Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01996R1257-20190726

    Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/1257/2019-07-26

    01996R1257 — MT — 26.07.2019 — 003.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1257/96

    tal-20 Ġunju 1996

    rigward l-għajnuna umanitarja

    (ĠU L 163 2.7.1996, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

     M1

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' Settembru 2003

      L 284

    1

    31.10.2003

    ►M2

    REGOLAMENT (KE) Nru 219/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2009

      L 87

    109

    31.3.2009

    ►M3

    REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

      L 198

    241

    25.7.2019



    NB: Din il-verżjoni konsolidata tinkludi referenzi għall-unità Ewropea ta’ kont u/jew l-eku, li mill-1 ta’ Jannar 1999 għandha tinftiehem bħala referenza għall-euro – Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3308/80 (ĠU L 345, ta’ l-20.12.1980, p. 1) u r- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 (ĠU L 162, tad-19.6.1997, p. 1).




    ▼B

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1257/96

    tal-20 Ġunju 1996

    rigward l-għajnuna umanitarja



    Il-KAPITOLU I

    L-GĦANIJIET U L-PRINĊIPJI ĠENERALI TA’L-GĦAJNUNA UMANITARJA

    Artikolu 1

    L-għajnuna umanitarja tal-Komunità għandu jkollha fiha ħidmiet ta’ assistenza, solliev u protezzjoni fuq bażi mhux diskriminatorja li tgħin lil nies ta’ pajjiżi terzi, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli fosthom, u bħala prijorità lil dawk f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-vittmi ta’ diżastri naturali, kriżijiet maħluqa mill-bniedem, bħal ma huma gwerer u ġlied, jew sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi eċċezzjonali simili għal diżastri naturali jew dawk maħluqa mill-bniedem. Din għandha tagħmel hekk sakemm ikun hemm bżonn biex jintlaqgħu l-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn id-diversi sitwazzjonijiet.

    Għajnuna ta’ din ix-xorta għandha tħaddan fiha ħidmiet għat-tħejjia kontra r-riskji jew għall-prevenzjoni ta’ diżastri jew ċirkostanzi eċċezzjoanli simili.

    Artikolu 2

    L-għanijiet prinċipali ta’ ħidmiet ta’ għajnuna umanitarja msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu:

    (a) li tħares u tippreserva l-ħajja waqt l-emerġenzi u dak li jiġri immedjatament wara u d-diżastri naturali li jkunu kkawżaw telf kbir ta’ ħajja, sofferenza fiżika u u psikoloġika jew soċjali jew ħsara materjali;

    (b) li tipprovdi l-għajnuna u s-solliev meħtieġ lin-nies li jkunu affetwati minn kriżijiet aktar fit-tul li jkunu ġejjin b’mod partikolari minn każi meta jfaqqa’ l-ġlied jew mill-gwerer, li jġibu l-istess effetti bħal dawk deskritti fis-sub-paragrafu (a), speċjalment fejn il-gvernjiet tagħhom juru ruħuhom inkapaċi li jgħinu jew fejn ikun hemm vojt fil-poter;

    (ċ) li tiffaċilita l-finanzjament tat-trasport ta’ l-għajnuna u ta’ l-isforzi biex jiġi żgurat li dawn ikunu aċċessibbli għal dawk li għalihom ikunu intenzjonati, bil-mezzi loġistiċi kollha aċċessibbli, u billi tipproteġi l-oġġetti u l-impjegati umanitarji, iżda b’esklużjoni ta’ ħidmiet li l-implikazzjonijiet tagħhom ikunu dawk ta’ difiża;

    (d) li twettaq għal żmien mhux fit-tul ix-xogħol ta’ rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni, speċjalment fl-infrastruttura u tagħmir, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ strutturi lokali, bil-għan li jiġi faċilitat l-għoti tas-solliev, filwaqt li jiġi evitat li l-impatt tal-kriżi jmur għall-agħar u billi tibda tgħin lil dawk milquta biex jiksbu l-anqas livell ta’ awto-suffiċjenza, filwaqt li tqis, fejn ikun possibli, il-miri ta’ żvilupp fit-tul;

    (e) li tlaħħaq mal-konsegwenzi tal-movimenti tal-popolazzjoni (rifuġjati, nies spustjati u nies li qed jerġgħu lura) kawżati minn diżastri naturali jew maħluqa mill-bniedem u li twettaq skemi ta’ għajnuna għar-ripatrijazzjoni lejn il-pajjiż ta’ l-oriġni u l-issetiljar hemmhekk mill-ġdid meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim internazzjonali kurrenti jidħlu fis-seħħ;

    (f) li tiżgura t-tħejjija kontra r-riskji ta’ diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali simili u li tuża sistemi xierqa ta’ twissija minn kmieni kif ukoll ta’ inteventi;

    (g) li tappoġġa ħidmiet ċivili għall-protezzjoni tal-vittmi tal-ġlied u ta’ emerġenzi simili, skond il-ftehim internazzjonali kurrenti.

    Artikolu 3

    L-għajnuna Komunitarja msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 jistgħu jiġu użati biex jiffinanzjaw ix-xiri u t-trasport ta’ kull prodott jew tagħmir meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ ħidmiet umanitarji, inkluża l-kostruzzjoni ta’ djar jew kenn għall-vittmi, l-ispejjez assoċjati ma’ l-impjegati ta’ fuq barra, kemm dawk barranin kif ukoll dawk lokali, li jkunu ġew imqabbda fuq dawn l-ħidmiet, il-ħażna, it-trasport nazzjonali u intenazzjonali, il-loġistika u t-tqassim tas-solliev u kwalunkwe azzjoni immirata għall-iffaċilitar u għall-ftuħ ta’ passaġġ ħieles għall-għajnuna lil dawk li jkunu qed jirċevuha.

    Din tista’ wkoll tintuża biex tiffinanzja kull neqfa oħra relatata direttament ma’ l-implimentazzjoni ta’ l-ħidmiet umanitarji.

    Artikolu 4

    Għajnuna Komunitarja ta’ din ix-xorta msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tista’ tiġi użata wkoll biex tiffinanzja:

     studji ta’ tħejjija u fattibilità ta’ l-ħidmiet umanitarji u l-valutazzjoni ta’ proġetti u pjanijiet umanitarji, -

     ħidmiet ta’ sorveljanza ta’ proġetti u pjanijiet umanitarji,

     skemi ta’ taħriġ fuq skala żgħira u studji ġenerali fil-qasam tal-ħidmiet unmanitarji, li għandhom jonqsu bil-mod il-mod meta l-finanzjament ikun sa jieħu bosta snin,

     l-ispiża biex tiġi enfasizzata n-natura Komunitarja ta’ l-għajnuna,

     il-kuxjenza pubblika u l-kampanji ta’ tagħrif immirati biex jiżdied l-għarfien dwar kwistjonijiet umanitarji, speċjalment fl-Ewropa u f’pajjiżi terzi fejn il-Komunità qed tħallas għal ħidmiet umanitarji kbar,

     il-miżuri li jsaħħu l-kordnazzjoni Komunitarja ma’ l-Istati Membri, pajjiżi donaturi oħra, organizzazzjonijet u istituzzjonijiet umanitarji internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governativi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom,

     l-għajnuna teknika meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti umanitarji, inkluż l-iskambju tal-ħila teknika u l-esperjenza mill-organizzazzjonijiet umanitarji Ewropej u l-aġenziji jew bejn korpi simili u dawk tal-pajjiżi terzi,

     l-ħidmiet tat-tneħħija ta’ mini esplossivi, inklużi l-kampanji biex tiżdied il-kuxjenza kontra l-użu ta’ mini esplossivi kontra l-persunal min-naħa tal-popolazzjoni lokali.

    Artikolu 5

    Il-finanzjament Komunitarju taħt dan ir-Regolament għandu jkun f’forma ta’ għotjiet.

    Il-ħidmiet koperti minn dan ir-Regolament għandhom ikunu eżenti mit-taxxi, imposti, sisa u dazji tad-dwana.



    Il-KAPITOLU II

    PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA UMANITARJA

    Artikolu 6

    Ħidmiet ta’ għajnuna umanitarja ffinanzjati mill-Komunità jistgħu jiġu implimentati jew fuq talba ta’ aġenziji internazzjonali jew aġenziji mhux governattivi u organizzazzjonijiet mill-Istati Membri, inkella mill-pajjiż benefiċjarju terz jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni.

    Artikolu 7

    1.  L-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jkunu eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju għall-implimentazzjoni ta’ ħidmiet taħt dan ir-Regolament għandhom jilħqu dawn il-kriterji:

    (a) ikunu organizzazjonijiet awtonomi li jaħdmu bla profitt fi Stat Membru tal-Komunità taħt il-liġijiet li jkunu fis-seħħ f’dak l-Istat Membru;

    (b) ikollhom il-kwartier ġenerali ewlieni tagħhom fi Stat Membru tal-Komunità jew fil-pajjiżi terzi li jkunu jirċievu l-għajnuna Komunitarja. Il-kwartier ġenerali għandu jkun iċ-ċentru fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet għall-ħidmiet kollha li jkunu finanzjati taħt dan ir-Regolament. Eċċezzjonalment, il-kwartier ġenerali jista’ jkun f’pajjiż donatur terz.

    2.  Meta jiġi mistħarreġ jekk organizzazzjoni mhux governattiva jixirqilhiex li tingħata l-finanzjament Komunitarju, għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni l-fatturi li ġejjin:

    (a) il-kapaċitajiet tagħha fit-tmexxija amministrativa u finanzjarja;

    (b) il-kapaċità teknika u loġistika tagħha imqabbla mal-ħidma ppjanata;

    (ċ) l-esperjenza tagħha fil-qasam ta’l-għajnuna umanitarja;

    (d) ir-riżultati tal-ħidmiet preċedenti li twettqu mill-organizzazzjoni konċernata, partikolarment dawk finanzjati mill-Komunità;

    (e) kemm hi lesta biex tieħu parti, jekk ikun meħtieġ, fis-sistema kordinattiva mwaqqfa għall-ħidma umanitarja;

    (f) il-ħila u kemm hi lesta li taħdem ma’ l-aġenziji umanitarji u l-komunitajiet bażiċi tal-pajjiżi terzi konċenati;

    (g) l-imparzjalita tagħha fl-implimentazzjoni ta’l-għajnuna umanitarja;

    (h) fejn ikun xieraq, l-esperjenza preċedenti tagħha fil-pajjiżi terzi involuti fil-ħidma umanitarja konċernata.

    Artikolu 8

    Il-Komunità tista’ wkoll tiffinanzja ħidmiet ta’ għajnuna umanitarja minn aġenziji u organizzazzjonijet internazzjonali.

    Artikolu 9

    Fejn ikun meħtieġ, il-Komunità tista’ wkoll tiffinanzja ħidmiet umanitarji mill-Kummissjoni jew mill-aġenziji speċjalizzati ta’l-Istati Membri.

    Artikolu 10

    1.  Biex tiggarantixxi u tkabbar l-effettività u l-konsistenza tas-sistemi ta’ għajnuna umanitarja Komunitarja u nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tippromwovi koordinazzjoni mill-qrib bejn l-attivitajiet tagħha u dawk ta’ l-Istati Membri, kemm fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fuq il-post. Għal dak il-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħaddmu sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ħidmiet umanitarji finanzjati mill-Komunità jkunu kordinati u konsistenti ma’ dawk ta’ l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali, partikolarment dawk li jifformaw parti mis-sisterma tal-Ġnus Magħquda.

    3.  Il-Kummissjoni għandha tħabrek biex tiżviluppa l-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-Komunità u d-donaturi tal-pajjiżi terzi fil-qasam ta’ l-għajnuna Komunitarja.

    Artikolu 11

    1.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-allokazzjoni, il-mobilizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna taħt dan ir-Regolament.

    2.  L-għajnuna ma għandhiex tiġi implimentata jekk ir-benefiċjarju ma joqgħodx għal dawn il-kondizzjonijiet.

    Artikolu 12

    Il-kuntatti kollha ta’ finanzjament konklużi taħt dan ir-Regolament għandhom jipprovdu in partikolari li l-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri jkunu jistgħu jagħmlu verifiki fuq il-post u fil-kwariter ġenerali ta’ l-imsieħba umanitarji skond il-proċeduri tas-soltu stabbiliti mill-Kummissjoni taħt ir-regoli li qegħdin fis-seħħ, u partikolarment dawk tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.



    Il-KAPITOLU III

    PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TA’ ĦIDMIET UMANITARJI

    Artikolu 13

    Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar azzjoni ta’ l-emerġenza għal ammont li jiskorri l-10 miljun ECU.

    Dawn l-ħidmiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala li jeħtieġu azzjoni ta’ l-emerġenza:

     ħidmiet biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet umanitarji immedjati u imprevedibbli li jkunu seħħew minħabba diżastri għall-għarrieda jew diżastri maħluqa mill-bniedem, bħalma huma għarar, terremoti u meta jinqala l-ġlied jew sitwazzjonijiet simili,

     ħidmiet limitati għal kemm idum ir-risposta għall-emerġenza imprevedibbli: il-fondi korrispondenti għandhom ikopru r-risposta għall-ħtiġijiet umanitarji msemmija fl-ewwel paragrafu għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur kif stabbilit fid-deċiżjoni dwar il-finanzjament.

    Meta ħidmiet ikunu konformi ma’ dawn il-kondizzjonijiet u jkunu jiskorru iż-2 miljun ECU:

     il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha,

     għandha tinforma bil-miktub lill-Istati Membri fi żmien tmienja u erbgħin siegħa,

     trid tagħti rendikont tad-deċiżjoni tagħha fil-laqgħa tal-kumitat li tkun tmiss, partikolarment billi tagħti r-raġunijiet għala intużat il-proċedura ta’ l-emerġenza tagħha.

    ▼M2

    Id-deċiżjonijiet biex jitkomplew il-ħidmiet adottati mill-proċedura ta' urġenza għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, li taġixxi skont il-proċedura ta' mmaniġġjar imsemmija fl-Artikolu 17(2) u fil-limiti stabbiliti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 15(2).

    ▼B

    Artikolu 14

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, tiddeċiedi u tamministra, tissorvelja u tivvaluta l-ħidmiet taħt dan ir-Regolament skond il-proċeduri dwar l-estimi u l-proċeduri l-oħra li jkunu fis-seħħ, u partikolarment dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    ▼M2

    Artikolu 15

    ▼M3 —————

    ▼M2

    2.  Filwaqt li taġixxi skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 17(3), il-Kummissjoni għandha:

     tiddeċiedi dwar il-finanzjament Komunitarju tal-ħidmiet ta' protezzjoni tal-għajnuna umanitarja msemmija fl-Artikolu 2(c),

     tiddeċiedi li tieħu azzjoni diretta tal-Kummissjoni jew li tiffinanzja azzjoni mill-aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri.

    3.  Filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta' mmaniġġjar msemmija fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha:

     tapprova pjanijiet globali mfassla biex jipprovdu għal azzjonijiet f'pajjiż jew reġjun partikolari li jkun fejn l-iskala u l-kumplessità tal-kriżi umanitarja hija tali li tidher li x'aktarx li ser tissokta, u l-estimi għal dawk il-pjani. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jeżaminaw il-prijoritajiet li għandhom jiġu stabbiliti biex jiġu implimentati dawn il-pjanijiet globali,

     tiddeċiedi dwar il-proġetti li jiskorru 2 miljuni ECU, bla ħsara għall-Artikolu 13.

    ▼B

    Artikolu 16

    1.  Darba kull sena l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17 għandu jiddiskuti l-linji ta’ gwida ġenerali ppreżentati minn rappreżentant tal-Kummissjoni għall-ħidmiet umanitarji li għandhom jitwettqu fis-sena li tkun tmiss u jeżamina l-kwistjoni kollha tal-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja Komunitarja u nazzjonali u xi kwistjonijiet oħra ġenerali jew speċifiċi rigward l-għajnuna Komunitarja f’dak il-qasam.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tissottometti ukoll lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17 l-informazzjoni dwar il-bidliet fl-istrumenti għall-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja, inkluż il-ftehim dwar il-qafas tas-sħubija.

    3.  Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17 għandu jiġi notifikat dwar l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-valutazzjoni tal-ħidmiet umanitarji, u jekk jista’ jkun, l-iskeda taż-żmien ta’ meta għandu jsir ix-xogħol.

    ▼M2

    Artikolu 17

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

    2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar.

    3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar.

    ▼M3 —————

    ▼B

    Artikolu 18

    1.  Il-Kummissjoni għandha regolarment tivvaluta l-ħidmiet ta’ għajnuna umanitarja finanzjati mill-Komunità biex tistabbilixxi jekk dawn ikunux laħqu l-għanijiet tagħhom u biex toħloq linji ta’ gwida għat-titjib u l-effettività tal-ħidmiet li jiġu wara. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat ġabra fil-qosor, li għandha tagħti indikazzjoni ta’ l-istatus ta’ l-esperti impjegati, ta’ l-eżerċizzji ta’ valutazzjoni li jkunu saru biex b’hekk, jekk ikun meħtieġ, din tkun tista’ teżaminha. Ir-rapporti tal-valutazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli għall-Istati Membri meta dawn jitolbuhom.

    2.  Fuq talba ta’ l-Istati Membri, u bil-parteċipazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni tista’ wkoll tivvaluta r-riżultati tal-ħidmiet u tal-pjani umanitarji tal-Komunità.

    Artikolu 19

    Fl-għeluq tas-sena finanzjarja, il-Kumitat għandu jissottometti rapport annwali lil-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’ġabra fil-qosor tal-ħidmiet iffinanzjati matul dik is-sena.

    Is-sommarju għandu jkollu fih informazzjoni dwar l-aġenziji li magħhom ġew implimentati l-ħidmiet.

    Ir-rapport għandu jkun jinkludi ħarsa lura lejn xi eżerċizzji ta’valutazzjoni barranija li jkunu twettqu dwar ħidmiet speċifiċi.

    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri, fi żmien ta’ mhux aktar minn xahar mid-deċiżjoni tagħha u bla ħsara għall-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, dwar il-ħidmiet approvati, waqt li tindika l-ammont mogħti, in-natura tal-ħidmiet, in-nies li rċevew l-għajnuna u l-imsieħba li kienu involuti.

    Artikolu 20

    Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tissottometti valutazzjoni komplessiva tal-ħidmiet finanzjati mill-Komunità taħt dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ suġġerimenti għall-ġejjieni tar-Regolament u, kif meħtieġ, proposti ta’ emendi għalih.

    Artikolu 21

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Top