EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01998L0026-20240408

Consolidated text: Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/26/2024-04-08

01998L0026 — MT — 08.04.2024 — 006.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DIRETTIVA 98/26/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 1998

dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli

(ĠU L 166 11.6.1998, p. 45)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2009/44/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tas-6 ta’ Mejju 2009

  L 146

37

10.6.2009

►M2

DIRETTIVA 2010/78/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-24 ta’ Novembru 2010

  L 331

120

15.12.2010

►M3

REGOLAMENT (UE) Nru 648/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-4 ta’ Lulju 2012

  L 201

1

27.7.2012

►M4

REGOLAMENT (UE) Nru 909/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-23 ta’ Lulju 2014

  L 257

1

28.8.2014

►M5

DIRETTIVA (UE) 2019/879 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-20 ta' Mejju 2019

  L 150

296

7.6.2019

►M6

REGOLAMENT (UE) 2024/886 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-13 ta’ Marzu 2024

  L 886

1

19.3.2024




▼B

ID-DIRETTIVA 98/26/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 1998

dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli



IT-TAQSIMA 1

GĦAN U DEFINIZZJONIJIET

L-Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal:

(a) 

xi sistema kif definita fl-Artikolu 2(a), irregolata bil-liġi ta’ Stat Membru u li topera f’kull munita, l- ►M1  euro ◄ jew il-muniti varji li s-sistema tikkonverti waħda ma’ l-oħra;

(b) 

kull parteċipant f’sistema bħal din;

(ċ) 

sigurtà kollaterali pprovduta b’konnessjoni ma’:

— 
parteċipazzjoni f’sistema, jew

▼M1

— 
operazzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest tal-funzjoni tagħhom bħala banek ċentrali.

▼B

L-Artikolu 2

Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

(a) 

“sistema” għandha tfisser arranġament formali:

▼M1

— 
bejn tliet parteċipanti jew aktar, minbarra l-operatur tas-sistema ta’ dik is-sistema, aġent għas-settlement potenzjali, kontroparti ċentrali potenzjali, clearing house potenzjali jew parteċipant indirett potenzjali, b’regoli komuni u arranġamenti standardizzati għall-clearing, kemm permezz ta’ kontroparti ċentrali kif ukoll mingħajru jew l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bejn il-parteċipanti,

▼B

— 
irregolati bil-liġi ta’ Stat Membru magħżul mill-parteċipanti; il-parteċipanti jistgħu, madankollu, jagħżlu biss il-liġi ta’ Stat Membru f’liema wieħed minnhom għandu l-uffiċċju ewlieni tagħhom, u

▼M4

— 
nominati, mingħajr preġudizzju għal kondizzjonijiet oħrajn aktar rigorużi ta’ applikazzjoni ġenerali stabbiliti mil-liġi nazzjonali, bħala sistema u notifikati lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq mill-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli, wara li dak l-Istat Membru jkun issodisfat rigward l-adegwatezza tar-regoli tas-sistema.

▼B

Suġġett għall-kondizzjonijiet fl-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista’ jinnomina bħal sistema bħal din l-arranġament formali bħal dawn li xogħolhom jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment kif hemm definit fit-tieni subinċiż ta’ (i) u liema sa ċertu punt jesegwixxi ordnijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji oħra, meta dak l-Istat Membru jikkonsidra li nominazzjoni bħal din tkun ġustifikata abbażi ta’ riskji sistematiċi.

Stat Membru jista’ wkoll fuq il-bażi ta’ każ b’każ jinnomina bħala arranġament formali bejn żewġ parteċipanti, mingħajr ma jqisu l-possibbiltà ta’ aġent għal ftehim, il-possibbiltà ta’ kontraparti ċentrali, il-possibbiltà ta’ stabbiliment bankarju jew il-possibbiltà ta’ parteċipant indirett, meta dak l-Istat Membru jikkonsidra li nominazzjoni bħal din hija mogħtija abbażi ta’ riskju sistematiku.

▼M1

Arranġament miftiehem bejn żewġ sistemi interoperabbli m’għandux jitqies bħala sistema;

▼M6

(b) 

“istituzzjoni” għandha tfisser:

— 
istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), inkluż l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE;
— 
ditta tal-investiment kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), minbarra l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tagħha;
— 
awtoritajiet pubbliċi u impriżi b’garanzija pubblika; jew
— 
kwalunkwe impriża li l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun barra mill-Unjoni u li l-funzjonijiet tagħha jkunu jikkorrispondu ma’ dawk tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni jew tad-ditti tal-investiment definiti fl-ewwel u t-tieni inċiż,
li tipparteċipa f’sistema u li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi finanzjarji li jiġu minn ordnijiet ta’ trasferiment f’dik is-sistema;
— 
istituzzjoni ta’ pagament kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), bl-eċċezzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 jew 33 ta’ dik id-Direttiva; jew
— 
istituzzjoni tal-flus elettroniċi kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), bl-eċċezzjoni ta’ persuna ġuridika li tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva,
li tipparteċipa f’sistema li n-negozju tagħha jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment kif definit fil-punt (i), l-ewwel inċiż, u li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn tali ordnijiet ta’ trasferiment f’dik is-sistema.

Jekk sistema hija sorveljata f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u teżegwixxi ordnijiet ta’ trasferiment biss kif definit fil-punt (i), it-tieni inċiż, kif ukoll pagamenti li jirriżultaw minn ordnijiet bħal dawn, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li impriżi li jieħdu sehem f’sistema bħal din u li għandhom ir-responsabbiltà li jwettqu l-obbligi finanzjarji li joriġinaw minn ordnijiet ta’ trasferiment fi ħdan is-sistema, jistgħu jkunu meqjusa bħala istituzzjonijiet, dment li tal-inqas tliet parteċipanti ta’ din is-sistema huma koperti mill-kategoriji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt u li t-tali deċiżjoni tingħata s-setgħa abbażi ta’ riskju sistematiku;

▼M5

(ċ) 

“kontroparti ċentrali” jew “CCP” tfisser CCP kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

▼B

(d) 

“aġent għall-ħlas” għandu jfisser entità li tipprovdi lill-istituzzjonijiet u/jew lill-kontraparti ċentrali li jieħu sehem fis-sistemi, kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom ordnijiet ta’ trasferiment fi ħdan sistemi bħal dawn jitħallsu u, skond il-każ, kreditu estiż lil dawk l-istituzzjonijiet u/jew kontrapartijiet ċentrali għall-għanijiet ta’ ħlas;

(e) 

“stabbiliment ta’ rilaxx” għandu jfisser entità responsabbli għall-kalkolazzjoni tal-pożizzjoni netta ta’ l-istituzzjonijiet, possibbilment kontraparti ċentrali u/jew possibbilment aġent għall-ħlas;

▼M6

(f) 

“parteċipant” għandu jfisser istituzzjoni, CCP, aġent għall-ħlas, stabbiliment ta’ rilaxx, operatur ta’ sistema jew membru tal-ikklirjar ta’ CCP awtorizzata skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Skont ir-regoli tas-sistema, l-istess parteċipant jista’ jaġixxi bħala CCP, aġent għall-ħlas jew stabbiliment ta’ rilaxx jew iwettaq dawn il-ħidmiet kollha jew parti minnhom.

Stat Membru jista’, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jikkunsidra parteċipant indirett bħala parteċipant meta dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ riskju sistemiku, li, madankollu, ma għandux jillimita r-responsabbiltà tal-parteċipant li permezz tiegħu l-parteċipant indirett jgħaddi l-ordnijiet ta’ trasferiment lis-sistema;

▼M1

(g) 

“parteċipant indirett” għandha tfisser istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent għas-settlement, clearing house jew operatur tas-sistema b’relazzjoni kuntrattwali ma’ parteċipant f’sistema li teżegwixxi ordnijiet ta’ trasferiment li jippermettu li l-parteċipant indirett jgħaddi l-ordnijiet ta’ trasferiment mis-sistema; sakemm l-parteċipant indirett ikun magħruf lill-operatur tas-sistema;

(h) 

“titoli” għandha tfisser l-istrumenti kollha li jissemmew fit-taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2004/39/KE;

▼B

(i) 

“ordni ta’ trasferiment” għandha tfisser:

▼M1

— 
kull istruzzjoni minn parteċipant sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ riċevitur ammont ta’ flus permezz ta’ reġistrazzjoni fil-kontijiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, bank ċentrali, kontroparti ċentrali jew aġent għas-settlement, jew kwalunkwe istruzzjoni li tirriżulta fis-suppożizzjoni jew fir-rilaxx ta’ obbligu ta’ ħlas kif definit mir-regoli tas-sistema, jew

▼B

— 
struzzjoni minn parteċipant sabiex jitrasferixxi t-titolu lil, jew l-interess fi, sigurta jew titoli permezz ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, jew b’mod ieħor;
(j) 

“proċedimenti għal nuqqas ta’ likwidità” għandhom ifissru kull miżura ta’ ġbir kif ipprovduta mil-liġi ta’ Stat Membru, jew pajjiż terz, jew sabiex ikun xolt il-parteċipant jew sabiex torganizzah mill-ġdid, meta miżura bħal din tinvolvi s-sospensjoni ta’, jew l-impożizzjoni ta’ limitazzjonijiet fuq, trasferimenti jew pagamenti;

(k) 

“totaliżżar” għandu jfisser il-konverżjoni f’talba waħda netta jew l-obbligazzjoni waħda netta ta’ talbiet u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn ordnijiet ta’ trasferiment li parteċipant inkella parteċipanti jew joħorġu għal, jew jirċievu minn, wieħed jew aktar parteċipanti bir-riżultat li talba netta biss tista’ tkun mitluba jew obbligazzjoni netta tkun dovuta;

▼M1

(l) 

“kont ta’ settlement” għandha tfisser kont fil-bank ċentrali, aġent għas-settlement jew kontroparti ċentrali użat sabiex jinżammu fondi jew titoli u sabiex jitħallsu tranżazzjonijiet bejn parteċipanti f'sistema;

(m) 

“sigurtà kollaterali” għandha tfisser l-assi realizzabbli kollha, inklużi, mingħajr limitazzjonijiet, il-kollateral finanzjarju msemmi fl-Artikolu 1(4)(a) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali ( 5 ), ipprovduti b’rahan (inklużi flus ipprovduti b’rahan), xiri mill-ġdid jew ftehim simili, jew mezz ieħor, bil-għan li jkunu żgurati drittijiet u obbligi li potenzjalment jirriżultaw b’konnessjoni ma’ sistema jew ikunu pprovduti lill-banek ċentrali tal-Istati Membri jew lill-Bank Ċentrali Ewropew;

▼M1

(n) 

“jum ta’ negozju” għandha tkopri s-servizzi ta’ settlement ta’ bi nhar u ta’ bil-lejl u għandha tinkludi l-avvenimenti kollha li jiġru matul iċ-ċiklu tan-negozju ta’ sistema;

(o) 

“sistemi interoperabbli” għandha tfisser żewġ sistemi jew aktar li l-operaturi tas-sistema tagħhom ikunu daħlu f’arranġament bejniethom li jinvolvi l-eżekuzzjoni minn sistema għall-oħra ta’ ordnijiet ta’ trasferiment;

(p) 

“operatur ta’ sistema” għandha tfisser l-entità jew l-entitajiet legalment responsabbli għat-tħaddim ta’ sistema. Operatur ta’ sistema jista’ jaġixxi wkoll bħala aġent għas-settlement, kontroparti ċentrali jew clearing house.

▼B

IT-TAQSIMA II

TOTALIZZAR’U ORDNIJIET TA’ TRASFERIMENT

L-Artikolu 3

▼M1

1.  

L-ordnijiet ta’ trasferiment u t-totalizzar(netting) għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq partijiet terzi, anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant, ladarba l-ordnijiet ta’ trasferiment ikunu ddaħħlu fis-sistema qabel il-mument tal-bidu ta’ tali proċedimenti ta’ falliment kif definit fl-Artikolu 6(1). Dan għandu japplika anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant (fis-sistema kkonċernata jew f’sistema interoperabbli) jew kontra l-operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li mhuwiex parteċipant.

Fejn l-ordnijiet ta’ trasferiment jiddaħħlu f’sistema wara l-mument tal-bidu ta’ proċedimenti ta’ falliment u jitwettqu fil-jum tan-negozju, kif ġie definit mir-regoli tas-sistema, li matulu jseħħ il-bidu ta’ tali proċedimenti, dawn għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq partijiet terzi biss jekk l-operatur tas-sistema jista’ jipprova li, fil-ħin meta tali ordnijiet ta’ trasferiment saru irrevokabbli, ma kienx konxju, u lanqas ma kellu jkun konxju, bil-bidu ta’ tali proċedimenti.

▼B

2.  
L-ebda liġi, regolament, regola jew prattika dwar it-twarrib ta’ kuntratti u transazzjonijiet konklużi qabel il-mument tal-bidu ta’ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità, kif definit fl-Artikolu 6(1) m’għandhom iwasslu għan-nuqqas ta’ temma ta’ totalizzar.
3.  
Il-mument ta’ dħul ta’ ordni ta’ trasferiment fis-sistema għandu jkun definit mir-regoli ta’ dik is-sistema. Jekk hemm kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali li tirregola s-sistema dwar il-mument tad-dħul, ir-regoli ta’ dik is-sistema għandhom jaqblu mal-kondizzjonijiet bħal dawn.

▼M1

4.  
Fil-każ ta’ sistemi interoperabbli, kull sistema għandha tiddetermina fir-regoli tagħha stess il-mument ta’ dħul fis-sistema tagħha, b’tali mod li tiżgura, safejn possibbli, li r-regoli tas-sistemi interoperabbli kkonċernati kollha huma kkoordinati f’dan ir-rigward. Sakemm ma jkunx espressament previst mir-regoli tas-sistemi kollha, li huma parti tas-sistema interoperabbli, ir-regoli ta’ sistema waħda dwar il-mument ta’ dħul m’għandhom ikunu affettwati mill-ebda regola tas-sistemi l-oħrajn li magħhom hi tkun interoperabbli.

▼M1

Artikolu 4

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-bidu ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant jew operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli m’għandux jipprevjeni li fondi jew titoli disponibbli fil-kont tal-ħlas ta’ dak il-parteċipant ikunu użati sabiex iwettqu l-obbligi ta’ dak il-parteċipant fis-sistema (jew f’sistema interoperabbli) fil-jum tan-negozju tal-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li faċilità ta’ kreditu tat-tali parteċipant konnessa mas-sistema tintuża kontra s-sigurtà kollaterali eżistenti disponibbli għat-twettiq tal-obbligi tal-parteċipant fis-sistema jew f’sistema interoperabbli.

▼B

L-Artikolu 5

Ordni ta’ trasferiment ma tistax tkun irrevokata minn parteċipant f’sistema, lanqas minn parti terza, mill-mument definit mir-regoli ta’ dik is-sistema.

▼M1

Fil-każ ta’ sistemi interoperabbli, kull sistema għandha tiddetermina fir-regoli tagħha stess il-mument ta’ irrevokabbiltà, b’ tali mod li tiżgura, safejn possibbli, li r-regoli tas-sistemi interoperabbli kkonċernati kollha huma kkoordinati f’dan ir-rigward. Sakemm ma jkunx espressament previst mir-regoli tas-sistemi kollha li huma parteċipanti fis-sistemi interoperabbli, ir-regoli ta’ sistema waħda dwar il-mument ta’ irrevokabbiltà m’għandhom ikunu affettwatti mill-ebda regola tas-sistemi l-oħrajn li magħhom hi tkun interoperabbli.

▼B

IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW PROĊEDIMENTI MINĦABBA NUQQAS TA’ LIKWIDITÀ

L-Artikolu 6

1.  
Għall-għan ta’ din id-Direttiva, l-mument tal-bidu ta’ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità għandu jkun l-mument meta l-awtorita ġudizzjarja jew amministrattiva tkun għaddiet id-deċiżjoni tagħha.
2.  
Meta deċiżjoni tkun ittieħdet bi qbil mal-paragrafu 1, l-awtorità relevanti ġudizzjarja jew amministrattiva għandha immedjatament tgħarraf dik id-deċiżjoni lill-awtorità xierqa magħżula mill-Istat Membru tagħha.

▼M2

3.  
L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 2 għandu immedjatament jgħarraf lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (minn hawn ‘il quddiem “AETS”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 )

▼M1

Artikolu 7

Proċedimenti ta’ falliment m’għandhomx ikollhom effett retroattiv fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ parteċipant li joriġinaw minn, jew b’konnessjoni mal-parteċipazzjoni tiegħu f’sistema qabel il-mument tal-bidu ta’ tali proċedimenti kif definit fl-Artikolu 6(1). Dan għandu japplika inter alia b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi ta’ parteċipant f’sistema interoperabbli jew ta’ operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li ma jkunx parteċipant.

▼B

L-Artikolu 8

Fil-każ ta’ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità li jinfetħu kontra parteċipant fis-sistema, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jfeġġu minn, jew b’konnessjoni mal-parteċipazzjoni ta’ dak il-parteċipant għandhom ikunu ddeterminati mil-liġi li tirregola dik is-sistema.

IT-TAQSIMA IV

INSULAZZJONI TAD-DRITTIJIET TA’ POSSESSURI TA’ SIGURTÀ KOLLATERALI MILL-EFFETTI TAN-NUQQAS TA’ LIKWIDITÀ TAL-FORNITUR

▼M1

Artikolu 9

1.  

Id-drittijiet ta’ operatur tas-sistema jew ta’ parteċipant għas-sigurtà kollaterali pprovduti lilhom b’konnessjoni ma’ sistema jew kwalunkwe sistema interoperabbli, u d-drittijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sigurtà kollaterali pprovduta lilhom, m’għandhomx ikunu affettwati minn proċeduri ta’ falliment kontra::

(a) 

parteċipant (fis-sistema kkonċernata jew f’sistema interoperabbli),

(b) 

operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li mhuwiex parteċipant,

(c) 

kontroparti għall-banek ċentrali tal-Istati Membri jew il-Bank Ċentrali Ewropew, jew

(d) 

parti terza.li tipprovdi sigurta’ kollaterali.

Tali sigurtà kollaterali tista’ tiġi realizzata sabiex jiġu ssodisfati dawk id-drittijiet.

▼M3

Meta operatur ta’ sistema jkun ipprovda titolu kollaterali lil operatur ta’ sistema ieħor b’rabta ma’ sistema interoperabbli, id-drittijiet tal-operatur tas-sistema li jipprovdi għal dak it-titolu kollaterali ma għandhomx jiġu affetwati minn proċeduri ta’ insolvenza kontra l-operatur ta’ sistema riċevitur.

▼M1

2.  
Meta t-titoli li jinkludu drittijiet f’titoli huma provduti bħala sigurtà kollaterali għall-parteċipanti, l-operaturi tas-sistemi u il-banek ċentrali tal-Istati Membri jew il-Bank Ċentrali Ewropew kif deskritt fil-paragrafu 1, u d-dritt tagħhom jew dak ta’ kull kandidat, aġent jew parti terza li j/taġixxi f’isimhom fir-rigward tat-titoli hija/huwa legalment reġistrat f'reġistru, kont jew sistema depositorja ċentralizzata li tinsab fi Stat Membru, id-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ tali entitajiet bħala detenturi ta’ sigurtà kollaterali fir-rigward ta’ dawk it-titoli għandha tkun regolata mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

▼B

IT-TAQSIMA V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

▼M1

Artikolu 10

▼M2

1.  

L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw is-sistemi, u l-operaturi tas-sistemi rispettivi, li għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jinnotifikawhom lill-AETS u jinformawha bl-awtoritajiet magħżula skont l-Artikolu 6(2). L-AETS għandha tippubblika dik l-informazzjoni fuq il-website tagħha.

▼M1

L-operatur tas-sistema għandu jindika lill-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli l-parteċipanti fis-sistema, inkluż kwalunkwe parteċipanti indiretti potenzjali, kif ukoll kwalunkwe bidla fihom.

Barra mill-indikazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jimponu superviżjoni jew ħtiġiet ta’ awtorizzazzjoni fuq sistemi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

L-istituzzjoni għandha, fuq talba, tinforma kwalunkwe persuna bis-sistemi li fihom tipparteċipa u tipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli prinċipali li jirregolaw l-operazzjoni ta’ dawk is-sistemi.

2.  

Is-sistema li tintgħażel qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li temenda id-Direttiva 98/26/KE taldwar il-finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollateral rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu ( 7 ) għandha tibqa’ tkun dik magħżula għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

L-ordni ta’ trasferiment li tidħol fis-sistema qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2009/44/KE, li madankollu titħallas wara dak iż-żmien għandha titqies li hi ordni ta’ trasferiment għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

▼M2

Artikolu 10a

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-AETS għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
2.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien, lill-AETS bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha, f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

L-Artikolu 11

1.  
L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel il-11 ta’ Diċembru 1999. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex tagħmel referenzi bħal dawn għandhom ikunu ddettati mill-Istati Membri.

2.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. F’din il-komunikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu tabella ta’ korrispondenza li turi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jeżistu jew huma introdotti fir-rigward ta’ kull Artikolu ta’ din id-Direttiva.

▼M4

3.  
Sat-18 ta’ Marzu 2015, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mat-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 2.

▼B

L-Artikolu 12

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lejn il-Parlament Ewropej u lejn il-Kunsill dwar l-applikar ta’ din id-Direttiva, akkompanjat fejn xieraq minn proposti għar-reviżjoni tiegħu.

▼M5

Artikolu 12a

Sat-28 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina kif l-Istati Membri japplikaw din id-Direttiva għall-istituzzjonijiet domestiċi tagħhom li jipparteċipaw direttament fis-sistemi rregolati mil-liġi ta' pajjiż terz u għal sigurtà kollaterali pprovduta b'rabta mal-parteċipazzjoni f'sistemi bħal dawn. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b'mod partikolari l-ħtieġa għal aktar emendi għal din id-Direttiva fir-rigward tas-sistemi regolati mil-liġi ta' pajjiż terz. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat fejn adegwat minn proposti għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva.

▼B

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidħol b’seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( 3 ) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE, 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

( 4 ) Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

( 5 )  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43.

( 6 )  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

( 7 )  ĠU L 146, 10.6.2009, p. 37.

Top