Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01996L0075-20031120

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill 96/75/KE tad-19 ta' Novembru 1996 dwar is-sistemi ta' kiri u prezzar fit-trasport nazzjonali u internazzjonali bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/75/2003-11-20

1996L0075 — MT — 20.11.2003 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 96/75/KE

tad-19 ta' Novembru 1996

dwar is-sistemi ta' kiri u prezzar fit-trasport nazzjonali u internazzjonali bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

(ĠU L 304, 27.11.1996, p.12)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' Settembru 2003

  L 284

1

31.10.2003




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 96/75/KE

tad-19 ta' Novembru 1996

dwar is-sistemi ta' kiri u prezzar fit-trasport nazzjonali u internazzjonali bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat ( 3 ),

Billi l-problemi dejjem jiżdiedu tas-saturazzjoni fit-toroq u fuq il-linji tal-ferrovija, tas-sigurtà tat-trasport, ta' l-ambjent, ta' l-iffrankar ta' enerġija u ta' kwalità ta' ħajja taċ-ċittadin jitolbu, fl-interess pubbliku, għal iktar żvilupp u użu aħjar tal-potenzjal tat-trasport offrut minn passaġġi fuq l-ilma interni, b'mod partikolari billi titjieb il-kompetittività tagħhom;

Billi d-differenza fil-liġijiet nazzjonali dwar is-sistemi għall-operazzjoni kummerċjali tat-trasport permezz ta' passaġġi fuq l-ilma interni, ma twassalx għall-funzjonament bla diffikulta f'dan is-settur; billi, għalhekk, dispożizzjonijiet komuni għandhom ikunu introdotti fil-livell tal-Komunità għas-suq kollu tal-passaġġi fuq l-ilma interni, skond ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1994 dwar it-titjib strutturali tat-trasport permezz ta' passaġġi fuq l-ilma interni ( 4 );

Billi l-funzjonament bla diffikultà tas-suq intern jitlob aġġustament fit-trasport permezz ta' passaġġi fuq l-ilma interni lejn l-organizzazzjoni ta' kiri b'rotazzjoni, biex wieħed jersaq lejn flessibiltà kummerċjali akbar u sistema ta' ħelsien ta' kiri u prezz;

Billi, għal dan il-għan għandha ssir dispożizzjoni għal perjodu transitorju, filwaqt li l-ambitu tas-sistema ta' rotazzjoni tkun gradwalment limitata għal trasportaturi biex jadattaw ruħhom għall-kondizzjonijiet ta' suq ħieles u, fejn jixraq, għall-istabbiliment ta' aggruppamenti kummerċjali iktar konvenjenti għall-ħtiġiet loġistiċi ta' shippers;

Billi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, huwa kemm meħtieġ u kif ukoll adegwat li tkun stabbilita skeda uniformi ta' żmien fil-livell tal-Komunità għal-liberalizzazzjoni gradwali tas-suq, filwaqt li titħalla lill-Istati Membri r-responsabbiltà li jimplimentaw din il-liberalizzazzjoni;

Billi għandhom ikunu adottati dispożizzjonijiet li jippermettu li tittieħed azzjoni fis-suq tat-trasport fil-kwistjoni fil-każ ta' tfixkil serju; billi, għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter li tieħu miżuri xierqa, skond il-proċedura tal-kumitat konsultattiv,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



L-Artikolu 1

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a) “sistema ta' kiri b'rotazzjoni” għandha tfisser sistema li tikkonsisti f'li jkunu allokati talbiet fi skambju ta' kiri għal operazzjonijiet ta' trasport, bi prezzijiet fissi minn qabel u taħt kondizzjonijiet magħrufa, minn klijenti fuq il-bażi ta' l-ordni li fiha bastimenti jkunu disponibbli wara l-ħatt. rasportaturi jintalbu, fl-ordni tar-reġistrazzjoni tagħhom f'rota, jagħżlu kulħadd wara min imissu tagħbija minn dawk offruti. Dawk li ma jagħmlu ebda għażla jżommu madankollu l-pożizzjoni tagħhom fl-ordni;

(b) “trasportatur” għandu jfisser sid jew operatur ta' wieħed jew iktar bastimenti għall-passaġġi fuq l-ilma interni;

(ċ) “awtorità kompetenti” għandha tfisser l-awtorità maħtura mill-Istat Membru biex tamministra u torganizza s-sistema ta' kiri b'rotazzjoni;

(d) “tfixkil serju tas-suq” għandha tfisser l-itfaċċar, fis-suq tat-trasport permezz ta' passaġġi fuq l-ilma interni, ta' problemi speċifiċi għal dak is-suq li aktarx jikkawżaw forniment żejjed serju u potenzjalment persistenti iktar mid-domanda, li bih tinqala' theddida serja għall-istabbilità finanzjarja u s-sopravivenza ta' numru kbir ta' trasportaturi permezz ta' passaġġi fuq l-ilma interni, ħlief jekk it-tbassir fil-qosor jew medju tas-suq fil-kwestjoni juri titjib sostanzjali u dejjiemi.

L-Artikolu 2

Fl-oqsma tat-trasport nazzjonali u internazzjonali permezz ta' passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità, għandhom ikunu konklużi kontratti b'mod liberu bejn il-partijiet ikkonċernati u prezzijiet għandhom ikunu nnegozjati b'mod liberu.

L-Artikolu 3

Minkejja l-Artikolu 2, L-Istati Membri jistgħu, għal perjodu transitorju sa l-1 ta' Jannar 2000, iżommu sistema ta' tariffi minimi obbligatorji u sistemi ta' kiri b'rotazzjoni, sakemm:

 hemm konformità mal-kondizzjonijiet espressi fl-Artikoli 4, 5 u 6; u

 is-sistemi ta' rotazzjoni u prezzijiet imposti huma liberament aċċessibbli taħt l-istess kondizzjonijiet għat-trasportaturi kollha ta' Stati Membri.

L-Artikolu 4

Matul il-perjodu transitorju li jirreferi għalih l-Artikolu 3, dawn li ġejjin m'għandhomx ikunu suġġetti għal sistemi ta' kiri b'rotazzjoni bħal dawn:

(a) żejt u gass, tagħbija likwida u ġarr ta' tagħbija solida, tagħbijiet speċjali bħal tagħbijiet tqal u indiviżibbli (li ma jistgħux jinqasmu), trasport ta' kontenituri, trasport ġewwa l-arji ta' portijiet, kull xorta ta' trasport għal rasu u kull tip ta' operazzjoni ta' trasport diġà barra s-sistema ta' kiri b'rotazzjoni;

(b) tagħbijiet li ma jistgħux ikunu ttrattati b'mod effettiv minn sistemi bħal dawn, b'mod partikolari:

 trasport li jirrikjedi tagħmir għat-tqandil ta' oġġetti,

 trasport ikkombinat, jiġifieri trasport intermodali fejn ir-rotot huma prinċipalment b' passaġġi fuq l-ilma interni u l-partijiet (qosra kemm jista' jkun) inizjali u/jew terminali huma bi triq jew il-ferrovija.

L-Artikolu 5

Matul il-perjodu transitorju li jirreferi għalih l-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex ikabbru kemm jistgħu l-flessibilità tas-sistemi ta' kiri b'rotazzjoni, b'mod partikolari:

 billi jipprovdu lix-shippers l-opportunità li jikkonkludu appalti għal vjaġġi multipli, jiġifieri. serje ta' vjaġġi suċċessivi bl-użu ta' l-istess bastiment,

 billi jipprovdu li vjaġġi singli jew multipli offruti darbtejn b'mod konsekuttiv taħt is-sistema ta' kiri b'rotazzjoni mingħajr ma jinkrew għandhom jinħarġu minn dik is-sistema u jkunu nnegozjati b'mod liberu.

L-Artikolu 6

Fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri mdaħħlin f'sistemi ta' kiri b'rotazzjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħtu l-possibbiltà lil shippers li jkollhom għażla libera bejn tliet tipi ta' kuntratti:

 kuntratti fuq bażi ta' żmien, inklużi kuntratti ta' kera, fejn it-trasportatur jagħmel disponibbli b'mod esklussiv bastiment jew iktar u ekwipaġġ lil klijent għal perjodu speċifiku għat-trasport ta' oġġetti għal dak il-klijent bi ħlas ta' somma ta' flus determinata għal kull jum. l-kuntratt ikun konkluż bejn il-partijiet b'mod liberu,

 kuntratti ta' tunnellaġġ fejn it-trasportatur jinpenja ruħu li jittrasporta, għal perjodu preskritt fil-kuntratt, tunnellaġġ determinat bi ħlas ta' rati ta' tagħbija bit-tunnellata metrika. l-kuntratt ikun konkluż b'mod liberu bejn il-partijiet u għandu jinvolvi konsenji kbar,

 kuntratti għal vjaġġi singli jew multipli.

L-Artikolu 7

1.  Fil-każ ta' tfixkil serju fis-suq tat-trasport permezz ta' passaġġi fuq l-ilma interni, il-Kummissjoni tista', mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89 tas-27 ta' April 1989 dwar titjib strutturali fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni ( 5 ), wara t-talba ta' Stat Membru, tieħu miżuri adattati, u b'mod partikolari miżuri maħsuba biex jimpedixxu kull żieda ġdida fil-kapaċità tat-trasport li jista' jkun offrut fis-suq fil-kwistjoni. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 8(2).

2.  Fil-każ ta' talba minn Stat Membru għal miżuri adattati, deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien perjodu ta' tliet xhur minn meta tkun irċevuta t-talba.

3.  It-talba minn Stat Membru għal miżuri adattati li jittieħdu għandha tkun akkompanjata bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun stmata s-sitwazzjoni ekonomika fis-settur fil-kwistjoni, b'mod partikolari:

 indikazzjoni ta' l-ispejjeż u l-prezzijiet medji għat-tipi differenti ta' trasport,

 ir-rata ta' utilizzazzjoni ta' l-istiva,

 tbassir tad-domanda.

Din l-informazzjoni tista' tintuża biss għal għanijiet statistiċi. Ma tistax tintuża għal għanijiet ta' taxxa jew ikkomunikata lill-partijiet terzi.

4.  Deċiżjonijiet meħuda skond dan l-Artikolu, li ma jistgħux jeċċedu d-dewmien tat-tfixkil fis-suq, għandhom ikunu nnotifikati mill-ewwel lill-Istati Membri.

▼M1

Artikolu 8

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit bid-Direttiva 91/672/KEE (minn hawn il-quddiem referut bħala “il-Kumitat”).

2.  Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 6 ) għandhom ikunu applikabbli, wara li jkunu meqjusa d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

▼B

L-Artikolu 9

1.  L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 1997. Huma għandhom mill-ewwel jinformaw b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fi żmien il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal riferenza bħal din għandha tkun adottata mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mill-ewwel lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) ĠU C 318, tad-29.11.1995, p. 8.

( 2 ) ĠU C 39, tat-12.2.1996, p. 96.

( 3 ) L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 1996 (ĠU C 65, ta' l-4.3.1996, p. 32) pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1996 (ĠU C 264, tal-11.9.1996) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 1996 (ĠU C 320, tat-28.6.1996).

( 4 ) ĠU C 309, tal-5.11.1994, p. 5.

( 5 ) ĠU L 116, tat-28.4.1989, p. 25. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2254/96 (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

( 6 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23)

Top