Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01990L0434-20070101

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta' Stati Membri differenti u għat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat, ta' SE jew SCE, bejn Stati Membri

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/434/2007-01-01

1990L0434 — MT — 01.01.2007 — 004.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

▼M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 90/434/KEE

tat-23 ta' Lulju 1990

dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta' Stati Membri differenti u għat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat, ta' SE jew SCE, bejn Stati Membri

▼B

(ĠU L 225, 20.8.1990, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2005/19/KE tas-17 ta' Frar 2005

  L 159M

164

13.6.2006

►M2

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/98/KE ta' l-20 ta’ Novembru 2006

  L 363

129

20.12.2006


Emendat bi:

►A1

  C 241

21

29.8.1994

►A2

  L 236

33

23.9.2003




▼B

▼M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 90/434/KEE

tat-23 ta' Lulju 1990

dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta' Stati Membri differenti u għat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat, ta' SE jew SCE, bejn Stati Membri

▼B



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi l-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta' l-attivi u l-iskambji ta' ishma li jirrigwardaw kumpanniji fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu meħtieġa sabiex joħolqu ġewwa l-Komunità l-kondizzjonijiet analogi għal dawk tas-suq intern u sabiex b'hekk jiżguraw li jiġi stabbilit u jiffunzjona b'mod effettiv is-suq komuni; billi dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla b'restrizzjonijiet, żvantaġġi u tagħwiġ li jinħolqu b'mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi fl-Istati Membri; billi għal dan l-iskop huwa meħtieġ li jiddaħħlu rigward dawn il-ħidmiet regoli tat-taxxa li jkunu newtri mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex iħallu lill-intrapriżi jadattaw lilhom infushom skond il-ħtiġiet tas-suq komuni, biex iżidu l-produttività tagħhom u jtejbu s-saħħa tagħhom tal-kompetittività fil-livell internazzjonali;

Billi d-dispożizzjonijiet tat-taxxa jiżvantaġġaw dawn il-ħidmiet, meta mqabbla ma' dawk li jirrigwardaw il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jitneħħew dawn l-iżvantaġġi;

Billi mhux possibbli li jinkiseb dan il-għan bl-estensjoni fil-livell Komunitarju tas-sistemi bħalissa fis-seħħ fl-Istati Membri, ġaladarba d-differenzi bejn dawn is-sistemi x'aktarx li jwasslu għal tagħwiġ; billi sistema komuni tat-taxxa biss hija kapaċi tipprovdi soluzzjoni sodisfaċenti f'dan ir-rigward;

Billi s-sistema komuni tat-taxxi għandha tevita l-impożizzjoni tat-taxxi rigward l-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta' l-attivi jew l-iskambji ta' l-ishma, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwarda l-interessi finanzjarji ta' l-Istat tal-kumpannija trasferitur jew ta' dik miksuba;

Billi rigward l-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet jew it-trasferimenti ta' l-attiv, dawn il-ħidmiet normalment jirriżultaw jew fit-trasformazzjoni tal-kumpannija li tittrasferixxi l-attiv lejn stabbiliment permanenti tal-kumpannija li tirċievi l-attivi jew li l-attivi jiġu magħquda ma' stabbiliment permanenti tal-kumpannija ta' l-aħħar;

Billi s-sistema tad-differiment tat-tassazzjoni tal-profitti fuq il-kapital li għandhom x'jaqsmu ma l-attivi ttrasferiti sad-disponiment attwali tagħhom, applikati għal dawk minn dawn l-attivi li jiġu ttrasferiti lil dan l-istabbiliment permanenti, tippermetti l-eżenzjoni mit-tassazzjoni tal-profitt fuq il-kapital korrispondenti, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li fl-aħħar mill-aħħar jiġu ntaxxati mill-Istat tal-kumpannija trasferitur fid-data tad-disponiment minnhom;

Billi huwa wkoll meħtieġ li jiġi ddefinit ir-reġim tat-taxxi li japplika għal ċerti dispożizzjonijiet, riservi jew telf mill-kumpannija trasferitur u li jiġu solvuti l-problemi dwar it-taxxi li jinqalgħu meta waħda miż-żewġ kumpanniji jkollha sehem mill-kapital ta' l-oħra;

Billi l-allokazzjoni lill-azzjonisti fil-kumpannija trasferitur tat-titoli tal-kumpannija riċevitur jew ta' dik li tikseb l-ishma ma għandha fiha nfisha toħloq l-ebda tassazzjoni f'idejn dawn l-azzjonisti;

Billi huwa meħtieġ li l-Istati Membri jitħallew il-possibbilità li jirrifjutaw li japplikaw din id-Direttiva meta l-inkorporazzjoni, d-diviżjonijiet, it-trasferiment ta' l-attiv jew l-iskambji ta' l-ishma, il-ħidma għandha bħala l-għan tagħha l-evażjoni mit-taxxi jew il-ħarbien minnhom jew tirriżulta illi kumpannija, sewwa jekk tieħu parti jew le fil-ħidma, ma tibqax twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rappreżentati tal-ħaddiema fl-organi tal-kumpannija,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



IT-TITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

▼M1

Artikolu 1

Kull Stat Membru għandu japplika din id-Direttiva għal dan li ġej:

(a) mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jinvolvu kumpanniji minn żewġ Stati Membri jew aktar,

(b) trasferimenti ta' l-uffiċċju reġistrat minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor ta' kumpanniji Ewropej (Societas Europaea jew SE), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) ( 4 ), u Soċjetajiet Koperattivi Ewropej (SCE), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea (SCE) ( 5 ).

▼B

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) “inkorporazzjoni” għandha tfisser ħidma li biha:

 kumpannija waħda jew iktar, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jittrasferixxu l-attiv u l-passiv tagħhom lil kumpannija oħra eżistenti bi skambju għall-ħruġ lil dawk li jkollhom ishma tagħhom ta' titoli li jirrappreżentaw il-kapital ta' din il-kumpannija l-oħra, u, jekk japplika, ħlas fil-flus korrenti ta' 10 % tal-valur nominali, jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-valur par tal kontijiet għal dawn it-titoli,

 żewġ kumpanniji jew iktar li, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lill-kumpannija li huma jwaqqfu, bi skambju għall-ħruġ lil dawk li jkollhom ishma fihom ta' titoli li jirrappreżentaw il-kapital f'din il-kumpannija l-ġdida, u, jekk japplika, ħlas fil-flus korrenti li ma jaqbiżx il-10 % tal-valur nominali, jew fin-nuqqas ta' valur nominali, il-valur par tal-kontijiet ta' dawn it-titoli,

 kumpannija li, meta tiġi xolta mingħajr likwidazzjoni, tittrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lill-kumpannija li tkun iżżomm it-titoli kollha li jirrapreżentaw il-kapital tagħha;

(b) “diviżjoni” għandha tfisser ħidma li biha kumpannija, meta tiġi xolta mingħajr likwidazzjoni, tittrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lil żewġ kumpanniji eżistenti jew iktar jew lil kumpanniji ġodda, bi skambju għall-ħruġ pro rata lil dawk li għandhom l-ishma fiha tat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanniji li jirċievu l-attiv u l-passiv, u, jekk japplika, ħlas fil-flus korrenti li ma jaqbiżx il-10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-valur par tal-kontijiet ta' dawn it-titoli;

▼M1

(b)(a) “diviżjoni parzjali” għandha tfisser operazzjoni li biha kumpannija tittrasferixxi, mingħajr ma tiġi xolta, fergħa waħda jew aktar ta' attività, lil kumpannija waħda jew aktar eżistenti jew ġodda, u tħalli mill-inqas fergħa waħda ta' attività fil-kumpannija li qed tittrasferixxi, bi skambju mal-ħruġ pro-rata lill-azzjonisti tagħha ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanniji li qed jirċievu l-assi u d-debiti, u, jekk hu applikabbli, ħlas f'kontanti ta' mhux aktar minn 10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-parità kontabbli ta' dawk it-titoli ta' sigurtà;

▼B

(ċ) “trasferiment ta' l-attivi” għandha tfisser ħidma li biha kumpannija tittrasferixxi mingħajr ma tiġi xolta, il-friegħi kollha, jew waħda jew iktar minn waħda minnhom ta' l-attività tagħha lil kumpannija oħra bi skambju għat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tirċievi t-trasferiment;

▼M1

(d) “skambju ta' ishma” għandha tfisser operazzjoni li biha kumpannija takkwista sehem fil-kapital ta' kumpannija oħra tali li tikseb maġġoranza tad-drittijiet ta' vot f'dik il-kumpannija, jew, jekk tiddetjeni tali maġġoranza, takkwista sehem ulterjuri, bi skambju mal-ħruġ lill-azzjonisti tal-kumpannija ta' l-aħħar, bi skambju mat-titoli ta' sigurtà tagħhom, ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta' l-ewwel, u, jekk hu applikabbli, pagament kontanti ta' mhux aktar minn 10 % tal-valur nominali, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-parità kontanti tas-sigurtajiet maħruġa bi skambju;

▼B

(e) “kumpannija trasferitur” għandha tfisser il-kumpannija li tittrasferixxi l-attiv u l-passv tagħha jew li tittrasferixxi l-friegħi kollha tagħha jew waħda jew iktar minn waħda ta' l-attività tagħha;

(f) “kumpannija riċevitur” għandha tfisser il-kumpannija li tirċievi l-attiv u l-passiv jew il-friegħi kollha ta' l-attività jew waħda jew iktar minn waħda minnhom tal-kumpannija trasferitur;

(g) “kumpannija miksuba” għandha tfisser il-kumpannija li fiha jiġi miksub sehem minn kumpannija oħra permezz ta' skambju tat-titoli;

(h) “kumpannija li tikseb” għandha tfisser il-kumpannija li takkwista sehem permezz ta' l-iskambju tat-titoli;

(i) “fergħa ta' l-attività” għandha tfisser l-attiv u l-passiv kollu ta' diviżjoni ta' kumpannija li mil-lat organizzattiv tikkostitwixxi negozju indipendenti, jiġifieri entità kapaċi li tiffunzjona bil-mezzi tagħha nfisha;

▼M1

(j) “trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat” għandha tfisser operazzjoni li biha SE jew SCE, mingħajr ma xxolji jew toħloq persuna ġuridika ġdida, tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor.

▼B

Artikolu 3

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, “kumpannija minn Stat Membru” għandha tfisser kull kumpannija li:

(a) tieħu waħda mill-għamliet elenkati fl-Anness ta' ma' hawn:

(b) skond il-liġijiet tat-taxxi ta' Stat Membru hija kkunsidrata li hija residenti f'dan l-Istat għall-għanijiet tat-taxxa u, skond it-termini ta' ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma Stat terz, mhix ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità għall-għanijiet tat-taxxa;

(ċ) barra minn dan, hija bla ħsara għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbilità ta' għażla jew li tiġi eżentata minnhom:

 l-impôt des sociétésvennootschapsbelasting fil-Belġju,

 is-selskabsskat fid-Danimarka,

 il-Körperschaftsteuer fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

 il-φόρος εισοδήματος νομικών προσώπων κερδοκοπικού χαρακτήρα fil-Greċja,

 l-impuesto sobre sociedades fi Spanja,

 l-impôt sur les sociétés fi Franza,

 il-corporation tax fl-Irlanda,

▼M1

 imposta sul reddito delle società fl-Italja,

▼B

 l-impôt sur le revenu des collectivités fil-Lussemburgu,

 il-vennootschapsbelasting fl-Olanda,

 l-imposto sobre o rendimento das pessoas colectivas fil-Portugall,

 il-corporation tax (taxxa fuq il-kumpanniji) fir-Renju Unit,

▼A1

 Körperschaftsteuer fl-Awstrija,

 yhteisöjen tulovero/inkomstskatten för samfund fil-Finlandja,

 statlig inkomstskatt fl-Isvezja,

▼A2

 daň z příjmů právnických osob fir-Repubblika Ċeka,

 tulumaks fl-Estonja,

 φόρος Εισοδήματος f'Ċipru,

 uzņēmumu ienākuma nodoklis fil-Latvja,

 pelno mokestis fil-Litwanja,

 társasági adó fl-Ungerija,

 taxxa fuq l-income f'Malta,

 podatek dochodowy od osób prawnych fil-Polonja,

 davek od dobička pravnih oseb fis-Slovenja,

 daň z príjmov právnických osôb fis-Slovakkja,

▼M2

 корпоративен данък in Bulgaria,

 impozit pe profit in Romania,

▼B

jew għal kull taxxa oħra li tista tiddaħħal minflok kull waħda mit-taxxi ta' hawn fuq.



▼M1

IT-TITOLU II

Regoli applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, u skambji ta' ishma

Artikolu 4

1.  Merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali m'għandhomx jirriżultaw fi kwalunkwe tassazzjoni ta' qligħ kapitali kkalkulat b'referenza għad-differenza bejn il-valuri reali ta' l-assi u d-debiti trasferiti u l-valuri tagħhom għal finijiet ta' taxxa.

Għall-fini ta' dan l-Artikolu, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) “valur għall-finijiet ta' taxxa”: il-valur abbażi ta' liema kwalunkwe qligħ jew telf ikun ġie kkalkulat għall-finijiet ta' taxxa fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali tal-kumpannija li qed tittrasferixxi jekk tali assi jew debiti kienu ġew mibjugħa fiż-żmien tal-merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali iżda indipendentement minnhom;

(b) “assi u debiti trasferiti”: dawk l-assi u debiti tal-kumpannija li qed tittrasferixxi li, b'konsegwenza tal-merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali, huma effettivament konnessi ma' stabbiliment permanenti tal-kumpannija li qed tirċievi fl-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi u għandhom parti fil-ġenerazzjoni tal-profitti jew it-telf meħuda fil-kont għall-finijiet ta' taxxa.

2.  Meta japplika l-paragrafu 1 u meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li qed tittrasferixxi, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita u għalhekk jintaxxa lill-azzjonisti fuq is-sehem tagħhom tal-profitti tal-kumpannija li qed tittrasferixxi kif u meta jirriżultaw dawk il-profitti, dak l-Istat m'għandux jintaxxa kwalunkwe dħul, profitti jew qligħ kapitali kkalkulati b'referenza għad-differenza bejn il-valuri reali ta' l-assi u d-debiti trasferiti u l-valuri tagħhom għal finijiet ta' taxxa.

3.  Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw biss jekk il-kumpannija li qed tirċievi tikkalkula kwalunkwe deprezzament ġdid u kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward ta' l-assi u d-debiti trasferiti skond ir-regoli li kienu japplikaw għall-kumpannija jew kumpanniji li qed jittrasferixxu kieku l-merger, id-diviżjoni jew id-diviżjoni parzjali ma kinitx seħħet.

4.  Meta, taħt il-liġijiet ta' Stat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi, il-kumpannija li qed tirċievi hija intitolata li jkollha kwalunkwe deprezzament ġdid jew kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward ta' l-assi u d-debiti trasferiti kkalkulati fuq bażi differenti minn dik stabbilita fil-paragrafu 3, il-paragrafu 1 m'għandux japplika għall-assi u d-debiti fir-rigward ta' liema dik l-għażla tiġi eżerċitata.

▼B

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi, fejn il-provvisti jew ir-riservi kkostitwiti korrettement mill-kumpannija trasferitur ikunu eżentati fl-intier tagħhom jew f'parti minnhom mit-taxxi u ma jkunux idderivati minn stabbilimenti permanenti barra mill-pajjiż, dawn il-provvisti jew riservi jistgħu jinġarru 'l quddiem, bl-istess eżenzjoni mit-taxxa, mill-istabbilimenti permanenti l-istabbilimenti tal-kumpannija riċevitur li jkunu lokati fl-Istati Membri tal-kumpannija trasferitur, hekk li b'hekk il-kumpannija riċevitur iġġorr id-drittijiet u l-obbligi tal-kumpannija trasferitur.

▼M1

Artikolu 6

Sakemm, jekk l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, paragrafu a, twettqu bejn kumpanniji mill-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi, l-Istat Membru kien japplika dispożizzjonijiet li jippermettu lill-kumpannija li qed tirċievi biex tassumi għaliha t-telf tal-kumpannija li qed tittrasferixxi li kien għadu ma ġiex eżawrit għal finijiet ta' taxxa, huwa għandu jestendi dawk id-dispożizzjonijiet biex ikopru l-assunzjoni ta' tali telf mill-istabbilimenti permanenti tal-kumpannija li qed tirċievi li jinsabu fit-territorju tiegħu.

▼B

Artikolu 7

1.  Meta l-kumpannija riċevitur ikollha sehem mill-kapital tal-kumpannija trasferitur, kull qligħ li jmiss lill-kumpannija riċevitur mal-kanċellazzjoni tas-sehem tagħha ma għandu ikun lijabbli għall-ebda tassazzjoni.

▼M1

2.  L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1 meta l-kumpannija li qed tirċievi għandha sehem ta' inqas minn 20 % fil-kapital tal-kumpannija li qed tittrasferixxi.

Mill-1 ta' Jannar 2007 il-perċentwali minima tas-sehem għandha tkun 15 %. Mill-1 ta' Jannar 2009 il-perċentwali minima tas-sehem għandha tkun 10 %.

Artikolu 8

1.  Waqt merger, diviżjoni jew skambju ta' ishma, it-tqassim ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija akkwirenti jew li qed tirċievi lil azzjonist tal-kumpannija akkwistata jew li qed tittrasferixxi, bi skambju ma' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta' l-aħħar m'għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta' dak l-azzjonist.

2.  Waqt diviżjoni parzjali, it-tqassim lil azzjonist tal-kumpannija li qed tittrasferixxi ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li qed tirċievi m'għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni tad-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta' dak l-azzjonist.

3.  Meta Stat Membru jikkunsidra azzjonist bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dak l-azzjonist li jirriżultaw mil-liġi li taħtha huwa kostitwit u għalhekk jintaxxa lil dawk il-persuni li għandhom interess fl-azzjonisti fuq is-sehem tagħhom tal-profitti ta' l-azzjonist kif u meta dawk il-profitti jirriżultaw, l-Istat m'għandux jintaxxa lil dawk il-persuni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali mit-tqassim lill-azzjonist ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija akkwirenti jew li qed tirċievi.

4.  Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss jekk l-azzjonist ma jattribwix lit-titoli ta' sigurtà riċevuti valur għal finijiet ta' taxxa ogħla mill-valur li t-titoli ta' sigurtà skambjati kellhom immedjatament qabel il-merger, diviżjoni jew skambju ta' ishma.

5.  Il-paragrafu 2 u 3 għandhom japplikaw biss jekk l-azzjonist ma jattribwix lis-somma tat-titoli ta' sigurtà riċevuti u lil dawk miżmuma fil-kumpannija li qed tittrasferixxi, valur għal finijiet ta' taxxa ogħla mill-valur li t-titoli ta' sigurtà miżmuma fil-kumpannija li qed tittrasferixxi kellhom immedjatament qabel id-diviżjoni parzjali.

6.  L-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3 m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti ta' titoli ta' sigurtà riċevuti, bl-istess mod bħall-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment ta' titoli ta' sigurtà li kienu jeżistu qabel l-akkwist.

7.  F'dan l-Artikolu l-espressjoni “valur għal finijiet ta' taxxa” tfisser il-valur abbażi ta' liema kwalunkwe qligħ jew telf ikun ikkalkulat għall-finijiet ta' taxxa fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta' azzjonist tal-kumpannija.

8.  Meta, taħt il-liġi ta' l-Istat Membru fejn huwa residenti, azzjonist jista' jagħżel trattament fiskali differenti minn dak stabbilit fil-paragrafi 4 u 5, il-paragrafi 1, 2 u 3 m'għandhomx japplikaw għat-titoli ta' sigurtà fir-rigward ta' liema tali għażla tkun ġiet eżerċitata.

9.  Il-paragrafi 1, 2 u 3 m'għandhomx jipprevjenu lil Stat Membru milli jieħu kont, meta jintaxxa lil azzjonisti, ta' kwalunkwe ħlas f'kontanti li jista' jsir waqt il-merger, id-diviżjoni, id-diviżjoni parzjali jew l-iskambju ta' ishma.

▼B



IT-TITOLU III

Ir-regoli li japplikaw għat-trasferiment ta' l-attiv

Artikolu 9

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4, 5 u 6 għandhom japplikaw għat-trasferimenti ta' l-attiv.



IT-TITOLU IV

Il-każ speċjali tat-trasferiment ta' stabbiliment permanenti

▼M1

Artikolu 10

1.  Meta l-assi trasferiti f'merger, diviżjoni, diviżjoni parzjali jew trasferiment ta' assi jinkludu stabbiliment permanenti tal-kumpannija li qed tittrasferixxi li jinsab fi Stat Membru ieħor minn dak tal-kumpannija li qed tittrasferixxi, l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi għandu jirrinunzja kwalunkwe dritt li jintaxxa lil dak l-istabbiliment permanenti.

L-Istat Membru tal-kumpannija liqed tittrasferixxi jista' jdaħħal lura fil-profitti taxxabbli ta' dik il-kumpannija tali telf ta' l-istabbiliment permanenti li qabel seta' ġie kompensat mal-profitti taxxabbli tal-kumpannija f'dak l-Istat u li ma ġiex irkuprat.

L-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment permanenti u l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tirċievi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għal tali trasferiment daqs li kieku l-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment permanenti kien l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll fil-każ fejn l-istabbiliment permanenti jinsab fl-istess Stat Membru bħal dak fejn hija residenti l-kumpannija li qed tirċievi.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, meta l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi tapplika sistema li tintaxxa l-profitti fuq livell dinji, dak l-Istat Membru għandu jkollu d-dritt li jintaxxa kwalunkwe profitt jew qligħ kapitali ta' l-istabbiliment permanenti li jirriżulta mill-merger, id-diviżjoni, id-diviżjoni parzjali jew it-trasferiment ta' assi, bil-kondizzjoni li jagħti eżenzjoni għat-taxxa li, ħlief għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, kienet tiġi imposta fuq dawk il-profitti jew qligħ kapitali fl-Istat Membru fejn jinsab dak l-istabbiliment permanenti, bl-istess mod u fl-istess ammont li kien jagħmel kieku dik it-taxxa kienet fil-fatt ġiet imposta u mħallsa.

▼M1



IT-TITOLU IVa

Każ Speċjali ta' Entitajiet Trasparenti

Artikolu 10a

1.  Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija mhux residenti li qed tittrasferixxi jew akkwistata bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, huwa għandu jkollu d-dritt li ma japplikax id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva meta jintaxxa azzjonist dirett jew indirett ta' dik il-kumpannija fir-rigward tad-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta' dik il-kumpannija.

2.  Stat Membru li jeżerċita d-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħti eżenzjoni għat-taxxa li, ħlief għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, kienet tiġi imposta fuq il-kumpannija fiskalment trasparenti fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali tagħha, bl-istess mod u bl-istess ammont li dak l-Istat kien jagħmel kieku dik it-taxxa ġiet fil-fatt imposta u mħallsa.

3.  Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li qed tirċievi jew akkwirenti, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, huwa għandu jkollu d-dritt li ma japplikax l-Artikolu 8 il-paragrafi 1, 2 u 3.

4.  Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li qed tirċievi, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, dak l-Istat Membru jista' japplika għal kwalunkwe azzjonist dirett jew indirett l-istess trattament għal finijiet ta' taxxa li kien japplika kieku l-kumpannija li qed tirċievi kienet residenti f'dak l-Istat Membru.



IT-TITOLU IVb

Regoli applikabbli għat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew SCE

Artikolu 10b

1.  Meta,

(a) SE jew SCE tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, jew

(b) f'konnessjoni mat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, SE jew SCE, li hija residenti fl-ewwel Stat Membru, ma tibqax residenti f'dak l-Istat Membru u ssir residenti fi Stat Membru ieħor,

dak it-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat jew it-tmiem ta' residenza m'għandux jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni ta' qligħ kapitali, ikkalkulat skond l-Artikolu 4(1), fl-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit, miksub minn dawk l-assi u d-debiti ta' l-SE jew l-SCE li, b'konsegwenza, jibqgħu effettivament konnessi ma' stabbiliment permanenti ta' l-SE jew ta' l-SCE fl-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit u li għandhom rwol fil-ġenerazzjoni tal-profitti jew tat-telf meħuda fil-kont għal finijiet ta' taxxa.

2.  Il-paragrafu 1 għandu japplika biss jekk l-SE jew l-SCE tikkalkula kwalunkwe deprezzament u kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward ta' l-assi u d-debiti li jibqgħu effettivament konnessi ma' dak l-istabbiliment permanenti, daqs li kieku t-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ma kienx seħħ jew l-SE jew l-SCE ma kinitx temmet ir-residenza fiskali tagħha.

3.  Meta, taħt il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru, l-SE jew l-SCE hija intitolata li jkollha kwalunkwe deprezzament ġdid jew kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward ta' l-assi u d-debiti li jibqgħu f'dak l-Istat Membru kkalkulati fuq bażi differenti minn dik stabbilita fil-paragrafu 2, il-paragrafu 1 m'għandux japplika għall-assi u d-debiti fir-rigward ta' liema dik l-għażla tiġi eżerċitata.

Artikolu 10ċ

1.  Meta,

(a) SE jew SCE tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, jew

(b) f'konnessjoni mat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, SE jew SCE, li hija residenti fl-ewwel Stat Membru, ma tibqax residenti f'dak l-Istat Membru u ssir residenti fi Stat Membru ieħor,

l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta provvisti jew riżervi kostitwiti kif suppost mill-SE jew l-SCE qabel it-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat huma parzjalment jew interament eżenti mit-taxxa u mhumiex akkwistati minn stabbilimenti permanenti barra l-pajjiż, tali provvisti jew riżervi jistgħu jittieħdu, bl-istess eżenzjoni ta' taxxa, minn stabbiliment permanenti ta' l-SE jew l-SCE li jinsab fit-territorju ta' l-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit.

2.  Sakemm kumpannija li tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha fit-territorju ta' Stat Membru titħalla tmexxi 'l quddiem jew tieħu lura telf li ma ġiex eżawrit għal finijiet ta' taxxa, dak l-Istat Membru għandu jippermetti lill-istabbiliment permanenti, li jinsab fit-territorju tiegħu, ta' l-SE jew l-SCE li qed tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha, li jassumi għalih dak it-telf ta' l-SE jew l-SCE li ma ġiex eżawrit għal finijiet ta' taxxa, bil-kondizzjoni li t-tmexxija 'l quddiem jew it-teħid lura tat-telf kien ikun disponibbli f'ċirkostanzi komparabbli għal kumpannija li baqgħet iżżomm l-uffiċċju reġistrat tagħha jew baqgħet resident fiskali f'dak l-Istat Membru.

Artikolu 10d

1.  It-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew ta' SCE m'għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitt jew il-qligħ kapitali ta' l-azzjonisti.

2.  L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 m'għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti tat-titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital ta' l-SE jew ta' l-SCE li tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha.

▼B



IT-TITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 11

▼M1

1.  Stat Membru jista' jirrifjuta li japplika jew jirtira l-benefiċċju ta' kull waħda jew kwalunkwe parti mid-dispożizzjonijiet tat-Titoli II, III, IV, u IVb meta jkun jidher li l-merger, id-diviżjoni, id-diviżjoni parzjali, it-trasferiment ta' assi, l-iskambju ta' ishma jew it-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew SCE:

(a) għandu bħala l-għan prinċipali jew bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi fiskali; il-fatt li waħda mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma titwettaqx għal raġunijiet kummerċjali validi bħar-ristrutturar jew ir-razzjonalizzazzjoni ta' l-attivitajiet tal-kumpanniji li qed jipparteċipaw fl-operazzjoni jista' jikkostitwixxi preżunzjoni li l-operazzjoni għandha l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi fiskali bħala l-għan prinċipali jew wieħed mill-għanijiet prinċipalitagħha;

(b) jirriżulta f'kumpannija, sew jekk qed tipparteċipa fl-operazzjoni jew le, li ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rappreżentazzjoni ta' l-impjegati f'organi tal-kumpannija skond l-arranġamenti li kienu fis-seħħ qabel dik l-operazzjoni.

▼B

2.  Il-paragrafu 1 (b) għandu jibqa' japplika sakemm u safejn l-ebda dispożizzjoni fil-liġi Komunitarja li jkun fiha l-ekwivalenti dwar ir-rappreżentanza ta' l-impjegati fuq l-organi tal-kumpannija ma tapplika għall-kumpanniji koperti b'din id-Direttiva.

Artikolu 12

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalbiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 1992 u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2.  Bħala deroga mill-paragrafu 1, ir-Repubblika Portugiża tista' ddewwem l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet involuti rigward it-trasferiment ta' l-attiv u l-iskambji ta' l-ishma sa l-1 ta' Jannar 1993.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunkaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġijiet nazzjonali tagħhom li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 13

Din id-Direttva hija indirizzata lill-Istati Membri.

▼M1




L-ANNESS

LISTA TA' KUMPANNIJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(a)

(a) kumpanniji inkorporati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplementa l-Istatut għal kumpannija Ewropea fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati, u soċjetajiet koperattivi inkorporati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea (SCE) u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplementa l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati;

▼M2

(aa) kumpanniji taħt il-liġi tal-Bulgarija magħrufa bħala: “събирателното дружество”, “командитното дружество”, “дружеството с ограничена отговорност”, “акционерното дружество”, “командитното дружество с акции”, “кооперации”, “кооперативни съюзи”, “държавни предприятия” kostitwiti taħt il-liġi tal-Bulgarija u li jwettqu attivitajiet kummerċjali;

(ab) kumpanniji taħt il-liġi tar-Rumanija magħrufa bħala: “societăți pe acțiuni”, “societăți în comandită pe acțiuni”, “societăți cu răspundere limitată.”

▼M1

(b) kumpanniji taħt il-liġi Belġjana magħrufa bħala “société anonyme”/“naamloze vennootschap”,“société en commandite par actions”/“commanditaire vennootschap op aandelen”, “société privée à responsabilité limitée”/“besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”“société coopérative à responsabilité limitée”/“coöperatieve vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”, “société coopérative à responsabilité illimitée”/“coöperatieve vennootschap met onbeperkte aansprakelijkheid”, “société en nom collectif” / “vennootschap onder firma”, “société en commandite simple” / “gewone commanditaire vennootschap”, impriżi pubbliċi li adottaw waħda mill-forom legali msemmija hawn fuq, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Belġjana soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Belġjana;

(ċ) kumpanniji taħt il-liġi Ċeka magħrufa bħala: “akciová společnost”, “společnost s ručením omezeným”;

(d) kumpanniji taħt il-liġi Daniża magħrufa bħala “aktieselskab” u “anpartsselskab”. Kumpanniji oħra soġġetti għat-taxxa taħt l-Att dwar Taxxa Korporattiva, safejn id-dħul taxxabbli tagħhom jiġi kkalkulat u intaxxat skond ir-regoli tal-leġislazzjoni tat-taxxa ġenerali applikabbli għal “aktieselskaber”;

(e) kumpanniji taħt il-liġi Ġermaniża magħrufa bħala “Aktiengesellschaft”, “Kommanditgesellschaft auf Aktien”, “Gesellschaft mit beschränkter Haftung”, “Versicherungsverein auf Gegenseitigkeit”, “Erwerbs- und Wirtschaftsgenossenschaft”, “Betriebe gewerblicher Art von juristischen Personen des öffentlichen Rechts”, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Ġermaniża soġġetti għat-taxxa korporattiva Ġermaniża;

(f) kumpanniji taħt il-liġi Estonjana magħrufa bħala: “täisühing”, “usaldusühing”, “osaühing”,“aktsiaselts”, “tulundusühistu”;

(g) kumpanniji taħt il-liġi Griega magħrufa bħala “αvώvυμη εταιρεία”, “εταιρεία περισρισμέvης ευθύvης (Ε.Π.Ε.)”;

(h) kumpanniji taħt il-liġi Spanjola magħrufa bħala “sociedad anónima”, “sociedad comanditaria por acciones”, “sociedad de responsabilidad limitada”, u dawk il-korpi ta' liġi pubblika li joperaw taħt il-liġi privata;

(i) kumpanniji taħt il-liġi Franċiża magħrufa bħala “société anonyme”, “société en commandite par actions”, “société à responsabilité limitée”, “sociétés par actions simplifiées”, “sociétés d'assurances mutuelles”, “caisses d'épargne et de prévoyance”,“sociétés civiles”li huma awtomatikament soġġetti għat-taxxa korporattiva,“coopératives”,“unions de coopératives”, stabbilimenti u impriżi pubbliċi industrijali u kummerċjali, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Franċiża soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Franċiża;

(j) kumpanniji inkorporati jew eżistenti taħt il-liġijiet Irlandiżi, korpi reġistrati taħt l-“Industrial and Provident Societies Act”, “building societies” inkorporati taħt il-“Building Societies Acts” u “trustee savings banks” fi ħdan it-tifsira tat-“Trustee Savings Banks Act”, 1989;

(k) kumpanniji taħt il-liġi Taljana magħrufa bħala “società per azioni”, “società in accomandita per azioni”, “società a responsibilità limitata”,“società cooperative”, “società di mutua assicurazione”, u entitajiet privati u pubbliċi li l-attività tagħhom hija interament jew prinċipalment kummerċjali;

(l) il-liġi Ċiprijotta: “εταιρείες” kif definit fil-liġijiet dwar it-Taxxa fuq id-Dħul;

(m) kumpanniji taħt il-liġi Latvjana magħrufa bħala: “akciju sabiedrība”, “sabiedrība ar ierobežotu atbildību”;

(n) kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tal-Litwanja;

(o) kumpanniji taħt il-liġi tal-Lussemburgu magħrufa bħala “société anonyme”, “société en commandite par actions”, “société à responsabilité limitée”, “société coopérative”, “société coopérative organisée comme une société anonyme”, “association d'assurances mutuelles”, “association d'épargne-pension”,“entreprise de nature commerciale, industrielle ou minière de l'Etat, des communes, des syndicats de communes, des établissements publics et des autres personnes morales de droit public”, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi tal-Lussemburgu soġġetti għat-Taxxa Korporattiva tal-Lussemburgu;

(p) kumpanniji taħt il-liġi Ungeriża magħrufa bħala: “közkereseti társaság”, “betéti társaság”,“közös vállalat”, “korlátolt felelősségű társaság”, “részvénytársaság”, “egyesülés”,“közhasznú társaság”,“szövetkezet”;

(q) kumpanniji taħt il-liġi Maltija magħrufa bħala: “Kumpanniji ta' Responsabilità Limitata”, “Soċjetajiet en commandite li l-kapital tagħhom maqsum f'azzjonijiet”;

(r) kumpanniji taħt il-liġi Olandiża magħrufa bħala “naamloze vennnootschap”, “besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”, “Open commanditaire vennootschap”, “Coöperatie”, “onderlinge waarborgmaatschappij”, “Fonds voor gemene rekening”, “vereniging op coöperatieve grondslag” u “vereniging welke op onderlinge grondslag als verzekeraar of kredietinstelling optreedt”, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Olandiża soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Olandiża;

(s) kumpanniji taħt il-liġi Awstrijaka magħrufa bħala “Aktiengesellschaft”, “Gesellschaft mit beschränkter Haftung”, “Erwerbs-und Wirtschaftsgenossenschaften”;

(t) kumpanniji taħt il-liġi Pollakka magħrufa bħala: “spółka akcyjna”, “spółka z ograniczoną odpowiedzialnością”;

(u) kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji ta' liġi ċivili li għandhom forma kummerċjali kif ukoll persuni ġuridiċi oħra li qed jiżvolġu attivitajiet kummerċjali jew industrijali, li huma inkorporati taħt il-liġi Portugiża;

(v) kumpanniji taħt il-liġi Slovena magħrufa bħala: “delniška družba”, “komanditna družba”,“družba z omejeno odgovornostjo”;

(w) kumpanniji taħt il-liġi Slovakka magħrufa bħala: “Akciová spoločnosť”, “Spoločnosť s ručením obmedzeným”, “Komanditná spoločnosť”;

(x) kumpanniji taħt il-liġi Finlandiża magħrufa bħala “osakeyhtiö”/“aktiebolag”, “osuuskunta”/“andelslag”, “säästöpankki”/“sparbank” u “vakuutusyhtiö”/“försäkringsbolag”;

(y) kumpanniji taħt il-liġi Svediża magħrufa bħala “aktiebolag”, “försäkringsaktiebolag”, “ekonomiska föreningar”, “sparbanker”, “ömsesidiga försäkringsbolag”;

(z) kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tar-Renju Unit.



( 1 ) ĠU C 39, tat-22.3.1969, p. 1.

( 2 ) ĠU C 51, tad-29.4.1970, p. 12.

( 3 ) ĠU C 100, ta' l-1.8.1969, p. 4.

( 4 ) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1).

( 5 ) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1. Regolament kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru. 15/2004 (ĠU L 116, 22.4.2004, p. 68).

Top