Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02002L0044-20081211

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/44/KE tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi (il-vibrazzjoni) (is-sittax-il Direttuva individwali fit-tifsira ta’ Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/44/2008-12-11

2002L0044 — MT — 11.12.2008 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL 2002/44/KE

tal-25 ta’ Ġunju 2002

dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi (il-vibrazzjoni) (is-sittax-il Direttuva individwali fit-tifsira ta’ Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(ĠU L 177, 6.7.2002, p.13)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2007/30/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007

  L 165

21

27.6.2007

►M2

REGOLAMENT (KE) Nru 1137/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-22 ta' Ottubru 2008

  L 311

1

21.11.2008




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL 2002/44/KE

tal-25 ta’ Ġunju 2002

dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi (il-vibrazzjoni) (is-sittax-il Direttuva individwali fit-tifsira ta’ Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ), issottomessa wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tas-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa waqt ix-Xogħol,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li aġixxew skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni fit-8 ta’ April 2002,

Billi:

(1)

Skond it-Trattat il-Kunsill jista’ jadotta, permezz ta’ direttivi, il-ħtiġijiet minimi sabiex iħeġġeġ it-titjib, b’mod speċjali fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jiggarantixxi livell aħjar ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Dawn id-direttivi jridu jevitaw li jimponu kostrizzjonijiet amministrattivi, finanzjari u legali b’mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

(2)

Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tirrigwarda l-programm tagħha ta’ azzjoni li għandu x’jaqsam ma’ l-implimentazzjoni tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Fundamentli Soċjali tal-Ħaddiema jipprovdi sabiex jiddaħħlu ħtiġijiet minimi dwar is-saħħa u s-sigurtà fejn jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji kkawżati mill-aġenti fiżiċi. F’Settembru ta’ l-1990 il-Parlament Ewopew adotta riżoluzzjoni li tirrigwarda l-programm ta’ azzjoni ( 4 ), fejn stieden lill-Kummssjoni b’mod partikolari li tfassal direttiva speċifika dwar ir-riskji kkawżati mill-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet u minn kull aġent fiżiku ieħor fuq il-post tax-xogħol.

(3)

Bħala l-ewwel pass, huwa kunsidrat meħtieġ illi jiddaħħlu l-miżuri li jipproteġu lill-ħaddiema mir-riskji li jinħolqu mill-vibrazzjonijiet minħabba l-effetti tagħhom fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’ mod partikolari l-binja ta’ l-għadam/muskolari, u d-diżordnijiet newroloġiċi u vaskolari. Dawn il-miżuri huma maħsuba mhux biss sabiex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà ta’ kull ħaddiem fuq bażi individwali, imma wkoll sabiex joħolqu bażi minimu ta’ protezzjoni għall-ħaddiema kollha fil-Komunità sabiex jevitaw kemm jista jkun it-tagħwiġ fil-kompetizzjoni.

(4)

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi, biex b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari billi tiffissa l-valuri iktar baxxi għall-valur ta’ l-azzjoni ta’ kuljum jew valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum għall-vibrazzjonijiet. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha sservi sabiex tiġġustifika l-ebda rigressjoni li għandha x’taqsam mas-sitwazzjoni li diġà hija prevalenti f’kull Stat Membru.

(5)

Sistema tal-protezzjoni mill-vibrazzjonijiet trid tillimita ruħha għal definizzjoni, ħielsa minn kull dettal eċċessiv, ta’ l-għanijiet li jridu jinkisbu, tal-prinċipji li jridu jiġu osservati u tal-valuri fundamentali li jridu jintużaw, sabiex jgħinu lill-Istati Membri japplikaw il-ħtiġijiet minimi f’manjiera ekwivalenti.

(6)

Il-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjoni jista’ jitnaqqas b’mod iktar effettiv bl-inkorporazzjoni tal-miżuri preventivi fid-disinn ta’ l-istazzjonijiet tax-xogħol u tal-postijiet tax-xogħol u bl-għażla ta’ l-għodda tax-xogħol, bil-proċeduri u l-metodi hekk li tingħata prijorità lit-tnaqqis tar-riskji mis-sors. B’hekk, id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma l-għodda tax-xogħol u l-metodi jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ħaddiema involuti.

(7)

Min iħaddem għandu jagħmel l-aġġustamenti fid-dawl tal-progress tekniku u ta’ l-għerf xjentifiku fejn jirrigwarda r-riskji li għandhom x’ jaqsmu ma l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet, bil-ħsieb li tittejjeb is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

(8)

Fil-każ tat-trasport bil-baħar jew bl-ajru, mogħti l-istat korrenti ta’ l-arti, mhux possibbli illi jitħarsu fiċ-ċirkostanzi kollha l-valuri tal-limitu ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet li tinvolvi l-ġisem kollu; għandha għalhekk f’xi każi ssir dispożizzjoni għal eżenzjonijiet ġustifikati kif dovuti.

(9)

Ġaladarba din id-Direttiva hija Direttiva individwali fit-tifsira ta’ Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ( 5 ), din id-Direttiva għandha għalhekk tapplika għall-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-vibrazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f’din id-Direttiva.

(10)

Din id-Direttiva tikkostitwixxi pass prattiku lejn il-ħolqien tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern.

(11)

Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni ( 6 ).

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



TAQSIMA I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-għan u l-firxa

1.  Din id-Direttiva, li hija s-16-il Direttiva individwali fit-tifsira ta’ Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji għal saħħithom u għas-sigurtà tagħhom li jinħolqu jew li x’aktarx jinħolqu mill-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi.

2.  Il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew x’aktarx ikunu esposti għar-riskji mill-vibrazzjonijiet mekkaniċi matul ix-xogħol tagħhom.

3.  Id-Direttiva 89/391/KEE għandha tapplika fl-intier tagħha għall-firxa kollha referita fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f’din id-Direttiva.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-espressjonijiet li ġejjin għandhom ifissru:

(a) “vibrazzjoni mill-id għad-driegħ”: il-vibrazzjoni mekkanika li, meta tiġi mgħoddija lis-sistema umana mill-id għad-driegħ, iġġib magħha l-konsegwenza tar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari diżordnijiet vaskolari, fl-għadam jew fil-ġogi, newroloġiċi jew muskolari;

(b) “vibrazzjoni tal-ġisem kollu”: il-vibrazzjoni mekkanika li, meta tiġi mgħoddija lill-ġisem kollu, iġġib magħha l-konsegwenza tar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari l-morbidità tan-naħa ta’ isfel tad-dahar u t-trawma tas-sinsla tad-dahar.

Artikolu 3

Il-valuri tal-limitu ta’ l-espożizzjoni u l-valuri ta’ l-azzjoni

1.  (a) Għall-vibrazzjonijiet mill-id għad-driegħ:

(a) il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum standardizzat għal perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ tmien sigħat għandu jkun ta’ 5 m/s2;

(b) il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum standardizzat għal perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ tmien sigħat għandu jkun ta’ 2,5 m/s2.

L-espożizzjoni tal-ħaddiema għal vibrazzjonijiet mill-id għad-driegħ għandha tiġi stmata jew imkejla fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Punt 1 tal-Parti A ta’ l-Anness.

2.  (b) Għall-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu:

(a) il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum standardizzat għal perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ tmien sigħat għandu jkun ta’ 1,15 m/s2 jew, bl-għażla ta’ l-Istat Membru interessat, il-valur tad-doża tal-vibrzzjoni ta’ 21 m/s1,75;

(b) il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum standardizzat għal perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ tmien sigħat għandu jkun ta’ 0,5 m/s2 jew, bl-għażla ta’ l-Istat Membru interesat, il-valur tad-doża tal-vibrazzjoni ta’ 9,1 m/s1,75.

L-espożizzjoni tal-ħaddiema għal vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu għandha tiġi stmata jew imkejla fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Punt 1 tal-Parti B ta’ l-Anness.



TAQSIMA II

L-OBBLIGI TA’ MIN IĦADDEM

Artikolu 4

Il-mod kif jiġu stabbiliti u stmati r-riskji

1.  Fit-twettiq ta’ l-obbligi stabbiliti f’ Artikolu 6(3) u Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/301/KEE, min iħaddem għandu jistma u, jekk meħtieġ, ikejjel il-livelli tal-vibrazzjonijiet mekkaniċi li għalihom ikunu esposti l-ħaddiema. Il-kejl għandu jitwettaq skond il-Punt 2 tal-Parti A jew il-Punt 2 tal-Parti B ta’ l-Anness ma din id-Direttiva, kif approprjat.

2.  Il-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi jista’ jiġi stmat permezz ta’ l-osservazzjoni tal-prattiċi speċifiċi tax-xogħol u r-riferiment għat-tagħrif relevanti dwar il-kobor probabbli tal-vibrazjonijiet li jikkorrispondu ma l-għodda jew mat-tipi ta’ għodda użati fil-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-użu, inkluż dak it-tagħrif ipprovdut mill-fabbrikant ta’ l-għodda. Din l-operazzoni għandha tiġi ddistingwita mill-kejl, li jeħtieġ l-użu ta’ apparat speċifiku u l-metodoloġija approprjata.

3.  L-istima u l-kejl riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppjanifikati u mwettqa mis-servizzi kompetenti f’intervalli xierqa taż-żmien, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE li tirrigwarda s-servizzi jew il-persuni kompetenti meħtieġa. L-informazzjoni miksuba mill-istima tal-vibrazzjonijiet mekkaniċi tal-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi għandha tiġi ppriservata f’għamla xierqa hekk li tippermetti l-konsultazzjoni fi stadju iktar tard.

4.  Skond Artikolu 6(3) tad-Direttiva 89/391/KEE, filwaqt li jkun qiegħed iwettaq l-istima tar-riskju, min iħaddem għandu jagħti attenzjoni partikolari lil dan li ġej:

(a) il-livell, it-tip u t-tul taż-żmien ta’ l-espożizzjoni, inkluża kull espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet intermittenti jew għall-xokkijiet imtennija;

(b) il-valuri tal-limitu ta’ l-espożizzjoni u l-valuri ta’ l-azzjoni ta’ l-espożizzjoni stabbiliti f’Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva;

(ċ) kull effett li jirrigwarda s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema f’riskju partikolarment sensittiv;

(d) kull effett indirett dwar is-sigurtà tal-ħaddiema li tirriżulta mill-interazzjonijiet bejn il-vibrazzjonijiet mekkaniċi u l-post tax-xogħol jew għodda oħra tax-xogħol;

(e) it-tagħrif ipprovdut mill-fabbrikanti ta’ l-għodda tax-xogħol skond id-Direttivi Komunitarji relevanti;

(f) l-eżistenza jew il-bdil mill-ġdid ta’ l-għodda ddisinjata sabiex tnaqqas il-livelli ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi;

(ġ) l-estensjoni ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu lil hinn mis-sigħat normali tax-xogħol taħt ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem;

(ħ) il-kondizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol bħalma huma t-temperaturi baxxi;

(i) it-tagħrif approprjat miksub mis-sorveljanza tas-saħħa, inkluż, kemm jista’ jkun, it-tagħrif ippubblikat.

5.  Min iħaddem għandu jkollu fil-pussess tiegħu stima tar-riskju skond Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/391/KEE u għandu jidentifika liema miżuri jridu jittieħdu skond Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Direttiva. L-istima tar-riskju għandha tiġi rreġistrata fuq medju xieraq, skond il-liġijiet u l-prattika nazzjonali; tista’ tinkludi ġustifikazzjoni minn min iħaddem illi n-natura u l-kobor tar-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-vibrazzjonijiet mekkaniċi ma jagħmlux stima oħra iktar iddettaljata meħtieġa. L-istima tar-riskju għandha tinżamm aġġornata fuq bażi regolari, b’mod partikolari jekk kien hemm bidliet sinifikanti li jirrenduha skaduta, jew meta r-riżultati tas-sorveljanza tas-saħħa juru illi hija meħtieġa.

Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet immirati sabiex jevitaw jew inaqqsu l-espożizzjoni

1.  Filwaqt li jitqiesu l-progress tekniku u d-disponibbiltà tal-miżuri sabiex jikkontrollaw ir-riskju mis-sors, ir-riskji li jinħolqu mill-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi għandhom jiġu eliminati mis-sors tagħhom jew imnaqqsa għall-minimu.

It-tnaqqis ta’ dawn ir-riskji għandu jkun imsejjes fuq il-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni dikjarati f’Artikolu 6(2) tad-Direttiva 89/391/KEE.

2.  Fuq il-bażi ta’ l-istima tar-riskju riferita f’Artikolu 4, meta jinqabżu l-valuri ta’ l-azzjoni ta’ l-espożizzjoni stabbiliti f’Artikolu 3(1)(b) u 2(b), min iħaddem għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ miżuri tekniċi u/jew organizzattivi maħsuba li jnaqqsu għall-minimu l-espożizzjoni għall-vibrazzjoni mekkanika u r-riskji li jmorru magħha, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:

(a) metodi oħra tax-xogħol li jeħtieġu inqas espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi;

(b) l-għażla ta’ l-għodda approprjata tax-xogħol ta’ disinn approprjat ergonomiku u, filwaqt li jitqies ix-xogħol li jrid isir, tipproduċi l-inqas vibrazzjonijiet possibbli;

(ċ) il-provvediment ta’ għodda awżiljarja li tnaqqas ir-riskju ta’ korrimenti kkawżati mill-vibrazzjoni, bħalma huma s-siġġijiet li jnaqqsu b’mod effettiv il-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu u l-mankijiet li jnaqqsu l-vibrazzjonijiet imgħoddija mis-sistema ta’ l-id għad-driegħ;

(d) il-programmi approprjati tal-manutenzjoni ta’ l-għodda tax-xogħol, tal-post tax-xogħol u s-sistemi tal-post tax-xogħol;

(e) id-disinn u l-firxa għall-użu tal-postijiet tax-xogħol u l-istazzjonijiet tax-xogħol;

(f) it-tagħrif u t-taħriġ adegwat sabiex jgħallem lill-ħaddiema kif jużaw l-għodda tax-xogħol b’mod korrett u fis-sigurtà sabiex titnaqqas għall-minimu l-espożizzjoni tagħhom għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi;

(ġ) il-limitazzjoni tat-tul taż-żmien u ta’ l-intensità ta’ l-espożizzjoni;

(ħ) skedi approprjati tax-xogħol b’perjodi adegwati taż-żmien tal-mistrieħ;

(i) il-provvediment ta’ l-ilbies sabiex jipproteġi lill-ħaddiema mill-kesħa u l-umdità.

3.  Ikun xi jkun il-każ, il-ħaddiema ma għandhomx ikunu esposti’ l fuq mill-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni

Jekk, minkejja l-miżuri meħuda minn min iħaddem sabiex iħares din id-Direttiva, il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni jinqabeż, min iħaddem għandu jieħu azzjoni minnufih sabiex inaqqas l-espożizzjoni għal valur taħt il-limitu ta’ l-espożizzjoni. Għandu jidentifika r-raġunijiet għaliex ikun inqabeż il-valur tal-limitu u għandu jemenda l-miżuri tal-protezzjoni u l-prevenzjoni kif jixraq sabiex jipprevjeni milli jerġa’ jinqabeż.

4.  Skond Artikolu 15 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jaddatta l-miżuri riferiti f’dan l-Artikolu għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema f’riskju partikolari.

Artikolu 6

It-tagħrif lil u t-taħriġ tal-ħaddiema

Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jiżgura illi l-ħaddiema li jkunu esposti għar-rikji mill-vibrazzjonijiet mekkaniċi fuq ix-xogħol u/jew ir-rappreżentanti tagħhom jirċievu t-tagħrif u t-taħriġ li għandhom x’jaqsmu mar-riżultati ta’ l-istima tar-riskju provduti f’Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva, li tirrigwarda b’mod partikolari:

(a) il-miżuri meħuda sabiex jimplimentaw din id-Direttiva hekk li jeliminaw jew inaqqsu għall-minimu r-riskji mill-vibrazzjonijiet mekkaniċi;

(b) l-espożizzjoni għall-valuri tal-limitu u l-espożizzjoni għall-valuri ta’ l-azzjoni ta’ l-espożizzjoni;

(ċ) ir-riżultati ta’ l-istima u l-kejl tal-vibrazzjonijiet mekkaniċi mwettqa skond Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva u l-korriment potenzjali li jinħoloq mill-użu ta’ l-għodda li tkun qiegħda tintuża;

(d) għaliex u kif jiġu mikxufa u rrapportati s-sinjali tal-korriment;

(e) iċ-ċirkostanzi li fihom il-ħaddiema jkunu intitolati għas-sorveljanza tas-saħħa;

(f) il-prattiċi tax-xogħol fis-sigurtà sabiex tiġi mminimizzata l-espożizzjoni għall-vibrazzjoni mekkanika.

Artikolu 7

Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom għandhom isiru skond Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-materji koperti b’din id-Direttiva.



TAQSIMA III

DISPOSIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 8

Is-sorveljanza tas-saħħa

1.  Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 13 tad-Direttiva 89/391/KEE, l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw is-sorveljanza approprjata tas-saħħa tal-ħaddiema rigward ir-riżultati ta’ l-istima tar-riskju provduti f’Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva meta tindika riskju għas-saħħa. Dawn id-dispożizzjonijiet, inklużi l-ħtiġijiet speċifikati għar-reġistrazzjonijiet tas-saħħa u d-disponibbiltà tagħhom, għandhom jiġu introdotti skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.

Is-sorveljanza tas-saħħa, li r-riżultat tagħha jitqies fl-applikazzjoni tal-miżuri preventivi fuq post speċifiku tax-xogħol, għandhom jiġu intiżi sabiex jipprevjenu u jiddijanjosaw bil-ħeffa kull diżordni marbuta ma’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi. Din is-sorveljanza għandha tkun approprjata meta:

 l-espożizzjoni tal-ħaddiema tkun hekk illi tista’ tiġi stabbilita rabta bejn din l-espożizzjoni u marda li tista tiġi identifikata jew effetti ta’ ħsara għas-saħħa,

 x’aktarx illi l-marda jew l-effetti jiġru f’kondizzjonijiet partikolari tax-xogħol ta’ ħaddiem, u

 ikunu jeżistu modi tat-tekniki sabiex jikxfu l-marda jew l-effetti ta’ ħsara għas-saħħa.

Ikun xi jkun il-każ, il-ħaddiema esposti għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi li jaqbżu l-valuri dikjarati f’Artikolu 3(1)(b) u (2)(b) għandhom ikunu intitolati għas-sorveljanza approprjata tas-saħħa.

2.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti sabiex jiżguraw illi, għal kull ħaddiem li jgħaddi mis-sorveljanza tas-saħħa skond il-paragrafu 1, jinżammu u jiġu aġġornati reġistrazzjonijiet individwali tas-saħħa. Ir-reġistri tas-saħħa għandu jkun fihom ir-riżultati tas-sorveljanza tas-saħħa mwettqa. Għandhom jinżammu f’għamla xierqa hekk li jippermettu kull konsultazzjoni f’data iktar tard, filwaqt li titqies kull kunfidenzjalità.

Għandhom jiġu forniti kopji tar-reġistri approprjati lill-awtorità kompetenti fuq it-talba tagħha. Il-ħaddiem individwali għandu jkollu aċċess, fuq it-talba tiegħu, għar-reġistu tas-saħħa li jkollu x’jaqsam miegħu personalment.

3.  Meta, bħala riżultat tas-sorveljanza tas-saħħa, ħaddiem jinstab li għandu marda li tista’ tiġi identifikata jew effett negattiv fuq is-saħħa li jiġi kkunsidrat minn tabib jew minn professjonista tal-kura tas-saħħa bħala r-riżultat ta’ l-espożizzjoni tal-vibrazzjonijiet mekkaniċi fuq ix-xogħol:

(a) il-ħaddiem għandu jiġi mgħarraf mit-tabib jew mill-persuna kkwalifikata kif jixraq bir-riżultat li jkollu x’jaqsam miegħu personalment. Għandu, b’mod partikolari, jirċievi t-tagħrif u l-parir li jirrigardaw kull sorveljanza tas-saħħa li jgħaddi minnhom fit-tmiem ta’ l-espożizzjoni;

(b) min iħaddem għandu jiġi mgħarraf b’kull sejba sinifikanti mis-sorveljanza tas-saħħa, filwaqt li titqies kull kunfidenzjalità medika;

(ċ) min iħaddem għandu:

 jirrevedi l-istima tar-riskju mwettqa skond Artikolu 4,

 jirrevedi l-miżuri pprovduti sabiex jeliminaw jew inaqqsu r-riskji skond l-Artikolu 5,

 iqis il-parir tal-professjonista fil-kura tas-saħħa jew ta’ persuna oħra kkwalifikata kif jixraq jew ta’ l-awtorità kompetenti fl-implimentazzjoni ta’ kull miżura meħtieġa sabiex telimina jew tnaqqas ir-riskju skond l-Artikolu 5, inkluża l-possibbiltà li jiġi assenjat lill-ħaddiem xogħol alternattiv fejn ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ iktar espożizzjoni, u

 jagħmel arranġamenti għal iktar sorveljanza ssoktata tas-saħħa u jipprovdi għal reviżjoni ta’ l-istat tas-saħħa ta’ kull ħaddiem ieħor li jkun ġie espost bl-istess mod. F’dawn il-każijiet, it-tabib kompetenti jew il-professjonista kompetenti fil-kura tas-saħħa fuq ix-xogħol jew l-awtorità kompetenti jistgħu jipproponu illi l-persuni esposti jgħaddu minn eżami mediku.

Artikolu 9

Il-perjodi transitorji taż-żmien

Rigward l-implimintazzjoni ta’ l-obbligi stabbiliti f’Artikolu 5(3), l-Istati Membri, wara konsultazzjoni maż-żewġ naħat ta’ l-industrija skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, għandhom ikunu intitolati li jagħmlu użu minn perjodu massimu taż-żmien ta’ ħames snin mis-6 ta’ Lulju 2005 meta tiġi użata l-għodda tax-xogħol li kien ġie mogħti lill-ħaddiema qabel is-6 ta’ Lulju 2007 u li ma jippermettix li jiġu użati l-valuri tal-limitu ta’ l-espożizzjoni, filwaqt li jitqiesu l-aħħar avvanzi tekniċi u/jew il-miżuri organizzattivi meħuda. Rigward l-għodda użata fis-setturi ta’ l-agrikoltura u l-forestrija, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jestendu l-perjodu transitorju massimu taż-żmien b’ sa erba snin oħra.

Artikolu 10

Id-derogi

1.  Sabiex iħarsu l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà, l-Istati Membri jistgħu, fil-każ tat-trasport bil-baħar u bl-ajru, jidderogaw minn Artikolu 5(3) f’ċirkostanzi ġustifikati kif dovuti rigward il-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu fejn, mogħtija l-istat ta’ l-arti u l-karatteristiċi speċifiċi tal-postijiet tax-xogħol, mhux possibbli illi jitħares il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni minkejja l-miżuri tekniċi u/jew organizzattivi meħuda.

2.  F’każ meta l-espożizzjoni ta’ ħaddiem għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi s-soltu tkun taħt il-valuri ta’ l-azzjoni ta’ l-espożizzjoni mogħtija f’Artikolu 3(1)(b) u 2(b) imma tvarja b’mod li jidher sewwa minn żmien għal żmien u jistgħu kull tant jaqbżu l-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkonċedu wkoll derogi minn Artikolu 5(3). Madankollu, il-valur ta’ l-espożizzjoni kkalkolat fuq medja ta’ 40 siegħa jrid ikun inqas mill-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni u jrid ikun hemm xhieda li turi illi r-riskji mill-għamla ta’ l-espożizzjoni għall-għamla tax-xogħol huma inqas minn dawk mill-espożizzjoni skond il-valur tal-limitu ta’ l-espożizzjoni.

3.  Id-derogi riferiti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu konċessi mill-Istati Membri wara konsultazzjoni maż-żewġ naħat ta’ l-industrija skond il-liġijiet u l-prattika nazzjonali. Dawn id-derogi jridu jkunu akkumpanjati b’ kondizzjonijiet li jiggarantixxu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali, illi r-riskji li jirriżultaw ikunu mnaqqsa għall-minimu u li l-ħaddiema interessati jkunu bla ħsara għal sorveljanza miżjuda tas-saħħa. Dawn id-derogi għandhom jiġu riveduti kull erba snin u rtirati hekk kif ma jreġux iktar iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom.

4.  Kull erba’ snin l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni lista tad-derogi riferiti fil-paragrafi 1 u 2, fejn jindikaw ir-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi eżatti li jġegħluhom jiddeċiedu li jikkonċedu d-derogi.

▼M2

Artikolu 11

Emendi tekniċi

L-emendi ta' natura purament teknika li għandhom isiru fl-Anness ma' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni konformement ma':

(a) l-adozzjoni ta' direttivi fil-qasam tal-armonizzazzjoni teknika u ta' l-istandardizzazzjoni relatati mad-disinn, il-bini, il-fabbrikazzjoni jew il-kostruzzjoni ta' għodda tax-xogħol u/jew ta' postijiet tax-xogħol;

(b) il-progress tekniku, il-bidliet fl-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet armonizzati Ewropej l-aktar adattati u skoperti ġodda li jirrigwardaw il-vibrazzjonijiet tekniċi.

Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(2). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 12, fil-paragrafu 3.

Artikolu 12

Proċedura ta' Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 89/391/KEE.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1), (2), (4) u (6), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

▼B



TAQSIMA IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

▼M1 —————

▼B

Artikolu 14

It-traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mis-6 ta’ Lulju 2005. Għandhom jgħarrfu b’dan lill-Kummissjoni minnufih. Għandhom jinkludu wkoll lista, li tagħti r-raġunijiet iddettaljati, ta’ l-arranġamenti transitorji li l-Istati Membri jkunu adottaw skond Artikolu 9.

Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif jagħmlu din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali diġà adottati jew li jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 15

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 16

Lil min indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

A.   IL-VIBRAZZJONIJIET MILL-ID GĦAD-DRIEGĦ

1.   L-istima ta’ l-espożizzjoni

L-istima tal-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet mill-id għad-driegħ hija msejsa fuq il-kalkolu tal-valur ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum innormalizzata għall-perjodu taż-żmien ta’ referenza A(8), espress bħala l-għerq ikkwadrat tas-somma tal-kwadrati (rms) (il-valur totali) tal-valuri ppeżati skond il-valuri tal-frekwenza ta’ l-aċċelerazzjonijiet, stabbilita fuq l-assi ortogonali a hwx , a hwy , a hwz kif iddefiniti fil-Kapitoli 4 u 5 ta’ l-i standard 5349-1(2002) ta’ l-ISO.

L-istima tal-livell ta’ l-espożizzjoni tista’ titwettaq fuq il-bażi ta’ stima msejsa fuq it-tagħrif ipprovdut mill-fabbrikanti li tirrigwarda l-livell ta’ l-emissjoni mill-għodda tax-xogħol użata, u msejjes fuq l-osservazzjoni tal-prattiċi speċifiċi tax-xogħol jew tal-kejl.

2.   Il-kejl

Meta l-kejl jintuża skond Artikolu 4(1):

(a) il-metodi użati jistgħu jinkludu l-kampjunar, li jrid ikun rappreżentattiv ta’ l-espożizzjoni personali ta’ ħaddiem għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi fil-kwistjoni; il-metodi u l-apparat użati jridu jkunu addattati għall-karatteristiċi partikolari tal-vibrazzjoni mekkanika li trid titkejjel, għall-fatturi ta’ l-atmosfera tal-post u għall-karatteristiċi ta’ l-apparat tal-kejl, skond l-i standard 5349-2(2001) ta’ l-ISO;

(b) fil-każ tal-mezzi li jeħtieġu li jinżammu biż-żewġ idejn, il-kejlijiet iridu jintgħamlu fuq kull id. L-espożizzjoni tiġi stabbilita b’riferiment għall-valur l-iktar għoli bejn it-tnejn; għandu jingħata wkoll it-tagħrif fuq l-id l-oħra.

3.   L-interferenzi

Artikolu 4(4)(d) irid japplika, b’mod partikolari meta l-vibrazzjoni mekkanika tiddisturba t-tqandil xieraq tal-kontrolli jew tal-qari ta’ l-indikaturi.

4.   Ir-riskji indiretti

Artikolu 4(4)(d) irid japplika, b’mod partikolari meta l-vibrazzjoni mekkanika tiddisturba l-istabbiltà ta’ l-istrutturi jew is-sigurtà tal-ġogi.

5.   Il-protetturi individwali

It-tagħmir protettiv personali kontra l-vibrazzjonijiet mill-id għad-driegħ jista’ jikkontribwixxi għall-programm tal-miżuri riferit f’Artikolu 5(2).

B.   IL-VIBRAZZJONI TAL-ĠISEM KOLLU

1.   L-istima ta’ l-espożizzjoni

L-istima tal-livell ta’ l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet hija msejsa fuq il-kalkolu ta’ l-espożizzjoni ta’ kuljum (A8) espressa bħala aċċelerazzjoni kontinwa ekwivalenti fuq perjodu taż-żmien ta’ tmien sigħat, ikkalkolata bħala l-ogħla (rms) valur, jew l-ogħla valur tad-doża tal-vibrazzjoni (VDV) ta’ l-aċċelerazzjonijiet ippeżati skond il-frekwenza, stabbiliti fuq tliet assi ortogonali (1,4a wx , 1,4a wy , a wz għal ħaddiem bil-qiegħda jew bil-wieqfa) skond il-Kapitoli 5, 6 u 7 ta’ Anness A u Anness B ta’ l-i standard 2631-1(1997) ta’ l-ISO.

L-istima tal-livell ta’ l-espożizzjoni tista’ titwettaq fuq il-bażi ta’ stima msejsa fuq it-tagħrif ipprovvdut mill-fabbrikanti li tirrigwarda l-livell ta’ l-emissjoni mill-għodda tax-xogħol użata, u msejsa fuq l-osservazzjoni tal-prattiċi speċifiċi tax-xogħol jew tal-kejl.

Fil-każ tat-trasport marittimu, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw biss il-vibrazzjonijiet ta’ frekwenza li taqbeż il-1 Hz.

2.   Il-kejl

Meta jintuża l-kejl skond Artikolu 4(1), il-metodi użati jistgħu jinkludu l-kampjunar, li jrid ikun rappreżentattiv ta’ l-espożizzjoni personali ta’ ħaddiem għall-vibrazzjonijiet mekkaniċi fil-kwistjoni. Il-metodi użati jridu jkunu addattati għall-karatteristiċi partikolari tal-vibrazzjoni mekkanika li trid titkejjel, għall-fatturi ta’ l-atmosfera tal-post u għall-karatteristiċi ta’ l-apparat tal-kejl.

3.   L-interferenzi

Artikolu 4(4)(d) irid japplika, b’mod partikolari meta l-vibrazzjoni mekkanika tiddisturba t-tqandil xieraq tal-kontrolli jew tal-qari ta’ l-indikaturi.

4.   Ir-riskji indiretti

Artikolu 4(4)(d) irid japplika, b’mod partikolari meta l-vibrazzjoni mekkanika tiddisturba l-istabbiltà ta’ l-istrutturi jew is-sigurtà tal-ġogi.

5.   L-estensjoni ta’ l-espożizzjoni

Artikolu 4(4)(g) irid japplika, b’mod partikolari meta, minħabba n-natura ta’ l-attività, ħaddiem jibbenefika mill-użu tal-faċilitajiet tal-mistrieħ issorveljati minn min iħaddem; l-espożizzjoni għall-vibrazzjonijiet tal-ġisem kollu f’ dawn il-faċilitajiet trid tiġi mnaqqsa għal livell kompatibbli ma l-għan u l-kondizzjonijiet tagħhom ta’ l-użu, għajr fil-każijiet ta’ “force majeure



( 1 ) ĠU Ċ 77, tat-18.3.1993, p. 12,

ĠU Ċ 3, tad-19.8.1994, p. 3.

( 2 ) ĠU Ċ 249, tat-13.9.1993, p. 28.

( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ April 1994 (ĠU Ċ 128, tad-9.5.1994, p. 146) konfermata fid-16 ta’ Settembru 1999 (ĠU Ċ 54, tal-25.2.2000, p. 75), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Ċ 301, tas-25.10.2001, p.1), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ April 2002 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21ta’ Mejju 2002.

( 4 ) ĠU Ċ 260, tal-15.10.1999, p. 167.

( 5 ) ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

( 6 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

Top