Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01996L0067-20240520

    Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/EC tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/67/2024-05-20

    01996L0067 — MT — 20.05.2024 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 96/67/EC

    tal-15 ta' Ottubru 1996

    dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità

    (ĠU L 272 25.10.1996, p. 36)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tad-29 ta' Settembru 2003

      L 284

    1

    31.10.2003

    ►M2

    DEĊIŻJONI (UE) 2024/1254 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-24 ta’ April 2024

      L 1254

    1

    30.4.2024




    ▼B

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 96/67/EC

    tal-15 ta' Ottubru 1996

    dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità



    L-Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.  

    Din id-Direttiva tapplika għal kull ajruport li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u miftuħa għat-traffiku kummerċjali fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a) 

    Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1) li jirrelataw mal-kategoriji ta' servizzi ta' ground-handling barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 7(2) għandhom japplikaw għal kull ajruport ikun x'ikun il-volum tiegħu ta' traffiku mill-1 ta' Jannar 1998.

    (b) 

    Id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling imsemmija fl-Artikolu 7(2) għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 1998 għal ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom ma jkunx anqas minn miljun moviment ta' passiġġier jew 25 000 tunnellati ta' merkanzija.

    (ċ) 

    Id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling imsemmija fl-Artikolu 6 għandhom jgħoddu mill-1 ta' Jannar 1999 għall-ajruporti:

    — 
    li t-traffiku annwali tagħhom mhux anqas minn moviment ta' 3 miljun passiġġier jew 75 000 tunnellati ta' merkanzija; jew
    — 
    li t-traffiku tagħhom kien ta' mhux anqas minn 2 miljun moviment ta' passiġġier jew 50 000 tunnellati ta' merkanzija matul il-perjodu ta' sitt xhur li jiġi qabel l-1 ta' April jew l-1 ta' Ottubru tas-sena ta' qabel.
    2.  
    Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu mill-1 ta' Jannar 2001 għal kull ajruport li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u miftuħ għat-traffiku kummerċjali, li t-traffiku annwali tiegħu ma jkunx anqas minn moviment ta' 2 miljun passiġġier jew 50 000 tunnellati ta' merkanzija.
    3.  
    Fejn ajruport jilħaq wieħed mil-limiti msemmija f'dan l-Artikolu mingħajr ma jilħaq il-limitu li jikkorespondi mal-moviment ta' passiġġieri, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għall-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling riżervati esklussivament għall-passiġġieri.

    ▼M2 —————

    ▼B

    5.  
    L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibiltà hija miftiehma li tkun mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi ta' Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tal-kwistjoni dwar is-sovranità dwar it-territorju li fih jinsab l-ajruport.
    6.  
    L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibiltà għandha tkun sospiża sakemm l-arranġamenti tad-dikjarazzjoni konġunta magħmula mill-Ministri Barranin ta' Spanja u r-Renju Unit fit-2 ta' Diċembru 1987 tibda titħaddem. Il-Gvernijiet ta' Spanja u r-Renju Unit għandhom javżaw b'dan lill-Kunsill f'dik id-data.

    L-Artikolu 2

    Tifsiriet

    Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

    (a) 

    “ajruport” tfisser kull arja ta' art speċjalment adattata għall-inżul, tluq u manuvri ta' inġenji ta' l-ajru, inklużi l-istallazzjonijiet anċillari li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu għall-ħtiġiet tat-traffiku u servizzi ta' l-inġenji ta' l-ajru inklużi l-istallazzjonijiet meħtieġa biex jgħinu servizzi kummerċjali ta' l-ajru;

    (b) 

    “sistema ta' ajruport” tfisser żewġ ajruporti jew aktar raggruppati flimkien biex jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni, kif imsemmija fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji;

    (ċ) 

    “korp li jmexxi l-ajruport” tfisser korp li, flimkien ma' attivitajiet oħra jew le skond il-każ, għandu bħala l-għanijiet tiegħu taħt xi liġi jew regolament nazzjonali li jamministra u jmexxi l-infrastrutturi ta' l-ajruport, u l-koordinazzjoni u l-kontroll ta' l-attivitjiet ta' l-operaturi differenti preżenti fl-ajruport jew is-sistema ta' ajruport konċernata;

    (d) 

    “dak li juża l-ajruport” tfisser kull persuna naturali jew legali responsabbli għall-ġarr ta' passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru minn, jew għall-ajruport konċernat;

    (e) 

    groundhandling” tfisser is-servizzi provduti għal dawk li jużaw l-ajruport kif deskritti fl-Anness;

    (f) 

    self-handling” tfisser sitwazzjoni li fiha dak li juża l-ajruport direttament jipprovdi għalih innifsu waħda jew aktar mill-kategorija ta' servizzi ta' groundhandling u ma jkun ikkonkluda ebda kuntratt ta' kull deskrizzjoni ma' partijiet terzi għall-provista ta' dawk is-servizzi; għall-għanijiet ta' din it-tifsira, bejniethom dawk li jużaw l-ajruport m'għandhomx jitqiesu li jkunu partijiet terzi fejn:

    — 
    wieħed għandu maġġoranza ta' ishma fl-ieħor; jew
    — 
    korp wieħed għandu maġġoranza ta' ishma f'kull wieħed;
    (g) 

    “fornitur ta' servizzi ta' groundhandling” tfisser kull persuna naturali jew legali li tipprovdi lill-partijiet terzi kategorija waħda jew aktar ta' servizzi ta' groundhandling.

    L-Artikolu 3

    Korp li jmexxi l-ajruport

    1.  
    Fejn ajruport jew sistema ta' ajruport hija mħaddma u operata mhux minn korp wieħed iżda minn diversi korpi separati, kull wieħed minn dawk il-korpi jkun meqjus parti mill-korp li jmexxi l-ajruport għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.
    2.  
    Bl-istess mod, fejn korp wieħed li jmexxi huwa mwaqqaf għal diversi ajruporti jew sistemi ta' ajruporti, kull wieħed minn dawk l-ajruporti jew sistemi ta' ajruporti għandu jitqies separatament għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.
    3.  
    Jekk il-korp li jmexxi l-ajruporti huwa suġġett għas-sorveljanza jew kontroll ta' awtorità pubblika nazzjonali, dik l-awtorità għandha tkun obbligata, fil-kuntest ta' l-obbligi legali li jiddevolvu fuqha, tiżgura li din id-Direttiva tiġi applikata.

    L-Artikolu 4

    Separazzjoni tal-kontijiet

    1.  
    Fejn korp li jmexxi ajruport, dak li juża l-ajruport jew il-fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jipprovdi servizzi ta' groundhandling, għandhom jisseparaw rigorożament il-kontijiet ta' l-attivitajiet ta' groundhandling mill-kontijiet ta' l-attivitajiet l-oħra tagħhom, skond il-prattika kummerċjali fis-seħħ.
    2.  
    Eżaminatur indipendenti maħtur mill-Istat Membru għandu jivverifika li din is-separazzjoni ta' kontijiet titwettaq.

    L-eżaminatur għandu jivverifika wkoll l-assenza ta' flussi finanzjarji bejn l-attività tal-korp li jmexxi bħala awtorità ta' l-ajruport u l-attività tiegħu ta' groundhandling.

    L-Artikolu 5

    Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruport

    1.  
    Tnax-il xahar sa l-aktar tard mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal kull wieħed mill-ajruporti konċernati, kumitat ta' rappreżentanti ta' dawk li jużaw l-ajruport jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw dawk li jużaw l-ajruport jitwaqqaf.
    2.  
    Dawk kollha li jużaw l-ajruport għandhom id-dritt li jkunu fuq dan il-kumitat, jew, jekk hekk jixtiequ, li jkunu rappreżentati fuqu minn organizzazzjoni maħtura għal dak il-għan.

    L-Artikolu 6

    Groundhandling għall-partijiet terzi

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skond l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 1 biex jiżguraw aċċess ħieles għall-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling għas-suq tal-provista ta' servizzi ta' groundhandling lill-partijiet terzi.

    L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jeħtieġu lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling ikunu stabbiliti fil-Komunità.

    2.  

    L-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta' fornituri awtorizzati li jipprovdu l-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling li ġejjin:

    — 
    maniġġar tal-bagolli,
    — 
    maniġġar tar-rampa,
    — 
    maniġġar tal-karburanti u żjut,
    — 
    maniġġar ta' merkanzija u posta fir-rigward tat-tmexxija fiżika tal-merkanzija u l-posta, sew dawk li jidħlu jew dawk li joħorġu, bejn it-terminal ta' l-ajru u l-inġenju ta' l-ajru.

    M'għandhomx iżda, jillimitaw in-numru għal anqas minn tnejn għal kull kategorija ta' servizz ta' groundhandling.

    3.  

    B'żieda, mill-1 ta' Jannar 2001 ta' l-anqas wieħed mill-fornituri awtorizzati ma jistax ikun direttament jew indirettament ikkontrollat minn:

    — 
    korp li jmexxi l-ajruport,
    — 
    xi wieħed minn dawk li juża l-ajruport li jkun ġarr aktar minn 25 % tal-passiġġieri jew merkanzija rekordjati fl-ajruport matul is-sena ta' qabel li fiha dawk il-fornituri kienu magħżula,
    — 
    korp li jikkontrolla jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn dak il-korp tat-tmexxija jew kull utent bħal dak.

    Iżda mill-1 ta' Lulju 2000, Stat Membru jista' jitlob li l-obbligu ta' dan il-paragrafu ikun differit sal-31 ta' Diċembru 2002.

    Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10, għandha teżamina dik it-talba u tista', wara li tikkonsidra l-evoluzzjoni tas-settur u, b'mod partikolari, is-sitwazzjoni fl-ajruporti paragunabbli skond il-volum ta' traffiku u x-xejra, tiddeċiedi li tilqa' l-imsemmija talba.

    4.  
    Fejn bis-saħħa tal-paragrafu 2 jirrestrinġu n-numru ta' fornituri awtorizzati, l-Istati Membri m'għandhomx jipprevjenu lil xi ħadd li juża l-ajruport, tkun liema tkun il-parti ta' l-ajruport allokata lilu, milli jkollu, dwar kull kategorija ta' servizz ta' groundhandling suġġetta għar-restrizzjoni, l-għażla effettiva bejn ta' l-anqas żewġ fornituri ta' servizzi ta' groundhandling, taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 u 3.

    L-Artikolu 7

    Self-handling

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa skond l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 1 biex jiżguraw il-liberta ta' self-handling.
    2.  

    Iżda, għall-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling li ġejjin:

    — 
    maniġġar tal-bagolli,
    — 
    maniġġar tar-rampa,
    — 
    maniġġar tal-karburanti u żjut,
    — 
    maniġġar ta' merkanzija u posta fir-rigward tal-maniġġjar fiżiku tal-merkanzija u l-posta, sew dawk li jidħlu, dawk li joħorġu, jew dawk li jiġu trasferiti, bejn it-terminal ta' l-ajru u l-inġenju ta' l-ajru.

    L-Istati Membri jistgħu jirriżervaw id-dritt għall-self-handling għal mhux anqas minn tnejn li jużaw l-ajruport, sakemm dawn jintagħżlu fuq il-bażi ta' kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskjriminatorji.

    L-Artikolu 8

    Infrastrutturi ċentralizzati

    1.  
    Minkejja l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6 u 7, l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw għall-korp li juża l-ajruport jew għal xi korp ieħor it-tmexxija ta' l-istrutturi ċentralizzati użati għall-provista ta' servizzi ta' groundhandling li l-komplessità, nefqa u impatt ambjentali tagħhom ma jippermettix id-divizjoni jew id-duplikazzjoni, bħal tagħżil tal-bagolli, de-icing, purifikazzjoni ta' l-ilma u sistemi tad-distribuzzjoni tal-karburanti. Jistgħu jagħmluha obbligatorja għall-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling li jużaw l-ajruport li jużaw dawn l-infrastrutturi.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmexxija ta' dawn l-infrastrutturi tkun trasparenti, oġġettiva u mhux diskriminatorja u, b'mod partikolari, li ma tfixkilx l-aċċess għall-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling jew self-handling li jużaw l-ajruport fil-limiti li għalihom tipprovdi din id-Direttiva.

    L-Artikolu 9

    Eżenzjonijiet

    1.  

    Fejn f'ajruport, minħabba restrizzjonijiet speċifiċi ta' nuqqas ta' spazju jew kapaċità disponibbli, li toħroġ b'mod partikolari minn konġestjoni u r-rata ta' utilizzazzjoni ta' l-arja, jagħmluha impossibbli li jinfetaħ is-suq u/jew jiġi implimentat self-handling sal-grad li għalih tipprovdi din id-Direttiva, l-Istat Membru konċernat jista' jiddeċiedi:

    (a) 

    li jillimita n-numru ta' fornituri għall-waħda jew iżjed mill-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 6(2) fl-ajruport kollu jew parti minnu; f'dan il-każ id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(2) u (3) għandhom jgħoddu;

    (b) 

    li jirriżerva għall-provditur wieħed jew aktar il-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling imsemmija fl-Artikolu 6(2);

    (ċ) 

    li jirriżerva s-self-handling għal numru limitat ta' dawk li jużaw l-ajruport għall-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling ħlief għal dawk li għalihom jirreferi l-Artikolu 7(2), sakemm dawk li jużaw l-ajruport ma jkunux magħżula fuq il-bażi tal-kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji;

    (d) 

    li jipprojbixxu s-self-handling jew jirrestrinġuh għal wieħed biss li juża l-ajruport għall-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling li għalihom jirreferi l-Artikolu 7(2).

    2.  

    L-eżenzjonijiet kollha deċiżi skond il-paragrafu 1 għandhom:

    (a) 

    jispeċifikaw il-kategorija jew kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling li dwarhom tkun ingħatat l-eżenzjoni u r-restrizzjonijiet speċifiċi ta' spażju jew kapaċità disponibbli li tiġġustifikhom;

    (b) 

    ikunu akkumpanjati minn pjan ta' miżuri xierqa biex jintgħelbu dawn ir-restrizzjonijiet.

    B'żieda, l-eżenzjonijiet m'għandhomx:

    (i) 

    jippreġudikaw indebitament l-għanijiet ta' din id-Direttiva;

    (ii) 

    jagħtu lok għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejn fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u/jew self-handling li jużaw l-ajruport;

    (iii) 

    jestendu aktar milli meħtieġ.

    3.  
    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, ta' l-anqas tliet xhur qabel ma jdaħħlu fis-seħħ, b'eżenzjonijiet li jagħtu fuq il-bażi tal-paragrafu 1 u fuq il-bażi li jiġġustifikawhom.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju tad-deċiżjonijiet li tkun ġiet nnotifikati bihom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandha tistieden lill-partijiet interessati li jibgħatu l-kummenti tagħhom.

    4.  
    Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-qrib id-deċiżjonijiet ta' eżenzjoni mibgħuta mill-Istati Membri. Għal dak il-għan il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni u studju tal-miżuri xierqa mibgħuta mill-Istat Membru biex tivverifika li r-restrizzjonijiet allegati jeżistu u li huwa impossibbli li jinfetaħ is-suq u/jew jiġi implimentat is-self-handling sal-grad kif hemm ipprovdut f'din id-Direttiva.
    5.  
    B'żieda ma' dak l-eżami u wara li tikkonsulta ma' l-Istat Membru konċernat, il-Kummissjoni tista' tapprova d-deċiżjoni ta' l-Istat Membru jew topponiha jekk tqis li r-restrizzjonijiet allegati ma jkunx ġie ppruvat li jeżistu jew li mhumiex daqshekk gravi li jiġġustifikaw l-eżenzjoni. Wara li tikkonsulta l-Istat Membru konċernat il-Kummissjoni tista' wkoll teħtieġ lill-Istat Membru li jemenda l-firxa ta' l-eżenzjoni jew jillimitha għal dawk il-partijiet ta' l-ajruport jew sistema ta' l-ajruport fejn ir-restrizzjonijiet allegati jkunu ġew ippruvati li jeżistu.

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tittieħed mhux aktar tard mnn tliet xhur wara n-notifikazzjoni mill-Istat Membru u għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    6.  
    Eżenzjonijiet mogħtija minn Stat Membru skond il-paragrafu 1 ma jistgħux ikunu ta' aktar minn tliet snin ħlief għall-eżenzjonijiet mogħtija taħt il-paragrafu 1(b). Mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' dak il-perjodu l-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni ġdida dwar xi talba għall-eżenzjoni, li għandha wkoll tkun suġġetta għall-proċedura mniżżla f'dan l-Artikolu.

    Eżenzjonijiet taħt il-paragrafu 1(b) m'għandhomx ikunu itwal minn sentejn. Iżda, Stat Membru jista' fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jitlob li dak il-perjodu jiġi mtawwal b'perjodu wieħed ta' sentejn. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat li għalih jirreferi l-Artikolu 10, għandha tiddeċiedi dwar dik it-talba.

    ▼M1

    L-Artikolu 10

    Kumitat Konsultattiv

    1.  
    Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjunha minn kumitat.
    2.  
    Il-Kumitat għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 9.
    3.  
    Il-Kumitat jista, aktar minn hekk, ikun ikkonsultat mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe materja li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
    4.  
    Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 1 ) għandhom ikunu applikabbli, wara li jkunu meqjusa d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
    5.  
    Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

    ▼B

    L-Artikolu 11

    Għażla ta' fornituri

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-proċedura ta' l-għażla għall-fornituri awtorizzati li jipprovdu servizzi ta' ground-handling f'ajruport fejn in-numru tagħhom huwa limitat fil-każijiet li għalihom jipprovdi l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 9. Din il-proċedura għandha tikkonforma mal-prinċipji li ġejjin:

    (a) 

    Fil-każijiet fejn l-Istati Membri jeħtieġu t-twaqqif ta' kondizzjonijiet standard jew speċifikazzjonijiet tekniċi li jiġu osservati minn fornituri ta' servizzi ta' groundhandling, dawk il-kondizzjonijiet jew speċifikazzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruport. Il-kriterji ta' l-għażla mniżżla fil-kondizzjonijiet standard jew speċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

    Wara li jkun innotifika lill-Kummissjoni, l-Istat Membru konċernat jista' jinkludi mal-kondizzjonijiet jew speċifikazzjonijiet tekniċi li magħhom il-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling għandhom jikkonformaw obbligi ta' servizz pubbliku dwar l-ajruporti li jservu reġjuni periferiċi jew li qed jiżviluppaw li jagħmlu parti mit-territorju tiegħu, li ma jkollhom ebda interess kummerċjali iżda li huma ta' importanza vitali għall-Istat Membru konċernat.

    (b) 

    Invit għall-offerta għandu joħroġ u jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li għalih kull fornitur interessat ta' servizzi ta' groundhandling jista' jirrispondi.

    (ċ) 

    Fornituri ta' servizzi ta' groundhandling għandhom jingħażlu:

    (i) 

    wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruporti mill-korp li jmexxi l-ajruport, b'dan illi dan ta' l-aħħar:

    — 
    ma jipprovdix servizzi simili ta' groundhandling; u
    — 
    ma jkollu ebda kontroll dirett jew indirett fuq xi impriża li tipprovdi dawk is-servizzi; u
    — 
    ma jkollu ebda involviment f'xi impriża bħal dawk;
    (ii) 

    fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li huma indipendenti mill-korp li jmexxi l-ajruport konċernat, u għandhom l-ewwel jikkonsultaw mal-Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruporti u dak il-korp li jmexxi.

    (d) 

    Fornituri ta' servizzi ta' groundhandling għandhom jintgħażlu għall-perjodu massimu ta' seba' snin.

    (e) 

    Fejn fornitur ta' servizzi ta' groundhandling iwaqqaf l-attività tiegħu qabel it-tmiem tal-perjodu li għalih ikun intgħażel, għandu jinbidel fuq il-bażi ta' l-istess proċedura.

    2.  

    Fejn in-numru ta' fornituri ta' servizzi ta' groundhandling huwa limitat skond l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 9, il-korp li jmexxi l-ajruport jista' hu innifsu jipprovdi s-servizzi ta' groundhandling mingħajr ma jkun suġġett għall-proċedura ta' l-għażla mniżżla fil-paragrafu 1. Bl-istess mod, jista' mingħajr ma jibgħatha għall-istess proċedura, jawtorizza impriża li tipprovdi servizzi ta' groundhandling fl-ajruport konċernat:

    — 
    jekk ikun jikkontrolla dik l-impriża direttament jew indirettament; jew
    — 
    l-impriża tikkontrollah direttament jew indirettament.
    3.  
    Il-korp li jmexxi l-ajruport għandu javża lill-Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruport bid-deċiżjonijiet meħuda taħt dan l-Artikolu.

    L-Artikolu 12

    Ajruporti fi Gżejjer

    Fil-kuntest ta' l-għażla ta' fornituri ta' servizzi ta' groundhandling f'ajruport kif hemm provdut fl-Artikolu 11, Stat Membru jista' jifrex l-obbligi ta' servizz pubbliku f'ajruporti oħra f'dak l-Istat Membru sakemm:

    — 
    dawk l-ajruporti jkunu jinsabu fuq gżejjer fl-istess reġjun ġeoġrafiku; u
    — 
    kull wieħed minn dawk l-ajruporti jkollu volum ta' traffiku ta' mhux anqas minn 100 000 moviment ta' passiġġier fis-sena; u
    — 
    dik l-estenzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 13

    Konsultazzjonijiet

    L-Istati Membri għandhom jaraw li l-proċedura ta' konsultazzjoni obbligatorja li tirrelata ma' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva hija organizzata bejn il-korp li jmexxi l-ajruport, il-Kumitat ta' dawk li jużaw l-ajruport u l-impriżi li jipprovdu servizzi ta' groundhandling. Din il-konsultazzjoni għandha tkopri, fost oħrajn, il-prezz ta' dawk is-servizzi ta' groundhandling li dwarhom tkun ingħatat eżenzjoni skond l-Artikolu 9(1)(b) u l-organizzazzjoni tal-provista ta' dawk is-servizzi. Dawk il-konsultazzjonijiet għandhom jiġu organizzati ta' l-anqas darba fis-sena.

    L-Artikolu 14

    Approvazzjoni

    1.  
    L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-attività ta' groundhandling ta' fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jew dak li juża s-self-handling f'ajruport kondizzjonata fuq il-ksib ta' approvazzjoni ta' awtorità pubblika indipendenti mill-korp li jmexxi l-ajruport.

    Il-kriterji għal dik l-approvazzjoni għandhom jirrelataw ma' sitwazzjoni finanzjarja soda u kopertura biżżejjed ta' assigurazzjoni, għas-sigurezza u sigurtà ta' stallazzjonijiet, tal-bċejjeċ ta' l-ajru, ta' tagħmir u ta' persuni, kif ukoll tal-protezzjoni ambjentali u konformità mal-leġislazzjoni soċjali relevanti.

    Il-kriterji għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

    (a) 

    għandhom ikunu applikati b'mod mhux diskriminatorju għall-fornituri diversi ta' servizzi ta' groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport;

    (b) 

    għandhom jirrelataw ma' l-għan maħsub.

    (ċ) 

    m'għandhomx, fil-prattika, inaqqsu l-aċċess għas-suq jew l-għażla ta' self-handle f'livell aktar baxx minn dak li tipprovdi din id-Direttiva.

    Dawn il-kriterji għandhom isiru pubbliċi u l-fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jew self-handling ta' dak li juża l-ajruport għandhom ikunu avżati bil-quddiem bil-proċedura tal-ksib ta' l-approvazzjoni.

    2.  
    L-approvazzjoni tista' tinżamm jew tiġi rtirata biss jekk il-fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jew self-handling ta' dak li juża l-ajruport ma jilħqux, minħabba raġunijiet li għalihom huwa responsabbli hu stess, il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1.

    Ir-raġunijiet għaż-żamma jew l-irtirar għandhom jiġu komunikati lill-fornitur jew dak li juża konċernat u lill-korp li jmexxi l-ajruport.

    L-Artikolu 15

    Regoli ta' kondotta

    Stat Membru jista', fejn japplika fuq proposta mill-korp li jmexxi l-ajruport:

    — 
    jipprojbixxi li fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jew dak li juża l-ajruport milli jipprovdi servizzi ta' groundhandling jew self-handling jekk dak il-fornitur jew dak li juża jonqos milli jħares ir-regoli imposti fuqu biex jiżgura t-tħaddim kif imiss ta' l-ajruport;
    Dawk ir-regoli għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:
    (a) 

    għandhom ikunu applikati b'mod mhux diskriminatorju għall-fornituri diversi ta' servizzi ta' groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport;

    (b) 

    għandhom jirrelataw ma' l-għan maħsub;

    (ċ) 

    m'għandhomx, fil-prattika, inaqqsu l-aċċess għas-suq jew l-għażla ta' self-handle f'livell aktar baxx minn dak li tipprovdi din id-Direttiva.

    — 
    b'mod partikolari jeħtieġu li fornituri ta' servizzi ta' groundhandling f'ajruport li jipparteċipaw b'mod ġust u mhux diskriminatorju fit-twettiq ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku mniżżla fil-liġijiet jew regoli nazzjonali, inkluż l-obbligu li jiġi żgurat servizz kontinwu.

    L-Artikolu 16

    Aċċess għal stallazzjonijiet

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport li jixtiequ li jmexxu huma stess ikollhom aċċess għall-istallazzjonijiet ta' l-ajruport sal-limitu meħtieġ għalihom biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Jekk il-korp li jmexxi l-ajruport jew, fejn japplika, l-awtorità pubblika jew xi korp ieħor li jikkontrollah jimponi xi kondizzjonijiet dwar dak l-aċċess, dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.
    2.  
    L-ispazju disponibbli għall-groundhandling f'ajruport għandu jkun maqsum mal-fornituri varji tas-servizzi ta' groundhandling u self-handling ta' dawk li jużaw l-ajruport, inklużi dawk li jidħlu ġodda f'dan il-qasam, sal-limitu meħtieġ għat-twettiq tad-drittijiet tagħhom u li jippermetti kompetizzjoni effettiva u ġusta, fuq il-bażi tar-regoli u kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.
    3.  
    Fejn l-aċċess għall-istallazzjonijiet ta' ajruport jagħti lok għall-ġbir ta' ħlas, din ta' l-aħħar għandha tkun stabbilita skond il-kriterji relevanti, oġġettivi trasparenti u mhux diskriminatorji.

    L-Artikolu 17

    Sigurtà u sigurezza

    Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhom bl-ebda mod jeffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta' l-Istati Membri dwar il-liġi u l-ordni, sigurtà u sigurezza fl-ajruporti.

    L-Artikolu 18

    Protezzjoni soċjali u ambjentali

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u r-rispett għall-ambjent.

    L-Artikolu 19

    Konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali

    Fornitur ta' servizzi ta' groundhandling f'ajruport fi Stat Membru għandu jkun meħtieġ li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li hija kompatibbli mal-liġi tal-Komunità.

    L-Artikolu 20

    Reċiproċità

    1.  

    Mingħajr preġudizzju għar-rabtiet internazzjonali tal-Komunità, fejn jidher li xi pajjiż terz, dwar l-aċċess għas-suq ta' servizzi ta' groundhandling jew self-handling:

    (a) 

    ma jagħtix, de jure jew de facto, lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn Stat Membru trattament paragunabbli ma' dak mogħti mill-Istati Membri lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn dak il-pajjiż; jew

    (b) 

    ma' jagħtix, de jure jew de facto, lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn Stat Membru trattament nazzjonali; jew

    (c) 

    lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn pajjiżi terzi oħra trattament aktar favorevoli minn fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn Stat Membru;

    Stat Membru jista' jissospendi l-obbligi kollha kemm huma jew parzjalment li joħorġu minn din id-Direttiva dwar fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport minn dak il-pajjiż terz, skond il-liġi tal-Komunità.

    2.  
    L-Istat Membru konċernat għandu javża lill-Kummissjoni b'kull irtirar jew sospensjoni tad-drittijiet jew obbligi.

    L-Artikolu 21

    Dritt ta' appell

    L-Istati Membri jew, fejn japplika, il-korpi li jmexxu l-ajruporti għandhom jiżguraw li kull parti b'interess leġittimu għandha d-dritt ta' appell kontra d-deċiżjonijiet jew miżuri individwali meħuda skond l-Artikoli 7(2) u 11 sa 16.

    Għandu jkun possibbli li jinġieb appell quddiem qorti nazzjonali jew awtorità pubblika ħlief il-korp li jmexxi l-ajruport konċernat u, fejn japplika, indipendenti mill-awtorità pubblika li tikkontrollah.

    L-Artikolu 22

    Rapport ta' tagħrif u reviżjoni

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Komunità bit-tagħrif meħtieġ minnha biex tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Dan ir-rapport, akkumpanjat b'xi proposti għar-reviżjoni tad-Direttiva, għandu jitħejja mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2001.

    L-Artikolu 23

    Implimentazzjoni

    1.  
    L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn sena mid-data tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandhom javżaw minnufih b'dan lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir ir-referenza għandhom jitniżżlu mill-Istati Membri.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert b'din id-Direttiva.

    L-Artikolu 24

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum li jiġi wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 25

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




    L-ANNESS

    LISTA TA' SERVIZZI TA' GROUNDHANDLING

    1.

    Amministrazzjoni fl-art u sorveljanza jinkludu:

    1.1.

    rappreżentanza u servizzi ta' kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali jew xi entità oħra, żburżjar għan-nom ta' dak li juża l-ajruport u dispożizzjoni għall-ispazju ta' l-uffiċċju tar-rappreżentanti tiegħu;

    1.2.

    kontroll tat-tagħbija, messaġġi u telekomunikazzjonijiet;

    1.3.

    tmexxija, ħażna u amministrazzjoni tat-tagħmir tal-unit load;

    1.4.

    kull servizz ieħor ta' sorveljanza qabel, matul u wara t-titjira u kull servizz ieħor amministrattiv mitlub minn dak li juża l-ajruport.

    2.

    Handling tal-passiġġieri jikkomprendi kull xorta ta' għajnuna lill-passiġġieri li jaslu, jitilqu, jittrasferixxu jew ikunu fi transitu, inkluż l-ivverifikar tal-biljetti u dokumenti tal-vjaġġ, reġistrazzjoni ta' bagolli u l-ġarr tagħhom għall-arja fejn jintgħażlu.

    3.

    Handling tal-bagolli jikkomprendi l-handling tal-bagolli fl-arja fejn jintgħażlu, jingħażlu, jitħejjew għat-tluq, jitgħabbew fuq jew jitniżżlu minn fuq it-tagħmir maħsub li jġorrhom mill-inġenju ta' l-ajru għall-arja fejn jintgħażlu u vici versa, kif ukoll il-ġarr tal-bagolli mill-arja fejn jintgħażlu għall-arja fejn jittieħdu lura.

    4.

    Handling tal-merkanzija u l-posta jikkomprendi:

    4.1.

    għall-merkanzija: l-handling fiżiku għall-esportazzjoni, trasferiment u importazzjoni tal-merkanzija, handling tad-dokumenti relatati, il-proċeduri tad-dwana u l-implimentazzjoni ta' xi proċedura ta' sigurezza miftiehma bejn il-partijiet jew meħtieġa fiċ-ċirkostanzi;

    4.2.

    għall-posta: l-handling fiżiku għall-posta dieħla 'l ġewwa u ħierġa 'l barra, l-handling tad-dokumenti relatati u l-implimentazzjoni ta' xi proċedura ta' sigurezza miftiehma bejn il-partijiet jew meħtieġa fiċ-ċirkostanzi;

    5.

    Handling tar-rampa jikkomprendi:

    5.1.

    it-tqegħid bl-ordni ta' l-inġenju ta' l-ajru fuq l-art mal-wasla u t-tluq ( *1 );

    5.2.

    għajnuna fl-ippakkjar ta' l-inġenju ta' l-ajru u l-provista ta' mekkaniżmi addattati (*1) ;

    5.3.

    komunikazzjoni bejn l-inġenju ta' l-ajru u l-fornitur air-side tas-servizzi (*1) ;

    5.4.

    għat-tgħabija u l-ħatt ta' l-inġenju ta' l-ajru, inkluża l-provista u t-tħaddim ta' mezzi addattati, kif ukoll tal-ġarr ta' l-ekwipaġġ u l-passiġġieri bejn l-inġenju ta' l-ajru u t-terminal, u t-trasport tal-bagolli bejn l-inġenju ta' l-ajru u t-terminal;

    5.5.

    il-provista u t-tħaddim għall-units addattati għall-istartjar tal-magna;

    5.6.

    iċ-ċaqliq ta' l-inġenju ta' l-ajru mal-wasla u t-tluq, kif ukoll il-provista u t-tħaddim ta' mekkaniżmi adattati;

    5.7.

    il-ġarr, tagħbija fuq u l-ħatt mill-inġenju ta' l-ajru ta' l-ikel u xorb.

    6.

    Is-servizzi ta' l-inġenju ta' l-ajru jikkomprendu:

    6.1.

    it-tindif minn barra u minn ġewwa ta' l-inġenju ta' l-ajru, u s-servizzi tat-tojlits u l-ilma;

    6.2.

    it-tkessiħ u t-tisħin tal-kabina, it-tneħħija ta' borra u silġ, id-de-icing ta' l-inġenju ta' l-ajru;

    6.3.

    l-irranġar mill-ġdid tal-kabina b'tagħmir adattat tal-kabina, il-ħażna ta' dan l-apparat.

    7.

    andling tal-karburanti u żjut jikkomprendi:

    7.1.

    l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' l-operazzjonijiet tal-għoti u t-tneħħija ta' karburanti, inkluża l-ħażna tal-karburant u l-kontroll tal-kwalità u l-kwantità tal-konsenji tal-karburanti;

    7.2.

    il-forniment mill-ġdid ta' żjut u likwidi oħra.

    8.

    Il-manutenzjoni ta' l-inġenju ta' l-ajru tikkonprendi:

    8.1.

    manutenzjoni ta' rutina mwettqa qabel it-titjira;

    8.2.

    manutenzjoni mhux ta' rutina mitluba minn dak li juża l-ajruport;

    8.3.

    il-provista u l-amministrazzjoni ta' spare parts u tagħmir addattat;

    8.4.

    it-talba għal jew prenotazzjoni ta' parkeġġ adattat u/jew spazju fil-hangar.

    9.

    L-operazzjonijiet tat-titjira u l-amministrazzjoni ta' l-ekwipaġġ jikkomprendu:

    9.1.

    tħejjija tat-titjira fl-ajruport tat-tluq jew f'xi punt ieħor;

    9.2.

    għajnuna matul it-titjira, inkluż re-dispatching fejn meħtieġ;

    9.3.

    attivitajiet wara t-titjira;

    9.4.

    amministrazzjoni ta' l-ekwipaġġ.

    10.

    Ġarr fuq l-art jikkomprendi:

    10.1.

    l-organizzazzjoni u l-esekuzzjoni tal-ġarr ta' l-ekwipaġġ, passiġġieri, bagolli, merkanzija u posta bejn terminals differenti fl-istess ajruport, iżda eskluż l-istess ġarr bejn l-inġenju ta' l-ajru u xi punt ieħor fil-perimetru ta' l-istess ajruport;

    10.2.

    kull ġarr speċjali mitlub minn dak li juża l-ajruport.

    11.

    Is-servizzi tal-catering jikkomprendu:

    11.1.

    koordinament bejn il-fornituri u l-managment amministrattiv;

    11.2.

    il-ħażna ta' ikel u xorb u t-tagħmir meħtieġ għat-tħejjija tagħhom;

    11.3.

    tindif ta' dan it-tagħmir;

    11.4.

    tħejjija u konsenja tat-tagħmir kif ukoll tal-provista tal-bar u ta' l-ikel.



    ( 1 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.)

    ( *1 ) Sakemm dawn is-servizzi ma jkunux provduti mis-servizz tat-traffiku ta' l-ajru.

    Top