EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01990L0269-20070627

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill tad- 29 ta' Mejju 1990 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà għat-tqandil manwali tat-tagħbija fejn hemm riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar għall-ħaddiema (ir-raba' Direttiva individwali fit-tifsira ta' Artikolu 16(1) tad- Direttiva 89/391/KEE (90/269/KEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/269/2007-06-27

1990L0269 — MT — 27.06.2007 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tad-29 ta' Mejju 1990

dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà għat-tqandil manwali tat-tagħbija fejn hemm riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar għall-ħaddiema (ir-raba' Direttiva individwali fit-tifsira ta' Artikolu 16(1) tad- Direttiva 89/391/KEE

(90/269/KEE)

(ĠU L 156, 21.6.1990, p.9)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2007/30/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007

  L 165

21

27.6.2007




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tad-29 ta' Mejju 1990

dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà għat-tqandil manwali tat-tagħbija fejn hemm riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar għall-ħaddiema (ir-raba' Direttiva individwali fit-tifsira ta' Artikolu 16(1) tad- Direttiva 89/391/KEE

(90/269/KEE)



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment L-Artikolu 118a tiegħu

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni ( 1 ) mibgħuta wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar fuq is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol,

B'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' Direttivi, ħtiġijiet minimi li jinkoraġġixxu t-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jiġi garantit livell ogħla ta' protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema;

Billi, skond dak l-artikolu, dawn id-Direttivi għandhom jevitaw milli jimponu limiti amministrattivi, finanzjarji u legali tali li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju.

Billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-programm tagħha fuq is-sigurtà, l-iġjene u saħħa fuq ix-xogħol ( 4 ), tipprovdi għall-adozzjoni tad-Direttivi maħsuba biex jiggarantixxu is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol;

Billi l-Kunsill, fir-resoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Diċembru 1987 fuq is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol ( 5 ), innotat l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissottometti lill-Kunsill fil-futur qrib Direttiva fuq il-protezzjoni kontra r-riskji li jirriżultaw mit-tqandil manwali tat-tagħbija tqila;

Billi konformità mal-ħtiġijiet minimi maħsuba biex jiggarantixxu livell ogħla ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol hija essenzjali biex tassigura s-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva hija Direttiva individwali fit-tifsira ta' Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju ta' l-1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu it-titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol ( 6 ); billi għalhekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija huma applikabbli b'mod sħiħ fil-qasam tat-tqandil manwali tat-tagħbija billi hemm riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar għall-ħaddiema, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi pprovduti f'din id-Direttiva.

Billi din id-Direttiva tikkostitwixxi pass prattiku lejn il-kisba tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

Billi, bis-saħħa tad-Deċiżjoni 74/325/KEE ( 7 ), il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol għandu jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni bix jitfasslu proposti f'dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



IT-TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Suġġett

1.  Din id-Direttiva, li hija r-raba' Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tippreskrivi l-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u l-bżonnijiet tas-sigurtà għat-tqandil manwali tat-tagħbija fejn hemm riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar tal-ħaddiema.

2.  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE għandhom japplikaw b'mod sħiħ għall-isfera kollha msemmija fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar ristretti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-iskopijiet ta' dawn id-Direttivi, “tqandil manwali tat-tagħbijiet” ifisser kull trasport jew sostenn ta' tagħbija, minn ħaddiem wieħed jew aktar, li jinkludi l-irfigħ, in-tniżżil, l-imbuttar, il-ġbid, il-ġarr jew iċ-ċaqliq ta' tagħbija, li, minħabba l-karatteristiċi jew il-kondizzjonijiet ergonomiċi mhux favorabbli tagħha, tinvolvi riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar għall-ħaddiema.



IT TAQSIMA II

OBBLIGI TAN-NIES LI JIMPJEGAW

L-Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Dak li jimpjega għandu jieħu miżuri ta' organizzazzjoni xierqa, jew għandu juża mezzi proprji, partikolarment tagħmir mekkaniku, sabiex jevita l-bżonn għal tqandil manwali tat-tagħbija mill-ħaddiema.

2.  Fejn il-bżonn għal tqandil manwali tat-tagħbija mill-ħaddiema ma jistax jiġi evitat, dak li jimpjega għandu jieħu l-miżuri xierqa, juża l-mezzi xierqa jew jipprovdi lill-ħaddiema bil-mezzi neċessarji sabiex jitnaqqas ir-riskju involut fit-tqandil manwali ta' din it-tagħbija, wara li jkun ikkonsidrat l-Anness I.

L-Artikolu 4

Organizzazzjoni ta' workstations

Kull meta l-bżonn għal tqandil manwali tat-tagħbija ma jistax jiġi evitat, dak li jimpjega għandu jorganizza workstations b'tali mod li jagħmel dan it-tqandil kemm jista' jkun ta' sigurtà u f'saħħtu u:

(a) jistma, bil-quddiem jekk possibbli, il-kondizzjonijiet tas-saħħa u tas-sigurtà tat-tip ta' xogħol involut, u partikolarment jeżamina l-karatteristiċi tat-tagħbija, tenut kont ta' l-Anness 1;

(b) jieħu ħsieb li jevita jew inaqqas r-riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar għall-ħaddiema, billi jittieħdu miżuri xierqa, jiġu kkunsidrati partikolarment il-karatteristiċi ta' l-ambjent tax-xogħol u l-bżonnijiet ta' l-attività, wara li jkun ikkonsidrat l-Anness 1.

L-Artikolu 5

Referenza għall-Anness II

Għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 6(3)(b) u l-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 89/391/KEE, l-Anness II irid jiġi kkunsidrat.

L-Artikolu 6

Informazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom ikunu infurmati dwar il-miżuri kollha li jridu jiġu implementati, skond din id-Direttiva, rigward il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa.

Dawk li jimpjegaw iridu jiżguraw li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom jirċievu indikazzjonijiet ġenerali u, fejn possibli, informazzjoni preċiża dwar:

 it-toqol tat-tagħbija,

 iċ-ċentru tal-gravità ta' l-itqal naħa meta l-pakkett huwa mgħobbi b'mod eċċentriku.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 83/391/KEE, dawk li jimpjegaw iridu jiżguraw li l-ħaddiema jirċievu wkoll taħriġ u informazzjoni fuq kif iqandlu tagħbija b'mod korrett u r-riskji li jistgħu jiffaċjaw partikolarment jekk dawn ix-xogħlijiet m'humiex magħmulin tajjeb, kont tenut ta' l-Annessi 1 u II.

L-Artikolu 7

Konsultazzjoni mal-ħaddiema u parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Konsultazzjoni mal-ħaddiema u partiċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom għandhom isiru skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar materji li jaqgħu taħt din id-Direttiva, inklużi l-Annessi tagħha.



IT TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

L-Artikolu 8

Adattamenti ta' l-Annessi

Bidliet ta' natura strettament teknika għall-Annessi I u II li jirriżultaw minn progress tekniku u bidliet f'regolamenti u speċifikazzjonijiet internazzjonali jew tagħrif fil-qasam tat-tqandil bl-idejn ta' tagħbija għandu jkun adottat skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 1992.

Għandhom jinfurmaw il-Kummissjoni bihom minnufih.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw, fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼B

L-Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I ( 8 )

FATTURI TA' REFERENZA

(L-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4(a) u (b) u l-Artikolu 6(2))

1. Karatteristiċi tat-tagħbija

It-tqandil manwali ta' tagħbija jista' jqajjem riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar jekk hija:

 tqila jew kbira wisq,

 goffa jew diffiċli biex taqbadha,

 mhux stabbli jew li l-kontenut tagħha jista' jiċċaqlaq,

 imqiegħda b'mod li jġiegħel li tinżamm jew li tkun manipulata 'il bogħod mill-ġisem, jew b'liwja jew barma tal-ġisem,

 x'aktarx, minħabba l-kontorn u/jew il-konsistenza tagħha, tirriżulta f'korriment tal-ħaddiema, partikolarment f'każ ta' ħabta.

2. Sforz fiżiku meħtieġ

Sforz fiżiku jista' jqajjem riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar jekk hu:

 strapazzanti wisq,

 miksub biss permezz ta' moviment ta' liwja tal-ġisem,

 x'aktarx jirriżulta f'moviment f'daqqa tat-tagħbija,

 magħmul mill-ġisem f'pożizzjoni mhux stabbli.

3. Karatteristiċi ta' l-ambjent tax-xogħol

Il-karatteristiċi ta' l-ambjent tax-xogħol jista' jżid ir-riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar jekk:

 m'hemmx biżżejjed spazju, partikolarment vertikali, biex titwettaq l-attività,

 l-art hi irregolari, għalhekk tippreżenta riskju ta' waqgħa, jew tiżloq għaż-żarbun tal-ħaddiem,

 il-post tax-xogħol jew l-ambjent tax-xogħol jipprevjeni t-tqandil tat-tagħbija f'għoli mhux ta' periklu jew b'pożizzjoni tajba mill-ħaddiem,

 hemm varjazzjonijiet fil-livell ta' l-art jew il-wiċċ tal-post tax-xogħol, li għalhekk iġiegħel li t-tagħbija tkun manipulata fuq livelli differenti,

 l-art jew il-post fejn jistrieħu s-saqajn ma jkunux stabbli,

 it-temperatura, l-umdità jew il-ventilazzjoni ma tkunx tajba.

4. Ħtiġijiet ta' l-attività

L-attività tista' tqajjem riskji partikolarment ta' korriment tad-dahar jekk ikun hemm bżonn ta' wieħed jew aktar mill-ħtiġijiet li ġejjin:

 sforz fiżiku frekwenti wisq jew fit-tul wisq li jinvolvi partikolarment ix-xewka tad-dahar,

 serħan tal-ġisem jew perjodu ta' rkupru mhux suffiċjenti

 distanzi ta' rfigħ, tniżżil jew ġarr eċċessivi

 rata ta' xogħol imposta minn proċess li ma jistax jinbidel mill-ħaddiem:




L-ANNESS II ( 9 )

FATTURI TA' RISKJI INDIVIDWALI

(L-Artikoli 5 u 6(2))

Il-ħaddiem jista' jkun fil-periklu jekk huwa/hija:

 mhuwiex/mhijiex fi stat fiżiku xieraq biex jagħmel/tagħmel dak ix-xogħol,

 mhuwiex/mhijiex liebes/liebsa ħwejjeġ, żraben jew effetti oħra personali adattati,

 m'għandux/m'għandhiex it-tagħrif jew taħriġ neċessarju jew xieraq.



( 1 ) ĠU C 117, ta' l-4.5.1988, p. 8.

( 2 ) ĠU C 326, tad-19.12.1988, p. 137 u ĠU C 96, tas-17.4.1990, p. 82

( 3 ) ĠU C 318, tat-12.12.1988, p. 37

( 4 ) ĠU C 28, tat-3.2.1988, p.3

( 5 ) ĠU C 28, tat-3.2.1988, p.1

( 6 ) ĠU L 183, tad-29.6.1983, p.1

( 7 ) ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15

( 8 ) Sabiex issir analiżi li tikkonsidra ħafna fatturi, tista' ssir referenza fl-istess waqt għall-fatturi varji mniżżlin fl-Annessi I u II.

( 9 ) Sabiex issir analiżi li tikkonsidra ħafna fatturi, tista' ssir referenza fl-istess waqt għall-fatturi mniżżla fl-Annessi I u II.

Top