Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02003R1954-20140101

Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar l-immaniġġjar ta' l-isforz għas-sajd li jirrigwarda ċerti żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità u li jimmodifika r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 685/95 u (KE) Nru 2027/95

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1954/2014-01-01

02003R1954 — MT — 01.01.2014 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1954/2003

ta' l-4 ta' Novembru 2003

dwar l-immaniġġjar ta' l-isforz għas-sajd li jirrigwarda ċerti żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità u li jimmodifika r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 685/95 u (KE) Nru 2027/95

(ĠU L 289 7.11.2003, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 1380/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Diċembru 2013

  L 354

22

28.12.2013




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1954/2003

ta' l-4 ta' Novembru 2003

dwar l-immaniġġjar ta' l-isforz għas-sajd li jirrigwarda ċerti żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità u li jimmodifika r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 685/95 u (KE) Nru 2027/95



KAPITOLU I

KAMP TA' L-APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta' l-Applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-proċeduri għal sistema li tirrigwarda l-immaniġġjar ta' l-isforz għas-sajd fiż-żoni V, VI, VII, VIII, IX u X ta' l-ICES u d-diviżjonijiet 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0. ta' CECAF

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament id-definizjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) Żoni ta' ICES u CECAF huma kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3880/91 tas-17 ta' Diċembru 1991 dwar is-sottomissjoni ta' statistika dwar il-qabda nominali tal-ħut mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal ta' l-Atlantiku ( 1 );

(b) “sforz għas-sajd” ifisser prodott tal-kapaċità u l-attività ta' bastiment tas-sajd. Għall-grupp ta' bastimenti jfisser it-total ta' l-isforz għas-sajd ta' l-isforz magħmul minn kull bastiment li jifforma parti mill-grupp.



KAPITOLU II

SISTEMA TA' IMMANIĠĠJAR TA' SFORZ GĦAS-SAJD



Titolu I

Disposizzjonijiet dwar meded ta' baħar bil-ħut

Artikolu 3

Miżuri dwar il-qbid ta' speċi tal-qiegħ u ċerti molluski u krustaċji

1.  Ħlief għaż-żona definita fl-Artikolu 6(1), l-Istati Membri għandhom:

(a) jagħmlu stima tal-livelli ta' sforzi għas-sajd magħmula minn bastimenti ta' 15-il metru jew aktar fit-tul kollu, bħala medja annwali tal-perjodu 1998 sa 2002, f'kull waħda miż-żoni ta' l-ICES u d-diviżjonijiet ta' CECAF imsemmijin fl-Artikolu 1 għal meded ta' baħar b'ħut tal-qiegħ, ħlief meded ta' ħut tal-qiegħ, dawk koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi għall-aċċess u kondizzjonijiet applikabbli fis-sajd għal stokkijiet ta' ħut f'baħar fond ( 2 ) u meded ta' baħar b'molluski bivalvi tal-familja Pectinidae, granċi ta' l-ikel u għaġuż, kif preskritt fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Biex ikun kalkolat l-isforz għas-sajd il-kapaċità għas-sajd ta' bastiment għandha titkejjel bħala l-potenza elettrika stallata espressa f'kilowatts (kW);

(b) jallokaw il-livell ta' l-isforz stmat għas-sajd li jikkonforma mas-subparagrafu (a) f'kull żona ta' l-ICES jew diviżjoni ta' CECAF, għal kull medda ta' baħar fejn jinqabad il-ħut, imsemmija fis-subparagrafu (a).

2.  Is-sistema ta' sforzi preskritta fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għas-sistemi stabbiliti fil-pjanijiet ta' rkupru li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill.

3.  Meta pjan ta' rkupru li jinvolvi l-immaniġġjar ta' sforz għas-sajd fiż-żoni jew diviżjonijiet kollha jew parti minnhom imsemmija fl-Artikolu 1 ikun adottat mill-Kunsill, dan il-pjan għandu fl-istess ħin jagħmel kull aġġustament meħtieġ għal dan ir-Regolament.

4.  Sal-31 ta' Diċembru 2006 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun fih stima ta' l-implimentazzjoni tas-sistema ta' l-isforzi preskritta fil-paragrafu 1. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport il-Kunsill irid jiddeċiedi dwar xi aġġustament meħtieġ li għandu jsir fis-sistema.

Artikolu 4

Dgħajjes tas-sajd ta' 15-il metru jew inqas.

1.  L-isforz għas-sajd ta' dgħajjes tas-sajd ta' 15-il-metru jew inqas fit-tul kollu jrid jiġi stmat globalment għal kull medda ta' baħar tal-ħut jew żona jew diviżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(1) matul il-perjodu 1998 sa 2002.

2.  L-isforz għas-sajd ta' dgħajjes tas-sajd ta' 10 metri jew inqas fit-tul kollu jrid jiġi stmat globalment għal kull medda ta' baħar bil-ħut jew żona jew diviżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) matul il-perjodu 1998 sa 2002.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isforz għas-sajd ta' dawn id-dgħajjes ikun limitat għal-livell ta' sforz għas-sajd stmat li jikkonforma mal-paragrafi 1 u 2.

▼M1 —————

▼B



Titolu II

Artikolu 6

Kondizzjonijiet fiż-żona bijoloġikament sensittiva

1.  Sistema ta' sforzi speċifiċi għandha tapplika għaż-żona magħluqa bil-kosta ta' l-Irlanda lejn in-nofsinhar ta' 53°30' T u lejn il-punent ta' 07°00' P u linji dritti li sekwenzjalment jgħaqqdu l-kordinati ġeografiċi li ġejjin:

 punt fil-kosta ta' l-Irlanda f'latitudni 53° 30' T

 latitudni 53° 30' T, lonġitudni 12° 00' P

 latitudni 53° 00' T, lonġitudni 12° 00' P

 latitudni 51° 00' T, lonġitudni 11° 00' P

 latitudni 49° 30' T, lonġitudni 11° 00' P

 latitudni 49° 30' T, lonġitudni 07° 00' P

 punt fil-kosta ta' l-Irlanda f'lonġitudni 07° 00' P.

2.  Fiż-żona definita fil-paragrafu 1, Stati Membri għandhom jagħmlu stima tal-livelli ta' l-isforz għas-sajd eżerċitat minn bastimenti ta' 10 metri jew aktar fit-tul kollu, bħala medja annwali għall-perjodu 1998 sa 2002, għal meded ta' baħar bil-ħut tal-qiegħ, minbarra dawk koperti bir-Regolament (KE) Nru 2347/2002, u meded ta' baħar b'molluski bivalvi tal-familja Pectinidae, granċi li jittieklu u għaġuż, u jallokaw il-livell ta' sforz għas-sajd hekk stmat għal kull waħda minn dawk il-meded ta' baħar bil-ħut.

3.  Sal-31 ta' Diċembru 2008 il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun fih stima tas-sistema ta' sforzi preskritta fil-paragrafi 1 u 2 flimkien ma' miżuri amministrattivi oħra fiż-żona konċernata.. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport il-Kunsill irid jiddeċiedi dwar xi miżuri meħtieġa li jridu jsiru.



Titolu III

Disposizzjonijiet ġenerali

Artikolu 7

Lista ta' bastimenti

1.  L-Istati Membri għandhom iħejju lista ta' bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom u reġistrati fil-Komunità li huma awtorizzati biex iwettqu attivitajiet ta' sajd fil-meded ta' baħar bil-ħut kif imfisser fl-Artikoli 3 u 6.

2.  L-Istati Membri jistgħu wara dan jissostitwixxu l-bastimenti mdaħħla fil-listi tagħhom basta li t-total ta' l-isforz għas-sajd ta' bastimenti f'kull żona u medda mfissra fl-Artikoli 3 u 6 ma jiżdiedx.

Artikolu 8

Regolamentazzjoni ta' l-isforz għas-sajd

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jirregolaw l-isforz għas-sajd meta l-isforz għas-sajd li jikkorrispondi għal aċċess liberu għal bastimenti tas-sajd imdaħħla fil-lista ta' bastimenti msemmija fl-Artikolu 7 jaqbeż l-isforz allokat.

2.  L-Istati Membri għandhom jirregolaw l-isforz għas-sajd billi jimmonitorjaw l-attività tal-flotta tagħhom u billi jieħdu azzjoni xierqa jekk il-livell ta' l-isforz għas-sajd awtorizzat skond l-Artikolu 11 ikun wasal biex jintlaħaq, biex jiżguraw li l-isforz ma jaqbiżx il-limiti preskritti.

3.  Kull Stat Membru għandu joħroġ permessi speċjali għas-sajd għal bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu li jwettqu attivitajiet ta' sajd fil-meded ta' baħar bil-ħut imsemmija fl-Artikoli 3 u 6 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta' Ġunju 1994 li jippreskrivi disposizzjonijiet ġenerali dwar permessi speċjali għas-sajd ( 3 ).

Artikolu 9

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom għal tagħmir, staġuni jew partijiet ta' xi żona ICES jew diviżjoni CECAF speċifiċi.

Artikolu 10

Notifika

1.  Qabel it-30 ta' Novembru 2003, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi:

(a) il-lista ta' bastimenti msemmija fl-Artikolu 7;

(b) l-istima ta' l-isforz għas-sajd kif deskritta fl-Artikoli 3 u 6;

(ċ) il-miżuri dwar ir-regolamentazzjoni ta' l-isforz għas-sajd, kif imsemmija fl-Artikolu 8.

2.  L-Istati Membri għandhom kull tant żmien jgħaddu lill-Kummissjoni kull emenda li tkun saret fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.  Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-Istati Membri l-oħra kollha.

4.  L-Istati Membri, meta jibagħtu l-lista ta' bastimenti msemmija fl-Artikolu 7, għandhom jenfasizzaw dawk it-tibdiliet li jkunu saru mill-aħħar lista notifikata skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2092/98 tat-30 ta' Settembru, 1998, dwar id-dikjarazzjoni ta' l-isforz għas-sajd li jirrigwarda ċerti żoni u riżorsi ta' sajd tal-Komunità ( 4 ).

Artikolu 11

Teħid ta' deċiżjonijiet

1.  Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 u wara konsultazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri konċernati l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, sad-29 ta' Frar 2004, proposta dwar Regolament li jiffissa l-isforz massimu annwali għas-sajd għal kull Stat Membru u għal kull żona u medda ta' baħar definiti fl-Artikoli 3 u 6.

2.  Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata dwar il-proposta mill-Kummissjoni, għandu, sal-31 ta' Marzu 2004, jiddeċiedi dwar l-isforz massimu annwali għas-sajd imsemmi fil-paragrafu 1.

Ir-Regolament, li għandu jiġi adottat mill-Kunsill, jista' jiddisponi għall-adozzjoni ta' regoli ta' implimentazzjoni, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

3.  Fil-każ li l-Kunsill ma jirnexxilux jasal għal deċiżjoni sal-31 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni għandha tadotta, sal-31 ta' Lulju 2004, Regolament li jiffissa l-isforz massimu annwali għas-sajd għal kull Stat Membru u għal kull żona u medda ta' baħar definiti fl-Artikoli 3 u 6, fuq il-bażi tal-proposta msemmija fil-paragrafu 1, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 12

Adattamenti

1.  Fuq talba ta' Stat Membru, l-isforz massimu annwali għas-sajd fissat fir-Regolament taħt l-Artikolu 11(2) jew (3) jista' jiġi aġġustat mill-Kummissjoni, biż-żieda ta' l-isforz massimu għas-sajd f'żona jew diviżjoni partikolari, jew b'ċaqliq ta' l-isforz għas-sajd bejn żoni jew diviżjonijiet, li tħalli l-Istat Membru juża l-possibbiltajiet kollha ta' l-isforz għas-sajd, fil-każ ta' speċi suġġetti għal TAC's, jew li jfittex meded ta' baħar bil-ħut li ma jkunux suġġetti għal limitazzjonijiet bħal dawn. It-talba jrid ikollha magħha informazzjoni dwar in-nuqqas ta' utilizzazzjoni sħiħa ta' kwoti u, dwar stokk li ma jkunux suġġetti għal TACs, informazzjoni xjentifika dwar il-qagħda ta' l-istokk. Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu mill-Kummisjoni fi żmien xahar mill-wasla tat-talba, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

2.  L-isforz massimu għas-sajd imsemmi fl-Artikolu 11 għandu jiġi adattat mill-Istati Membri kkonċernati minħabba l-bdil ta' kwoti li jkun sar skond l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u u l-allokazzjonijiet mill-ġdid u/jew tnaqqis li jkunu saru skond l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u l-Artikolu 21(4), l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

3.  Meta Stati Membri jiddeċiedu li jibdlu l-opportunitajiet tas-sajd kollha jew parti minnhom li jkunu allokati lilhom, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mhux biss b'dak il-bdil espress fi kwoti tas-sajd iżda anke espress fl-isforz għas-sajd konness miegħu, skond kif miftiehem bejniethom.

Fil-każ ta' allokazzjonijiet mill-ġdid u/jew tnaqqis ta' kwoti, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-isforz għas-sajd li jikkorrispondi għal dawn l-allokazzjonijiet mill-ġdid u/jew tnaqqis.



KAPITOLU III

SISTEMA TA' KONTROLL

Artikolu 13

Disposizzjonijiet speċjali dwar kontroll

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-Titolu IIA tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 għandu japplika:

(a) fiż-żona definita fl-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament;

(b) fiż-żoni kollha, ħlief iż-żona definita fl-Artikolu 6(1), bl-eżenzjoni ta' l-Artikoli 19a(3), 19b, 19ċ, 19d u 19e(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

Artikolu 14

Emendi

Ir-Regolament (KEE) Nru 2847/93 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 19a għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.  Għall-iskop ta' dan it-Titolu ‘żoni ta' sajd konċernati’ tfisser iż-żoni ICES jew diviżjonijiet CECAF li għalihom japplikaw skemi ta' limitazzjoni ta' l-isforz għas-sajd skond ir-regolamenti tal-Komunità.”

(b) il-paragrafu 2 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“2.  Bastimenti tas-sajd tal-Komunità huma projbiti milli jwettqu attivitajiet ta' sajd fiż-żoni tas-sajd konċernati jekk il-bastiment ma jkunx ġie debitament awtorizzat għal dak il-għan mill-Istat Membru tal-Bandiera.”

2. L-Artikolu 19g għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 19g

Kull Stat Membru għandu jirreġistra l-isforz għas-sajd li jkun intuża minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu f'kull żona tas-sajd konċernata fuq il-bażi ta' informazzjoni disponibbli li jkun hemm fil-ġurnali ta' abbord u l-informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 19e(4).”

3. L-Artikolu 19g għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 19h

Kull Stat Membru għandu jagħmel stima f'termini ġenerali ta' l-isforzi għas-sajd użati minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, li għandhom tul sħiħ ta' inqas minn 15-il metru, f'kull żona tas-sajd konċernata u minn bastimenti, li għandhom tul sħiħ ta' inqas minn 10 metri, fiż-żona msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar l-immaniġġjar ta' l-isforz għas-sajd li jirrigwarda ċerti żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità ( *1 ).'”

4. fl-Artikolu 19i, l-ewwel inċiż għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“— fix-xahar ta' qabel għal kull żona tas-sajd konċernata għall-ispeċi tal-qiegħ, qabel il-15-il jum ta' kull xahar”

5. l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 19i:

“Artikolu 19j

Kull Stat Membru għandu jgħarraf, bla dewmien, lill-Istati Membri l-oħra, bid-dettalji ta' identifikazzjoni tal-bastimenti li jkunu jtajru l-bandiera tiegħu li għalihom l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu attivitajiet f'waħda jew iżjed mill-meded ta' baħar imsemmija fl-Artikoli 3 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 1954/2003 ikunu ġew sospiżi jew irtirati.”

6. l-Artikolu kurrenti 19j isir l-Artikolu 19k;

7. Fl-Artikolu 20a, (1) u (2) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“1.  Meta bastimenti tas-sajd li għalihom japplika t-titolu IIA jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd konċernati jistgħu jġorru magħhom u jużaw biss it-tagħmir korrispondenti.

2.  Madankollu, bastimenti tas-sajd li wkoll ikunu qed jistadu f'żoni tas-sajd ħlief dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fl-istess vjaġġ jistgħu jġorru tagħmir li jikkorrispondi għall-attivitajiet tagħhom fiż-żoni konċernati, basta li tagħmir li jinżamm abbord u li ma jkunx awtorizzat biex jintuża fiż-żoni tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 jiġi stivat biex ma jkunx jista' jintuża malajr, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 20(1).”

8. L-Artikolu 21a għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 21a

Kull Stat Membru għandu jiddetermina d-data li fiha l-bastimenti li jkunu jtajru l-bandiera tiegħu jew ikunu reġistrati mal-Komunità għandhom ikunu kkunsidrati li laħqu l-livell massimu ta' l-isforz għas-sajd f'żona tas-sajd kif preskritt fir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 11(2) jew (3) tar-Regolament (KE) Nru 1954/2003. Minn dik id-data, għandu jipprojbixxi proviżorjament l-attivitajiet tas-sajd minn dawk il-bastimenti f'dik iż-żona. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minnufih b'din il-miżura u għandha mbagħad tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra.”



KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Tħassir

1.  Ir-Regolamenti (KE) Nru 685/95 u (KE) Nru 2027/95 għandhom jiġu mħassra b'seħħ minn:

(a) id-data tal-bidu fis-seħħ tar-Regolament imsemmi fl-Artikolu 11(2) jew (3);

jew

(b) l-1 ta' Awissu 2004,

liema jiġi l-ewwel.

2.  Referenzi magħmula għal Regolamenti mħassra għandhom jiġu miftiehma li saru għal dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS



A

Medda ta’ baħar bil-ħut

Speċi Immirati

Żona ICES jew diviżjoni CECAF

Speċi tal-qiegħ barra dawk koperti bir-Regolament (KE) Nru 2347/2002

ICES V, VI

ICES VII

ICES VIII

ICES IX

ICES X

CECAF 34.1.1

CECAF 34.1.2

CECAF 34.2.0



B

Medda ta’ baħar bil-ħut

Speċi Immirati

Żona ICES jew diviżjoni CECAF

Molluski bivalvi tal-familja Pectinidae

ICES V, VI

ICES VII

ICES VIII

ICES IX

ICES X

CECAF 34.1.1

CECAF 34.1.2

CECAF 34.2.0



C

Medda ta’ baħar bil-ħut

Speċi Immirati

Żona ICES jew diviżjoni CECAF

Granċ li jittiekel u għaġuż

ICES V, VI

ICES VII

ICES VIII

ICES IX

ICES X

CECAF 34.1.1

CECAF 34.1.2

CECAF 34.2.0



( 1 ) ĠU L 365, tal-31.12.1991, pġ. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1637/2001 (ĠU L 222, tas-17.8.2001, pġ. 20).

( 2 ) ĠU L 351, tat-28.12.2002, pġ. 6.

( 3 ) ĠU L 171, 06.07.1994, pġ. 7.

( 4 ) ĠU L 226, 01.10.1998, pġ. 47.

( *1 ) ĠU L 289, 07.11.2003, pġ. 1.

Top