This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02000R1916-20140101
Commission Regulation (EC) No 1916/2000 of 8 September 2000 on implementing Council Regulation (EC) No 530/1999 concerning structural statistics on earnings and on labour costs as regards the definition and transmission of information on structure of earnings (Text with EEA relevance)
Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1916/2000 tat-8 ta’ Settembru 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jirrigwarda l-istatisiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar in-nefqiet fuq ix-xogħol rigward id-definizzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar l-istruttura tal-qligħ (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1916/2000 tat-8 ta’ Settembru 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jirrigwarda l-istatisiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar in-nefqiet fuq ix-xogħol rigward id-definizzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar l-istruttura tal-qligħ (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2000R1916 — MT — 01.01.2014 — 004.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1916/2000 tat-8 ta’ Settembru 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jirrigwarda l-istatisiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar in-nefqiet fuq ix-xogħol rigward id-definizzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar l-istruttura tal-qligħ (ĠU L 229, 9.9.2000, p.3) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1738/2005 tal-21 ta’ Ottubru 2005 |
L 279 |
32 |
22.10.2005 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 973/2007 ta’ l-20 ta’ Awwissu 2007 |
L 216 |
10 |
21.8.2007 |
IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1916/2000
tat-8 ta’ Settembru 2000
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jirrigwarda l-istatisiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar in-nefqiet fuq ix-xogħol rigward id-definizzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar l-istruttura tal-qligħ
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkonsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta’ Marzu 1999 li jirrigwarda l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u n-nefqiet fuq ix-xogħol ( 1 ) u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 530/1999 jinħtieġu miżuri ta’ implimentazzjoni li jirrigwardaw id-definizzjoni u l-analiżi statistika tat-tagħrif li jiġi pprovdut u l-format tekniku xieraq għat-trasmissjoni tar-riżultati. |
(2) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Programm Statistiku, stabbilit bid-deċizjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom ( 2 ), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
L-Artikolu 1
Id-definizzjoni u l-analiżi statistika tat-tagħrif
Skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 530/1999 l-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tagħrif dwar il-varjabbli mniżżla fil-lista fl-Anness 1 mar-Regolament preżenti.
Għal dan il-għan, id-definizzjonijiet tal-varjabbli huma stabbiliti fl-Anness II mar-Regolament preżenti.
L-Artikolu 2
Il-format tekniku għat-trasmissjoni tar-riżultati
Il-format tekniku xieraq li jrid jiġi użat għat-trasmissjoni tar-riżultati huwa stabbilit fl-Anness III mar-Regolament preżenti.
L-Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kommunitajiet Ewropej.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
LISTA TAL-VARJABBLI
1. It-tagħrif dwar l-unità lokali li magħha jkunu marbuta l-impjegati fil-kampjuni
1.1 |
Il-lokazzjoni ġeografika ta’ l-unitajiet lokali (NUTS-1) |
1.2 |
Id-daqs ta' l-intrapriża li għaliha tappartjeni l-unità lokali |
1.3 |
L-attività ekonomika prinċipali ta’ l-unità lokali ( ►M4 NACE Rev. 2 ◄ ) |
1.4 |
Forma ta’ kontroll ekonomiku u finanzjarju |
1.5 |
Ftehim kollettiv dwar il-paga |
1.6 |
Numru totali ta’ impjegati fl-unità lokali (tagħrif mhux obbligatorju) |
1.7 |
Affiljazzjoni ta’ l-unità lokali ma’ grupp ta’ intrapriżi (tagħrif mhux obbligatorju) |
2. Tagħrif fuq il-karatteristiċi individwali ta’ kull impjegat fil-kampjun relatat max-xahar ta’ referenza
2.1 |
Is-Sess |
2.2 |
L-Età |
2.3 |
L-Impieg [ ► ISCO-08 ◄ ] |
2.4 |
Il-pożizzjoni maniġerjali jew ta’ sorveljanza (tagħrif mhux obbligatorju). |
2.5 |
► Il-livell edukattiv miksub (ISCED 2011) ◄ |
2.6 |
It-tul tas-servizz fl-intrapriża |
2.7 |
Ħin tax-xogħol kif miftiehem fil-kuntratt (full-time jew part-time)
|
2.8 |
It-tip tal-kuntratt tax-xogħol |
2.9 |
Iċ-ċittadinanza (tagħrif mhux obbligatoju) |
3. Tagħrif fuq żmien ta' xogħol għal kull impjegat fil-kampjun
3.1 |
Numru ta’ ġimgħat fis-sena ta’ referenza li miegħu relatat il-qligħ gross fis-sena |
3.2 |
Numru ta’ sigħat imħallsa waqt ix-xahar ta’ referenza
|
3.3 |
Ġranet fis sena ta' leave għall-btajjel |
3.4 |
Ġranet oħra fis-sena ta’ assenza mħallsa (tagħrif mhux obbligatorju) |
4. Tagħrif fuq qligħ għal kull impjegat fil-kampjun (ara wkoll il-figura hawn taħt)
4.1 |
Il-qligħ gross annwali fis-sena ta’ referenza
|
4.2 |
Qligħ gross fix-xahar ta’ referenza
|
4.3 |
Medja ta’ qligħ gross fis-siegħa matul ix-xahar ta’ referenza |
5. Fatturi ta’ l-ingrossar
5.1 |
Il-fattur ta’ l-ingrossar għall-unità lokali |
5.2 |
Il-fattur ta’l-ingrossar għall-impjegati |
Jekk iridu, l-Istati Membri jistgħu jirreġistraw tagħrif iktar dettaljat li għandhom x’jaqsmu mal-kategoriji tal-varjabbli 2.8. Jistgħu wkoll jirreġistraw data għall-komponenti tal-varjabbli 3.4 li ġejjin: Ġranet fis-sena ta' sickleave u ġranet fis-sena ta' taħriġ vokazzjonali (jintbaghtu lill-Eurostat biss jekk mitluba)
Qligħ varjabbli tas-SES
ANNESS II
DEFINIZZJONI TAL-VARJABBLI
1. It-tagħrif dwar l-unità lokali li magħha jkunu marbuta l-impjegati fil-kampjuni
Il-kompilazzjoni ta’ l-istatistika strutturali dwar il-qligħ għandha tkun ibbażata fuq l-unitajiet lokali u l-intrapriżi kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 ( 3 )u għandha tipprovdi t-tagħrif dwar l-impjegati fl-intrapriżi ta' 10 ħaddiema jew aktar ikkassifikati skond id-daqs u l-attività prinċipali. Tagħrif dwar impjegati ta’ intrapriżi b’inqas minn għaxar impjegati mhuwiex obbligatorju. L-istatistika għandha tkopri l-attivitajiet iddefiniti fit- ►M4 Taqsimiet B sa N u P sa S ◄ tal-klassifika ġenerali industrijali ta' l-attivitajiet ekonomiċi ġewwa l-Komunitajiet Ewropej (minn issa 'l quddiem in-“ ►M4 NACE Rev. 2 ◄ ”) f’intrapriżi b’ ta’ l-inqas 10 impjegati ( 4 ).
1.1 Il-lokazzjoni ġeografika ta’ l-unitajiet ta’ l-istatistika (NUTS-1)
Ir-reġjun fejn tinsab l-unità lokali għandu jiġi kklassifikat skond in-nomenklatura ta’ l-unitajiet ta’ l-istatistika ((NUTS, livell 1)
Il-kodiċi ta' trażmissjoni ghad-diversi kategoriji NUTS se jiġu ppreżentati f’karta ta’ l-implementazzjoni li tiġi mqassma mill-Eurostat.
1.2 Id-daqs ta' l-intrapriża li għaliha tappartjeni l-unità lokali
Id-daqs ta’ l-intrapriża f’ termini tan-numri ta’ impjegati għandha titqassam f’waħda mill-klassijiet li ġejjin:1-9, 10-49, 50-249, 250-499, 500-999, 1 000 jew iktar impjegati. Il-klassi bid-daqs 1-9 mhix obbligatorja
Il-kodiċi ta' trażmissjoni ghall-klassijiet bid-daqs ikklassifikati hawn fuq se jiġu ppreżentati f’karta ta’ implementazzjoni li għandha titqassam mill-Eurostat.
1.3 L-attività ekonomika prinċipali ta’ l-unità lokali ( ►M4 NACE Rev. 2 ◄ )
L-attività ekonomika ewlenija ta’ l-unità lokali għandha tkun ikkodifikata fil-livell ta’ 2 ċifri ta' ►M4 NACE Rev. 2 ◄ (livell ta’ diviżjoni)
Il-kodiċi ta' trażmissjoni għad-diversi kategoriji NACE se jiġu ppreżentati f’karta ta’ implementazzjoni li għandha titqassam mill-Eurostat.
1.4 Forma ta’ kontroll ekonomiku u finanzjarju ta’ l-intrapriża
Din il-varjabbli tiddistingwi biss bejn il-kategoriji “kontroll pubbiku” u “kontroll privat”. L-ewwel kategorija tirreferi għal kwalunkwe impriża illi l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinfluwenzaw, direttament jew indirettament, b’mod dominanti, minħabba jew li huma s-sidien tagħha, jew li għandhom parteċipazzjoni finanzjarja fiha, inkella minħabba r-regoli li jiggvernawha. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu preżunti li għandhom influwenza (jew kontroll) dominanti meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament:
— għandhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt ta’ l-impriża (> 50 %), jew
— jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ l-ishma maħruġa mill-impriża jew jistgħu jappuntaw iktar min-nofs tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza ta’ l-impriża.
It-tieni kategorija tiġi definita b’mod analogu Proprjetà pubblika u privata bbilanċjata (“kontroll maqsum” 50/50) huwa rari ħafna fil-prattika. Għalhekk każijiet tali mhux ħa jiġu kkodifikati separatament u għandhom, jekk jinqalgħu, jiġu ttrattati daqs li kienu qegħdin taħt “kontroll privat”.
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għaż-zewġ kategoriji tal-varjabbli 1.4 se jiġu ppreżentati f’karta ta’implementazzjoni li għandha titqassam mill-Eurostat.
1.5 Ftehim kollettiv dwar il-paga
Ftehimiet kollettivi dwar il-paga li jkopru l-maġġoranza ta’ l-impjegati fl-unità ta’ l-istatistika jistgħu jaqgħu f’waħda mill-kategoriji mniżżlin hawn taħt. Jekk m'hemmx ftehim kollettiv, dan għandu jiġi indikat ukoll. Il-kategoriji huma kif ġejjin:
— ftehim ta’ livell nazzjonali, jew ftehim interkonfederali, li jkopri impjegati ta’ iktar minn industrija waħda, u normalment iffirmat minn konfederazzjoni ta’ trejdjunjin waħda jew iktar u minn organizzazzjoni waħda jew iktar ta’ min iħaddem;
— ftehim industrijali li jelenka t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impieg għal kull ħaddiem u impjegat, jew il-biċċa l-kbira tagħhom, f’industrija individwali jew f’settur ekonomiku;
— ftehim għal industriji individwali f’reġjuni individwali;
— ftehim fil-livell ta’ intrapriża jew ma’ persuna waħda li tħaddem, liema ftehim ikopri dawk l-impjegati ta’ l-istess persuna, irrispettivament mid-daqs ta’ l-intrapriża Il-ftehim jista’ jkopri biss ċerti unitajiet lokali jew gruppi ta’ impjegati fi ħdan l-intrapriża;
— ftehim li japplika biss għall-impjegati f’unità lokali waħda;
— kull tip ieħor ta’ ftehim mhux imsemmi hawn fuq;
— ma jeżisti ebda ftehim kollettiv dwar il-pagi.
Waħda mill-kategoriji ta’ hawn fuq trid tintghażel (bit-tweġiba “iva”) jekk iktar minn 50 % ta’ l-impjegati fl-unità lokali huma koperti. Diversi kategoriji jistgħu japplikaw simultanjament.
Minflok tistaqsi direttament għat-tip ta’ ftehim kollettiv, l-unità tista’ tiġi mistoqsija dwar liema dispożizzjonijiet kollettivi japplikaw u t-tip ta’ ftehim kollettiv iddeterminat skond it-tweġibiet.
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għall-kategoriji tal-varjabbli 1.5 kklassifikati hawn fuq se jiġu ppreżentati f’karta ta’ implementazzjoni li għandha titqassam mill-Eurostat.
1.6 Numru ta’ impjegati fl-unità lokali (tagħrif mhux obbligatorju)
Din il-varjabbli tirrappreżenta l-għadd tan-numru totali ta’ l-impjegati fix-xahar ta’ referenza (eż. fl-1 jew fil-31 ta’ Ottubru) u tkopri l-impjegati kollha, inklużi l-apprentisti, l-aljevi mħallsa, u l-istudenti.
1.7 Affiljazzjoni ta’ l-unità lokali ma’ grupp ta’ intrapriżi (tagħrif mhux obbligatorju)
Din il-varjabbli hija varjabbli binarja (“iva” / “le”) u tindika jekk unità lokali tappartjenix għal grupp ta’ intrapriżi. Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għaż-żewġ kategoriji huma stipulati mill-Eurostat f'karta ta' implimentazzjoni.
Il-grupp ta’ intrapriżi huwa unità statistika definita fir-Regolament (KEE) Nru 696/93 Il-grupp ta’ intrapriżi għandhom jitqiesu f’ livell dinji. Fil-maġġoranza tal-każi l-unità lokali tappartjeni għal intrapriża li mhix ikkontrollata minn grupp nazzjonali jew barrani. Jekk unitajiet lokali jappartjenu għal grupp ta’ intrapriżi, dan ikun tagħrif ġeneralment magħruf sew. Linja-gwida prattika li tista' tingħata lil min iwieġeb hi jekk il-kontijiet ta' l-intrapriża kkonċernata humiex ikkonsolidati fil-kontijiet tal-grupp ta' intrapriżi tagħha.
2. Tagħrif dwar il-karatteristiċi individwali ta’ kull impjegat fil-kampjun relatat max-xahar ta’ referenza
L-impjegati huma l-persuni kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew it-tul ta’ ħin tax-xogħol tagħhom fil-pajjiż, illi għandhom kuntratt ta’ l-impieg dirett ma’ l-intrapriża jew l-unità lokali (kemm jekk il-ftehim ikun formali u kemm jekk ikun informali) u jirċievu remunerazzjoni, irrespittivament mit-tip ta’ xogħol maħdum, in-numru ta’ sigħat maħduma (full-time jew part-time) u t-tul tal-kuntratt (fiss jew indefinit). Ir-remunerazzjoni ta’ l-impjegati tista’ tieħu l-forma ta’ pagi u salarji inklużi bonusis, ħlas għal xogħol bl-imqieta u bix-xift, benfiċċji, miżati, manċi u gratuities, kummissjonijiet u remunerazzjoni mhux fi flus. L-impjegati li għandhom jiġu inklużi fil-kampjun huma dawk li fil-fatt irċevew ir-remunerazzjoni matul ix-xahar ta’ referenza. L-impjegati li ma rċevewx remunerazzjoni fix-xahar ta’ referenza għandhom jiġu esklużi.
Id-definizzjoni ta’ impjegati tkopri ħaddiema manwali u ħaddiema mhux manwali u personal maneġerjali fis-settur privat u s-settur pubbliku f’attivitajiet ekonomiċi kklassifikati taħt it- ►M4 taqsimiet B sa N u P sa S ◄ ta’ ►M4 NACE Rev. 2 ◄ f’intrapriżi ta’ mill-inqas 10 impjegati (4) .
Il-lista li ġejja tagħti eżempji illustrattivi ta’ kategoriji ta’ impjegati li huma inklużi:
— rappreżentanti tal-bejgħ, sakemm qegħdin fuq il-lista ta’ ħaddiema bil-paga u jirċievu forom oħra ta’ remunerazzjoni flimkien ma’ kwalunkwe kummissjoni;
— sidien li jaħdmu bil-paga;
— apprentisti;
— studenti u aljevi (skrivana apprentisti, studenti infermiera, assistenti ta’ riċerka jew tagħlim, apprentisti ta' l-isptar, eċċ.) li għandhom impenn formali biex jikkontribwixxu għall-proċess ta’ produzzjoni ta’ l-unità u li jingħataw remunerazzjoni bħala kumpens;
— ħaddiema interim u temporanji (eż. staff segretarjali) irrekrutati, impjegati u remunerati minn aġenziji ta' l-impiegi biex jaħdmu x’imkien ieħor, normalment għal żmien temporanju; ( 5 )
— ħaddiema staġonali u okkażjonali, jekk ikollhom ftehim formali jew informali ma’ l-intrapriża jew unità lokali u ħin tax-xogħol predeterminat;
— impjegati li għalihom intefqu spejjeż ta' l-impjieg fil-perjodu ta' referenza iżda li kienu temporanjament mhux fuq il-post tax-xogħol minħabba mard, btala jew vaganza, strajk jew lock-out, leave għal raġunijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, leave tal-maternità jew tal-ġenituri, attività ekonomika mnaqqsa, sospensjoni tax-xogħol minħabba maltemp, waqfien minħabba problemi mekkaniċi, nuqqas ta’ meterjali, karburanti jew kurrent, jew assenza temporanja oħra bil-leave jew mingħajru;
— dawk li jaħdmu barra mill-pajjiż jekk ikomplu jirċievu remunerazzjoni mill-unità tar-rapurtar;
— Impjegat fuq barra ( 6 ), inklużi ħaddiema mid-dar u persuni li jaħdmu permezz tat-telefon jekk hemm ftehim espliċitu li tali ħaddiema jiġu remunerati fuq il-bażi tax-xogħol li jagħmlu: jiġifieri, l-ammont ta’ xogħol li jikkontribwixxi f’xi proċess ta’ produzzjoni.
Il-kategoriji li ġejjin għandom jiġu esklużi:
— rappreżentanti tal-bejgħ u persuni oħra li huma kompletament remunerati b’miżati jew b’kummissjoni, ma jingħatawx paga, jew jaħdmu għal rashom;
— sidien, diretturi jew maniġers li r-remunerazzjoni taghħom ġejja kompletament minn sehem fil-profitti;
— ħaddiema tal-familja li mhumhiex impjegati (kif definit hawn fuq) ta’ l-intrapriża jew ta’ l-unità lokali;
— ħaddiema indipendenti;
— voluntiera mhux imħallsa (eż dawk li tipikament jaħdmu għal istituzzjonijiet li ma jagħmlux profitt bħall-karitajiet).
2.1 Is-Sess
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għaż-żewġ kategoriji huma stipulati mill-Eurostat f'karta ta' implimentazzjoni.
2.2 L-Età
Is-sena tat-twelid biss trid titniżżel hawnhekk. L-età mbagħad trid tiġi kkalkulata bħala d-differenza bejn is-sena ta’ referenza ta’ l-istħarriġ u s-sena tat-twelid.
2.3 L-impieg fis-sena ta’ referenza [ ► ISCO-08 ◄ ]
L-impieg għandu jiġi kkodifikat skond l-Istandard Internazzjonali tal-Klassifikazzjoni ta’ l-Impiegi, 1988 verżjoni [ ► ISCO-08 ◄ ] fil-livell ta’ żewġ ċifri u, jekk possibbli, fil-livell ta’ tliet ċifri. It-tagħrif essenzjali meħtieġ biex jiġi ddeterminat l-impieg huwa normalment it-titlu tax-xogħol ta’ l-impjegat u deskrizzjoni tal-ħidmiet ewlenin meħuda matul il-qadi ta’ dmirijietu.
Aljevi jew studenti b’kuntratt ta’ mpieg u apprentisti huma kklassifikati fl-impieg li jirrikjedi dan l-apprentistat jew żmien ta' taħriġ. Formen huma kklassifikati wkoll fl-impieg li jissorveljaw.
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għall-kategoriji tal-varjabbli 2.3 huma stipulati mill-Eurostat f'karta ta' implimentazzjoni.
2.4 Pożizzjoni maniġerjali jew ta' sorveljanza (tagħrif mhux obbligatorju).
Din il-varjabbli binarja (kategoriji “iva” / “le”) tindika jekk impjegat għandux xi tip ta’ funzjoni maniġerjali jew ta’ sorveljanza Il-kelma “maniġerjali” mhix identika għal “sorveljanza” għax xi maniġers ma jissorveljawx impjegati oħra. Barra minn hekk, impjegati illi għandhom pożizzjoni “ta’ sorveljanza” ma jappartjenux esklussivament f’ ► ISCO-08 ◄ , il-grupp maġġuri 1 (leġiżlaturi, uffiċjali għolja u maniġers). Ħafna impjegati kkodifikati fil-grupp 2 (professjonisti) u l-grupp 3 (tekniċi u professjonisti assoċċjati) jista' jkollhom responsabbilitajiet ta' sorveljanza. Pożizzjoni ta’ sorveljanza tista’ tinħoloq f’kwalunkwe wieħed mill-gruppi ta’ ► ISCO-08 ◄ , inklużi l-ħaddiema ta’ l-idejn.
Il-funzjonijiet maniġerjali huma relatati ma’ l-iddeterminar, il-formulazzjoni, l-implimentazzjoni, id-direzzjoni jew is-suġġeriment tal-politika u l-attivitajiet ta’ intrapriżi u istituzzjonijiet. Spiss jinkludu responsabbilitajiet ta’ sorveljanza.
Persuna hija kkunsidrata li għandha pożizzjoni ta’ sorveljanza meta tissorvelja x-xogħol ta’ mill-inqas persuna waħda (li ma tkunx apprentista) Tipikament tali persuna jista’ jkollha titlu jew deskrizzjoni tax-xogħol ta’ “formen” jew “kontrollur” flimkien ma' l-isem ta’ l-impieg.
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għaż-żewġ kategoriji huma stipulati mill-Eurostat f'karta ta' implimentazzjoni.
2.5 ► Il-livell edukattiv miksub (ISCED 2011)
Dan il-varjabbli jikkonċerna l-ogħla livell ta’ edukazzjoni li nkiseb b’suċċess, li l-impjegat ingħata skont il-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni, il-verżjoni tal-2011 (ISCED 2011). L-espressjoni “livell miksub b’suċċess” għandu jiġi assoċjat mal-kisba ta’ ċertifikat jew diploma, fejn hemm ċertifikazzjoni. F’każijiet fejn m’hemmx ċertifikazzjoni, kisba b’suċċess għandha tkun assoċjata ma’ attendenza sħiħa.
Il-gruppi ta’ kodiċijiet li jridu jintużaw huma definiti fl-Arranġamenti ta’ Implimentazzjoni tal-istħarriġ SES: ◄
Edukazzjoni ta’ qabel il-primarja u edukazzjoni primarja jew l-ewwel stadju ta’ edukazzjoni bażika
Il-programmi f’dan il-livell huma normalment imfassla fuq il-bażi ta' l-unità jew ta' proġett sabiex jagħtu lit-tfal edukazzjoni bażika soda fil-qari, il-kitba u l-matematika flimkien ma' kapaċità elementari li jifhmu suġġetti oħra bħall-istorja, il-ġjografija, ix-xjenza naturali, ix-xjenza soċjali, l-arti u l-mużika. Dan il-livell is-soltu jkopri sitt snin ta' skola full-time.
Livell baxx ta’ l-edukazzjoni sekondarja jew it-tieni stadju ta’ edukazzjoni bażika
Il-programmi f'dan il-livell is-soltu jsegwu mudell aktar orjentat lejn is-suġġetti billi jiġu użati għalliema iktar speċjalizzati u spiss numru ta' għalliema li jmexxu l-klassijiet fil-qasam ta' l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom. L-implementazzjoni sħiħa tal-ħiliet bażiċi tiġri f'dan il-livell.
Edukazzjoni sekondarja ogħla u post-sekondarja mhux terzjarja
Il-programmi ta' l-edukazzjoni inklużi fil-livell sekondarju ogħla (ISCED 3) tipikament jeħtieġu t-twettiq ta' xi 9 snin ta' edukazzjoni full-time sa mill-bidu tal-livell ISCED 1 jew il-kumbinazzjoni ta' l-edukazzjoni ma' esperjenza vokazzjonali teknika.
Edukazzjoni post-sekondarja mhux terzjarja (ISCED 4) tinkludi programmi li jinsabu kemm fuq in-naħa l-waħda u kemm fuq in-naħa l-oħra tal-konfini bejn l-edukazzjoni sekondarja ogħla u dik post-sekondarja mill-aspett internazzjonali, għalkemm jistgħu jitqiesu b'mod ċar bħala programmi sekondarji ogħla jew post-sekondarji fil-kuntest nazzjonali. Mill-aspett tal-kontenut tagħhom, dawn il-programmi ma jistgħux jitqiesu bħala programmi terzjarji Spiss ma jkunux sinjifikament aktar avvanzati mill-programmi fil-livell ISCED 3 iżda jservu sabiex iwessgħu l-għerf tal-parteċipanti li kienu diġà wettqu programm fil-livell ISCED 3. Eżempji tipiċi huma l-programmi mfassla sabiex iħejju lill-istudenti għall-istudji tal-livell ISCED 5 li, għalkemm ikunu wettqu l-livell ISCED 3, ma jkunux segwew kurrikulu li jippermetti dħul għal-livell 5, jiġifieri korsijiet ta’ fundazzjoni ta' qabel il-korsijiet għal grad universitarju jew programmi qosra vokazzjonali. Jistgħu jiġu inklużi wkoll programmi tat-tieni ċiklu.
L-ewwel stadju ta’ l-edukazzjoni terzjarja (li ma jwassalx għal kwalifika avvanzata ta’ riċerka) - Teknika
Bil-kontra ta’ 5A dawn il-programmi huma orjentati lejn il-prattika/speċifiċi għall-impieg, u fil-biċċa l-kbira huma mfassla biex parteċipanti jakkwistaw il-ħiliet prattiċi u l-għerf tas-sengħa meħtieġa għall-impieg f'xogħol jew sengħa jew fi klassi ta' xogħlijiet jew snajja' partikolari, li wara li jkunu ntemmu b'suċċess is-soltu jipprovdu lill-pareteċipanti bi kwalifika rilevanti orjentata lejn is-suq tax-xogħol.
L-ewwel stadju ta’ l-edukazzjoni terzjarja (li ma jwassalx għal kwalifika avvanzata ta’ riċerka) - Ġenerali
Dan il-livell jikkonsisti fi programmi terzjarji li jkun fihom kontenut ta' edukazzjoni aktar avvanzat minn dawk offruti fil-livelli ISCED 3 u 4. Id-dħul f'dawn il-programmi normalment ikun jeħtieġ it-twettiq b'suċċess tal-livelli ISCED 3 jew kwalifika simili fil-livell ISCED 4. Dawn ma jwasslux għall-għoti ta' kwalifika ta' riċerka avvanzata. Dawn il-programmi jrid ikollhom tul kumulattiv taż-żmien ta' mill-inqas sentejn. Il-programmi tal-livell 5A huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq it-teorija u huma maħsuba li jipprovdu biżżejjed kwalifiki sabiex jiksbu d-dħul fi programmi ta' riċerka avvanzata u l-professjonijiet bi ħtiġiet għolja tal-kapaċitajiet.
It-tieni stadju ta’ l-edukazzjoni terzjarja (li jwassal għal kwalifika avvanzata ta’ riċerka)
Dan il-livell huwa riżervat għall-programmi terzjarji li jwasslu għall-għoti ta' kwalifika fir-riċerka avvanzata. Il-programmi huma għalhekk iddedikati għall-istudju avvanzat u r-riċerka oriġinali u mhumiex ibbażati fuq ix-xogħol tal-korsijiet biss. Dawn tipikament ikunu jeħtieġu l-preżentazzjoni ta' teżi jew dissertazzjoni tal-kwalità li tista’ tiġi ppubblikata u li hi prodott ta' riċerka oriġinali u tirrappreżenta kontribut sinjifikanti għall-għerf.
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għall-kategoriji tal-varjabbli 2.5 elenkati hawn fuq huma stipulati mill-Eurostat f’karta ta’ implimentazzjoni.
2.6 It-tul ta’ servizz fl-intrapriża
It-tul totali tas-servizz fis-sena ta’ referenza għandu jkun ibbażat fuq in-numru mwettaq ta’ snin ta’ servizz. Kwalunkwe żmien matul ix-xahar ta' referenza huwa biżżejjed bħala data (eż l-1 jew il-31 ta' Ottubru) It-tul totali tas-servizz jirreferi għall-perjodu minn meta l-impjegat ingħaqad ma' l-intrapriża, anke jekk dan sar ma' unità lokali oħra. Waqfien temporanji mill-karriera ma jitnaqqsux. Fejn intrapriżi ngħaqdu jew kien hemm bdil ta’ sidien, it-tul tas-servizz għandu jitniżżel bħala magħdud mill-intrapriża.
Meded tad-daqs għall-varjabbli 2.6 u l-kodiċi tat-trażmissjoni għall-meded huma stipulati mill-Eurostat f’karta ta’ implimentazzjoni.
2.7 Ħin tax-xogħol kif miftiehem fil-kuntratt (full-time jew part-time)
L-impjegati full-time huma dawk li s-sigħat tax-xogħol normali tagħhom huma l-istess bħal dawk miftiehma kollettivament jew is-sigħat maħduma s-soltu fl-unità lokali li tkun qed tiġi kkunsidrata, saħansitra jekk il-kuntratt tagħhom ikun ta' inqas minn sena. L-impjegati part-time huma dawk li jaħdmu inqas sigħat mis-sigħat tax-xogħol normali ta’ l-impjegati full-time.
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għaż-żewġ kategoriji tal-varjabbli 2.7 jinsabu f’karta ta’ implimentazzjoni maħruġa mill-Eurostat.
2.7.1
Għal impjegat full-time, dan is-sehem huwa dejjem ta’ 100 %. Għal impjegat part-time, is-sigħat ikkuntrattati maħduma għandhom jitniżżlu bħala persentaġġ tan-numru ta' sigħat normali maħduma minn impjegat full-time fl-unità lokali (f'xogħol ekwivalenti għal dak ta’ l-impjegat part-time).
2.8 It-tip tal-kuntratt tax-xogħol
Huwa mitlub it-tagħrif li ġej dwar it-tip tal-kuntratt tax-xogħol:
— it-tul indefinit taż-żmien;
— żmien temporanju/fiss (ħlief apprentisti, inklużi nies li jkunu qed jitħarrġu jew studenti li jirċievu remunerazzjoni);
— apprentist.
Kuntratt ta' impieg għal żmien indefinit huwa kuntratt bejn min jaħdem u min iħaddem li t-tul taż-żmien reali tiegħu ma jkunx ġie miftiehem bil-quddiem.
Kuntratt ta' impieg huwa meqjus bħala temporanju jew għal tul fiss taż-żmien jekk il-ħsieb ta' min iħaddem u ta' l-impjegat kien li t-tul taż-żmien tal-kuntratt stabbilit minn ċerti kundizzjonijiet bħal skeda definita taż-żmien għat-tlestija tax-xogħol, it-tlestija ta' ċertu xogħol jew ir-ritorn lejn ix-xogħol ta' impjegat ieħor li kien attwalment mibdul. Nies li jitħarrġu u studenti li huma mħallsa ta' xogħlhom jaqgħu taħt din il-kategorija.
Il-kuntratti ta' l-apprentistat huma kuntratti speċifiċi tat-tul fiss taż-żmien imfassla bejn min iħaddem u l-apprentist. L-għan tal-kuntratt huwa li jgħin lill-apprentist jikseb esperjenza prattika f'qasam speċifiku.
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għat-tliet kategoriji tal-varjabbli 2.8 jinsabu f’karta ta’ implimentazzjoni maħruġa mill-Eurostat.
2.9 Iċ-ċittadinanza (tagħrif mhux obbligatorju):
Iċ-ċittadinanza hija definita bħala n-nazzjonalità legali ta' kull persuna, u ċ-ċittadin huwa persuna ta' nazzjonalità legali mit-twelid jew permezz ta’ naturalizzazzjoni, sewwa jekk b'dikjarazzjoni, bl-għażla, biż-żwieġ jew b'mezzi oħra.
Trid tingħażel waħda minn dawn li ġejjin:
— resident biċ-ċittadinanza;
— resident b’ ċittadinanza barranija;
— persuna minn pajjiż ieħor li jivvjaġġa regolarment.
Il-kodiċi ta’ trażmissjoni għat-tliet kategoriji tal-varjabbli 2.9 huma stipulati mill-Eurostat f’karta ta’ implimentazzjoni.
3. Tagħrif fuq żmien ta' xogħol għal kull impjegat fil-kampjun
Il-varjabbli li ġejjin li għandhom x’jaqsmu mal-ħin jintużaw għall-kalkolu tan-numru ta’ sigħat imħallsa. Dawn ta' l-aħħar jiġu mfissra hekk:
— is-sigħat normali u s-sigħat bis-sahra, imħallsa matul iż-żmien ta’ referenza;
— kull siegħa li għaliha l-impjegat tħallas b'rata mnaqqsa, saħansitra jekk id-differenza tħallset minn ħlas mill-fondi tas-sigurtà soċjali;
— sigħat mhux maħduma waqt iż-żmien ta’ referenza iżda imħallsa xorta waħda (btajjel/vaganzi ta’ kull sena, nuqqas minħabba mard, btajjel pubbliċi u sigħat oħra mħallsa, inklużi ħin frank għal eżamijiet mediċi, twelid, tiġijiet, funerali, ġarr, eċċ.).
3.1 In-numru tal-ġimgħat li l-qligħ gross fis-sena għandu x'jaqsam miegħu:
Il-varjabbli 3.1 tirreferi għall-ħin tax-xogħol ta’ l-impjegat effettivament imħallas matul is-sena u għandha tikkorrispondi mad-dħul gross fis-sena effettiv (varjabbli 4.1). Din se tintuża’ għall-ingrossar tad-dħul gross effettiv fis-sena u l-bonuses fis-sena u l-benefiċċji fejn l-impjegat ilu jaħdem għal inqas minn sena sħiħa, jiġifieri inqas minn 52 ġimgħa.
Impjegati part-time għandhom jiġu ttrattati bħall-impjegati full-time, irrispettivament mis-sigħat maħduma. Jekk impjegat part-time tħallas għal sena sħiħa, niżżel “52” ġimgħa. Jekk impjegat part-time tħallas għal sitt xhur, niżżel “26” ġimgħa.
3.2 Numru ta’ sigħat effettivament imħallsa matul ix-xahar ta’ referenza.
Dak li hu meħtieġ hawnhekk huwa n-numru ta’ sigħat effettivament imħallsa matul ix-xahar ta’ referenza, mhux in-numru ta' sigħat f’ xahar normali tax-xogħol. Sigħat effettivament imħallsa jinkludu kull siegħa normali u ta’ sahra maħduma u remunerata minn min iħaddem matul ix-xahar. Sigħat mhux maħduma imma imħallsa xorta waħda jgħoddu bħala “sigħat imħallsa” (eż. għal-leave fis-sena, btajjel pubbliċi, sickleave imħallas, taħriġ vokazzjonali imħallas, leave speċjali mħallas eċċ.)
Il-varjabbli 3.2 għandha tkun konsistenti mal-qligħ gross għax-xahar ta’ referenza (il-varjabbli 4.2) Dan jimplika li s-sigħat imħallsa minn min iħaddem f’rata mnaqqsa għaż-żmien ta' assenza ma jingħaddux.
Jekk is-sigħat tax-xogħol ta’ l-impjegat huma affettwati minn assenzi mhux imħallsa, dawn għandhom jiġu rranġati biex jispiċċaw bis-sigħat imħallsa għal xahar sħiħ. Jekk, per eżempju, it-tagħrif disponibbli juri li impjegat kellu 20 % tax-xahar ta’ referenza bħala assenza mhux imħallsa, il-varjabbli 3.2 tiġi mmultiplikata bil-fattur korrettiv 1.25.
3.2.1
Is-sigħat tas-sahra jinkludu dawk maħduma apparti dawk ta' xahar tax-xogħol normali jew tas-soltu. Jekk, per eżempju, erbgħa sigħat jiġu mħallsa bir-rata ta' 1.5 drabi r-rata normali, niżżel 4, u mhux 6. Għandhom jiġu inklużi dawk is-sigħat biss tas-sahra li jikkorrispondu mal-ħlas tas-sahra u rreġistrati fl-4.2.1. Għalhekk, il-varjabbli 3.2.1 għandha tkun konsistenti mal-qligħ mis-sahra fix-xahar ta’ referenza (il-varjabbli 4.2.1). It-time off in lieu għaż-żmien tax-xogħol mhux imħallas u għall-ħin ta' l-ivvjaġġar mhumiex meqjusa bħala sahra.
Il-proċedura ta’ aġġustament applikata għall-varjabbli 3.2 timplika li l-procedura ta’ l-ingrossar tikkonċerna wkoll il-varjabbli 3.2.1, li hija komponent tat-3.2. Jekk, per eżempju, huwa magħruf li impjegat kellu 20 % tax-xahar ta’ referenza bħala assenza mhux imħallsa, il-varjabbli 3.2.1 tiġi mmultiplikata bil-fattur korrettiv 1.25.
3.3 Ġranet fis-sena ta’ leave għall-btajjel
Din tirreferi għan-numru totali ta’ btajjel fis-sena mħallsa, esklużi is-sickleave u btajjel pubbliċi, espressi fi ġranet. Dan għandu x'jaqsam mat-total fis-sena tal-ġranet mħallsa tal-leave normali, li jinkludu dawk mogħtija lill-impjegat għar-raġuni ta' l-età, l-eżekuzzjoni ta' dmirijiet speċjali, l-anzjanità eċċ.
Huwa fatt magħruf li ħafna minn dawk li jħaddmu mhumiex kapaċi jgħidu bl-eżatt in-numru ta’ btajjel li l-impjegat effettivament ħa matul is-sena. Għal dir-raġuni il-varjabbli 3.3 tirreferi għan-numru ta' btajjel fis-sena intitolati lill-impjegat, li jaġixxi ta’ prokura għall-btajjel fis-sena effettivament meħuda.
Dawn li ġejjin mhumhiex meqjusa bħala btajjel:
— sickleave,
— leave għat-taħriġ,
— leave speċjali mħallas mogħti għal raġunijiet personali,
— time off in lieu addizzjonali mogħti taħt ftehim ta' tnaqqis tal-ħin tax-xogħol.
Għal raġunijiet ta' tqabbil, kull ġimgħa ta’ btala tfisser ħamest ijiem. Sibtijiet u Ħdud m’għandhomx ikunu nklużi. Per eżempju, jekk impjegat full-time huwa normalment intitolat għal ħames ġimgħat btajjel fis-sena, dan ifisser 25 ġurnata.
Bil-kontra, l-intitolament għal ħames ġimgħat btajjel għal ħaddiem part-time li jaħdem 60 % tas-sigħat normali ta’ ħaddiem full-time (varjabbli 2.7.1) jirrappreżenta intitolament għal 15-il ġurnata “sħiħa” ta' leave biss.
3.4 Ġranet oħra fis-sena ta’ assenza imħallsa (mhux obbligatoru)
Din il-varjabbli hija wkoll imniżżla fi ġranet. Din tinkludi per eżempju:
— in-numru totali ta' sickleave imħallas effetivament meħud matul is-sena;
— leave speċjali mħallas mogħti għal raġunijiet personali;
— btajjel pubbliċi.
Teskludi ġranet imħallsa li huma ttrattati bħala ekwivalenti għal ġranet effettivament maħduma, bħalma huma ġranet fis-sena mħallsa li l-impjegat għadda f’taħriġ vokazzjonali.
4. Tagħrif fuq qligħ għal kull impjegat fil-kampjun
L-impjegati li jridu jiġu inklużi fil-varjabbli li ġejjin dwar qligħ fis-sena, fix-xahar jew fis-siegħa huma dawk li effettivament irċevew remunerazzjoni waqt ix-xahar ta’ referenza. Impjegati li ma rċevewx remunerazzjoni fix-xahar ta’ referenza għandhom jiġu esklużi.
Barra minn hekk, jekk il-qligħ gross ta’ l-impjegat fix-xahar ta' referenza (il-varjabbli 4.2) huwa affettwat minn assenza mhux imħallsa (minħabba mard, maternità, leave għal studju eċċ.) u ma jistax jitranġa b'mod adegwat biex tiġi pprovduta stima tal-qligħ ta’ l-impjegat għal xahar sħiħ, dak l-impjegat għandu jiġi eskluż.
Il-fattur ta’ l-ingrossar għall-impjegati (varjabbli 5.2) għandu jkollu x’jaqsam strettament ma’ dawk l-impjegati fil-kampjun li għalihom jistgħu jiġu pprovduti stimi mibnija fis-sod tal-qligħ gross fix-xahar tagħhom.
4.1 Il-qligħ gross annwali fis-sena ta’ referenza.
Il-qligħ gross fis-sena jkopri remunerazzjoni f’kontanti jew mhux fi flus imħallsa matul is-sena ta’ referenza qabel kwalunkwe deduzzjoni tat-taxxa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jitħallsu minn min jaqla’ l-paga u li jinżammu minn min iħaddem.
Id-differenza ewlenija bejn dħul fis-sena u fix-xahar hi li l-qligħ fis-sena m’huwiex biss is-somma tar-remunerazzjoni diretta, bonuses u benefiċċji mħallsa lill-impjegat f’kull żmien ta’ ħlas. Dħul fis-sena, għalhekk, is-soltu jaqbeż iċ-ċifra prodotta mill-immultiplikar tal-“pakkett standard ta’ xahar” għal 12.
Il-“pakkett standard ta’ xahar” jinkludi dawk il-bonuses u benefiċċji li jsiru f’kull żmien ta’ ħlas, saħansitra jekk l-ammont għal dawn il-bonuses “regolari” u benefiċċji jvarjaw, imma jeskludi bonuses u benefiċċji li ma jingħatawx f'kull żmien ta' ħlas. Barra minn hekk, qligħ ta' xahar iħallu barra l-ħlas mhux fi flus. Madankollu, il-qligħ fis-sena jkopri wkoll kull “ħlas mhux standard”, jiġifieri ħlas li ma jsirx f’kull żmien ta’ ħlas (varjabbli 4.1.1), u ħlas mhux fi flus (il-varjabbli 4.1.2).
Id-data fil-varjabbli 4.1 għandha tiġi pprovduta għall-impjegati kollha li l-qligħ gross fix-xahar tagħhom (il-varjabbli 4.2) jista’ jingħatha, jiġifieri il-varjabbli 4.1 m’għandhiex tiġi pprovduta għall-impjegati li m’hijiex vijabbli li tingħata stima tal-qligħ gross fix-xahar tagħhom. Dawn l-impjegati jiġu esklużi mill-kampjun.
Ma jimpurtax jekk il-qligħ ta’ l-impjegat ma jkunx dejjem relatat ma’ sena sħiħa. Xi impjegati jkollhom żmien ta’ assenza mhux imħallsa, jew ikunu ngħaqdu ma’ l-intrapriża jew telquha matul is-sena. Jinħtieġ il-qligħ gross effettiv fis-sena ta' referenza. Meta l-varjabbli 3.1 (numru ta’ ġimgħat li l-qligħ gross fis-sena għandu x’jaqsam miegħu) huwa inqas minn 52 ġimgħa, il-varjabbli 3.1 tintuża’ biex tiggrossja il-varjabbli 4.1 u l-komponenti tagħha.
4.1.1
Din il-varjabbli tkopri elementi li ma jiġrux f’kull żmien ta’ ħlas, bħalma huma:
— il-paga tat-13 jew l-14-il xahar;
— bonuses tal-btajjel;
— bonuses tal-kumpanija ta’ kull sena jew kwart ta’ sena;
— bonuses tal-produttività li jiddependu fuq miri pre-stabbiliti, premjijiet ta’ rikonoxximent lill-impjegati, inċentivi ghar-rekrutaġġ;
— bonuses għal min jitlaq jew jirtira;
— arretrati.
4.1.2
Din il-varjabbli tirreferi għal stima tal-valur ta' l-oġġetti u s-servizzi kollha għad-dispożizzjoni ta' l-impjegat permezz ta’ l-intrapriża jew unità lokali matul is-sena ta’ referenza. Din tinkludi prodotti tal-kumpanija, dar ghall-istaff, karozzi tal-kumpanija, opzjonijiet għax-xiri ta’ stock u skemi ta’ xiri ta’ ishma. Jekk hemm tagħrif disponibbli minn tassazzjoni fuq id-dħul personali fuq pagi u salarji in natura, dan jista’ jintuża bħala pokura.
Meta l-varjabbli 3.1 hi ta’ inqas minn 52 ġimgħa, tirranġax il-varjabbli 4.1.2.
4.2 Qligħ gross għax-xahar ta’ referenza
Din il-varjabbli tkopri remunerazzjoni f’kontanti imħallsa matul is-sena ta’ referenza qabel kwalunkwe deduzzjoni tat-taxxa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jitħallsu minn min jaqla’ l-paga u li jinżammu minn min iħaddem. Il-varjabbli 4.2 għandha tkun konsistenti mal-qligħ gross għax-xahar ta’ referenza (varjabbli 3.2).
L-elementi li ġejjin huma nklużi:
— il-ħlasijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma' dan iż-żmien (saħansitra jekk ma jiġux effettivament imħallsa fix-xahar rappreżentattiv) inkluż kull ħlas għas-sahra, primjum ta' shift, bonus, kommissjoni, eċċ,
— ħlasijiet għas-sahra, benefiċċji għal xogħol tat-tim, xogħol ta' bil-lejl, xogħol ta' tmiem il-ġimgħa, kummissjonijiet eċċ.,
— bonuses u benefiċċji imħallsa regolarment f'kull żmien ta' ħlas, saħansitra jekk l-ammont ivarja minn xahar għall-ieħor,
— ħlasijiet għall-żminijiet ta' assenza u ta' waqfien mix-xogħol imħallsa għal kollox minn min iħaddem,
— benefiċċji għall-familja u ħlasijiet għal servizzi oħra mogħtija f’ kontanti ffissati b'xi ftehim kollettiv jew miftiehma b'mod volontarju,
— ħlas għall-iskema tat-tfaddil tal-flus ta' l-impjegati,
Dawn li ġejjin huma esklużi:
— ħlasijiet imħallsa matul dan iż-żmien iżda li jkollhom x'jaqsmu ma' żminijiet oħra, bħalma huma arretrati, avvanzi, jew ħlas għal assenzi minħabba btala jew mard mhux f’dan iż-żmien;
— bonuses perjodiċi u ħlasijiet għal servizzi mogħtija mhux imħallsa b'mod regolari f'kull data ta' ħlas;
— ħlasijiet għal żminijiet ta' assenza mħallsa b'rata mnaqqsa minn min iħaddem;
— benefiċċji statutorji għall-familja;
— benefiċċji għall-ilbies jew għall-għodda tax-xogħol;
— ir-rimborsi jew il-ħlas ta' spejjeż magħmula għall-ivvjaġġar, għall-għixien eċċ., magħmula fit-twettiq tan-negozju ta' min iħaddem;
— ħlas mhux fi flus.
Fejn il-qligħ gross fix-xahar huma affettwati minn assenza bla ħlas (minħabba mard, maternità jew leave għal studju eċċ. jew sepliċiment għax l-impjegat ingħaqad jew telaq l-intrapriża matul ix-xahar ta’ referenza), tali qligħ għandu jiġi rranġat biex jipprovdu stima tal-qligħ ta’ l-impjegat għal xahar sħiħ. Fejn mhux vijabbli li jitranġa il-qligħ fix-xahar ta’ l-impjegat sabiex il-figura fl-istima taqbel mal-qligħ ta' xahar sħiħ, l-impjegat għandu jiġi eskluż mill-kampjun.
4.2.1
L-ammont tal-qligh għas-sahra mħallas għas-sigħat tas-sahra. Għandha tingħadd ir-rata sħiħa, u mhux biss l-element tal-primjum miżjud mar-rata normali fis-siegħa. Il-varjabbli 4.2.1 għandha tkun konsistenti mal-varjabbli 3.2.1 (numru ta’ sigħat ta’ sahra imħallsa fix-xahar ta’ referenza).
4.2.2
Dan għandu x'jaqsam mal-ħlasijiet ta' primjum speċjali għax-xogħol bix-shift, xogħol ta' bil-lejl jew xogħol li jsir fi tmiem il-ġimgħa fejn dawn ma jiġux meqjusa bħala sahra. L-ammont li jrid jiġi inkluż huwa l-element tal-primjum jew ħlas supplimentari, mhux il-ħlas totali għax-xogħol bix-xift.
4.2.3
Din il-varjabbli tirreferi għall-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji u tat-taxxi mħallsa minn min iħaddem f’isem l-impjegat lill-awtoritajiet tal-gvern matul ix-xahar ta’ referenza. Dan it-tagħrif huwa mitlub biex jittieħed il-qligħ nett fix-xahar għal kull impjegat (ara l-figura “Varjabbli dwar il-qligħ” fl-aħħar ta’ l-Anness I).
Jekk il-qligħ fix-xahar ta’ l-impjegat huwa affettwat minn assenzi mhux imħallsa, il-varjabbli 4.2.3 (flimkien mal-komponenti interni 4.2.3.1 u 4.2.3.2) għandhom jitranġaw biex jittieħed it-tnaqqis stmat għal xahar sħiħ.
4.2.3.1
Dan jirreferi għall-ammont tal-kontribuzzjoni ta' l-impjegat għas-sigurtà soċjali stabbilita bil-liġi jew b'xi ftehim kollettiv u miżmuma minn min iħaddem.
4.2.3.2
Dan jirreferi għall-ammont tat-taxxi kollha fuq il-qligħ ta’ l-impjegat u miżmum minn min iħaddem għax-xahar ta’ referenza u mħallas minn min iħaddem lill-awtoritajiet tat-taxxa f'isem l-impjegati.
4.3 Medja tal-qligħ gross fis-siegħa fix-xahar ta’ referenza
Il-figura meħtieġa hija dik tal-medja tal-qligħ gross fis-siegħa mħallsa lill-impjegat fix-xahar ta’ referenza. Din il-figura għandha tkun konsistenti mal-medja ta’ qligħ gross fis-siegħa li ġejja minn qligħ gross ghax-xahar ta’ referenza (varjabbli 4.2) diviż bin-numru ta’ sigħat imħallsa matul l-istess żmien (varjabbli 3.2).
5. Fatturi ta' l-ingrossar
Il-ġbir tad-data għall-istħarriġ dwar l-istruttura tal-qligħ is-soltu tkun magħmula minn skema ta’ ġabra ta’ kampjuni f’żewġ stadji. F’ dan il-każ, il-popolazzjoni totali ta’ l-unitajiet lokali l-ewwel tiġi diviża f’ subpopolazzjonijiet li ma joverlappjawx lil xulxin (strata) u kampjun ta’ l-unitajiet lokali jinġabar minn kull stratum. Imbagħad, jinħareg kampjun ta’ impjegati minn kull unità lokali.
Il-fattur ta’ l-ingrossar 5.1 jinħtieġ biex jinħarġu l-konklużjonijiet mid-data miġbura fuq l-unitajiet lokali fil-kampjun għall-popolazzjoni ta’ l-unitajiet lokali kollha fl-istratum ikkonċernat. Bl-istess mod, permezz tal-fattur ta’ l-ingrossar 5.2 jistgħu jinħarġu konklużjonijiet mid-data fuq l-impjegati fil-kampjun għall-popolazzjoni ta' l-impjegati kollha fl-istess stratum.
In ġenere, kull darba li tittieħed deċiżjoni li l-mikro-data għal negozju individwali jew impjegat individwali għandha tineħħa (għal liema raġuni tkun) jew mhix disponibbli, il-fattur ta’ l-ingrossar għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid b’metodi addattati bħall-kalibrazzjoni, biex jitranġa l-użin inizjali ta’ l-unitajiet lokali u ta’ l-impjegati rispettivament.
5.1 Il-fattur ta' l-ingrossar għall-unità lokali:
Il-fattur ta’ l-ingrossar 5.1 għal kull unità lokali tiġi kkalkulata f’kull stratum fil-kampjun. Din tagħti ħjiel tan-numru ta’ unitajiet lokali fl-istratum irrappreżentati minn kull unità lokali fil-kampjun. Għalhekk il-varjabbli 5.1 huwa (għall-inqas qabel ma jiġi applikat il-metodu ta’ l-użin mill-ġdid ta’ l-unitajiet lokali) il-fattur illi bih irid jiġi mmultipplikat in-numru ta’ unitajiet lokali fil-kampjun biex tasal għall-istimi tal-popolazzjoni ta’ l-unitajiet lokali kollha fl-istratum ikkonċernat.
Kull meta tittieħed deċiżjoni li unità lokali għandha titneħħa mill-kampjun (minħabba li ma kienx hemm tweġiba, żball fil-kopertura, post-stratifikazzjoni eċċ.), il-fattur ta’ l-ingrossar 5.1 irid jiġi kkalkulat mill-ġdid biex jingħaddu l-unitajiet lokali esklużi.
5.2 Il-fattur ta' l-ingrossar għall-impjegati:
Il-fattur ta’ l-ingrossar għall-impjegati jiġi ikkalkulat għal kull unità lokali fil-kampjun. Il-varjabbli 5.2 huwa (għall-inqas qabel ma jiġi applikat il-metodu ta’ l-użin mill-ġdid ta’ l-impjegati) il-fattur illi bih irid jiġi mmultiplikat in-numru ta’ l-impjegati fil-kampjun biex tasal għall-istimi tal-popolazzjoni għall-istratum ikkonċernat.
Huwa essenzjali għan-numru ta’ impjegati fil-kampjun miġbura mill-unità lokali li jkun daqs in-numru ta’ impjegati li rċevew remunerazzjoni ta’ xahar sħiħ fix-xahar ta’ referenza. Fejn jinħtieġ li jiġu esklużi xi wħud mill-impjegati fil-kampjun li kellhom żmien (żminijiet) ta’ assenza bla ħlas fix-xahar ta’ referenza, il-fattur ta’ l-ingrossar 5.2 mogħti għandu jiġi kkalkolat mill-ġdid biex jingħaddu l-impjegati esklużi.
ANNESS III
IT-TRAŻMISSJONI TAR-RIŻULTATI
Id-data individwali li għandha x'taqsam ma' kull unità lokali u kull impjegat, għandha tiġi pprovduta bħala żewġ tipi ta' reġistri tal-mikro-data:
A |
: |
reġistri dwar l-unitajiet lokali; |
B |
: |
reġistri dwar l-impjegati. |
Ir-reġistri dwar l-impjegat għandhom ikunu mehmuża mar-reġistri ta' l-unità lokali permezz ta' muftieħ li ma jiżvelax l-identità tan-negozju. Dan jista' jkun numru artifiċjali jew muftieħ eżistenti, basta l-istess muftieħ jintuża kemm għall-unità lokali kemm għar-reġistri ta’ l-impjegat. Barra minn hekk, għall-identifkazzjoni faċli ta’ impjegat, kull impjegat għandu jiġi pprovdut b’ muftieħ li ma jidentifikax lil dak li jkun.
Varjabbli
L-elementi kollha fir-reġistri A u B għandhom jimtlew sa l-aħħar. Għandhom jiddaħħlu l-elementi individwali kollha, inklużi l-varjabbli mhux obbligatorji (ara hawn taħt) Tagħrif li jitħalla “vojt” mhux aċċettabbli.
Varjabbli Obbligatorji
Għandu jiġu mogħti tagħrif sħiħ għal kull varjabbli obbligatorja fir-reġistri tal-mikro-data kollha. Inkella, l-fatturi ta’ l-ingrossar mogħtija ma jkunux adattati għall-varjabbli kollha.
Varjabbli mhux obbligatorji
Dawn għandhom ikunu kkodifikati strettament skond ir-regoli li ġejjin:
Meta tagħrif huwa disponibbli għall-varjabbli mhux obbligatorja, id-data għandha preferibbilment tingħata (bħal fil-każ tal-varjabbli obbligatorji) għall-unitajiet ta' osservazzjoni jew impjegati kollha.
Meta taghrif ghal varjabbli obbligatorja ma tkunx disponibbli, dahhal “OPT” għall-varjabbli alfanumeriċi u “99999999” għall-varjabbli numerici (in-numru ta’ disgħat jikkorrispondi mat-tul tat-taqsima)
Valuri ta' żero
“0”: din għandha strettament tintuża biss għall-dawk il-varjabbli fejn valur ta’ żero jista' xi kultant jiġri ġenwinament (eż. meta mpjegat m’għandux sahra fix-xahar ta’ referenza).
Kategoriji ta’ varjabbli tas-SES
Il-varjabbli tas-SES imniżżla fl-Anness 1 ikunu jew varjabbli kwalitattivi jew kwantitattivi. Ħafna mill-varjabbli li għandhom x'jaqsmu ma' l-unità lokali u ma’ karatteristiċi individwali ta’ l-impjegati huma varjabbli kwalitattivi. Dawn il-varjabbli tas-SES huma marbuta ma’ numru limitat ta’ kategoriji.
Il-varjabbli tas-SES kwantitattivi huma jew varjabbli ta’ l-għadd (numru ta’ impjegati, numru ta’ sigħat, ġranet jew ġimgħat) jew varjabbli li għandhom x’jaqsmu ma’ qligħ.
Il-kategoriji tal-varjabbli tas-SES kwalitattivi kif ukoll il-meded għall-varjabbli tas-SES kwantitattivi huma stipulati mill-Eurostat f’karta ta’ implimentazzjoni.
Il-kontenut tar-reġistri A u B
Il-kontenut u s-sekwenza tal-varjabbli fir-reġistri A u B u l-kodiċi li għandhom jintużaw se jiġu speċifikati f’dokumenti separati.
Ir-reġistri għandu jkollhom taqsima waħda għal kull varjabbli. Varjabbli numeriċi għandhom jiġu espressi f'termini assoluti, jiġifieri, in-numri iridu jingħataw sħaħ (mhux f'deċimali, jew f'għaxriet, mijiet, eluf, milljuni, eċċ.). Iżda, minħabba l-bżonn ta’ l-eżattezza, il-valuri tal-varjabbli 4.3, 5.1 u 5.2 għandhom jingħataw sa żewġ punti deċimali.
Hemm varjabbli numerika waħda li hi differenti. Din hi “is-sehem tas-sigħat normali ta’ ħaddiem full-time” (varjabbli 2.7.1), li għandha tiġi espressa bħala persentaġġ u mogħtija sa żewġ punti deċimali wkoll, eż.43.27.
Fejn varjabbli numeriċi għandhom x’jaqsmu ma’ valuri ta’ flus (eż. qligħ u bonuses fis-siegħa, fix-xahar, fis-sena, taxxi, kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ħlas mhux fi flus), dawn għandhom jiġu espressi f'unitajiet tal-munita nazzjonali tal-pajjiż ikkonċernat.
Trażmissjoni
L-Istati Membri għandhom jibgħatu d-data u metadata meħtieġa minn dan ir-Regolament lill-Kummissjoni (Eurostat) f’format elettroniku konformi ma’ standard ta’ skambju propost mill-Eurostat. Il-Eurostat se tagħmel dokumentazzjoni ddettaljata fir-rigward ta’ l-istandard(s) approvat(i) disponibbli u se tipprovdi linjigwida fuq kif għandu (għandhom) jiġi (jiġu) implimentat(i) din (dawn) l-istandard(s) skond il-ħtiġijiet ta’ dan ir-regolament.
( 1 ) ĠU L 63, tat-12.3.1999, p.6.
( 2 ) ĠU L 181, tat-28.6.1989, p.47.
( 3 ) ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1
( 4 ) L-inklużjoni tas- ►M4 Taqsima O ◄ ta’ ►M4 NACE Rev. 2 ◄ mhix obbligatorja L-inklużjoni ta’ l-impjegati f’intrapriżi b’inqas minn 10 impjegati mhix obbligatorja lanqas
( 5 ) Biex jiġi evitat għadd doppju, is-siegħat maħduma minn persuni impjegati ma’ aġenziji ta’ l-impjegar għandhom jiġu inklużi fil-kategorija NACE ta’ l-aġenzija ta’ l-impjegar ( ►M4 NACE Rev. 2, 78.20 ◄ ) u mhux fil-kategorija NACE ta’ l-intrapriża għal-liema jaħdmu fil-verità;
( 6 ) Impjegat minn barra huwa persuna li jaqbel li jaħdem għal intrapriża partikolari jew li jforni kwantità ta' oġġetti jew servizzi lil intrapriża partikolari skond ftehim minn qabel jew b'kuntratt ma' dik l-intrapriża, iżda li l-post tax-xogħol huwa barra mill-intrapriża (Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità Ewropea, ESA 95: 11.13(g)).