EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02002R0332-20090528

Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilita' li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament ta' l-Istati Membri

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/332/2009-05-28

2002R0332 — MT — 28.05.2009 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru. 332/2002

tat-18 ta' Frar 2002

li jistabbilixxi faċilita' li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament ta' l-Istati Membri

(ĠU L 053, 23.2.2002, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1360/2008 tat-2 ta' Diċembru 2008

  L 352

11

31.12.2008

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 431/2009 tat-18 ta’ Mejju 2009

  L 128

1

27.5.2009




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru. 332/2002

tat-18 ta' Frar 2002

li jistabbilixxi faċilita' li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament ta' l-Istati Membri



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, ippreżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju ( 1 ),

Wara li ikkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 );

Wara li ikkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 3 ),

Billi:

(1)

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 119(1) u l-Artikolu 119(2) tat-Trattat jipprovdi li, filwaqt li jaġixxi skond rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni magħmula wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill jagħti assistenza reċiproka meta Stat Membru jkun jinsab f'diffikultajiet jew jinsab mhedded serjament b'diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu. L-Artikolu 119 ma jagħtix definizzjoni ta' l-istrument li jrid jintuża biex tingħata l-assistenza reċiproka prevista.

(2)

Għandu jkun possibbli fil-każ li Stat Membru jeħtieġ jissellef fi żmien qasir li dak l-Istat Membru jiġi inkoraġġit li jadotta, mingħajr għaġġla żejda, f'sitwazzjoni fejn ikunu jeżistu kondizzjonijiet ta' rati tal-kambju li jkunu sistematiċi, miżuri ta' politika ekonomika li x'aktarx li ma jħallux isseħħ kriżi akuta fil-bilanċ tal-pagamenti u li jiġu sostnuti l-isforzi ta' dak l-Istat lejn konverġenza.

(3)

Kull self lil Stat Membru għandu jkun assoċjat ma' l-adozzjoni ta' miżuri ta' politika ekonomika minn dak l-Istat Membru iddisinjati biex jistabbilixxu mill-ġdid, jew biex jiżguraw, sitwazzjoni ta' bilanċ ta' pagamenti sostenibbli u li jiġi adattat għall-gravità tas-sitwazzjoni tal-bilanċ ta' pagamenti ta' dak l-Istat u għall-mod li bih jiżviluppa.

(4)

Għandhom jiġu maħsuba minn qabel proċeduri u strumenti xierqa li jippermettu lill-Komunità u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li, jekk hemm il-ħtieġa, tiġi ipprovduta malajr assistenza finanzjarja għal żmien medju, speċjalment fejn iċ-ċirkustanzi jitolbu azzjoni immedjata.

(5)

Bl-għan li tkun tista' tiffinanzja l-assistenza li tagħti, il-Komunità jeħtieġ li tkun f'pożizzjoni li tagħmel użu mill-fiduċja li tgawdi fir-rigward ta' kreditu biex tissellef ir-riżorsi li hemm bżonn biex jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri konċernati f'forma ta' self. Attivitajiet ta' din il-kwalità huma bżonnjużi biex jinkisbu l-għanijiet tal-Komunità kif definiti fit-Trattat, speċjalment l-iżvilupp armonjuż ta' attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità in ġenerali.

(6)

Għal dan il-għan, kienet ġiet stabbilita faċilita' unika permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1969/88 ( 4 ) li tipprovdi assistenza finanzjarja għal żmien medju għal bilanċi tal-pagamenti ta' l-Istati Membri.

(7)

Mill-1 ta' Jannar 1999 l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-munita waħdanija m'għadhomx jikkwalifikaw għal assistenza finanzjarja għal żmien medju. Madankollu, il-faċilita' ta' l-assistenza finanzjarja għandha tinżamm sabiex tkun tista' mhux biss tilqa' għall-ħtiġiet potenzali ta' l-Istati Membri preżenti li ma adottawx il-euro imma wkoll il-ħtiġiet ta' l-Istati Membri ġodda sakemm dawn jadottaw il-euro.

(8)

L-introduzzjoni tal-munita waħdanija wasslet għal tnaqqis sostanzjali fin-numru ta' Stati Membri eliġibbli għall-istrument. Reviżjoni 'l isfel tal-limitu preżenti ta' sittax-il biljun EUR huwa għalhekk iġġustifikat.. Madankollu, il-limitu tas-self għandu jinżamm fuq livell għoli biżżejjed li jkun jista' jissodisfa l-bżonnijiet simultanji ta' diversi Stati Membri. It-tnaqqis tal-limitu minn sittax-il miljun EUR għal tnax-il miljun EUR jidher li huwa adattat biex tiġi sodisfatta din il-ħtieġa u anki biex jitqies tkabbir li għad irid iseħħ ta' l-Unjoni Ewropea.

(9)

L-iskwilibriju ovvju li jeżisti bejn in-numru ta' benefiċjarji potenzali tas-self waqt it-tielet fażi ta' l-għaqda ekonomika u monetarja u n-numru ta' pajjiżi li huma f'qagħda li jiffinanzjawh, jagħmilha diffiċli li self mogħti minn l-Istati Membri l-oħra kollha, jiġi iffinanzjat dirett. Dan is-self għandu għalhekk jiġi iffinanzjat esklużivament bl-użu ta' swieq u istituzzjonijiet finanzjarji, li peress li dawn laħqu stadju ta' żvilupp u maturita' avvanzat biżżejjed, jagħmilha possibbli li jidħlu għal dan it-tip ta' self.

(10)

Fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba, l-arranġamenti dwar l-użu tal-faċilita' għandhom ikunu iċċarati u għandu jiġi innutat kemm l-iżvilupp tas-swieq finanzjarji internazzjonali kif ukoll ta' problemi tekniċi u limitazzjonijiet inerenti meta jsir użu minn dawn is-sorsi ta' iffinanzjar.

(11)

Huwa l-Kunsill li jiddeċiedi jekk jingħatax is-self jew faċilita' xierqa ta' iffinanzjar, it-tul medju tiegħu, l-ammont totali tiegħu u l-ammonti tar-rati suċċessivi. Madankollu, il-karatteristiċi tar-rati, it-tul u t-tip ta' rata ta' imgħax, għandhom jiġu iffissati bi qbil komuni bejn l-Istat Membru benefiċjarju u l-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni tkun ta' l-opinjoni li l-karatteristiċi mixtieqa mill-Istat Membru jirriżultaw f'iffinanzjar li ma jkunx kompatibbli mal-limitazzjonijiet tekniċi imposti mis-swieq u istituzzjonijiet finanzjarji, għandha tkun f'pożizzjoni li tipproponi arranġamenti finanzjarji alternattivi.

(12)

Bl-għan li tiffinanzja self mogħti taħt dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tikkuntratta għan-nom tas-self mogħti mill-Komunità Ewropea fi swieq finanzjarji jew f'istituzzjonijiet finanzjarji.

(13)

Il-faċilita' ta' assistenza finanzjarja stabbilita taħt ir-Regolament (KEE) Nru. 1969/88 għandha tiġi adattata skond dan il-għan. Fl-interess tal-kjarezza, dak ir-Regolament għandu jinbidel.

(14)

Għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, li jipprovdi għall-għoti ta' self mill-Komunità iffinanzjat esklużivament minn fondi miġbura minn fuq is-swieq finanzjarji u mhux mingħand l-Istati Membri l-oħra, it-Trattat ma jipprovdi ebda setgħat ħlief dawk ta' l-Artikolu 308,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

1.  Għandha tiġi stabbilita faċilita' għal assistenza finanzjarja għal żmien medju li tippermetti li jingħata self lil wieħed jew aktar mill-Istati Membri li jkunu qed jesperjenzaw, jew ikunu qed jiġu mhedda serjament minn, diffikultajiet fil-bilanċ ta' pagamenti kurrenti tagħhom jew fiċ-ċaqliq tal-kapitali tagħhom. Dawk l-Istati Membri biss li ma adottawx il-euro jistgħu jgawdu minn din il-faċilita tal-Komunità.

▼M2

L-ammont pendenti ta’ self li jrid jingħata lill-Istati Membri taħt din il-faċilità għandu jkun limitat għal EUR 50 biljun bħala kapital.

▼B

2.  Għal dan il-għan, skond deċiżjoni adottata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3 u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tikkuntratta self minn fuq is-swieq u istituzzjonijiet finanzjarji f'isem il-Komunità Ewropea.

Artikolu 2

Fejn Stat Membru li ma jkunx adotta l-euro jipproponi li jagħmel użu minn egħjun ta' iffinanzjar barra mill-Komunità' li huma suġġetti għal kondizzjonijiet ta' politika ekonomika, għandu l-ewwel jikkonsulta mal-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra sabiex jiġu eżaminati, fost affarijiet oħra, il-possibbiltajiet li huma disponibbli taħt il-faċilita' ta' assistenza finanzjarja tal-Komunità għal żmien medju. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, skond l-Artikolu 119 tat-Trattat.

Artikolu 3

1.  Il-faċilita' ta' assistenza finanzjarja għal żmien medju tista' tiġi implimentata mill-Kunsill fuq l-inizjattiva ta':

(a) l-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond l-Artikolu 119 tat-Trattat bi ftehim ma' l-Istat Membru li jkun qed jitlob iffinanzjar mill-Komunità

(b) Stat Membru li jkun qed jesperjenza, jew ikun qed jiġi mhedded serjament minn, diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti kurrenti jew ċaqliq fil-kapitali tiegħu.

▼M2

2.  L-Istat Membru li jitlob għajnuna finanzjarja għal żmien medju għandu jiddiskuti l-istima tal-bżonnijiet finanzjarji tiegħu mal-Kummissjoni u jissottometti abbozz ta’ programm ta’ aġġustament lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Il-Kunsill, wara li jeżamina s-sitwazzjoni fl-Istat Membru konċernat u l-programm ta’ aġġustament ippreżentat bħala sostenn tal-applikazzjoni tiegħu, għandu jiddeċiedi, bħala regola, waqt l-istess laqgħa:

(a) jekk jagħtix is-self jew faċilita’ xierqa ta’ ffinanzjar, l-ammont u t-tul medju tagħhom;

(b) il-kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja għal żmien medju bil-ħsieb li terġa’ tiġi stabbilita jew li tkun żgurata sitwazzjoni sostenibbli fil-bilanċ tal-pagamenti;

(c) il-metodi tekniċi kif jinħarġu l-flus tas-self jew tal-faċilità ta’ ffinanzjar, li r-rilaxx jew il-ġbid tagħhom, bħala regola, għandhom isiru permezz ta’ pagamenti suċċessivi, filwaqt li r-rilaxx ta’ kull pagament ikun suġġett għal verifika tar-riżultati miksuba fit-twettiq tal-programm abbażi tal-objettivi ffissati.

▼M2

Artikolu 3a

Il-Kummissjoni u l-Istati Membru kkonċernat għandhom jikkonkludu Memorandum ta’ Ftehim li jistipula dettaljatament il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-Memorandum ta’ Ftehim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

▼B

Artikolu 4

F'dawk il-każi fejn jiġu introdotti jew introdotti mill-ġdid restrizzjonijiet fuq ċaqliq ta' kapitali skond l-Artikolu 120 tat-Trattat waqt il-perjodu ta' l-assistenza finanzjarja, il-kondizzjonijiet u arranġamenti tagħha għandhom jerġgħu jiġu eżaminati skond l-Artikolu 119 tat-Trattat.

▼M2

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex f’intervalli regolari tivverifika, b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li l-politika ekonomika tal-Istat Membru li jkun se jirċievi self Komunitarju tikkonforma mal-programm ta’ aġġustament, ma’ kull kondizzjoni oħra stipulata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3 u mal-Memorandum ta’ Ftehim imsemmi fl-Artikolu 3a. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jpoġġi kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u jikkoopera bis-sħiħ ma’ din tal-aħħar. Abbażi tal-konklużjonijiet minn tali verifika, il-Kummissjoni, wara li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkun ta l-opinjoni tiegħu, għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx ta’ aktar pagamenti.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe aġġustament li jrid isir lill-kondizzjonijiet inizjali tal-politika ekonomika.

▼B

Artikolu 6

Self li jkun ingħata bħala assistenza finanzjarja għal żmien medju jista' jingħata biex tkun ikkonsolidata l-għajnuna li tkun tqegħdet għad-dispożizzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt il-faċilita ta' iffinanzjar għal perjodu qasir ħafna ta' żmien.

Artikolu 7

1.  L-attivitajiet ta' self li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 għandhom jitwettqu fil-euro. Għandha tiġi wżata l-istess data ta' valur miftehma u l-Komunità m'għandhix tkun involuta fit-tibdil ta' dati tal-ħlas, f'riskji li jirrigwardaw rati ta' imgħax, jew f'kull riskju ieħor ta' natura kummerċjali.

Il-karatteristiċi tar-rati suċċessivi maħruġa mill-Komunità taħt il-faċilita ta' assistenza finanzjarja għandhom jiġu innegozjati bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni. Fejn il-Kummissjoni tkun ta' l-opinjoni li l-karatteristiċi mixtieqa mill-Istat Membru ser iwasslu għal self mill-Komunità li jmur kontra r-restrizzjonijiet tekniċi imposti mis-swieq finanzjarji jew li jkun itebba' r-reputazzjoni tal-Komunità bħala entita' li tissellef fuq dawk l-istess swieq, għandha d-dritt li twaqqaf il-ftehim tagħha u tipproponi soluzzjoni alternattiva.

Fejn Stat Membru jirċievi self li jkun fih klawsola ta' pagament lura qabel iż-żmien u jiddeċiedi li jeżerċita din l-għażla, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa.

2.  Fuq talba ta' l-Istat Membru debitur u fejn iċ-ċirkustanzi jippermettu titjib fir-rata ta' l-imgħax fuq is-self, il-Kummissjoni tista' tiffinanzja mill-ġdid is-self kollu jew parti minnu jew tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti.

Attivitajiet ta' rifinanzjar jew ristrutturar għandhom jitwettqu skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 u m'għandux ikollhom l-effett li jestendu t-tul medju tas-self konċernat jew li jiżdied l-ammont tal-kapital li jkun hemm pendenti fid-data li jsir ir-rifinanzjar jew ir-ristrutturar.

3.  L-ispejjeż li teħel il-Komunità' biex tiġi miftehma u mwettqa attivita' għandhom jinġarru mill-Istat Membru benefiċjarju.

4.  Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jinżamm infurmat bl-iżviluppi ta' l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tat-tieni paragrafu.

▼M2

5.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank Ċentrali Nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-għajnuna Komunitarja għal żmien medju li jkun irċeva. Huwa għandu jittrasferixxi l-kapital u l-interessi dovuti taħt is-self f’kont mal-Bank Ċentrali Ewropew sebat ijiem TARGET2 ( 5 ) qabel id-dati tal-għeluq rispettivi.

▼B

Artikolu 8

Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet imsemmija f'L-Artikoli 3 u 5, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni magħmula wara li tkun ikkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 9

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tas-self.

Il-fondi għandhom jitħallsu biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

▼M2

Artikolu 9a

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha d-dritt li twettaq, fl-Istat Membru li jirċievi l-għajnuna finanzjarja għal żmien medju, kwalunkwe kontroll jew verifika finanzjarja li hija tikkunsidra meħtieġa fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ dik l-għajnuna. Il-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi, għandha għalhekk ikollha d-dritt li tibgħat l-uffiċjali tagħha jew ir-rappreżentanti debitament awtorizzati tagħha biex iwettqu fl-Istati Membri li jirċievu l-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal żmien medju, kull kontroll tekniku jew finanzjarju jew kull verifika li hija tqis neċessarji fir-rigward ta’ dik l-għajnuna.

▼B

Artikolu 10

Kull tlett snin il-Kunsill għandu jeżamina, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni u wara li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkun ta opinjoni, jekk il-faċilita' stabbilita għadhix tilħaq, fil-prinċipju, l-arranġamenti u l-limitu tagħha, il-ħtiġiet li għalihom ġiet maħluqa.

Artikolu 11

Ir-Regolament (KEE) Nru. 1969/88 huwa hawnhekk imħassar.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 180 E, tas-26.6.2001, p. 199.

( 2 ) Opinjoni mogħtija fis-6 ta' Settembru 2001 (għadha mhux ipplubblikata fil-Ġurnal Uffiċjażli).

( 3 ) ĠU L 151, tat-22.5.2001, p. 18.

( 4 ) ĠU L 178, tat-8.7.1988, p. 1. Regolament kif emendat bl-Att ta' adeżjoni ta' l-1994.

( 5 ) Kif definit fil-Linji Gwida ECB/2007/2 tas-26 ta’ April 2007 dwar is-sistema Express Awtomatika Trans-Ewropea għat-Trasferiment f’Ħin Reali ta’ Ħlas Gross (Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system - TARGET2) (ĠU L 237, 8.9.2007, p. 1).

Top