EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01996R2271-20180807

Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat- 22 ta' Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2271/2018-08-07

01996R2271 — MT — 07.08.2018 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2271/96

tat-22 ta' Novembru 1996

li jipproteġi kontra l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

(ĠU L 309 29.11.1996, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 807/2003 ta' l-14 ta' April 2003

  L 122

36

16.5.2003

►M2

REGOLAMENT (UE) Nru 37/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Jannar 2014

  L 18

1

21.1.2014

►M3

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1100 tas-6 ta' Ġunju 2018

  L 199I

1

7.8.2018




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2271/96

tat-22 ta' Novembru 1996

li jipproteġi kontra l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha



L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jipprovdi protezzjoni kontra u jikkumbatti l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-liġijiet speċifikati fl-Anness ta' dan ir-Regolament, inklużi regolamenti u strumenti leġislattivi oħra, u ta' l-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, fejn din l-applikazzjoni teffettwa l-interessi tal-persuni, imsemmija fl-Artikolu 11, involuti fil-kummerċ internazzjonali u/jew fil-moviment tal-kapital u f'attivitajiet kummerċjali relatati bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

▼M2

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 11a biex iżżid mal-Anness għal dan ir-Regolament liġijiet, regolamenti jew strumenti leġislattivi oħra ta' pajjiżi terzi li għandhom applikazzjoni ekstraterritorjali u li jikkawżaw effetti negattivi fuq l-interessi tal-Unjoni u l-interessi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi li jeżerċitaw drittijiet taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u biex tħassar liġijiet, regolamenti jew strumenti leġislattivi oħra meta ma jibqax ikollhom effetti bħal dawn.

▼B

L-Artikolu 2

Meta l-interessi ekonomiċi u/jew finanzjarji ta' xi persuna msemmija fl-Artikolu 11 jiġu effettwati, direttament jew indirettament, mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqu jew li jirriżultaw minnu, dik il-persuna għandha tinforma b'dan lill-Kummissjoni fi żmien 30 ġurnata mid-data meta din tkun kisbet dik l-informazzjoni; safejn l-interessi ta' persuna legali jiġu effetwati, dan l-obbligu jgħodd għad-diretturi, għall-amministraturi u għal persuni oħra li jkollhom responsabbiltajiet maniġerjali ( 1 ).

Fuq talba tal-Kummissjoni, dawn il-persuni għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha rilevanti għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament skond it-talba mill-Kummissjoni fi żmien 30 ġurnata mid-data tat-talba.

L-informazzjoni kollha għandha tingħata lill-Kummissjoni jew direttament inkella permezz tal-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Jekk l-informazzjoni tingħata direttament lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li fiha tkun residenti jew inkorporata l-persuna li tkun tat l-informazzjoni.

L-Artikolu 3

L-informazzjoni kollha pprovduta skond l-Artikolu 2 għandha tintuża biss għall-iskopijiet li għaliha tkun ġiet ipprovduta.

L-informazzjoni li min-natura tagħha tkun kunfidenzjali jew li tkun ġiet ipprovduta fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun protetta permezz ta' l-obbligazzjoni tas-segretezza professjonali. Din m'għandhiex tiġi mxandra mill-Kummissjoni mingħajr il-permess dikjarat tal-persuna li tkun qed tipprovdiha.

Il-komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni għandha tkun permessa meta l-Kummissjoni tkun obbligata jew awtorizzata biex tagħmel hekk, b'mod partikolari inkonnessjoni ma' proċeduri legali. Komunikazzjoni ta' din ix-xorta għandha tqies l-interessi legittimi tal-persuna kkonċernata li s-sigrieti tan-negozju tiegħu jew tagħha m'għandhomx jiġu mxandra.

Dan l-Artikolu ma jipprekludiex l-iżvelar ta' informazzjoni ġenerali mill-Kummissjoni. Dan l-iżvelar mhux se jitħalla jekk dan ikun inkompatibbli ma' l-iskop oriġinali ta' dik l-informazzjoni.

Fl-eventwalità ta' ksur tal-kunfidenzjalità, min joriġina l-informazzjoni għandu jkollu l-jedd li jġiegħel li din tiġi mħassra, skartata ta' jew ikkoreġuta, skond kif ikun il-każ.

L-Artikolu 4

Ebda sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal u ebda deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrativa li tinsab barra mill-Komunità u li tagħti effett, direttament jew indirettament, lil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew lil azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, ma tiġi rikonoxxuta jew tkun imponibbli bi kwalunkwe mod.

L-Artikolu 5

Ebda persuna msemmija fl-Artikolu 11 m'għandha tikkonforma, kemm direttament jew permezz ta' persuna sussidjarja jew intermedjarju ieħor, attivament jew permezz ta' omissjoni intenzjonata, ma' kwalunkwe rikjesta jew projbizzjoni, inklużi talbiet minn qrati barranin, ibbażati fuq jew li jirriżultaw, direttament jew indirettament, mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.

Persuni jistgħu jiġu awtorizzati, skond il-proċeduri provduti fl-Artikoli 7 u 8, biex jikkonformaw kompletament jew parzjalment safejn in-non-konformità tkun ser tikkawża danni serji lill-interessi tagħhom jew lil dawk tal-Komunità. Il-kriterji għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ser jiġu stabbiliti skond il-proċedura mfassla fl-Artikolu 8. Meta jkun hemm provi biżżejjed li non-konformità tkun ser tikkawża danni serji lil persuna naturali jew legali, il-Kummissjoni għandha tissottometti malajr lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 8 abbozz tal-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu skond il-kondizzjonijiet tar-Regolament.

L-Artikolu 6

Kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 11, li li tkun involuta fi kwalunkwe attività msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun intitolata tirkupra kwalunkwe danni, inklużi l-ispejjeż legali, ikkawżati lil dik il-persuna bl-applikazzjoni tal-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.

Dan l-irkupru jista' jsir mingħand il-persuna naturali jew legali jew min għand kwalunkwe entità oħra li tkun ikkawżat id-danni jew mingħand kwalunkwe persuna li tkun topera f'isimha jew bħala intermedjarju tagħha.

Il-Konvenzjoni tal-Brussel tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali għandha tgħodd fil-każ ta' proċeduri mressqa u sentenzi mogħtija taħt dan l-Artikolu. L-irkupru jista' jsir fuq bażi tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjonijiet 2 sa 6 tat-Titolu II ta' dik il-Konvenzjoni, kif ukoll, skond l-Artikolu 57(3) ta' dik il-Konvenzjoni, bis-saħħa ta' proċeduri ġudizzjarji istitwiti fil-Qrati ta' kwalunkwe Stat Membru fejn dik il-persuna, l-entità, il-persuna li topera f'isimha jew l-intermedjarju tagħha jkollhom il-beni.

Mingħajr preġudizzju għall-mezzi l-oħra disponibbli u skond il-liġi applikabbli, l-irkupru jkun jista' jieħu l-forma ta' sekwestru u bejgħ tal-beni li jappartienu lil dawk il-persuni, entitajiet, persuni li joperaw f'isimhom jew intermedjarji fil-Komunità, inklużi ishma miżmuma minn persuna legali li tkun inkorporata fil-Komunità.

L-Artikolu 7

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha:

(a) tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill immedjatament u b'mod sħiħ dwar l-effetti tal-liġijiet, regolamenti u strumenti leġislattivi oħra u azzjonijiet konsegwenti msemmija fl-Artikolu 1, fuq bażi ta' l-informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament, u għandha tagħmel rapport pubbliku sħiħ dwarhom regolarment;

(b) tagħti awtorizzazzjoni taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 u, meta tistabbilixxi l-limiti taż-żmien rigward l-għoti ta' l-opinjoni tal-Kumitat, din għandha tieħu inkonsiderazzjoni bis-sħiħ il-limiti taż-żmien li għandhom jiġu mħarsa mill-persuni li ser ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni;

▼M2 —————

▼B

(d) tippubblika avviż fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-sentenzi u d-deċiżjonijiet għalihom jgħoddu l-Artikoli 4 u 6;

(e) tippubblika fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2.

▼M2

Artikolu 8

1.  Għall-għan tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 7(b), il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Leġislazzjoni Ekstraterritorjali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼B

L-Artikolu 9

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu mposti f'każ ta' ksur ta' xi dispożizzjonijiet relevanti ta' dan ir-Regolament. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

L-Artikolu 10

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu taħt dan ir-Regolament u dwar kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti li għandha x'taqsam ma' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jgħodd għal:

1. kull persuna naturali li tkun residenti fil-Komunità ( 3 ),

2. kull persuna legali nkorporata fil-Komunità,

3. kull persuna naturali jew legali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4055/86 ( 4 ),

4. kull persuna oħra naturali li tkun residenti fil-Komunità, sakemm dik il-persuna tkun fil-pajjiż li tiegħu jkollha ċ-ċittadinanza,

5. kull persuna oħra naturali fil-Komunità, inklużi l-ibħra territorjali u l-ispazju ta' l-ajru fuq il-pajjiżi u f'kull inġenju ta' l-ajru jew fuq kull bastiment taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll ta' Stat Membru, li jkun jaġixxi f'kapaċità professjonali.

▼M2

Artikolu 11a

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 1 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin minn. 20 ta’ Frar 2014 Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha jkollha effett fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tagħti notifika dwaru simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 1 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jkun estiż b’erba’ xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B

L-Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M3




ANNESS

LIĠIJIET, REGOLAMENTI U STRUMENTI LEĠISLATTIVI L-OĦRA

Nota: Id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-istrumenti inklużi fl-dan l-Anness huma miġbura biss għal skopijiet ta' informazzjoni. Il-ħarsa ġenerali sħiħa tad-dispożizzjonijiet u l-kontenut eżatt tagħhom tista' tinstab fl-istrumenti rilevanti.

PAJJIŻ: L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

L-ATTI

1.    “National Defense Authorization Act for Fiscal Year 1993”, Title xvii “Cuban Democracy Act 1992”, sections 1704 and 1706

Il-konformità meħtieġa:

Ir-rekwiżiti huma kkonsolidati fit-Titolu I tal-“Att dwar il-Libertà Kubana u s-Solidarjetà Demokratika tal-1996”, ara iżjed 'l isfel.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

L-obbligazzjonijiet assunti issa ġew inkorporati fl-“Att dwar il-Libertà u s-Solidarjetà Demokratika Kubana tal-1996”, ara iżjed 'l isfel.

2.    “L-att dwar il-libertà Kubana u s-solidarjetà demokratika tal-1996”

Titolu I

Il-konformità meħtieġa:

Biex ikun hemm konformità mal-embargo ekonomiku u finanzjarju fuq Kuba mill-Istati Uniti, billi, fost l-oħrajn, ma jiġux esportati lill-Istati Uniti kwalunkwe oġġetti jew servizzi ta' oriġini Kubana jew trasportati materjali jew oġġetti li joriġinaw minn Kuba kemm direttament kif ukoll permezz ta' pajjiżi terzi, ma tiġix innegozjata merkanzija li hi jew li tinsab jew ittrasportata jew li għaddiet minn ġo Kuba, ma ssirx riesportazzjoni taz-zokkor li joriġina minn Kuba lejn l-Istati Uniti mingħajr ma jkun hemm notifikazzjoni mill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-esportatur jew ma jiġux importati għal ġol-Istati Uniti prodotti taz-zokkor mingħajr assigurazzjoni li dawk il-prodotti ma jkunux prodotti ta' Kuba, jiġu ffriżati assi Kubani, u n-negozji finanzjarji ma' Kuba.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Il-projbizzjoni li titgħabba jew tinħatt merkanzija minn bastiment fi kwalunkwe post ġewwa l-Istati Uniti jew li tiddaħħal ġo port fl-Istati Uniti; iċ-ċaħda li jiġu impurtati kwalunkwe oġġetti jew servizzi li joriġinaw minn Kuba u li jiġi impurtati f'Kuba oġġetti jew servizzi li joriġinaw fl-Istati Uniti, l-imblukkar ta' kummerċ finanzjarju li jinvolvi lil Kuba.

It-Titolu III u t-Titolu IV:

Il-konformità meħtieġa:

Biex jintemm “it-traffikar” fil-proprjetà, li qabel kienet tappartjeni lil persuni tal-Istati Uniti (inklużi l-Kubani li kisbu ċ-ċittadinanza tal-Istati Uniti) u li ġiet esproprjata mir-reġim Kuban. (It-traffikar jinkludi: l-użu, il-bejgħ, it-trasferiment, il-kontroll, l-immaniġġjar u attivitajiet oħrajn għall-benefiċċju ta' persuna).

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Proċedimenti legali fl-Istati Uniti, ibbażati fuq imputabilità li diġà teżisti, kontra ċittadini jew kumpaniji tal-UE involuti fit-traffikar, li jwasslu għal sentenzi/deċiżjonijiet biex jitħallas kumpens (multiplu) lill-parti tal-Istati Uniti. Iċ-ċaħda mid-dħul fl-Istati uniti ta' persuni involuti fit-traffikar, inklużi l-konjuġi, it-tfal minorenni u l-aġenti tagħhom.

3.    “Iran Sanctions Act of 1996”

Il-konformità meħtieġa:

Biex konsapevolment:

(i) ma jiġi investit fl-Iran ebda ammont akbar minn USD 20 miljun matul il-perjodu ta' 12-il xahar li jikkontribwixxi direttament u b'mod sinifikanti favur tkabbir fl-abbiltà Iranjana biex dawn jiżviluppaw ir-riżorsi tagħhom taż-żejt;

(ii) ma jiġux ipprovduti lill-Iran oġġetti, servizzi jew xi tipi oħra ta' appoġġ bil-valur ta' USD 1 miljun jew iktar, jew ta' valur aggregat ta' USD 5 miljun jew aktar fuq perjodu ta' 12-il xahar, li jista' direttament u sostanzjalment jiffaċilita ż-żamma jew l-espansjoni tal-produzzjoni domestika tal-Iran ta' prodotti tal-petroleum raffinat jew il-kapaċità tiegħu li jiżviluppa riżorsi tal-petroleum li jinsabu fl-Iran;

(iii) ma jiġux ipprovduti lill-Iran oġġetti, is-servizzi jew xi tipi oħra ta' appoġġ li jiswa USD 250 000 jew aktar, jew ta' valur aggregat ta' USD 1 miljun jew aktar fuq perjodu ta' 12-il xahar, li jista' direttament u b'mod sinifikanti jikkontribwixxu għaż-żamma jew l-espansjoni ta' produzzjoni domestika mill-Iran ta' prodotti petrokimiċi;

(iv) ma jiġux ipprovduti lill-Iran (a) prodotti taż-żejt raffinat jew (b) prodotti, servizzi jew tipi oħra ta' appoġġ li jistgħu direttament u b'mod sinifikanti jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Iran li jimporta prodotti tal-petroleum raffinat, li għandhom valur ta' USD 1 miljun jew iktar, jew ta' valur aggregat ta' USD 5 miljun jew aktar fuq perjodu ta' 12-il xahar;

(v) ma jkunx hemm parteċipazzjoni f'impriża konġunta għall-iżvilupp ta' riżorsi tal-petroleum barra l-Iran stabbilita fl-1 ta' Jannar 2002 jew wara u li fih l-Iran jew il-Gvern tiegħu għandu interess partikolari;

(vi) ma jiġux involuti fit-trasport taż-żejt mhux maħdum mill-Iran jew jaħbu l-oriġini Iranjana tal-merkanzija li tikkonsisti f'żejt mhux maħdum u prodotti tal-petroleum raffinat;

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Miżuri li jillimitaw l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti jew akkwist għall-Istati Uniti, projbizzjoni ta' deżinjazzjoni bħala negozjant primarju jew bħala repożitorju ta' fondi tal-Gvern tal-Istati Uniti, iċ-ċaħda tal-aċċess għal self minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti jew trasferimenti permezz ta' tali istituzzjonijiet, il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet f'muniti barranin soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni mill-Istati Uniti, il-projbizzjoni ta' transazzjonijiet ta' proprjetà soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, jew ċaħda ta' assistenza minn EXIM-Bank, restrizzjonijiet għall-ħatt l-art u għad-dħul fil-port għall-bastimenti.

4.    “Iran Freedom and Counter-Proliferation Act of 2012”

Il-konformità meħtieġa:

Biex konsapevolment:

(i) ma jingħatax appoġġ sinifikanti, inkluż billi jiġu ffaċilitati tranżazzjonijiet finanzjarji sinifikanti, jew oġġetti u servizzi, lil jew f'isem ċerti persuni li joperaw fis-setturi tal-portijiet, tal-enerġija, tat-trasport bil-baħar, tal-bini tal-bastimenti fl-Iran, jew kwalunkwe persuna Iranjana inkluża fil-lista ta' ċittadini deżinjati speċifikament u persuni mblukkati;

(ii) ma jsirx kummerċ ta' oġġetti u servizzi sinifikanti użati b'konnessjoni mas-setturi tal-enerġija, tat-tbaħħir jew tal-bini ta' bastimenti tal-Iran;

(iii) ma jinxtrawx żejt u prodotti taż-żejt mill-Iran u ma jittwettqux tranżazzjonijiet finanzjarji relatati magħhom, f'ċirkostanzi speċifiċi;

(iv) ma jsirux jew ma jiġux iffaċilitati tranżazzjonijiet għall-kummerċ ta' gass naturali lejn jew mill-Iran (dan japplika għal istituzzjonijiet finanzjarji barranin);

(v) ma jsirx kummerċ mal-Iran f'metalli prezzjużi, grafit, metalli mhux maħduma jew nofshom maħduma, jew softwer li jistgħu jintużaw f'setturi speċifiċi jew jinvolvu ċerti persuni; u lanqas jiffaċilitaw tranżazzjoni finanzjarja sinifikanti b'konnessjoni ma' dan il-kummerċ;

(vi) ma jiġux ipprovduti servizzi ta' sottoskrizzjoni, assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal attivitajiet speċifiċi, inklużi iżda mhux limitati għal dawk taħt il-punti (i) u (ii) hawn fuq, jew għal kategoriji speċifiċi ta' persuni;

Ċerti eċċezzjonijiet japplikaw skont in-natura tal-kummerċ jew tat-tranżazzjoni u l-livell ta' diliġenza applikata.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Miżuri li jillimitaw l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti jew l-Istati Uniti, projbizzjoni ta' deżinjazzjoni bħala negozjant primarju jew bħala repożitorju ta' fondi tal-Gvern tal-Istati Uniti, iċ-ċaħda tal-aċċess għal self minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti jew trasferimenti permezz ta' tali istituzzjonijiet, il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet f'muniti barranin soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni mill-Istati Uniti, il-projbizzjoni ta' transazzjonijiet ta' proprjetà soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, jew rifjut ta' assistenza minn EXIM-Bank, projbizzjonijiet u limitazzjonijiet għall-ftuħ u ż-żamma ta' kontijiet korrispondenti fl-Istati Uniti.

5.    “National Defense Authorization Act for Fiscal Year 2012”

Il-konformità meħtieġa:

Biex konsapevolment ma titwettaqx jew tiġi ffaċilitata kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja mal-Bank Ċentrali tal-Iran jew istituzzjoni finanzjarja Iranjana deżinjata oħra (tapplika għal istituzzjonijiet finanzjarji barranin).

Eċċezzjonijiet għal tranżazzjonijiet marbuta mal-ikel u l-mediċini u għal tranżazzjonijiet marbuta maż-żejt skont ċirkostanzi speċifiċi.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Pieni ċivili u kriminali; projbizzjonijiet u limitazzjonijiet għall-ftuħ u ż-żamma ta' kontijiet korrispondenti fl-Istati Uniti.

6.    “Iran Threat Reduction and Syria Human Rights Act of 2012”

Il-konformità meħtieġa:

Biex konsapevolment:

(i) ma jiġux ipprovduti servizzi ta' sottoskrizzjoni, tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għal ċerti persuni Iranjani;

(ii) ma jiġix iffaċilitat il-ħruġ ta' dejn sovran Iranjan, jew ta' dejn ta' entitajiet ikkontrollati minn dan tal-aħħar;

(iii) ma jkunx hemm involviment fi kwalunkwe tranżazzjoni direttament jew indirettament mal-Gvern tal-Iran jew kwalunkwe persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Gvern Iranjan ipprojbita skont il-liġi tal-Istati Uniti (tapplika għal sussidjarji barranin bi sjieda jew kontroll ta' persuni tal-Istati Uniti);

(iv) ma jiġux ipprovduti servizzi ta' messaġġi finanzjarji speċjalizzati, jew li jippermettu jew jiffaċilitaw aċċess dirett jew indirett għal tali servizzi ta' messaġġi għall-Bank Ċentrali tal-Iran jew istituzzjoni finanzjarja li l-interessi tagħha fil-proprjetà jinsabu bblukkati f'konnessjoni mal-attivitajiet ta' proliferazzjoni tal-Iran.

Fir-rigward ta' (i), hemm eċċezzjonijiet għall-għajnuna umanitarja, il-provvista tal-ikel u prodotti mediċinali, u skont il-livell ta' diliġenza dovuta applikata.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Miżuri li jillimitaw l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti jew l-akkwist għall-Istati Uniti, projbizzjoni ta' deżinjazzjoni bħala negozjant primarju jew bħala repożitorju ta' fondi tal-Gvern tal-Istati Uniti, iċ-ċaħda tal-aċċess għal self minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti jew trasferimenti permezz ta' tali istituzzjonijiet, il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet f'muniti barranin soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni minn proprjetà tal-Istati Uniti, il-projbizzjoni ta' transazzjonijiet soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, jew rifjut ta' assistenza minn EXIM-Bank, il-projbizzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-ftuħ u ż-żamma ta' kontijiet korrispondenti fl-Istati Uniti.

IR-REGOLAMENTI

“Iranian Transactions and Sanctions Regulations”

Il-konformità meħtieġa:

Li ma jiġux riesportati kwalunkwe merkanzija, teknoloġija, jew servizzi li (a) ikunu ġew esportati mill-Istati Uniti tal-Amerika u (b) ikunu soġġetti għal regoli ta' kontroll fuq l-esportazzjoni fl-Istati Uniti, jekk l-esportazzjoni ssir b'għarfien jew raġuni għal għarfien li huwa speċifikament maħsub biex l-Iran jew il-Gvern tiegħu.

Oġġetti sostanzjalment trasformati f'prodott magħmul barra mill-Istati Uniti, u oġġetti inkorporati f'dan it-tip ta' prodott u li jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-valur tiegħu mhumiex soġġetti għall-projbizzjoni.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Impożizzjoni ta' pieni ċivili, multi u priġunerija.

►C1 1. 31 CFR◄ (Kodiċi tar-Regolamenti Federali) il-Kapitolu. V (7-1-95 edizzjoni) il-Parti 515 — Regolamenti għall-Kontroll tal-Assi Kubani, subparti B (Projbizzjonijiet), E (Liċenzji, Awtorizzazzjonijiet u Stqarrijiet dwar Regolamenti fuq il-Licenzjar) u G (Pieni)

Il-konformità meħtieġa:

Il-projbizzjonijiet ġew imsaħħa taħt Titolu I tal-“Cuban Liberty and Democratic Solidarity Act of 1996”, ara aktar 'il fuq. Barra minn dan, tirrikjedi l-kisba ta' liċenzji u/jew awtorizzazzjonijiet dwar l-attivitajiet ekonomiċi li għandhom x'jaqsmu ma' Kuba.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Multi, qbid, priġunerija f'każi ta' vjolazzjoni.



( 1 ) L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fl-indirizz li ġej:Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali I, Rue de la Loi/Wetstraat 200, B — 1049 Brussel (fax (32-2) 295 65 05).

( 2 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( 3 ) Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “li tkun residenti fil-Komunità” tfisser: li tkun legalment stabbilita fil-Komunità għal perijodu ta' mill-anqas sitt xhur matul il-perijodu tat-12-il xahar immedjatament qabel id-data ta' meta, taħt dan ir-Regolament, tinħoloq obbligazzjoni jew jiġi eżerċitat dritt.

( 4 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta' Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, tal-31.12.1986, p. 1). Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 3573/90 (ĠU C 353, tas-17.12.1990, p. 16)).

Top