fl-Artikolu 3 m'għandhomx iżommu milli tintlaqa' din il-ħtieġa.’

( 6 ) Dan il-paragrafu jirriproduċi l-Artikolu 206 tat-Trattat tal-KE.

( 7 ) Ara d-dikjarazzjoni (d) li tidher hawn taħt:

(d) Rigward l-Artikolu 12(2)(a), (b) u (ċ)

‘Skond il-prattika regolari tal-Kunsill, il-limitu ta' żmien stipulat normalment ikun ta' tlett ijiem ta' ħidma’.

( 8 ) Ara d-dikjarazzjoni (e) li tidher hawn taħt:

(e) Rigward l-Artikolu 12(2)(ċ)

‘Il-Kunsill kieku jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-network COREU għandu jintuża skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 1995 (dok. 7896/95) dwar il-metodi ta' ħidma tal-Kunsill.’

( 9 ) Ara d-dikjarazzjoni (f) li tidher hawn taħt:

(f) Rigward l-Artikolu 16 u l-Anness IV

‘Il-Kunsill jaqbel li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 16 u l-Anness IV japplikaw għal atti fir-rigward ta' liema xi membri tal-Kunsill, taħt it-Trattati, ma għandhomx dritt jivvutaw għall-adozzjoni tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tat-Trattat UE mhix koperta minn dawk id-dispożizzjonijiet.

Fl-ewwel applikazzjoni ta' l-Artikoli 43 u 44 tat-Trattat UE, il-Kunsill, fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba f'oqsma oħra, se jikkonsidra kwalunkwe adattament meħtieġ għall-Artikolu 16 ta', u l-Anness IV għal, dawn ir-Regoli ta' Proċedura.’

( 10 ) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

( 11 ) Dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif imniżżel fl-Artikolu 114 tat-Trattat KE u għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill eżistenti dwaru (ĠU L 358, 31.12.1998, p. 109, u ĠU L 5, 1.1.1999, p. 71).

( 12 ) Ara d-dikjarazzjoni (g) li tidher hawn taħt:

(g) Rigward l-Artikolu 19(1)

‘Il-Coreper għandu jiżgura l-konsistenza u l-osservanza tal-prinċipji mniżżla fil-paragrafu 1, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet fejn tħejjija sostantiva tkun imwettqa f'fora oħra.’

( 13 ) Ara d-dikjarazzjoni (h) li tidher hawn taħt:

(h) Rigward l-Artikolu 19(7)

‘Jekk membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' deċiżjoni ta' proċedura sottomess lill-Coreper għal adozzjoni skond l-Artikolu 19(7) iqajjem kwistjoni ta' sustanza, l-abbozz ta' deċiżjoni jiġi sottomess lill-Kunsill.’

( 14 ) Dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif imniżżel fl-Artikolu 114 tat-Trattat KE u għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill eżistenti dwaru (ĠU L 358, 31.12.1998, p. 109, u ĠU L 5, 1.1.1999, p. 71).

( 15 ) Ara d-dikjarazzjoni (i) li tidher hawn taħt:

(i) Rigward l-Artikolu 21

‘Rapporti mill-gruppi ta' ħidma u kwalunkwe dokument ieħor użat bħala l-bażi għad-diskussjonijiet tal-Coreper għandhom jiġu mibgħuta lid-delegazzjonijiet minn qabel sabiex ikollhom ħin biżżejjed għall-eżaminazzjoni tagħhom.’

( 16 ) Ara d-dikjarazzjoni (j) li tidher hawn taħt:

(j) Rigward l-Artikolu 22

‘Is-Servizz Legali tal-Kunsill ġie mogħti wkoll istruzzjonijiet sabiex jipprovdi assistenza lil Stat Membru responabbli għal inizjattiva fis-sens ta' l-Artikolu 67(1) tat-Trattat KE jew l-Artikolu 34(2) tat-Trattat UE bil-għan inter alia tal-kontroll tal-kwalità ta' l-abbozzar ta' tali inizjattivi jekk dik l-assistenza tkun mitluba mill-Istat Membru kkonċernat.’

Ara d-dikjarazzjoni (k) li tidher hawn taħt:

(k) Rigward l-Artikolu 22

‘Membri tal-Kunsill għandhom jikkumentaw dwar proposti għal kodifikazzjoni uffiċjali ta' testi leġiżlattivi fi żmien tletin jum miċ-ċirkolazzjoni ta' tali proposti mis-Segretarjat Ġenerali.

Il-membri tal-Kunsill għandhom jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet ta' proposta għall-formulazzjoni mill-ġdid ta' testi leġiżlattivi li jkunu ttieħdu mill-att preċedenti mingħajr emenda sostantiva jkunu eżaminati skond il-prinċipji stabbiliti għall-eżaminazzjoni ta' proposti ta' kodifikazzjoni.’

( 17 ) ĠU C 73, 17.3.1999, p. 1.

( 18 ) Paragrafi 1 u 2, l-ewwel subparagrafu, riproduzzjoni ta' l-Artikolu 207(2) tat-Trattat KE.

( 19 ) Inklużi s-sigurtà u l-politika ta' difiża Ewropea u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp.

( 20 ) Inkluż il-baġit.

( 21 ) Inkluża l-protezzjoni ċivili.

( 22 ) Inkluż it-turiżmu.

( 23 ) Inklużi affarijiet awdjoviżivi.

( 24 ) Ara d-dikjarazzjoni (1) imniżżla hawn taħt:

(l) Rigward l-Anness I, it-tieni sottoparagrafu

‘Il-Presidenza se torganizza l-aġendi tal-Kunsill billi tiġbor flimkien punti ta' aġenda relatati, sabiex tiffaċilita l-attendenza mir-rappreżentanti nazzjonali rilevanti, b'mod partikolari fejn konfigurazzjoni partikolari tal-Kunsill tkun se tittratta ma' settijiet ta' suġġetti li jiddistingwu ruħhom b'mod ċar.’

( 25 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

( 26 ) Ara d-dikjarazzjoni (m) imniżżla hawn taħt:

(m) Rigward l-Anness IV, il-paragrafu 1(h)

‘Il-Kunsill jikkonferma li l-prattika preżenti li permezz tagħha t-testi li jservu bħala bażi għad-deliberazzjonijiet tagħha huma mfassla fil-lingwi kollha ser tkompli tapplika.’

( 27 ) Ara d-dikjarazzjoni (n) imniżżla hawn taħt:

(n) Rigward l-Anness VI, il-paragrafu A.4 (a) (ii)

‘Il-Kunsill jixtieq jimmarka li, fil-każijiet previsti fit-Trattati fejn att mhuwiex applikabbli għal jew fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li tiġi ċċarata l-applikazzjoni territorjali tiegħu fir-raġunijiet mogħtija għal u fil-kontenut ta' l-att konċernat.’

Top