Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01991L0676-20081211

    Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (91/676/KEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/676/2008-12-11

    1991L0676 — MT — 11.12.2008 — 002.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Diċembru 1991

    dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

    (91/676/KEE)

    (ĠU L 375, 31.12.1991, p.1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' Settembru 2003

      L 284

    1

    31.10.2003

    ►M2

    REGOLAMENT (KE) Nru 1137/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-22 ta' Ottubru 2008

      L 311

    1

    21.11.2008




    ▼B

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Diċembru 1991

    dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

    (91/676/KEE)



    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 130s tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

    Billi l-kontenut tan-nitrat fl-ilma ta’ wħud miż-żoni ta’ l-Istati Membri qiegħed jiżdied u huwa diġà għoli meta paragunat ma’ l-istandards stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 75/440/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar il-kwalità meħtieġa fl-ilma tal-wiċċ maħsub għall-ġbir ta’ l-ilma tax-xorb fl-Istati Membri ( 4 ), kif emendata bid-Direttiva 79/869/KEE ( 5 ), u d-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ( 6 ), kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1985;

    Billi r-raba’ programm ta’ azzjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar l-ambjent ( 7 ) wera illi l-Kummissjoni kellha l-ħsieb tagħmel proposta għal Direttiva dwar il-kontroll u t-tnaqqis tat-tniġġis fl-ilma li jirriżulta mit-tixrid jew l-iskarigu ta’ l-effluwenti tal-bhejjem tar-rziezet u l-użu eċċessiv tal-fertilizzanti;

    Billi r-riforma tal-politika komuni agrikola stabbilita fil-Green Paper tal-Kummissjoni “Perspettivi għall-politika komuni agrikola” uriet illi, waqt li l-użu tal-fertilizzanti u tad-demel li jkun fihom in-nitroġenu huwa meħtieġ għall-biedja Komunitarja, l-użu eċċessiv tal-fertilizzant jikkostitwixxi riskju għall-ambjent; illi hija meħtieġa azzjoni komuni għalbiex tikkontrolla l-problema li tirriżulta mill-produzzjoni eċċessiva tal-bhejjem tar-rziezet u li l-politika agrikola għandha tagħti aktar kas tal-politika ambjentali;

    Billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1988 dwar il-protezzjoni tal-Baħar tat-Tramuntana u ta’ ibħra oħra fil-Komunità ( 8 ) tistieden lill-Kummissjoni tagħti proposti għal miżuri fil-livell Komunitarju;

    Billi l-kawża prinċipali tat-tniġġis minn sorsi tat-tixrid li jaffettwaw l-ilmijiet Komunitarji hija n-nitrati minn sorsi agrikoli;

    Billi huwa għalhekk meħtieġ, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi akwatiċi u sabiex jiġu salvagwardjati l-użi leġittimi l-oħra ta’ l-ilma, li jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma ikkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi prevenut iktar tniġġis bħal dan; billi għal dan il-għan huwa importanti li jittieħdu miżuri dwar il-ħażna u l-applikazzjoni fuq l-art tal-komponenti kollha tan-nitroġenu u dwar il-prattiċi tal-ġestjoni ta’ ċerti artijiet;

    Billi ġaladarba t-tniġġis ta’ ilma minħabba n-nitrati fi Stat Membru wieħed jista’ jinfluwenza l-ilmijiet fi Stati Membri oħra, hija għalhekk meħtieġa azzjoni fil-livell Komunitarju skond l-Artikolu 130r;

    Billi, bl-inkoraġġiment ta’ prattiċi agrikoli tajba, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-ilmijiet kollha b’livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis fil-ġejjieni;

    Billi ċerti żoni, li jxaqilbu għal ġo ilmijiet vulnerabbli għat-tniġġis minn komponenti tan-nitroġenu, jinħtieġu protezzjoni speċjali;

    Billi huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jidentifikaw iż-żoni vulnerabbli u jistabilixxu u jimplimentaw programmi ta’ azzjoni għalbiex inaqqsu t-tniġġis ta’ l-ilma mill-komponenti tan-nitroġenu fiż-żoni vulnerabbli;

    Billi dawn il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu miżuri sabiex tiġi limitata l-applikazzjoni fl-art tal-fertilizzanti kollha li fihom in-nitroġenu u b’mod partikolari li jiġu ffissati limiti speċifiċi sabiex jiġi applikat id-demel tal-bhejjem;

    Billi huwa meħtieġ illi jiġu monitorjati l-ilmijiet u li jiġu applikati metodi ta’ referenza għall-kejl tal-komponenti tan-nitroġenu sabiex jiġi żgurat illi l-miżuri jkunu effettivi;

    Billi huwa magħruf illi l-idroġeoloġija f’ċerti Stati Membri hija hekk illi jistgħu jgħaddu ħafna snin qabel ma miżuri ta’ protezzjoni jwasslu għal titjib fil-kwalità ta’ l-ilma;

    Billi għandu jiġi stabbilit Kumitat sabiex jgħin lill-Kummissjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u sabiex tiġi addattata għall-progress xjentifiku u tekniku;

    Billi l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

    Billi l-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod regolari dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



    Artikolu 1

    Din id-Direttiva għandha l-mira li:

     tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

     tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.

    Artikolu 2

    Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

    (a) “ilma ta’ taħt l-art”: ifisser l-ilma kollu li jkun taħt il-wiċċ ta’ l-art fiż-żona tas-saturazzjoni u f’kuntatt dirett ma l-art jew mal-ħamrija tal-qiegħ;

    (b) “ilma ħelu”: ifisser ilma li jiġri b’mod naturali li għandu konċentrazzjoni baxxa ta’ mluħa, li huwa spiss aċċettabbli bħala tajjeb għalbiex jiġi sseparat u ttrattat biex isir ilma tax-xorb;

    (ċ) “komponent tan-nitroġenu”: ifisser kull sustanza li fiha jkun jinsab in-nitroġenu minbarra n-nitroġenu molekulari fil-għamla ta’ gass;

    (d) “bhejjem”: ifissru l-bhejjem/annimali kollha miżmuma għall-użu jew għall-profitt;

    (e) “fertilizzant”: ifisser kull sustanza li jkun fiha komponent tan-nitrogenu jew komponenti tan-nitrogenu utilizzati fir-raba għalbiex jgħinu t-tkabbir tal-pjanti u s-siġar; jista’ jkun fih id-demel ta’ l-annimali, il-fdalijiet mill-farms tal-ħut u l-ħama tad-drenaġġ;

    (f) “fertilizzant kimiku”: ifisser kull ferilizzant li jiġi fabbrikat bi proċess industrijali;

    (g) “demel tal-bhejjem”: ifisser il-prodotti ta’ l-iskart tal-ħmieġ ta’ l-intestini tal-bhejjem/annimali jew taħlita tat-tiben ta’ taħt il-bhejjem/annimali u prodotti ta’ l-iskart tal-ħmieġ ta’ l-intestini tal-bhejjem/annimali, saħansitra jekk fil-għamla pproċessata;

    (h) “applikazzjoni fuq l-art”: tfisser iż-żieda ta’ materjali mal-ħamrija sewwa bit-tixrid fuq il-wiċċ, sewwa bit-tidħil ġewwa l-ħamrija, sewwa bit-tqegħid taħt il-wiċċ u sewwa bit-taħlit mas-saffi tal-wiċċ;

    (i) “ewtrofikazzjoni”: tfisser il-għoti tas-sinjurija lill-ilma bil-komponenti tan-nitroġenu, li jwassal għat-tkabbir imgħaġġel ta’ l-alka u għamliet ogħla tal-ħajja tal-pjanti hekk li jipproduċu disturbanza mhix mixtieqa fil-bilanċ ta’ l-organiżmi li jinsabu fl-ilma u fil-kwalità ta’ l-ilma interessat;

    (j) “tniġġis”: ifisser l-iskarigu, b’mod dirett jew indirett, tal-komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma hekk illi jikkaġunaw perikli għall-ħajja tal-bniedem, ħsara għar-riżorsi ħajjin u għall-ekosistemi ta’ l-ilma, ħsara għall-amenitajiet jew interferenza fuq l-użi l-oħra leġittimi ta’ l-ilma;

    (k) “żona vulnerabbli”: tfisser żona ta’ art deskritta skond l-Artikolu 3(2).

    Artikolu 3

    1.  L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I.

    2.  L-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmin ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jinominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ l-art fit-territorji tagħhom li jxaqilbu lejn l-ilmijiet identifikati skond il-paragrafu I u li jikkontribwixxu għat-tniġġis. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’din in-nominazzjoni inizjali fi żmien sitt xhur.

    3.  Meta kull tip ta’ ilma identifikat minn Stat Membru skond il-paragrafu I jiġi affettwat minn tniġġiż minn ilmijiet minn Stat Membru ieħor li jkunu jxaqilbu b’mod dirett jew indirett għal ġo fih, l-Istati Membri li l-ilmijiet tagħhom ikunu affettwati jistgħu jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-fatti rilevanti.

    L-Istati Membri interessati għandhom jorganizzaw, meta xierqa mal-Kummissjoni, l-orkestrazzjoni meħtieġa sabiex jidentifikaw is-sorsi fil-kwistjoni u l-miżuri li jridu jittieħdu għalbiex jipproteġu l-ilmijiet li jkunu affettwati sabiex jiżguraw it-tħaris ta’ din id-Direttiva.

    4.  L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jerġgħu jikkonsidraw jew iżidu man-nomini taż-żoni vulnerabbli kif aproprjat, u mill-inqas darba kull erba’ snin, sabiex iqisu t-tibdil u l-fatturi li ma setgħux ikunu previsti fin-nomini ta’ qabel. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull revjoni jew żieda man-nomini fi żmien sitt xhur.

    5.  L-Istati Membri għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jidentifikaw żoni vulnerabbli speċifiċi, jekk jistabbilixxu u japplikaw il-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 skond din id-Direttiva fit-territorju kollu tagħhom.

    Artikolu 4

    1.  Bil-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva:

    (a) jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, li għandhom jiġu mħaddma mill-bdiewa fuq bażi volontarja, li għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas l-intestaturi msemmija f’L-Anness II A;

    (b) jistabbilixxu meta meħtieġ programm, li jinkludi l-provvediment tat-taħriġ u t-tagħrif għall-bdiewa, li jippromwovi t-tħaddim tal-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba.

    2.  L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni d-dettalji tal-kodiċijiet tagħhom ta’ prattika agrikola tajba u l-Kummissjoni għandha tinkludi t-tagħrif dwar dawn il-kodiċijiet fir-rapport riferit fl-Artikolu 11. Fid-dawl tat-tagħrif li tkun irċeviet, il-Kummissjoni tista’, jekk tikkunsidrhom meħtieġa, tagħmel il-proposti xierqa lill-Kunsill.

    Artikolu 5

    1.  Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

    2.  Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

    3.  Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

    (a) l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

    (b) il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

    4.  Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

    (a) il-miżuri f’L-Anness III;

    (b) dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

    5.  L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.

    6.  L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skond dan l-Artikolu.

    L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli.

    7.  L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jikkorreġu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skond il-paragrafu 5, mill-inqas kull erba’ snin. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’ kull tibdil fil-programmi ta’ azzjoni.

    Artikolu 6

    1.  Bil-għan tan-nominazzjoni u l-korrezzjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli, l-Istati Membri għandhom:

    (a) fi żmien sentejn min-notifika tad-Direttiva, jimmonitorjaw il-konċentrazzjoni tan-nitrat fl-ilma ħelu għall-perjodu taż-żmien ta’ sena:

    (i) fl-istazzjonijiet tat-teħid ta’ kampjuni ta’ l-ilma tal-wiċċ, stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 75/440/KEE u/jew fi stazzjonijiet oħra ta’ teħid tal-kampjuni li huma rappreżentattivi ta’ ilmijiet tal-wiċċ ta’ l-Istati Membri, mill-inqas darba fix-xahar u aktar spiss fil-perjodi taż-żmien ta’ l-għargħar;

    (ii) fl-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni li huma rappreżentattivi ta’ l-akwiferi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ta’ l-Istati Membri, f’intervalli regolari u jagħtu kas tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/778/KEE;

    (b) jirrepetu l-programm ta’ monitoraġġ deskritt fil-qosor f’(a) mill-inqas kull erba’ snin, għajr għal dawk l-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni fejn il-konċentazzjoni tan-nitrat fil-kampjuni kollha ta’ qabel kienet taħt il-25 mg/l u fejn ma jkun deher l-ebda fattur ġdid li x’aktarx iżid il-kontenut tan-nitrat, fejn, f’dan il-każ, il-programm tal-monitoraġġ jeħtieġ jiġi mtenni biss kull tmien snin;

    (ċ) jirrevedu l-istat ewtrofiku ta’ l-ilma ħelu tagħhom tal-wiċċ, l-ilmijiet estwarji u l-ilmijiet kostali kull erba’ snin.

    2.  Għandhom jintużaw il-metodi ta’ referenza għall-kejl iddikjarati f’l-Anness IV.

    ▼M2

    Artikolu 7

    Il-Kummissjoni tista' tfassal linji gwida għall-monitoraġġ imsemmi fl-Artikoli 5 u 6 skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 9(2).

    Artikolu 8

    Il-Kummissjoni tista' tadatta l-Annessi ma' din id-Direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku.

    Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(3).

    ▼M1

    Artikolu 9

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjunha minn kumitat.

    2.  Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE (59) għandhom ikunu applikabbli, wara li jkunu meqjusa d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha. ( 9 )

    Il-perijodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    ▼M2

    3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a minn (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    ▼B

    Artikolu 10

    1.  L-Istati Membri għandhom, rigward il-perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni u rigward kull perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin li jiġu wara, jissottometti rapport lill-Kummissjoni li jkun fih it-tagħrif deskritt fil-qosor f’l-Anness V.

    2.  Għandu jiġi ssottomess lill-Kummissjoni rapport skond dan l-Artikolu fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu taż-żmien li miegħu jkollu x’jaqsam.

    Artikolu 11

    Fuq il-bażi tat-tagħrif riċevut skond l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti fil-qosor fi żmien sitt xhur minn meta jaslulha r-rapporti mill-Istati Membri u għandha tikkomunikahom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fid-dawl ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill sa l-1 ta’ Jannar 1998 rapport akkumpanjat meta jixraq bi proposti għal reviżjoni ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 12

    1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex iħarsu din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha ( 10 ). Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih:

    2.  Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-kamp irregolat minn din id-Direttiva.

    Artikolu 13

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




    ANNESS I

    IL-KRITERJI SABIEX JIĠU IDENTIFIKATI L-ILMIJIET IMSEMMIJA F’L-ARTIKOLU 3(1)

    A. L-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu identifikati billi jintużaw, fost ħwejjeġ oħra, il-kriterji li ġejjin:

    1. jekk l-ilma ħelu tal-wiċċ, b’mod partikolari dak użat jew maħsub għalbiex minnu jittieħed l-ilma tax-xorb, ikunx fih jew jistax ikun fih jew le, jekk ma titteħditx l-azzjoni skond l-Artikolu 5, aktar mill-konċentrazzjoni ta’ nitrati stabbiliti skond id-Direttiva 75/440/KEE;

    2. jekk l-ilma ta’ taħt l-art ikunx fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jew jistax ikun fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5;

    3. jekk l-għadajjar naturali ta’ l-ilma ħelu, korpi oħra ta’ l-ilma ħelu, l-estwarji, l-ibħra kostali u l-ilma baħar jinstabu li huma ewtrofiċi jew jistgħu jsiru ewtrofiċi fil-futur qrib jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5.

    B. Meta japplikaw dawn il-kriterji, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll:

    1. il-karatteristiċi fiżiċi u ambjentali ta’ l-ilmijiet u ta’ l-art;

    2. ll-għarfien korrenti ta’ l-imġiba tal-komponenti tan-nitroġenu fl-ambjent (fl-ilma u fil-ħamrija);

    3. il-għarfien korrenti ta’ l-impatt ta’ l-azzjoni meħuda skond l-Artikolu 5.




    ANNESS II

    IL-KODIĊI(JIET) TA’ PRATTIKA AGRIKOLA TAJBA

    A. Kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba bil-mira li jitnaqqas it-tniġġis min-nitrati u jingħata kas tal-kondizzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Komunità għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-intestaturi li ġejjin, sakemm ikunu rilevanti:

    1. il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fir-raba tkun barra minn lokha;

    2. l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna;

    3. l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art mifqugħa bl-ilma, imgħarrqa, iffriżata jew miksija bil-borra;

    4. il-kondizzjonijiet sabiex jiġi applikat il-fertilizzant fir-raba’ qrib il-korsijiet ta’ ilma;

    5. il-kapaċità u l-kostruzzjoni tal-kontenituri li jaħżnu d-demel ta’ l-annimali, inklużi miżuri li jipprevjienu t-tniġġis ta’ ilma meta l-likwidi li jkun fihom id-demel tal-bhejjem tar-riezet u l-effluwenti mill-materjali tal-pjanti maħżuna bħall-għalf tal-ħaxix, jiskulaw jew inixxu fl-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ;

    6. il-proċeduri sabiex jiġu applikati fir-raba, inklużi r-rata u l-uniformità tat-tferrix, kemm tal-fertilizzanti kimiċi u kemm tad-demel ta’ l-annimali, li żżomm it-telf tan-nutrijenti fl-ilma għal livell aċċettabbli.

    B. L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fil-kodiċj/jiet ta’ prattiċi agrikoli tajba l-intestaturi li ġejjin:

    7. il-ġestjoni ta’ l-użu ta’ l-art, inklużi s-sistemi tan-newba u l-proporzjon tad-daqs ta’ l-art mogħtija għall-prodotti li ma jitbiddlux skond kif għandhomu x’jaqsmu l-uċuh tar-raba maħdum kull sena;

    8. iż-żamma ta’ kwantità minima ta’ kisja ta’ ħaxix matul il-perjodi taż-żmien (tax-xita) li tixrob in-nitroġenu mill-ħamrija li li kieku xorta oħra kien jista’ jikkawża t-tniġġis minn-nitrat fl-ilma;

    9. kif jiġu stabbiliti l-pjani tal-għoti tal-ferilizzant fuq il-bażi ta’ għalqa b’għalqa u ż-żamma tar-reġistrazzjonijiet dwar l-użu tal-ferilizzant;

    10. il-prevenzjoni tat-tniġġiż ta’ l-ilma meta dan jiskula u meta l-moviment tiegħu jinżel iktar fil-fond mill-għeruq tal-wiċċ fis-sistemi tat-tisqija.




    ANNESS III

    IL-MIŻURI LI GĦANDHOM JIĠU NKLUŻI FIL-PROGRAMMI TA’ AZZJONI SKOND L-ARTIKOLU 5(4)(a)

    1. Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x’ jaqsmu ma’:

    1. il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni fir-raba ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti hija projbita;

    2. il-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tad-demel ta’ l-annimali; din il-kapaċità għandha taqbeż dik meħtieġa għall-ħażna matul l-itwal perjodu taż-żmien li matulu tkun ipprojbita l-applikazzjoni fir-raba fiz-zona vulnerabbli, għajr fejn jista’ jintwera lill-awtoritajiet kompetenti illi kull kwantità ta’ demel li taqbeż il-kapaċità attwali tal-ħażna tiġi disponuta b’manjiera li ma tikkawżax ħsara lill-ambjent;

    3. il-limitazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-fertilizzanti fir-raba, konsistenti mal-prattika agrikola tajba u li tqis il-karatteristiċi taż-żona vulnerabbli interessata, b’mod partikolari:

    (a) il-kondizzjonijiet tal-ħamrija, it-tip tal-ħamrija, u l-pendil;

    (b) il-kondizzjonijiet klimatiċi, ix-xita u t-tisqija;

    (ċ) l-użu ta’ l-art u l-prattiċi agrikoli, inklużi s-sistemi tan-newba;

    u li jridu jkunu msejsai fuq bilanċ bejn:

    (i) il-ħtiġiet imbassra tan-nitroġenu ta’ l-uċuħ tar-raba’,

    u

    (ii) il-forniment tan-nitroġenu lill-uċuh mill-ħamrija u mill-fertilizzant li jikkorrispondi għal:

     l-ammont tan-nitroġenu li jkun jinsab fil-ħamrija fil-waqt meta l-prodott jibda jużah f’qies sinifikanti (f’ammonti konsiderevoli fit-tmiem tax-xitwa),

     il-forniment tan-nitroġenu permezz tal-mineralizzazzjoni netta tar-riservi tan-nitroġenu organiku fil-ħamrija,

     iż-żidiet tal-komposti tan-nitrogenu minn fertilizzanti kimiċi u oħrajn.

    2. Dawn il-miżuri jridu jiżguraw illi għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l-ammmont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru.

    L-ammont speċifikat għal kull ettaru għandu jkun l-ammont tad-demel li jkun fih 170 kg N. Madankollu:

    (a) għall-ewwel programm ta’ azzjoni ta’ erba’ snin l-Istati Membri jistgħu jippermettu ammont ta’ demel li jkun fih sa 210 kg N;

    (b) matul u wara l-ewwel programm ta’ azzjoni ta’ erba’ snin, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw ammonti differenti minn dawk riferiti hawn fuq. Dawn l-ammonti jridu ikunu ffissati b’mod li ma jippreġudikawx il-miri speċifikati fl-Artikolu 1 u għandhom jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, per eżempju:

     l-istaġuni ta’ tkabbir fit-tul,

     l-uċuh tar-raba li jixorbu ħafna nitroġenu,

     preċipitazzjoni għolja netta fiż-żona vulnerabbli,

     ħamrija b’kapaċità eċċezzjonalment għolja ta’ denitrifikazzjoni.

    Jekk Stat Membru jippermetti ammont differenti taħt il-punt (b) tat-tieni subparagrafu, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni li għandha teżamina l-ġustifikazzjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 9(2).

    3. L-Istati Membri jistgħu jikkalkolaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 fuq il-bażi tan-numri ta’ l-annmali.

    4. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-mod kif ikunu qegħdin japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2. Fid-dawl tat-tagħrif li tirċievi, il-Kummissjoni tista’, jekk tqis meħtieġ, tagħmel proposti xierqa lill-Kunsill skond l-Artikolu 11.




    ANNESS IV

    IL-METODI TA' REFERENZA GĦALL-KEJL

    Il-fertilizzant kimiku

    Il-komposti tan- nitroġenu għandhom jitkejlu billi jintuża l-metodu deskritt fid-Direttiva tal-Kummissjoni 7/535/KEE tat-22 ta' Ġunju 1977 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-metodi tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi tal-fertilizzanti ( 11 ), kif emendata bid-Direttiva 89/519/KEE ( 12 ).

    L-ilma ħelu, l-ilma kostali u l-ilma baħar

    Il-konċentrazzjoni tan-nitrat għandha tkun imkejla skond l-Artikolu 4a (3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 77/795/KEE tat-12 ta' Diċembru 1977 li tistabbilixxi proċedura komuni għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-kwalità ta' l-ilma ħelu tal-wiċċ fil-Komunità ( 13 ), kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 86/574/KEE ( 14 ).




    ANNESS V

    IT-TAGĦRIF LI JRID IKUN JINSAB FIR-RAPPORTI MSEMMIJA F’L-ARTIKOLU 10

    1. Prospett ta’ l-azzjoni preventiva meħuda skond l-Artikolu 4.

    2. Mappa li turi dan li ġej:

    (a) l-ilmijiet identifikati skond l-Artikolu 3(1) u l-Anness I li tindika għal kull tip ta’ ilma liema mill-kriterji f’l-Anness I kien użat għall-iskop ta’ l-identifikazzjoni;

    (b) il-lokazzjoni taż-żoni meqjusa vulnerabbli, bid-distinzjoni bejn żoni eżistenti u żoni nominati mir-rapport ta’ qabel.

    3. Sommarju tar-riżultati tal-monitoraġġ miksub skond l-Artikolu 6, inkluż prospett tal-konsiderazzjonijiet li wasslu għan-nomina ta’ kull żona vulnerabbli u ta’ kull reviżjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli jew żieda magħhom.

    4. Sommarju tal-programmi ta’ azzjoni imfassla skond l-Artikolu 5 u, b’mod partikolari:

    (a) il-miżuri meħtieġa skond l-Artikolu 5(4)(a) u (b);

    (b) it-tagħrif mitlub minn l-Anness III (4);

    (ċ) kull miżura addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa meħuda skond l-Artikolu 5(5);

    (d) sommarju tar-riżultati tal-programmi ta’ monitoraġġ imħaddma skond l-Artikolu 5(6);

    (e) is-suppożizzjonijiet magħmula mill-Istati Membri dwar iż-żmien li fih l-ilmijiet identifikati skond l-Artikolu 3(1) ikunu x’aktarx mistennija jwieġbu għall-miżura fil-programm ta’ azzjoni, flimkien ma’ indikazzjoni tal-livell ta’ inċertezza imdaħħla f’dawn is-suppożizzjonijiet.



    ( 1 ) ĠU C 54, tat-3.3.1989, p. 4 u ĠU C 51, tat-2.3.1990, p. 12.

    ( 2 ) ĠU C 158, tas-26.6.1989, p. 487.

    ( 3 ) ĠU C 159, tas-26.6.1989, p. 1.

    ( 4 ) ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 26.

    ( 5 ) ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44.

    ( 6 ) ĠU L 229, tat-30.8.1980, p. 11.

    ( 7 ) ĠU C 328, tas-7.12.1987, p. 1.

    ( 8 ) ĠU C 209, tad-9.8.1988, p. 3.

    ( 9 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

    ( 10 ) Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fid-19

    ta’ Diċembru 1991.

    ( 11 ) ĠU L 213, tat-22.8.1977, p. 1.

    ( 12 ) ĠU L 265, tat-12.9.1989, p. 30.

    ( 13 ) ĠU L 334, ta' l-24.12.1977, p. 29.

    ( 14 ) ĠU L 335, tat-28.11.1986, p. 44.

    Top