Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01984L0156-19911223

    Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill tat-8 ta’ Marzu 1984 dwar il-valuri ta’ limitu u l-objettivi ta’ kwalità għal-iskariku ta’ merkurju minn setturi li mhumiex dawk ta’ l-industrija ta’ l-elettroliżi tal-chlor-alkali (84/156/KEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1984/156/1991-12-23

    1984L0156 — MT — 23.12.1991 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    tat-8 ta’ Marzu 1984

    dwar il-valuri ta’ limitu u l-objettivi ta’ kwalità għal-iskariku ta’ merkurju minn setturi li mhumiex dawk ta’ l-industrija ta’ l-elettroliżi tal-chlor-alkali

    (84/156/KEE)

    (ĠU L 074, 17.3.1984, p.49)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru, 1991,

      L 377

    48

    31.12.1991




    ▼B

    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    tat-8 ta’ Marzu 1984

    dwar il-valuri ta’ limitu u l-objettivi ta’ kwalità għal-iskariku ta’ merkurju minn setturi li mhumiex dawk ta’ l-industrija ta’ l-elettroliżi tal-chlor-alkali

    (84/156/KEE)



    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 76/464/KEE ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar it-tniġġis ikkawżat minn ċerti sostanzi perikolużi li jintremew fl-ambjent akwatiku tal-Komunità ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 12 tagħha,

    Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni ( 2 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 3 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 4 ),

    Billi, biex jiġi protett l-ambjent akwatiku tal-Komunità mit-tniġġis minn ċerti sostanzi, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/464/KEE jintroduċi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tistabbilixxi standards ta’ emissjoni għall-iskariku tas-sostanzi msemmija fil-Lista I fl-Anness għaliha; billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva msemmija jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti l-valuri ta’ limitu għal dawn l-istandards ta’ emissjoni kif ukoll għall-miri ta’ kwalità għall-ambjent akwatiku affettwat mill-iskariku ta’ dawn is-sostanzi;

    Billi l-merkurju u t-taħlit tiegħu huma inklużi fil-Lista I;

    Billi l-Istati Membri huma meħtieġa japplikaw il-valuri ta’ limitu bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn huma jistgħu japplikaw il-miri ta’ kwalità;

    Billi, minħabba li t-tniġġis li ġej mill-iskariku tal-merkurju fl-ilma huwa kkawżat minn numru kbir ta’ industriji, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu speċifiċi skond it-tip ta’ industrija konċernata u li jiġu stabbiliti miri ta’ kwalità għall-ambjent akwatiku li fih jintrema l-merkurju minn dawn l-industriji;

    Billi l-iskop tal-miri ta’ kwalità għandu jkun l-eliminazzjoni tat-tniġġis ikkawżat mill-merkurju fil-partijiet varji ta’ l-ambjent akwatiku li jistgħu jiġu affettwati mill-iskariku tal-merkurju;

    Billi dawn il-miri ta’ kwalita għandhom jiġu stabbiliti apposta għal dan il-għan, u mhux bl-intenzjoni li jistabbilixxu regoli li jappartjenu għall-protezzjoni tal-konsumatur jew għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li ġejjin mill-ambjent akwatiku;

    Billi għandha tiġi stabbilita proċedura speċifika ta’ sorveljanza sabiex biha, l-Istati Membri jkunu jistgħu juru l-konformità mal-miri ta’ kwalità;

    Billi għandu jkun hemm dispożizzjoni għas-sorveljanza mill-Istati Membri ta’ l-ambjent akwatiku affettwat mill-iskariku tal-merkurju msemmi fuq biex din id-Direttiva tkun tista’ tiġi implimentata b’mod effettiv; billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/464/KEE ma jipprovdix għas-setgħat biex din is-sorveljanza tkun tista’ tiġi introdotta; billi, minħabba li s-setgħat speċifiċi ma kienux ġew stabbiliti fit-Trattat, għandu jiġi invokat l-Artikolu 235 tiegħu;

    Billi, fil-każ ta’ skariku minn ċertu impjanti li għalihom ma jistgħux jiġu stabbiliti standards ta’ emissjoni jew li dawn ma jkunux jistgħu jiġu sorveljati b’mod regolari minħabba n-natura mferrxa tas-sorsi, għandhom jiġu stabbiliti programmi speċifiċi biex jiġi evitat jew eliminat it-tniġġis tal-merkurju minn dawn l-impjanti; billi, minħabba li s-setgħat ma ġewx stabbiliti jew permezz ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/464/KEE jew permezz tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, għandu jiġi invokat l-Artikolu 235 tat-Trattat;

    Billi d-Direttiva 82/176/KEE ( 5 ) tistabbilixxi valuri ta’ limitu għall-iskariku ta’ merkurju fl-ambjent akwatiku li jsir mill-industrija ta’ l-elettroliżi tal-chlor-alkali, kif ukoll tistabbilixxi miri ta’ kwalità għall-ambjent akwatiku fejn jiġi mormi l-merkurju;

    Billi huwa importanti li l-Kummissjoni tagħmel rapport kull erba’ snin dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri;

    Billi, minħabba li l-ilma ta’ taħt l-art huwa s-suġġett tad-Direttiva 80/68/KEE ( 6 ), dan huwa eskluż mill-iskop ta’ din id-Direttiva;

    Billi l-livell ta’ industrijalizzazzjoni fi Greenland huwa baxx ħafna minħabba s-sitwazzjoni ġenerali tal-gżira, l-aktar minħabba l-fatt li hija ftit ippopolata, il-qies konsiderevoli tagħha u l-pożizzjoni ġeografika speċjali tagħha; billi, għalhekk, din id-Direttiva ma għandiex tappika għal Greenland,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



    L-Artikolu 1

    1.  Din id-Direttiva:

     skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi valuri ta’ limitu għal standards ta’ emissjoni għall-merkurju fi skariku minn impjanti industrijali, hekk kif imfisser fl-Artikolu 2(e) tagħha,

     skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi miri ta’ kwalità għall-merkurju fl-ambjent akwatiku,

     skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi limiti ta’ żmien għall-konformità mal-kondizzjonijiet speċifikati fl-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-iskariku eżistenti,

     skond l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi metodi ta’ referenza ta’ kejl li jwasslu sabiex jiġI determinat il-kontenut tal-merkurju fl-iskariku fl-ambjent akwatiku,

     skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi proċedura ta’ sorveljanza,

     titlob lill-Istati Membri sabiex jikkooperaw ma’ xulxin fil-każ ta’ skariku li jaffettwa l-ilmijiet ta’ aktar minn Stat Membru wieħed,

     titlob mill-Istati Membri sabiex ifasslu programmi biex ikun jista’ jiġi evitat jew eliminat it-tniġġis ikkawżat mill-iskariku, fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 4.

    2.  Din id-Direttiva tapplika għall-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/464/KEE, bl-eċċezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art.

    L-Artikolu 2

    Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a) ‘merkurju’ jfisser:

     l-element kimiku magħruf bħala merkurju,

     il-merkurju li jkun jinsab f’xi wieħed mill-komposti tiegħu;

    (b) ‘valuri ta’ limitu’ tfisser:

    il-valuri speċifikati fl-Anness I;

    (c) ‘miri ta’ kwalità’ tfisser:

    il-kriterji speċifikati fl-Anness II;

    (d) ‘immaniġġjar tal-merkurju’ tfisser:

    kull proċess industrijali li jinvolvi l-produzzjoni jew l-użu tal-merkurju, jew kwalunkwe proċess industrijali ieħor li fih ikun hemm il-preżenza tal-merkurju;

    (e) ‘impjant industrijali’ tfisser:

    impjant li fih jiġi mmaniġġjat il-merkurju jew xi sostanzi li fihom ikunu hemm il-merkurju, bl-eċċezzjoni ta’ l-impjanti industrijali msemmija fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 82/176/KEE;

    (f) ‘impjanti eżistenti’ tfisser:

    impjant industrijali li jkun qiegħed jaħdem fid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva;

    (g) ‘impjant ġdid’ tfisser:

     impjant industrijali li jkun beda jaħdem wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva,

     impjant industrijali eżistenti li l-kapaċità tiegħu ta’ l-immaniġġjar tal-merkurju tkun żdiedet b’mod sostanzjali mid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva.

    L-Artikolu 3

    1.  Il-valuri ta’ limitu, li għandhom jiġu mħarsa fil-limiti ta’ żmien, kif ukoll il-proċedura ta’ sorveljanza għall-iskariku huma stabbiliti fl-Anness I.

    2.  Il-valuri ta’ limitu għandhom normalment japplikaw fejn l-ilmijiet imniġġsa li jkun fihom kontenut ta’ merkurju joħorġu mill-impjant industrijali.

    Meta l-ilmijiet imniġġsa li jkun fihom il-merkurju jiġu ttrattati barra l-impjant industrijali f’impjant ta’ trattament maħsub għall-eliminazzjoni tal-merkurju, l-Istat Membru jista’ jippermetti li jiġu applikati l-valuri ta’ limitu fil-post fejn l-ilmijiet imniġġsa joħorġu mill-impjant industrijali.

    3.  L-awtorizzazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/464/KEE għandhom ikollhom dispożizzjonijiet stretti għallinqas daqs dawk li hemm fl-Anness I għal din id-Direttiva, għajr fejn l-Istat Membru jkun qiegħed jikkonforma ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE fuq il-bażi ta’ l-Anness II għal din id-Direttiva u ta’ l-Anness IV għad-Direttiva 82/176/KEE.

    L-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu riveduti għallinqas kull erba’ snin.

    4.  Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom li ġejjin mill-paragrafi 1, 2 u 3 u għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/464/KEE, l-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet għal impjanti ġodda, jekk biss dawk l-impjant japplikaw l-istandards ta’ kwalità li jikkorrispondu għall-aħjar mezzi tekniċi disponibbli meta dan ikun neċessarju għall-eliminazzjoni tat-tniġġis f’konformità ma’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva msemmija, jew għall-prevenzjoni ta’ tfixkil fil-kompetizzjoni.

    Kwalunkwe metodu jadotta l-Istat Membru, fejn għal raġunijiet tekniċi, il-miżuri maħsuba ma jkunux jikkorrispondu għall-aħjar mezzi tekniċi disponibbli, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, qabel kull awtorizzazzjoni, b’evidenza li tappoġġja dawn ir-raġunijiet.

    Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-evidenza lill-Istati Membri l-oħra minnufih u għandha tibgħat rapport lill-Istati Membri kollha kemm jista’ jkun malajr li fih tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deroga msemmija fit-tieni subparagrafu. Jekk ikun meħtieġ, hija għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill fl-istess żmien.

    5.  Il-metodu ta’ analiżi ta’ referenza li għandu jintuża biex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ merkurju huwa spjegat fl-Anness III (1) għad-Direttiva 82/176/KEE. Jistgħu jintużaw metodi oħra, sakemm il-limiti ta’ determinazzjoni, preċiżjoni u eżattezza ta’ dawn il-metodi jkunu tajbin għallinqas daqs dawk stabbiliti fl-Anness III (1) għad-Direttiva 82/176/KEE. L-eżattezza meħtieġa fil-kejl taċ-ċirkolazzjoni tal-iskariku hija mogħtija fl-Anness III (2) għal dik id-Direttiva.

    L-Artikolu 4

    1.  L-Istati Membri għandhom ifasslu programmi speċifiċi għall-iskariku tal-merkurju minn bosta sorsi li mhumiex impjanti industrijali u li l-istandards ta’ emissjoni ta’ dawn, stabbiliti fl-Artikolu 3, ma jkunux jistgħu jiġu applikati fil-prattika.

    2.  L-għan ta’ dawn il-programmi għandu jkun sabiex jiġi evitat jew eliminat it-tniġġis. Dawn għandhom jinkludu l-aktar miżuri u tekniki xierqa għas-sostituzzjoni, iż-żamma u r-riċiklaġġ tal-merkurju. L-eliminazzjoni ta’ skart li jkun fih il-merkurju għandha ssir skond id-Direttiva tal-Kunsill 78/319/KEE ta’ l-20 ta’ Marzu 1978 dwar skart tossiku u perikoluż ( 7 ), hekk kif emendata bl-Att ta’ Adeżjoni tal-1979.

    3.  Il-programmi speċifiċi għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 1989 u għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

    L-Artikolu 5

    L-Istati Membri konċernati għandhom ikunu responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-ambjent akwatiku affettwat minn skart industrijali.

    Fil-każ ta’ skart li jaffettwa l-ilmijiet ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkooperaw bejniethom biex jarmonizzaw il-proċeduri ta’ sorveljanza.

    L-Artikolu 6

     

    F'intervalli ta' tliet snin l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, permezz ta' rapport settorjali li għandu jiġbor fih ukoll Direttivi oħra relevanti tal-Komunità. Dan ir-rapport għandu jkun imsejjes fuq kwestjonarju jew punti prinċipali magħmula mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE ( 8 ). Il-kwestjonarju jew punti prinċipali għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel ma jibda l-perjodu li għalih ikun sar ir-rapport. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mit-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin li għalih ikun sar.

    L-ewwel rapport għandu jkun għall-perjodu mill-1993 sa l-1995, biż-żewġ dati magħduda.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport tal-Komunità dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fi żmien disa' xhur minn meta tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.

     ◄

    2.  Fil-każ li jkun hemm bdil fl-għarfien xjentifiku li jittrattata b’mod prinċipali t-tossiċità, il-persistenza u l-akkumulazzjoni ta’ merkurju fi ħlejjaq ħajjin u depożiti, jew fil-każ li jkun hemm żviluppi fl-aħjar mezzi tekniċi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill bl-iskop li tirrinforza, jekk ikun meħtieġ, il-valuri ta’ limitu u l-miri ta’ kwalità jew li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu u miri ta’ kwalità oħra.

    L-Artikolu 7

    1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

    2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

    L-Artikolu 8

    Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal Greenland.

    L-Artikolu 9

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




    L-ANNESS I

    Valuri ta’ limitu, limiti ta’ żmien sa liema għandu jkun hemm il-konformità magħhom, u l-proċedura dwar is-sorveljanza tal-iskariku

    1.

    Il-valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ żmien għas-setturi industrijali konċernati jidhru flimkien fit-tabella ta’ hawn taħt:



    Settur industrijali (1)

    Valur tal-limitu li gċandu jiġi osservat mill-:

    Unità ta’ kejl

    fl-1 ta’ Lulju 1986.

    fl-1 ta’ Lulju 1989.

    1.  Industriji kimiċi li jużaw katalisti tal-merkurju:

    (a)Fil-produzzjoni ta’ vinyl chloride

    0,1

    0,05

    mg/l ħruġ

    0,2

    0,1

    kapacità ta’ produzzjoni g/t ta’ vinyl chloride

    (b)Fi proċessi oħra1.

    0,1

    0,05

    mg/l ħruġ

    10

    5

    g/kg merkurju pprocessat

    2.Manifattura ta’ katalisti tal-merkurju wżati fil-produzzjoni ta’ vinyl chloride.

    0,1

    0,05

    mg/l ħruġ

    1,4

    0,7

    g/kg merkurju ipproċessat

    3.Manifattura ta’ komposti organiċi jew mhux-organiċ (għajr il-prodotti msemmija fil-punt 2).

    0,1

    0,05

    mg/l ħruġ

    0,1

    0,05

    g/kg merkurju ipproċessat

    4.Manifattura ta’ batteriji primarji li jkun fihom il-merkurju.

    0,1

    0,05

    mg/l ħruġ

    0,05

    0,03

    g/kg merkurju ipproċessat

    5.  L-industrija tal-metall li ma jkunx fih ħadid (2)

    5.1Impjanti għall-ġbir tal-merkurju

    0,1

    0,05

    mg/l ħruġ

    5.2Estrazzjoni u irfinar ta’ metalli li ma jkunx fihom ħadid

    0.1

    0,05

    mg/l ħruġ

    6.Impjanti għal trattament ta’ skart tossiku li jkun fih il-merkurju

    0,1

    0,05

    mg/l ħruġ

    (1)   Il-valuri ta’ limitu għal setturi industrijali għajr l-industrija ta’ l-elettroliżi tal-chlor-alkali li mhumiex imsemmija f’din it-tabella, bħalma huma l-industriji tal-karta u ta’ l-azzar jew power stations li jaħdmu bil-faħam, għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiġu stabbiliti mill-Kunsill aktar tard. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu standards ta’ emissjoni ta’ skariku ta’ merkurju b’mod awtonomu f’konformità mad-Direttiva 76/464/KEE. Standards bħal dawn għandhom iqisu l-aħjar mezzi tekniċi disponibbli u ma għandhomx ikunu anqas stretti minn dak il-valur tal-limitu li huwa l-aktar komparabbli f’dan l-Anness.

    (2)   Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 6(3), tissottometti lill-Kunsill proposti għal valuri ta’ limitu aktar stretti biex jiġu introdotti 10 snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva.

    Il-valuri ta’ limitu mogħtija fit-tabella jikkorrispondu għal konċentrazzjoni medja fuq bażi ta’ xahar jew għal piż massimu fix-xahar.

    L-ammonti ta’ merkurju mormija huma mfissra bħala funzjoni ta’ ammont ta’ merkurju wżat jew immaniġġjat mill-impjant industrijali fl-istess żmien jew bħala funzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-vinyl chloride nstallata.

    2.

    Il-valuri ta’ limitu mfissra bħala konċentrazzjonijiet li fil-prinċipju ma għandhomx jinqabżu huma mogħtija fit-tabella ta’ fuq għas-setturi industrijali 1 sa 4. Fl-ebda ċirkostanza ma għandhom il-valuri mfissra bħala konċentrazzjonijiet massimi ikunu akbar minn dawk espressi bħala kwantitajiet massimi diviżi bi kriterji ta’ ilma għal kull kilogramm ta’ merkurju immaniġġjat jew għal kull tunnellata ta’ kapaċità nstallata ta’ produzzjoni tal-vinyl chloride.

    Iżda, minħabba li l-konċentrazzjoni ta’ merkurju fl-iskariku tiddependi fuq il-volum ta’ ilma involut, li jkun differenti għal proċessi jew impjanti differenti, il-valuri ta’ limitu, imfissra f’termini tal-kwantità ta’ merkurju mormi f’relazzjoni mal-kwantità ta’ merkurju immaniġġjat jew mal-kapaċità nstallata ta’ produzzjoni ta’ vinyl chloride, mogħtija fit-tabella ta’ fuq, għandhom jiġu mħarsa fil-każijiet kollha.

    3.

    Il-valuri ta’ limitu medji ta’ kuljum huma d-doppju tal-valuri ta’ limitu medji ta’ kull xahar li jikkorrispondu mogħtija fit-tabella ta’ fuq.

    4.

    Għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ sorveljanza biex tivverifika jekk l-iskariku jikkonformax ma’ l-istandards ta’ emissjoni li jkunu ġew stabbiliti f’konformità mal-valuri ta’ limitu stabbiliti f’dan l-Anness.

    Din il-proċedura għandha tipprovdi għat-teħid u l-analiżi ta’ kampjuni, kif ukoll għall-kejl ta’ emissjonijiet u, fejn ikun xieraq, il-kwantità ta’ merkurju immaniġġjata.

    Jekk ikun impossibbli li tiġi stabbilita l-kwantità ta’ merkurju mmaniġġjata, il-proċedura ta’ sorveljanza tista’ tkun ibbażata fuq il-kwantità ta’ merkurju li jista’ jintuża fid-dawl tal-kapaċità tal-produzzjoni li tkun ġiet ibbażata fuqha l-awtorizzazzjoni.

    5.

    Għandu jittieħed kampjun rappreżentattiv tal-iskariku f’perjodu ta’ 24 siegħa. Il-kwantità ta’ merkurju mormi f’xahar għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ kuljum ta’ merkurju mormi.

    Iżda, tista’ tiġi stabbilita proċedura ta’ sorveljanza ssimplifikata fil-każ ta’ impjanti industrijali li minnhom ma jarmux aktar minn 7,5 kilogrammi ta’ merkurju fis-sena.




    L-ANNESS II

    Miri ta’ kwalità

    Għal dawk l-Istati Membri li japplikaw l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, l-istandards ta’ emissjoni li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jiżguraw li jiġu applikati, skond l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti sabiex il-mira jew miri ta’ kwalità xierqa fost dawk elenkati fis-sezzjonijiet 1, 2 u 3 ta’ l-Anness II għad-Direttiva 82/176/KEE, tkun jew ikunu f’konformità f’dik iż-żona affettwata minn emissjonijiet ta’ merkurju.

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi ż-żona affettwata f’kull każ u għandha tagħżel minn dawk il-miri ta’ kwalità msemmija fis-sezzjoni 1 ta’ l-Anness II għad-Direttiva 82/176/KEE l-għan jew l-għanijiet li hija tikkunsidra xierqa, waqt li tikkunsidra l-użu maħsub taż-żona affettwata, kif ukoll il-fatt li l-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li timpedixxi jew li telimina t-tniġġis kollu.

    Il-valuri numeriċi tal-miri ta’ kwalità msemmija f’1.2, 1.3 u 1.4 ta’ l-Anness II għad-Direttiva 82/176/KEE jistgħu, bħala eċċezzjoni u fejn ikun neċessarju għal raġunijiet tekniċi, jiġu mmultiplikati b’1.5 sa l-1 ta’ Lulju 1989, sakemm il-Kummissjoni tkun ġiet infurmata minn qabel.



    ( 1 ) ĠU L 129, tat-18.5.1976, p. 23.

    ( 2 ) ĠU C 20, tal-25.1.1983, p. 5.

    ( 3 ) ĠU C 10, tas-16.1.1984, p. 300.

    ( 4 ) ĠU C 286, ta’ l-24.10.1983, p. 1.

    ( 5 ) ĠU L 81, tas-27.3.1982, p. 29.

    ( 6 ) ĠU L 20, tas-26.1.1980, p. 43.

    ( 7 ) ĠU L 84, tal-31.3.1978, p. 43.

    ( 8 ) ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.

    Top