This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 01983L0513-19911223
Council Directive of 26 September 1983 on limit values and quality objectives for cadmium discharges (83/513/EEC)
Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 1983 dwar il-limitu ta’ valuri u objettivi ta’ kwalità għall-iskariku tal-kadmju (83/513/KEE)
Id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 1983 dwar il-limitu ta’ valuri u objettivi ta’ kwalità għall-iskariku tal-kadmju (83/513/KEE)
1983L0513 — MT — 23.12.1991 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Settembru 1983 dwar il-limitu ta’ valuri u objettivi ta’ kwalità għall-iskariku tal-kadmju (ĠU L 291, 24.10.1983, p.1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru, 1991, |
L 377 |
48 |
31.12.1991 |
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Settembru 1983
dwar il-limitu ta’ valuri u objettivi ta’ kwalità għall-iskariku tal-kadmju
(83/513/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Direttiva 76/464/KEE ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar it-tniġġis ikkawżat minn ċertu sustanzi perikolużi li jintremew fl-ambjent akwatiku tal-Komunità ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 12 ta’ din,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 3 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 4 ),
Billi, biex jiġi protett l-ambjent akwatiku tal-Komunità mit-tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/464/KEE jintroduċi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tistabbilixxi standards ta’ skariku tas-sustanzi msemmija fil-Lista I fl-Anness ta’ din; billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva msemmija jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu li għandhom jiġu stabbiliti għal dawn l-i standards ta’ skariku, kif ukoll l-għanijiet ta’ kwalità għall-ambjent akwatiku affettwat bl-iskariku ta’ dawn is-sustanzi;
Billi l-kadmju u l-komposti tiegħu huma inklużi fil-Lista I;
Billi l-Istati Membri huma mitluba biex japplikaw il-valuri ta’ limitu, bl-eċċezzjoni ta’ każi fejn dawn jistgħu japplikaw għanijiet ta’ kwalità;
Billi, peress li t-tniġġis ikkawżat mill-iskariku ta’ kadmju fl-ilma jiġi kkawżat minn numru kbir ta’ industriji, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu speċifiċi in konformità mat-tip ta’ l-industrija kkonċernata, u li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ kwalità għall-ambjent akwatiku li fih il-kadmju jintrema minn dawn l-industriji;
Billi, pero’, fil-preżent mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu għal skariku li ġejja mill-manifattura ta’ aċtu fosforiku u fertilizzant fosfatiku minn blat fosfatiku;
Billi l-objettiv ta’ l-għanijiet ta’ kwalità għandu jkun li jelimina t-tniġġis tal-kadmju mid-diversi partijiet ta’ l-ambjent akwatiku li jistgħu jkunu affettwati bl-iskariku tal-kadmju;
Billi dawn l-għanijiet ta’ kwalità għandhom ikunu stabbiliti espressament għal dan l-għan u mhux bl-intenzjoni li jistabbilixxu regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur jew għat-tmexxija ta’ prodotti fis-suq mill-ambjent akwatiku;
Billi għandha tiġi stabbilità proċedura speċifika ta’ sorveljanza biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaraw li l-għanijiet ta’ kwalità jkunu qed jiġu mħarsa;
Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet għas-sorveljanza mill-Istati Membri ta’ l-ambjent akwatiku affettwat bl-iskariku tal-kadmju msemmi fuq, bl-intenzjoni li jkun hemm implimetazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva; billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/464/KEE ma jipprovdix poteri biex tiġi introdotta din is-sorveljanza; billi, peress li l-poteri speċifiċi ma ġewx stabbiliti fit-Trattat, l-Artikolu 235 ta’ dan għandu jkun applikat;
Billi huwa importanti li l-Kummissjoni tgħaddi lill-Kunsill, kull ħames snin, stima komparattiva ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri;
Billi, peress li l-ilma ta’ taħt l-art huwa s-suġġett tad-Direttiva 80/68/KEE ( 5 ), dan huwa eskluż mill-iskop ta’ din id-Direttiva;
Billi l-livell ta’ l-industrijalizzazzjoni huwa baxx ħafna fi Greenland minħabba s-sitwazzjoni ġenerali ta’ dik il-gżira, u b’mod speċjali l-fatt li ma tantx hija popolata, il-qies konsiderevoli tagħha, kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika tagħha; billi, għalhekk, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal Greenland,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
1. Din id-Direttiva:
— in konformità ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi l-valuri ta’ limitu għall-standards ta’ skariku ta’ kadmju li jintrema minn impjanti industrijali, hekk kif deskritt fl-Artikolu 2(e) ta’ din,
— in konformità ma’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi l-għanijiet ta’ kwalità għall-kadmju fl-ambjent akwatiku,
— f’konformità ma’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi l-limitu ta’ żmien għal konformità mal-kondizzjonijiet speċifikati fl-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fejn jidħol skariku eżistenti,
— in konformità ma’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi l-metodi ta’ referenza biex jitkejjel il-kontenut ta’ kadmju li jintrema u li jkun hemm fl-ambjent akwatiku,
— in konformità ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, twaqqaf proċedura ta’ sorveljanza,
— titlob lill-Istati Membri biex jikooperaw ma’ xulxin fil-każ ta’ skariku li taffettwa l-ilmijiet ta’ aktar minn Stati Membru wieħed.
2. Din id-Direttiva tapplika għall-ilmijiet msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/464/KEE bl-eċċezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art.
Artikolu 2
Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) “kadmju” tfisser:
— l-element kimiku magħruf bħala kadmju,
— il-kadmju li jkun jinsab f’xi wieħed mill-komposti tiegħu;
(b) “valuri ta’ limitu” tfisser il-valuri speċifikati fl-Anness I;
(ċ) “għanijiet ta’ kwalità” tfisser il-kriterji speċifikati fl-Anness II;
(d) “immaniġġjar ta’ kadmju” tfisser kull proċess industrijali li jinvolvi l-użu jew il-produzzjoni tal-kadmju, jew kull proċess ieħor li fih il-preżenza ta’ kadmju hija inerenti;
(e) “Impjant industrijali” tfisser kull impjant li fih il-kadmju jew xi sustanza oħra li jkun fiha l-kadmju tkun immaniġġjata;
(f) “impjant eżistenti” tfisser impjant industrijali li jkun jaħdem fid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva;
(g) “impjant ġdid” tfisser:
— impjant industrijali li jkun beda jopera wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva,
— impjant industrijali li l-kapaċità ta’ l-ipproċessar tal-kadmju tkun żdiedet sostanzjalment wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 3
1. Il-valuri ta’ limitu, il-limiti ta’ żmien li fihom dawn għandhom jiġu osservati u l-proċeduri ta’ sorveljanza dwar l-iskariku huma stabbiliti fl-Anness I.
2. Il-valuri ta’ limitu normalment għandhom japplikaw fil-punt fejn l-ilma maħmuġ li jkun fih il-kadmju iħalli l-impjant industrijali.
Meta l-ilma mniġġes li jkun fih il-kadmju jiġi ttrattat barra l-impjanti industrijali f’impjant ta’ trattament maħsub għall-eliminazzjoni tal-kadmju, l-Istati Membri jistgħu jħallu l-valuri ta’ limitu biex jiġu applikati fil-punt fejn l-ilmijiet imniġġsa jħallu l-impjant tat-trattament.
3. L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/464/KEE għandu jkollhom dispożizzjonijiet stretti daqs dawk li hemm fl-Anness I għal din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni fejn Stat Membru jkun qed jikkonforma ruħu ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE fuq il-bażi ta’ l-Annessi II u IV ta’ din id-Direttiva.
L-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu rriveduti għal ta’ lanqas darba kull erba’ snin.
4. Mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet tagħhom li jinsabu fil-paragrafi 1, 2 u 3 u għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/464/KEE, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni għal impjanti ġodda biss jekk dawk l-impjanti japplikaw il-standards ta’ kwalità li jikkorrispondu għall-aħjar mezzi tekniċi disponibbli meta dak ikun neċessarju għall-eliminazzjoni tat-tniġġis fin konformità ma’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva msemmija, jew għall-prevenzjoni ta’ distorzjoni ta’ kompetizzjoni.
Kwalunkwe metodu li l-Istat Membru jadotta, għandu, fejn għal raġunijiet tekniċi l-miżuri maħsuba ma jkunux jikkorrispondu ma’ l-aħjar mezzi tekniċi disponibbli, jipprovdi lill-Kummissjoni, qabel kull awtorizzazzjoni, b’evidenza li ssostni dawn ir-raġunijiet.
Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-evidenza lill-Istati Membri l-oħra immedjatament u għandha tibgħat lill-Istati Membri kollha rapport kemm jista’ jkun malajr li fih tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deroga msemmija fit-tieni subparagrafu. Jekk ikun meħtieġ, fl-istess ħin għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill.
5. Il-metodu ta’ referenza ta’ analiżi li għandu jintuża biex jistabbilixxi l-preżenza ta’ kadmju huwa mogħti fl-Anness III (1). Metodi oħra jistgħu jintużaw, basta li l-limiti ta’ kixfa, preċiżjoni u eżattezza ta’ dawn il-metodi jkunu tajbin daqs dawk stabbiliti fl-Anness III (1). L-eżattezza meħtieġa fil-kejl ta’ skariku hija mogħtija fl-Anness III (2).
Artikolu 4
L-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-ambjent akwatiku affettwat minn skariku ta’ skart industrijali.
Fil-każ ta’ tniġġis li jaffettwa l-ilmijiet ta’ aktar minn Stati Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikooperaw bejniethom biex jarmonizzaw il-proċeduri ta’ sorveljanza.
Artikolu 5
1. F'intervalli ta' tliet snin l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, permezz ta' rapport settorjali li għandu jiġbor fih ukoll Direttivi oħra relevanti tal-Komunità. Dan ir-rapport għandu jkun imsejjes fuq kwestjonarju jew punti prinċipali magħmula mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE ( 6 ). Il-kwestjonarju jew punti prinċipali għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel ma jibda l-perjodu li għalih ikun sar ir-rapport. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mit-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin li għalih ikun sar.
L-ewwel rapport għandu jkun għall-perjodu mill-1993 sa l-1995, biż-żewġ dati magħduda.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport tal-Komunità dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fi żmien disa' xhur minn meta tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.
2. Fil-każ li jkun hemm bidla fl-għarfien xjentifiku li jittratta prinċipalment fuq it-tossiċità, il-persistenza u l-akkumulazzjoni tal-kadmju fi ħlejjaq ħajjin u alluvium, jew fil-każ li jkun hemm żvilupp fl-aħjar mezzi tekniċi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill bl-iskop li tinforza, jekk ikun hemm il-bżonn, il-valuri ta’ limitu kif ukoll l-għanijiet ta’ kwalità, jew li tistabbilixxi valuri ta’ limiti ġodda jew għanijiet ta’ kwalità ġodda.
Artikolu 6
1. L-Istati Membri għandhom ipoġġu fis-seħħ il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn wara n-notifika tagħha. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam ikkontrollat b’din id-Direttiva.
Artikolu 7
Din id-Direttiva ma tapplikax għall-Groenlandja.
Artikolu 8
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
L-ANNESS I
Valuri ta’ limitu, limiti ta’ żmien iffissati biex jikkonformaw ma’ dawn il-proċeduri ta’ valuri ta’ sorveljanza li għandhom japplikaw għal skariku ta’ tniġġis
1. Valuri ta’ limitu u limiti ta’ żmien
Settur industrijali (1) |
Unitajiet ta’ kejl |
Valuri ta’ limitu li għandhom jiġu osservati mill– |
|
ta’ l-1.1.1986 |
ta’ l-1.1.1989 (2) |
||
1.tħaffir għaż-żingu, irfinar taċ-ċomb u ż-żingu, u l-industrija ta’ metalli li ma fihomx ħadid |
Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku |
0,3 (3) |
0,2 (3) |
2.Manifattura ta’ komposti ta’ kadmju |
Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku |
0,5 (3) |
0,2 (3) |
Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat |
0,5 (4) |
||
3.Manifattura ta’ żebgħa |
Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku |
0,5 (3) |
0,2 (3) |
Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat |
0,3 (4) |
||
4Manifattura ta’ stabilizzanti |
Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku |
0,5 (3) |
0,2 (3) |
Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat |
0,5 (4) |
||
5.Manifattura ta’ batteriji primarji u sekondarji |
Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku |
0,5 (3) |
0,2 (3) |
Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat |
1,5 (4) |
||
6.Electroplating (6) |
Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku |
0,5 (3) |
0,2 (3) |
Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat |
0,3 (4) |
||
7.Manifattura ta’ aċtu fosforiku u/jew fertilizzant fosfatiku minn blat fosfatiku (7) |
– |
– |
|
(1) Valuri ta’ limitu għas-setturi industrijali li mhumiex imsemmija f’din it-tabella għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiġu ffissati mill-Kunsill aktar tard. Sadattant, l-Istat Membru għandu jiffissa b’mod awtonomu l-standards ta’ skariku tal-kadmju in konformità mad-Direttiva 76/464/KEE. Dawn il-standards għandhom jikkunsidraw l-aħjar mezzi tekniċi disponibbli u m’għandhomx ikunu inqas stretti minn dawk li huma l-aktar komparabbli magħhom li hemm f’dan l-Anness. (2) Fuq il-bażi ta’ esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 5(3), tissottometti fi żmien qasir lill-Kunsill proposti għall-iffissar ta’ valuri ta’ limitu aktar stretti bl-iskop li għandhom jidħlu fis-seħħ sal-1992. (3) Il-konċentrazzjoni medja tal-kadmju totali li jintrema mkejla kull xahar. (4) Il-medja ta’ kull xahar. (5) Għal mument preżenti huwa impossibbli li jiġu ffissati valuri ta’ limitu espressi f’termini ta’ toqol. Jekk ikun jeħtieġ, dawn il-valuri għandhom jiġu ffissati mill-Kunsill in konformità ma’ l-Artikolu 5(3) ta’ din id-Direttiva. Jekk il-Kunsill ma jiffissa l-ebda valuri ta’ limitu, il-valuri espressi f’termini ta’ toqol li huma mogħtija fil-kolonna “ta’ l-1.1.1986” għandhom jinżammu. (6) L-Istati Membri jistgħu jissospendu applikazzjoni ta’ valuri ta’ limitu sal-1 ta’ Jannar 1989, fil-każ ta’ impjanti li jarmu anqas minn 10 kg ta’ kadmju fis-sena u li fihom il-volum totali tat-tankijiet ta’ l-electroplating ikunu anqas minn 1,5 m3, jekk kunsiderazzjonijiet tekniċi u amministrattivi jagħmlu pass bħal dan assolutament meħtieġ. (7) Preżentament, m’hemm l-ebda metodi tekniċi li huma ekonomikament vijabbli għall-estrazzjoni sistematika ta’ kadmju minn skariku li jkun ġejja mill-produzzjoni ta’ l-aċidu fosforiku u/jew fertilizzanti fosfatiċi minn ġebel fosfatiku. Għalhekk, ma ġew iffissati l-ebda valuri ta’ limitu għal dawn it-tipi ta’ skariku. In-nuqqas ta’ dawn il-valuri ta’ limitu ma jħollx lill-Istati Membri mill-obbligazzjoni tagħhom taħt id-Direttiva 76/464/KEE biex jiffissaw standards ta’ skariku għal dawn it-tipi ta’ skariku. |
2. |
Valuri ta’ limitu espressi bħala konċentrazzjonijiet, li fil-prinċipju m’għandhomx jinqabżu, huma mogħtija fit-tabella fuq għas-setturi industrijali fis-sezzjonijiet 2, 3, 4, 5 u 6. Fl-ebda ċirkostanza m’għandhom dawn il-valuri ta’ limitu jkunu, espressi bħala konċentrazzjonijiet massimi, akbar minn dawk espressi bħala kwantitajiet massimi divisi bil-kriterji ta’ l-ilma għal kull kilogramm ta’ kadmju mmaniġġjat. Iżda, peress li l-konċentrazzjoni ta’ kadmju fl-iskariku ta’ tniġġis tiddependi fuq il-volum ta’ ilma użat, li jkun differenti għal proċessi u impjanti differenti, il-valuri ta’ limitu, espressi f’termini tal-kwantità ta’ kadmju mormi meta mqabbel mal-kwantità tal-kadmju mmaniġġjat, murija fit-tabella ta’ fuq għandhom jiġu mħarsa fil-każijiet kollha. |
3. |
Il-valuri ta’ limitu medji ta’ kuljum ikunu d-doppju tal-valuri ta’ limitu medji ta’ kull xahar li jikkorrispondu, murija fit-tabella ta’ fuq. |
4. |
Għandha titwaqqaf proċedura ta’ sorveljanza biex tivverifika jekk l-skariku ta’ tniġġis ikunux jikkonformaw ma’ l-i standards ta’ skariku li jkunu ġew iffissati skond il-valuri ta’ limitu stabbiliti f’dan l-Anness. Din il-proċedura għandha tipprovdi għat-teħid u l-analiżi ta’ kampjuni, kif ukoll għall-kejl ta’ skariku ta’ tniġġis u l-kwantità ta’ kadmju mmaniġġjat. Jekk il-kwantità ta’ kadmju mmaniġġjata tkun impossibbli li tiġi stabbilita, il-proċedura ta’ sorveljanza tista’ tiġi bbażata fuq il-kwantità ta’ kadmju li jista’ jintuża fid-dawl tal-kapaċità tal-produzzjoni li fuqha l-awtorizzazzjoni kienet ibbażata. |
5. |
Għandu jittieħed kampjun rappreżentattiv ta’ l-iskariku fuq perjodu ta’ 24 siegħa. Il-kwantità ta’ kadmju li tkun intremiet f’xahar għandu tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ kadmju li jintremew ta’ kuljum. Iżda, proċedura ta’ sorveljanza aktar simplifikata tista’ tiġi stabbilità fil-każ ta’ impjant industrijali li ma jkunx jarmi aktar minn 10 kg ta’ cadmium fis-sena. Fil-każ ta’ impjanti industrijali ta’ l-electroplating, proċedura ta’ sorveljanza aktar simplifikata tista’ tiġi stabbilità biss jekk il-volum totali ta’ tankijiet ta’ l-electroplating ikunu anqas minn 1,5 m3. |
L-ANNESS II
Għanijiet ta' kwalità
Għal dawk l-Istati Membri li japplikaw l-eċċezzjoni msemmija fl-L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, l-i standards ta' skariku, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jiżguraw li jiġu applikati in konformità ma’ l-L-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva, għandhom jiġu ffissati biex l-għanijiet xierqa ta' kwalità, jew għanijiet minn fost dawk imniżżla hawn taħt, ikun jew ikunu mħarsa fiż-żona affettwata mill-iskariku tal-kadmju. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi ż-żona affettwata f'kull każ u għandha tagħżel minn fost l-għanijiet ta' kwalità msemmija fil-paragrafu 1, l-għan jew l-għanijiet li hija tikkunsidra bħala xierqa, waqt li tikkunsidra l-użu taż-żona affettwata, kif ukoll il-fatt li l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jelimina t-tniġġis kollu.
1. |
L-għanijiet ta' kwalità li ġejjin ( 7 ), li għandhom jitkejlu qrib kemm jista’ jkun fejn issir l-iskariku, għandhom ikunu ffissati, bl-iskop li jiġi eliminat it-tniġġis fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 76/464/KEE u skond l-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva ( 8 ):
|
2. |
Barra minn dawn il-kriterji t'hawn fuq, il-konċentrazzjonijiet ta' kadmju għandhom jiġu stabilitti min-network nazzjonali msemmi fl-Artikolu 5 u r-riżultati għandhom ikunu pparagunati mal-konċentrazzjonijiet li ġejjin (9) :
|
3. |
Il-konċentrazzjonijiet ta' kadmju f'depożiti u/jew frott tal-baħar, possibilment ta' l-ispeċi Mytilus edulis, m'għandhomx jiżdiedu b'mod sinifikanti maż-żmien. |
4. |
Fejn diversi għanijiet ta' kwalità jkunu mogħtija għal ilmijiet f'żona partikolari, il-kwalità ta' l-ilmijiet għandha tkun konformi b’mod suffiċjenti ma’ kull wieħed minn dawk l-objettivi. |
L-ANNESS III
Metodi ta’ referenza ta’ kejl
1. |
Il-metodu ta’ referenza ta’ analiżi użat biex jistabbilixxi l-kontenut ta’ kadmju fl-ilma, f’depożiti u fi frott tal-baħar huwa dak magħruf bħala atomic absorption spectrophotometry. Dan il-metodu jista’ jsir wara l-preservazzjoni u t-trattament adattat tal-kampjun. Il-limiti ta’ determinazzjoni ( 10 ) għandhom ikunu tali li l-konċentrazzjoni ta’ kadmju tkun tista’ titkejjel bi preċiżjoni (10) ta’ ± 30 % u għal preċiżjoni (10) ta’ ± 30 % b’dawn il-konċentrazzjonijiet li ġejjin: — fil-każ ta’ skariku, wieħed minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni massima ta’ kadmju permessa speċifikata fl-awtorizzazzjoni, — fil-każ ta’ ilma tal-wiċċ, 0,1 μg/litru jew wieħed minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni ta’ kadmju speċifikata fl-għan ta’ kwalità, liema minnhom ikun l-akbar, — fil-każ ta’ frott tal-baħar, 0,1 mg/kg, toqol imxarrab, — fil-każ ta’ depożiti, wieħed minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni ta’ kadmju fil-kampjun jew 0,1 mg/kg, toqol xott, fejn l-inxif ikun sar bejn 105 u 110 oC b’toqol kostanti, liema valur minnhom ikun l-akbar. |
2. |
Il-kejl ta’ l-iskariku għandu jsir għal eżattezza ta’ ± 20 %. |
L-ANNESS IV
Proċedura ta’ sorveljanza għall-għanijiet ta’ kwalità
1. |
Għal kull awtorizzazzjoni li tkun ingħatat in konformità ma’ din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika r-restrizzjonijiet, il-proċedura ta’ sorveljanza u l-limiti ta’ żmien biex jiżguraw konformità mal-għanijiet ta’ kwalità kkonċernati. |
2. |
In konformità ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, l-Istati Membri għandhom, għal kull għan ta’ kwalità li huma jagħżlu u japplikaw, jirrappurtaw lill-Kummissjoni, fuq: — il-post fejn issir l-iskariku u l-mezzi li jintużaw fit-tixrid, — iż-żona li fiha l-għan ta’ kwalità jkun applikat, — il-post fejn ikunu ttieħdu l-kampjuni, — il-frekwenza ta’ kemm ittieħdu kampjuni, — il-metodi ta’ kif ittieħdu l-kampjuni u kif dawn ġew imkejla, — ir-riżultati miksuba. |
3. |
Il kampjuni għandhom ikunu suffiċjentement rappreżentattivi tal-kwalità ta’ l-ambjent akwatiku fiż-żona milquta mill-skariku, u l-frekwenza ta’ kemm jittieħdu kampjuni għandha tkun suffiċjenti biex turi xi tibdiliet fl-ambjent akwatiku, waqt li tikkunsidra, b’mod partikolari, il-varjazzjonijiet naturali fir-reġim idroloġiku. |
( 1 ) ĠU L 129, tat-18.5.1976, p. 23.
( 2 ) ĠU C 118, tal-21.5.1981, p. 3.
( 3 ) ĠU C 334, ta’ l-20.12.1982, p. 138.
( 4 ) ĠU C 230, ta’ l-10.9.1981, p. 22.
( 5 ) ĠU L 20, tas-26.1.1980, p. 43.
( 6 ) ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.
( 7 ) Il-konċentrazzjonijiet ta' kadmju indikati f'1.1, 1.2 u 1.3 huma l-kriterji minimi neċessarji biex tiġi protetta l-ħajja akkwatika.
( 8 ) Bl-eċċezzjoni għall-għan ta' kwalità 1.4, il-konċentrazzjonijiet kollha jirreferu għall-medja aritmetika tar-riżultati miksuba fi żmien sena.
( 9 ) Id-Direttiva 75/440/KEE tikkonċerna l-kwalità meħtieġa ta' ilma tal-wiċċ maħsub għax-xorb mill-bniedem fl-Istati Membri (ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 26). Hija tipprovdi għal valur ta' kadmju obbligatorju ta' 5μg/litru, fuq il-bażi ta' 95 % tal-kampjuni li jkunu ttieħdu.
( 10 ) Id-definizzjonijiet ta’ dawn it-termini huma mogħtija fid-Direttiva tal-Kunsill 79/869/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1979 dwar il-metodi ta’ kejl u l-frekewenzi ta’ kemm jittieħdu kampjuni u ta’ analiżi ta’ l-ilma tal-wiċċ maħsub għax-xorb mill-bniedem fl-Istati Membri (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44).