Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02005L0044-20190726

    Consolidated text: Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/44/2019-07-26

    02005L0044 — MT — 26.07.2019 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    ID-DIRETTIVA 2005/44/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-7 ta’ Settembru 2005

    dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

    (ĠU L 255 30.9.2005, p. 152)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT (KE) Nru 219/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2009

      L 87

    109

    31.3.2009

    ►M2

    REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

      L 198

    241

    25.7.2019


    Ikkoreġuta bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 344, 27.12.2005, p.  52 (2005/44/KE)




    ▼B

    ID-DIRETTIVA 2005/44/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-7 ta’ Settembru 2005

    dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità



    Artikolu I

    Suġġett

    1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-implimentazzjoni u l-użu ta' Servizzi armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fil-Komunità sabiex jappoġġaw it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni bil-għan li jtejbu s-sigurtà, l-effiċjenza u l-kompatibbiltà ambjentali u sabiex jiffaċilitaw il-kollegament ma' modi oħra ta' trasport.

    2.  Din id-Direttiva tipprovdi qafas għall-istabbiliment u għal iktar żvilupp ta' rekwiżiti, speċifikazzjonijiet u kondizzjonijiet tekniċi sabiex jiġu żgurati sistemi ta' l-RIS li jkunu armonizzati, interoperabbli u miftuħa fil-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Komunità. Tali stabbiliment u iktar żvilupp ta' rekwiżiti, speċifikazzjonijiet u kondizzjonijiet tekniċi għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 11. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tieħu l-kont dovut tal-miżuri żviluppati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-PIANC, is-CCNR u l-UNECE. Għandha tiġi żgurata l-kontinwità ma' sistemi modali oħra ta' servizzi ta' amministrazzjoni ta' traffiku, b'mod partikolari mas-servizzi marittimi ta' l-amministrazzjoni tat-traffiku ta' bastimenti u ta' informazzjoni.

    L-Artikolu 2

    Kamp ta' Applikazzjoni

    1.  Din id-Direttiva tapplika għall-implimentazzjoni u l-operazzjoni ta' l-RIS fil-passaġġi fuq l-ilma interni kollha, ta' l-Istati Membri, tal-klassi IV jew superjuri li huma konnessi permezz ta' passaġġ fuq l-ilma ta' klassi IV jew superjuri ma' passaġġ fuq l-ilma ta' klassi IV jew superjuri ta' Stat Membru ieħor, inklużi l-portijiet fuq tali passaġġi fuq l-ilma kif imsemmija fid-Deċiżjoni Nru 1346/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE fir-rigward ta' portijiet fuq l-ibħra, portijiet interni u terminals intermodali kif ukoll il-proġett Nru 8 fl-Anness III ( 1 ). Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandha tapplika l-Klassifikazzjoni tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni Ewropej kif esposta fir-Riżoluzzjoni Nru 30 ta' l-UNECE tat-12 ta’ Novembru 1992.

    2.  L-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għall-passaġġi fuq l-ilma interni u għall-portijiet interni mhux imsemmija fil-paragrafu 1.

    L-Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “Servizzi ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS)” tfisser servizzi armonizzati t' informazzjoni sabiex jappoġġaw l-amministrazzjoni tat-traffiku u tat-trasport fin-navigazzjoni interna, inkluż fejn huwa teknikament possibbli, il-kollegamenti ma' modi oħra ta' trasport. L-RIS ma jirrigwardawx l-attivitajiet kummerċjali interni bejn il-kumpanniji involuti, iżda huma miftuħa għall-kollegament ma' attivitajiet kummerċjali. L-RIS jinkludu servizzi bħal informazzjoni dwar kanali navigabbli, informazzjoni dwar it-traffiku, amministrazzjoni tat-traffiku, għajnuna għat-trattament ta' diżastri, informazzjoni għall-amministrazzjoni tat-trasport, servizzi statistiċi u doganali u ħlasijiet għall-użu tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-portijiet;

    (b) “Informazzjoni dwar Kanali Navigabbli” tfisser informazzjoni ġeografika, idroloġika u amministrattiva fir-rigward tal-passaġġi interni (kanali navigabbli). L-informazzjoni dwar Kanali Navigabbli hija informazzjoni mogħtija f'direzzjoni waħda: mill-art għall-vapur jew mill-art għall-uffiċċju;

    (ċ) “Informazzjoni Tattika tat-Traffiku” tfisser l-informazzjoni li taffettwa d-deċiżjonijiet immedjati navigazzjonali fis-sitwazzjoni attwali tat-traffiku u fiż-żoni ġeografiċi viċini;

    (d) “Informazzjoni Strateġika tat-Traffiku” tfisser informazzjoni li taffettwa d-deċiżjonijiet fuq perjodu twil jew medju ta' l-utenti ta' l-RIS;

    (e) “applikazzjoni ta' l-RIS” tfisser il-fornitura ta' servizzi ta' informazzjoni tax-xmajjar permezz ta' sistemi mfassla għal dan l-għan speċifiku;

    (f) “Ċentru ta' l-RIS” tfisser il-post fejn is-servizzi jkunu amministrati mill-operaturi;

    (g) “Utenti ta' l-RIS” tfisser il-gruppi kollha differenti ta' utenti inklużi l-kaptani tal-bastimenti, l-operaturi ta' l-RIS, l-operaturi tal-bibien ta' l-ilmijiet magħluqa u/jew ta' pontijiet, l-awtoritajiet tal-kanali, l-operaturi tal-portijiet u tat-terminal, l-operaturi f'ċentri ta' reazzjoni kontra d-diżastri stabbiliti fi ħdan servizzi ta' emerġenza, l-amministraturi tal-flotot, it-trasportaturi ta' merkanzija u s-sensara fin-negozju tas-servizzi tat-trasport;

    (h) “Interoperabbiltà” tfisser l-armonizzazzjoni tas-servizzi, tal-kontenuti tad-data, tal-forom u l-frekwenzi ta' skambju ta' data b'tali mod li l-utenti ta' l-RIS ikollhom aċċess għall-istess servizzi u informazzjoni fuq livell Ewropew.

    L-Artikolu 4

    Twaqqif ta' l-RIS

    1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw ir-RIS f'passaġġi fuq l-ilma interni li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 2.

    2.  L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw ir-RIS b'tali mod li l-applikazzjoni ta' l-RIS tkun effiċjenti, espansibbli u interoperabbli sabiex tinteraġixxi ma' applikazzjonijiet oħra ta' l-RIS u, jekk possibbli, ma' sistemi għal modi oħra ta' trasport. Hija għandha wkoll tipprovdi kollegamenti ma' sistemi ta' amministrazzjoni ta' trasport u ma' attivitajiet kummerċjali.

    3.  Sabiex titwaqqaf l-RIS, l-Istati Membri għandhom:

    (a) jipprovdu lill-utenti ta' l-RIS id-data kollha rilevanti li tikkonċerna n-navigazzjoni u l-ippjanar ta' vjaġġi fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Din id-data għandha tkun provduta għallinqas f'forma elettronika aċċessibbli;

    (b) jassiguraw li għall-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom kollha tal-klassi Va u superjuri skond il-Klassifikazzjoni tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni, barra d-data msemmija fil-punt (a), ikunu aċċessibbli għall-utenti ta' l-RIS mapep elettroniċi tan-navigazzjoni adatti għal għanijiet navigazzjonali;

    (ċ) jippermettu, safejn ikun meħtieġ ir-rapportaġġ dwar bastimenti mir-regolamenti nazzjonali jew internazzjonali, lill-awtoritajiet kompetenti li jirċievu rapporti elettroniċi tad-data meħtieġa mibgħuta mill-bastimenti. Fit-trasport transkonfinali, din l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-istat viċin u kull trasmissjoni bħal din għandha ssir qabel il-wasla tal-bastimenti fil-fruntiera;

    (d) jiżguraw li l-avviżi lill-kaptani, inklużi rapporti dwar il-livell ta' l-ilma (jew il-fundar massimu permess) u dwar is-silġ fil-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom, ikunu pprovduti bħala messaġġi standardizzati, kodifikati u li jistgħu jiġu downloaded. Il-messaġġ standardizzat għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa għas-sigurtà fin-navigazzjoni. L-avviżi lill-kaptani għandhom ikunu provduti għallinqas f'forma elettronika aċċessibbli.

    L-obbligi msemmija f'dan il-paragrafu għandhom ikunu mwettqa skond l-ispeċifikazzjonijiet definiti fl-Annessi I u II.

    4.  L-awtoritajiet kompetenti t' l-Istati Membri għandhom iwaqqfu ċentri ta' l-RIS skond il-ħtiġijiet reġjonali.

    5.  Sabiex isir użu mis-Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) għandu japplika l-Ftehim Reġjonali li jikkonċerna s-servizz radjutelefoniku fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni konkluż f'Basilea fis-6 ta’ April 2000 fil-qafas tar-regolamenti tar-radju ta' l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU).

    6.  L-Istati Membri, jekk ikun opportun f'operazzjoni mal-Komunità, għandhom iħeġġu lill-kaptani tal-bastimenti, l-operaturi, l-aġenti jew is-sidien tal-bastimenti li jbaħħru fil-kanali interni tagħhom, kif ukoll it-trasportaturi marittimi jew il-propjetarji ta' merkanziji li jinġarru abbord dawn il-bastimenti sabiex japprofittaw bis-sħiħ mis-servizzi li jkunu magħmula disponnibli taħt din id-Direttiva.

    7.  Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adegwati sabiex tivverifika l-interoperabbilta', l-affidabbiltà u s-sigurtà ta' l-RIS.

    L-Artikolu 5

    Linji gwida u speċifikazzjonijiet

    1.  Sabiex ikunu appoġġati l-RIS u sabiex tkun żgurata l-interoperabbiltà ta' dawn is-servizzi kif meħtieġ mill-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi, bi qbil mal-paragrafu 2, linji gwida tekniċi għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-użu operattiv tas-servizzi (linji gwida RIS) kif ukoll speċifikazzjonijiet tekniċi b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

    (a)  Display Elettroniku tal-Mapep u Sistema ta' Informazzjoni għan-Navigazzjoni Interna (ECDIS Interna);

    (b) Rapportaġġ Elettroniku tal-Bastimenti;

    (ċ) Avviżi lill-Kaptani;

    (d) Sistemi ta' Monitoraġġ u Lokalizzazzjoni ta' Bastimenti;

    (e) Kompatibbiltà tat-tagħmir meħtieġ għall-użu ta' l-RIS.

    Dawn il-linji gwida u speċifikazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tekniċi stabbiliti fl-Anness II u għandhom jieħdu kont tal-ħidma mwettqa f'dan il-kamp mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

    2.  Il-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti u, fejn xieraq, emendati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 11(3). L-istabbiliment għandu jsir skond l-iskeda kronoloġika li ġejja:

    ▼C1

    (a) il-linji gwida tar-RIS mhux iktar tard mill-20 ta' Lulju 2006;

    ▼B

    (b) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati ma' l-ECDIS Interna, mar-Rapportaġġ Elettroniku tal-Bastimenti u ma' l-Avviżi lill-Kaptani mhux iktar tard minn 20 Ottubru ta’ l-2006;

    ▼C1

    (ċ) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati mas-Sistemi ta’ Monitoraġġ u Lokalizzazzjoni ta' Bastimenti mhux iktar tard mill-20 ta' Jannar 2007.

    ▼B

    3.  Il-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-RIS għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 6

    Pożizzjonament bis-Satellita

    Għall-għanijiet ta' l-RIS, li għalih il-pożizzjonament preċiż huwa meħtieġ, l-użu ta' teknoloġiji tal-pożizzjonament biss-satellita huwa rakkomandat.

    L-Artikolu 7

    Approvazzjoni tat-tip tat-tagħmir ta' RIS

    1.  Fejn ikun meħtieġ għas-sigurtà fin-navigazzjoni u fejn ikun rekwiżit mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti, it-tagħmir tat-terminali u r-retikolati ta' l-RIS u l-applikazzjonijiet tas-software għandhom ikunu tat-tip approvat bħala kontroll tal-konformità tagħhom ma' dawk l-ispeċifikazzjonijiet qabel ma jitpoġġew fis-servizz f'passaġġi fuq l-ilma interni.

    2.  L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-korpi nazzjonali responsabbli mill-approvazzjoni tat-tip. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika tali informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

    3.  L-Istati Membri kollha għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati ta' l-approvazzjoni tat-tip maħruġa mill-korpi nazzjonali ta' l-Istati Membri l-oħra imsemmija fil-paragrafu 2.

    L-Artikolu 8

    Awtoritajiet kompetenti

    L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti għall-applikazzjonijiet ta' l-RIS u għall-iskambju internazzjonali tad-data. Il-Kummissjoni għandha tiġi notifikata b'dawn l-awtoritajiet.

    L-Artikolu 9

    Regoli dwar il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta' data personali meħtieġa għall-operazzjoni ta' l-RIS jitwettaq skond ir-regoli Komunitarji li jipproteġu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' l-individwi, inklużi d-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

    2.  L-Istati Membri għandhom jimplimentaw u jżommu operattivi miżuri ta' sigurtà sabiex jipproteġu l-messaġġi u r-rekords ta' l-RIS minn avvenimenti inkonvenjenti jew minn użu ħażin inkluż l-aċċess mhux xieraq, l-alterazzjoni u t-telf.

    3.  Għandha tapplika d-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku ( 2 ).

    ▼M2

    Artikolu 10

    Emendi għall-Annessi I u II

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10a li jemendaw l-Annessi I u II fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u sabiex jadattaw dawk l-Annessi għall-progress tekniku.

    ▼M2

    Artikolu 10a

    Eżerċizzju tad-delega

    1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 3 ).

    5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 10 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    ▼M1

    L-Artikolu 11

    Proċedura ta' kumitat

    1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-boatmasters nazzjonali għat-trasportazzjoni ta' merkanzija u ta' passiġġieri permezz ta' passaġġi interni fuq l-ilma ( 4 ).

    2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    ▼M2 —————

    ▼M1

    5.  Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta perijodikament lir-rappreżentanti tas-settur.

    ▼B

    L-Artikolu 12

    Traspożizzjoni

    1.  L-Istati Membri li għandhom passaġġi fuq l-ilma interni li għalihom japplika l-Artikolu 2 għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa' 20 Ottubru ta’ l-2007. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni bihom.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkuldu riferiment għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu mehmużin minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandu jsir tali riferiment.

    2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 mhux iktar tard minn 30 xhar wara d-dħul fis-seħħ tal-linji gwida tekniċi u l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 5. Il-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jidħlu fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    3.  Fuq talba ta' xi Stat Membru, il-Kummissjoni tista' testendi skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 11(2), il-perjodu previst fil-paragrafu 2 għall-implimentazzjoni ta' xi rekwiżit jew aktar ta' l-Artikolu 4 fir-rigward ta' passaġġi fuq l-ilma interni li għalihom japplika l-Artikolu 2 iżda li jkollhom densità baxxa ta' traffiku, jew fir-rigward ta passaġġi fuq l-ilma interni li għalihom l-ispiża ta' tali implimentazzjoni ma tkunx proporzjonata mal-benefiċċji tagħha. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż b'deċiżjoni sempliċi tal-Kummissjoni; l-estensjoni tista' tiġi mġedda. Il-ġustifikazzjoni li għandha tiġi provduta mat-talba ta' l-Istat Membru għandha tirreferi għad-densità tat-traffiku u għall-kondizzjonijiet ekonomiċi f'dak il-passaġġ fuq l-ilma in kwistjoni. Sakemm il-Kummissjoni tkun għadha ma ħaditx id-deċiżjoni tagħha, l-Istat Membru li jkun talab estensjoni jista' jkompli l-operazzjonijiet tiegħu daqs li kieku l-estensjoni ġiet approvata.

    4.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam iggvernat minn din id-Direttiva.

    5.  Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

    6.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tat-twaqqif ta' l-RIS fil-Komunità u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa 20 Ottubru ta’ l-2008.

    L-Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 14

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri li għandhom passaġġi fuq l-ilma interni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 2.




    L-ANNESS I

    REKWIŻITI MINIMI TA' DATA

    Kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(a), b'mod partikolari, id-data li ġejja għandha tiġi fornita:

     Il-linja tal-passaġġ fuq l-ilma b'indikazzjoni kilometrika,

     Restrizzjonijiet għal bastimenti jew konvoj f'termini ta' tul, wisa', fundar jew kurrenti ta' l-arja,

     Ħinijiet ta' operazzjoni ta' strutturi restrittivi, b'mod partikolari ta' bibien ta' ilmijiet magħluqa u ta' pontijiet,

     Pożizzjoni ta' portijiet u siti ta' trażbord,

     Data ta' riferiment għal kejl standard tal-livell ta' l-ilma rilevanti għan-navigazzjoni.




    L-ANNESS II

    PRINĊIPJI GĦAL-LINJI GWIDA U GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TA' L-RIS

    1.   Linji gwida ta' l-RIS

    Il-linji gwida ta' l-RIS imsemmija fl-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

    (a) l-indikazzjoni ta' rekwiżiti tekniċi għall-ippjanar, implimentazzjoni u użu operattiv ta' servizzi u sistemi relatati,

    (b) l-arkitettura u l-organizzazzjoni ta' l-RIS, u

    (ċ) rakkomandazzjonijiet għal bastimenti sabiex jieħdu sehem fir-RIS, għal servizzi individwali u għall-iżvilupp gradwali ta' l-RIS.

    2.   ECDIS Interna

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 5 għal sistema elettronika ta' display tal-mapep u ta' informazzjoni (ECDIS Interna) għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

    (a) kompatibbiltà ma' l-ECDIS marittima sabiex ikun faċilitat it-traffiku ta' bastimenti interni f'żoni mħallta ta' traffiku fl-estwarji u tat-traffiku bejn il-baħar u x-xmajjar,

    (b) id-definizzjoni ta' rekwiżiti minimi għal tagħmir ta' l-ECDIS Interna kif ukoll il-kontenut minimu ta' mapep elettroniċi tan-navigazzjoni bl-għan tas-sigurtà fin-navigazzjoni, b'mod partikolari:

     livell għoli ta' affidabbiltà u aċċessibbiltà tat-tagħmir ta' l-ECDIS Interna użat,

     ir-robustezza tat-tagħmir ta' l-ECDIS Interna sabiex jirreżisti l-kondizzjonijiet ambjentali li tipikament jeżistu abbord ta' bastiment mingħajr tnaqqis fil-kwalità jew fl-affidabbiltà,

     l-inklużjoni fil-mappa elettronika tan-navigazzjoni ta' kull tip ta' oġġetti ġeografiċi (eż. fruntieri tal-kanali navigabbli, kostruzzjonijiet max-xatt, sinjali ta' allarm) li huma meħtieġa għas-sigurtà fin-navigazzjoni,

     il-monitoraġġ tal-mappa elettronika b'immaġni tar-radar sovrapposta fuqha meta wżata għat-treġija tal-bastiment,

    (ċ) l-integrazzjoni ta' informazzjoni dwar il-fond fil-kanal navigabbli fuq il-mappa elettronika tan-navigazzjoni u d-display elettroniku għal livell ta' l-ilma predefinit jew attwali,

    (d) l-integrazzjoni ta' informazzjoni addizzjonali (eż. ta' partijiet oħra barra l-awtoritajiet kompetenti) fil-mappa elettronika tan-navigazzjoni u d-display elettroniku fl-ECDIS Interna mingħajr ma tkun milquta l-informazzjoni meħtieġa għas-sigurtà fin-navigazzjoni,

    (e) id-disponibbiltà tal-mapep elettroniċi tan-navigazzjoni għall-utenti ta' l-RIS,

    (f) id-disponibbiltà tad-data għall-mapep elettroniċi tan-navigazzjoni għall-manifatturi kollha ta' l-applikazzjonijiet, fejn xieraq bil-ħlas relatat ma' l-ispiża b'mod raġjonevoli.

    3.   Rapportaġġ Elettroniku tal-Bastimenti

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għar-Rapportaġġ Elettroniku tal-Bastimenti fin-navigazzjoni interna konformement ma' l-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

    (a) il-faċilitazzjoni ta' l-iskambju ta' data elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, bejn il-parteċipanti fin-navigazzjoni interna kif ukoll marittima u fit-trasport multi-modali fejn tkun involuta n-navigazzjoni interna,

    (b) l-użu ta' messaġġ ta' notifika ta' trasport standardizzat għal messaġġi bejn il-vapur u l-awtorità, bejn l-awtorità u l-vapur u bejn awtorità u oħra sabiex tinkiseb il-kompatibbiltà man-navigazzjoni marittima,

    (ċ) l-użu ta' listi ta' kodiċi u klassifikazzjonijiet aċċettati internazzjonalment, possibbilment miżjuda għal ħtiġijiet addizzjonali ta' navigazzjoni interna,

    (d) l-użu ta' sistema uniformi ta' numru ta' identifikazzjoni għal bastimenti Ewropej.

    4.   Avviżi lill-Kaptani

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-Avviżi lill-Kaptani konformement ma' l-Artikolu 5, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-informazzjoni tal-kanali navigabbli, l-informazzjoni u l-amministrazzjoni tat-traffiku kif ukoll l-ippjanar tal-vjaġġi, għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

    (a) struttura standardizzata ta' data li tuża moduli predefiniti ta' test u kodifikati f'livell għoli sabiex jippermetti traduzzjoni awtomatika ta' l-iktar kontenut importanti f'lingwi oħra u sabiex jiffaċilita l-integrazzjoni ta' avviżi lill-kaptani fis-sistemi ta' l-ippjanar tal-vjaġġi,

    (b) kompatibbiltà ta' l-istruttura standardizzata tad-data ma' l-istruttura ta' data ta' l-ECDIS Interna sabiex tkun faċilitata l-integrazzjoni ta' l-avviżi lill-kaptani fl-ECDIS Interna.

    5.   Sistemi ta' monitoraġġ u lokalizzazzjoni ta' bastimenti

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi ta' monitoraġġ u lokalizzazzjoni ta' bastimenti konformement ma' l-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

    (a) id-definizzjoni tar-rekwiżiti ta' sistemi u tal-messaġġi standard kif ukoll tal-proċeduri sabiex dawn ikunu jistgħu jiġi provduti b'mod awtomatiku,

    (b) id-differenzjament bejn sistemi xierqa għar-rekwiżiti ta' informazzjoni tattika tat-traffiku u sistemi xierqa għar-rekwiżiti ta' informazzjoni strateġika tat-traffiku, kemm fir-rigward tal-preċiżjoni fil-pożizzjonament u kemm fir-rata ta' l-aġġornament meħtieġ,

    (ċ) id-deskrizzjoni tas-sistemi tekniċi rilevanti għall-monitoraġġ u l-lokalizzazzjoni tal-bastimenti, bħall-AIS Interna (Sistema Interna ta' Identifikazzjoni Awtomatika),

    (d) kompatibbiltà ta' forom ta' data mas-sistema marittima AIS.



    ( 1 ) ĠU L 185, tas-6.7.2001, p. 1.

    ( 2 ) ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 90.

    ( 3 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    ( 4 ) ĠU L 373, 31.12.1991, p. 29.

    Top