This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1951
Resolution (EU) 2023/1951 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the Clean Aviation Joint Undertaking (before 30 November 2021 the Clean Sky 2 Joint Undertaking) for the financial year 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1951 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: l-Impriża Konġunta Clean Sky 2) għas-sena finanzjarja 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1951 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: l-Impriża Konġunta Clean Sky 2) għas-sena finanzjarja 2021
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 504–508
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/504 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1951 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: l-Impriża Konġunta Clean Sky 2) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0078/2023), |
A. |
billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fl-Ajrunawtika ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka għal perjodu ta’ għaxar snin (Clean Sky 1); billi, f’Mejju 2014, il-Kunsill estenda l-ħajja tal-Impriża Konġunta taħt il-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (Clean Sky 2); |
B. |
billi, f’Novembru 2021, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2021/2085 (1) (“Att Bażiku Uniku”), li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (l-Impriża Konġunta) biex tissostitwixxi l-Clean Sky 2, fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031; |
C. |
billi l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa hija sħubija pubblika-privata intiża sabiex tittrasforma l-avjazzjoni b’orjentazzjoni lejn futur sostenibbli u newtrali għall-klima; |
D. |
billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u organizzazzjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni involuti fil-ħolqien ta’ standard globali ġdid għal sistemi tal-avjazzjoni affidabbli u newtrali għall-klima; |
E. |
billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta, inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, biex tkopri l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali, għandha tkun sa EUR 1,7 biljun, inkluż sa EUR 39,223 miljun għall-kostijiet amministrattivi; billi l-membri tal-Impriża Konġunta għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu jew jieħdu l-miżuri neċessarji biex l-entitajiet kostitwenti jew l-affiljati tagħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 2;4 biljun, inkluż sa EUR 39,223 miljun għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perjodu ta’ għaxar snin; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jilqa’ l-fatt li, skont ir-rapport tal-Qrati tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”) il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
2. |
Jirrikonoxxi li Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-Impriża Konġunta, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effikaċi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ semplifikazzjoni, meta dawn ikunu possibbli u kompatibbli mal-qafas ġuridiku eżistenti; |
3. |
Jinnota li l-baġit finali disponibbli tal-Impriża Konġunta għall-2021 (inklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid tas-snin preċedenti, id-dħul assenjat, u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara) kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 182,6 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 189,9 miljun; |
4. |
Jifhem li l-eżekuzzjoni tal-baġit kienet affettwata mis-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament għan-nefqa amministrattiva u li madankollu, l-Impriża Konġunta kellha rata ta’ implimentazzjoni ta’ 99,6 % għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn fl-2021 (esklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati mhux meħtieġa fis-sena attwali) u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament ġew eżegwiti għal 82,3 % tal-fondi disponibbli, esklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati tal-2021 ta’ EUR 22,9 miljun (56,3 % tar-rata ta’ eżekuzzjoni jekk l-approprjazzjonijiet mhux użati jiġu inklużi bħala baġit ta’ pagament totali); |
5. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta kienet impenjat kważi bis-sħiħ EUR 1 716 miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati taħt Orizzont 2020; jinnota li, minn dan l-ammont, madwar EUR 273 miljun (jew 16 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; jinnota, barra minn hekk, li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 2 113,8 miljun; |
6. |
Jissottolinja li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit ta’ impenn u ta’ pagament tal-Impriża Konġunta għall-2021 disponibbli għall-proġetti Orizzont 2020 kienet ta’ 100 % u 83 % rispettivament; |
7. |
Jinnota mir-Rapport Annwali tal-Attività li l-ippjanar 2022-2023 ġie rivedut biex jinkludi r-riport mill-2020-2021 (sforzi mhux minfuqa u riżultati ppjanati mill-ġdid) sabiex jittieħed kont tal-attivitajiet li fadal sa tmiem il-programm; jinnota li l-perjodu li jmiss se jkun kritiku peress li 70 % tar-riżultati huma mistennija li jinkisbu fl-aħħar sentejn tal-programm bil-finanzjament li jifdal ta’ madwar 10 % fil-livell tal-programm; jinnota, barra minn hekk, li r-riskju ta’ dewmien f’xi żoni ta’ Pjattaformi ta’ Dimostrazzjoni ta’ Mezzi tal-Ajru Innovattivi/Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata (IADP/ITD) għadu għoli u jirrikjedi monitoraġġ speċifiku mill-membri sabiex jagħtu r-riżultati tagħhom matul il-ħajja tal-programm Clean Sky 2; jinnota, barra minn hekk, li fil-perjodu li jmiss, il-Pjattaformi ta’ Dimostrazzjoni ta’ Mezzi tal-Ajru Innovattivi (IADPs), id-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata (ITDs) u l-Attivitajiet Trasversali (TAs) huma mistennija jikkonfermaw il-pjan sat-tlestija permezz tal-valutazzjoni ta’ nofs is-sena (mistennija f’Lulju 2022) u r-rieżamijiet tal-progress interim se jkollhom rwol ċentrali fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni kumulattiva miksuba u se jikkonfermaw il-pjan ta’ kisba tar-riżultati skont il-kalendarju previst; |
Persunal u akkwist
8. |
Jinnota li t-tabella tal-persunal tal-Impriża Konġunta għall-2021 kien fiha total ta’ 42 membru tal-persunal statutorju (aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali) u żewġ esperti nazzjonali sekondati u 42 post kienu okkupati fi tmiem l-2021; jinnota li fl-2021 l-Impriża Konġunta nediet il-proċess ta’ reklutaġġ ta’ żewġ pożizzjonijiet (Kap tat-Tim u Uffiċjal tal-Proġetti); jinnota, barra minn hekk, li għall-postijiet tax-xogħol statutorji, l-Impriża Konġunta tiddependi minn fornituri ta’ servizzi esterni bħall-webmaster, il-kumpanija tas-servizzi tal-IT kondiviża mal-Impriżi Konġunti l-oħra, disa’ interims u konsulent wieħed fil-komunikazzjoni (Kittieb bl-Ingliż) biex jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-Impriża Konġunta; |
9. |
Jinnota bi tħassib, mis-segwitu tal-osservazzjonijiet tas-snin preċedenti tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) li l-proporzjoni ta’ persunal interim baqgħet għolja matul dawn l-aħħar snin, f’livell ta’ madwar 13 % tal-persunal statutorju; ifakkar li l-livell għoli ta’ persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata tad-dawran tal-persunal u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta; jenfasizza, barra minn hekk, li l-użu ta’ persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, għax inkella dan jista’ jolqot b’mod negattiv il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta, bħat-telf ta’ kompetenzi ewlenin, kanali ta’ rendikont mhux ċari, tilwim ġudizzjarju possibbli u inqas effiċjenza tal-persunal; jieħu nota tar-risposta tal-Impriża Konġunta skont liema kienet imġiegħla żżid kostantement l-użu ta’ persunal interim f’dawn l-aħħar snin — minħabba limitazzjoni tat-tabella tal-persunal riġida — f’kundizzjonijiet ta’ kompiti u volum ta’ xogħol dejjem ogħla, u li din it-tendenza hija mistennija li tkompli għaddejja bl-implimetazzjoni simultanja taż-żewġ programmi Clean Sky 2 u l-programm l-ġdid Avjazzjoni Nadifa; jinnota, barra minn hekk, li soluzzjoni aktar ottimali tkun li l-Impriża Konġunta tingħata aktar flessibbiltà fir-rigward tal-għadd ta’ postijiet ta’ aġenti kuntrattwali fit-tabella tal-persunal; ifakkar, madankollu, li l-Impriża Konġunta għandha tiżviluppa mudell formalizzat jew gwida dwar kif għandhom jiġu stmati l-ħtiġijiet tal-persunal (inklużi l-kompetenzi essenzjali), bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi umani; |
10. |
Jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta implimentat ukoll, flimkien mal-Impriżi Konġunti l-oħra, l-użu ta’ Systal, għodda online tar-riżorsi umani biex twettaq proċessi tal-għażla siguri; jinnota li, f’konformità mad-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija rigward is-sistema ta’ riklassifikazzjoni, fl-2021 l-Impriża Konġunta wettqet l-eżerċizzju ta’ riklassifikazzjoni u b’riżultat ta’ dan, ħdax-il aġent temporanju u tliet aġenti kuntrattwali membri tal-personal ġew riklassifikati; |
11. |
Jiddispjaċih li ma tnediet ebda sejħa għal proposti fl-2021; |
12. |
Ifaħħar l-involviment b’saħħtu tal-impriżi żgħar u medji (SME) f’termini ta’ parteċipazzjoni (29 % tan-numru totali ta’ parteċipazzjonijiet fi proġetti ffinanzjati - 555 minn 1887) u l-livell għoli ta’ suċċess ta’ applikanti tal-SME (43 %); ifakkar li l-Impriża toħloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs; |
13. |
Jinnota li, fl-2021, is-17-il kuntratt li ngħataw u ġew iffirmati kienu relatati ma’ akkwist u kuntratti speċifiċi biex jiġu implimentati kuntratti qafas li għadhom għaddejjin; |
14. |
Jinnota, mir-Rapport Annwali tal-Attività 2021, għal dak li jikkonċerna l-bilanċ bejn il-ġeneri, li l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandha perċentwal aktar baxx ta’ nisa fil-parteċipazzjoni tal-programm, koordinaturi tal-proġetti, konsulenti u esperti meta mqabbla mas-sena preċedenti; jiddispjaċih li dawn iċ-ċifri naqsu u jitlob li jsiru aktar sforzi f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri; |
15. |
Jinnota li, mill-2016, l-Impriżi Konġunti ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-persunal tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-proporzjon tad-dħul tagħhom mhux issussidjat mill-UE mad-dħul totali tagħhom, peress li l-Kummissjoni la pprevediet din in-nefqa fil-baġit tal-Impriżi Konġunti u lanqas ma talbet formalment il-pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur; |
16. |
Jinnota li s-segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-2020 tal-Qorti rigward l-użu ta’ persunal interim għadu pendenti; jistieden lill-Impriża Konġunta tindirizza l-kwistjoni malajr kemm jista’ jkun peress li din is-sitwazzjoni toħloq instabbiltà u riskji sinifikanti għall-Impriża Konġunta; jinnota li l-implimentazzjoni tal-aġenda tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Impriża Konġunta ma tistax titwettaq b’dan il-livell ta’ persunal statutorju; |
Kontroll intern
17. |
Josserva li, għall-pagamenti ta’ Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post u josserva li abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 1,8 % (1,60 % fl-2020) u rata ta’ żball residwu ta’ 1,0 % (0,91 % fl-2020) għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali); |
18. |
Jinnota li biex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta, il-Qorti awditjat pagamenti ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2021 kampjunati b’mod aleatorju, fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditu ex post; jiddeplora l-fatt li, f’każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball sistemiku relatat mal-kalkolu skorrett tar-rati fis-siegħa għall-kostijiet tal-persunal; |
19. |
Jenfasizza li s-sejba tal-Qorti kkonfermat żbalji sistemiċi persistenti għall-ispejjeż tal-persunal iddikjarati u li b’mod partikolari, l-SMEs u l-benefiċjarji l-ġodda huma aktar suxxettibbli għal żbalji minn benefiċjarji oħra; jenfasizza li dawn l-iżbalji ġew irrappurtati regolarment anki fir-rapporti annwali preċedenti tal-Qorti mill-2017 ’l hawn; jenfasizza, għaldaqstant, li s-semplifikazzjoni tar-regoli ta’ Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu aktar mifrux ta’ għażliet semplifikati f’dawk li huma kostijiet huma kundizzjoni prelimiari biex ir-rati ta’ żball jiġu stabbilizzati taħt il-livell ta’ materjalità; jenfasizza li l-Impriża Konġunta għandha ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha biex tindirizza r-riskju akbar assoċjat mal-SMEs u mal-benefiċjarji l-ġodda, u jinkoraġġixxi bil-qawwa l-użu tal-Personnel Costs Wizard min-naħa ta’ ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji li huma aktar suxxettibbli li jagħmlu żbalji, bħall-SMEs u l-benefiċjarji ġodda. jilqa’ l-fatt li fl-2022 l-Impriżi Konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi; |
20. |
Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li, fl-2021, ġew awtorizzati dokumenti importanti (pereżempju, dikjarazzjonijiet ta’ membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess; rapporti ta’ evalwazzjoni tal-akkwist; rapporti ta’ evalwazzjoni tar-reklutaġġ; deċiżjonijiet dwar bordijiet tal-għażla tar-reklutaġġ; deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ akkwist, u kuntratti ta’ impjieg) billi ġiet ikkuppjata u ppejstjata immaġni tal-firma tal-uffiċjal awtorizzanti responsabbli f’dokument f’format Word u mbagħad il-fajl ġie kkonvertit f’format PDF; jaqbel mal-osservazzjoni tal-Qorti li din il-prattika tista’ tippreżenta riskji legali, peress li kandidat miċħud jista’ jikkontesta r-regolarità tad-dokumenti ta’ evalwazzjoni ffirmati; jistieden lill-Impriża Konġunta twaqqaf minnufih din il-prattika u tagħżel metodu ta’ awtorizzazzjoni sikur; |
21. |
Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ “spejjeż amministrattivi” fost l-Impriżi Konġunti, li hija bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħha u prekundizzjoni għall-fini ta’ ċifri komparabbli; jitlob, fid-dawl ta’ dan, linji gwida komuni li jippermettu lill-Impriżi Konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal kostijiet amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika; |
22. |
Jilqa’ l-introduzzjoni tal-firma diġitali; iħeġġeġ lill-Impriża taħdem favur aktar diġitalizzazzjoni; |
Awditu Intern
23. |
Jinnota, mir-Rapport Annwali tal-Attività, li l-funzjonijiet tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta twettqu fl-2021 mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) u mill-Uffiċjal tal-Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (IAO) skont l-Artikolu 28 u l-Artikolu 29 tar-Regolament Finanzjarju; |
24. |
Jinnota li, fl-2021, l-IAS ma wettaqx awditu ta’ aċċertament ġdid; jinnota li saru diversi awditi ta’ segwitu fuq rakkomandazzjonijiet preċedenti; josserva li s-segwitu tal-Awditu dwar l-implimentazzjoni tal-għotjiet ta’ Orizzont 2020 (ir-rapport finali tat-22 ta’ Ottubru 2020), beda f’April 2021; josserva li f’Ġunju 2021 l-IAS ikkonkluda li t-tliet rakkomandazzjonijiet kienu ġew implimentati b’mod adegwat u effettiv mill-Impriża Konġunta u għalhekk tqiesu bħala magħluqa; |
25. |
Jinnota li s-segwitu tal-Awditu dwar il-Ġestjoni tal-Prestazzjoni (rapport finali tal-20 ta’ Novembru 2017), beda f’Lulju 2021: jinnota li r-rakkomandazzjoni kkonċernata kienet relatata mal-Monitoraġġ u r-Rapportar dwar il-Prestazzjoni tal-Proġetti Orizzont 2020; jinnota li l-pjan ta’ azzjoni kien jikkonsisti fi tliet sottoazzjonijiet li indirizzaw dgħufijiet fil-proċess ta’ monitoraġġ tal-Impriża Konġunta rigward il-kontribut tal-proġetti Clean Sky 2 tas-sħab għall-Objettivi ta’ Livell Għoli tal-programm Clean Sky 2; jinnota li, wara l-proċess ta’ implimentazzjoni tal-azzjonijiet, l-Impriża Konġunta pproponiet ir-rakkomandazzjonijiet lill-IAS f’diversi stadji bħala lesti għall-għeluq, u l-aħħar aġġornament ingħata f’Mejju 2021; jinnota li, f’nota speċifika għall-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa dwar is-sena 2021, l-IAS ikkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet huma kkunsidrati bħala implimentati; |
26. |
Jinnota li l-Awditu ta’ segwitu dwar il-Ġestjoni tal-Prestazzjoni (rapport finali maħruġ fl-20 ta’ Novembru 2017) u dwar il-Proċess ta’ Għotja Orizzont 2020 (mill-identifikazzjoni tas-suġġetti tas-sejħa sal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja) (rapport finali maħruġ fil-15 ta’ Novembru 2016), beda f’Jannar 2022; jinnota li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet dwar l-aġġornament tad-deskrizzjonijiet tal-proċedura interna tal-Impriża Konġunta, bħall-Manwal tal-Ġestjoni u l-Manwal tal-Kwalità, fid-dawl tal-proċessi attwali tal-Orizzont 2020, ġew implimentati mill-Impriża Konġunta f’diversi stadji u ġew proposti lill-IAS għall-għeluq finali f’Novembru 2021; jinnota li fir-rapport annwali tiegħu għall-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa dwar is-sena 2021, l-IAS ikkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet huma kkunsidrati bħala implimentati; |
Prevenzjoni tal-frodi u tal-kunflitti ta’ interess
27. |
Jilqa’ l-fatt li, fl-2021, l-Impriża Konġunta kompliet tapplika d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija rigward ir-regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess applikabbli għall-korpi tal-Impriża Konġunta u għall-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta u li l-proċessi relatati, pereżempju fir-rigward tal-Membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta, l-esperti tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni, il-bordijiet għall-akkwist u r-reklutaġġ, applikaw b’mod konsistenti l-miżuri ta’ prekawzjoni meħtieġa biex jidentifikaw kunflitti potenzjali; jissottolinja li ġiet abbozzata politika tal-Impriża Konġunta dwar funzjonijiet sensittivi abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju speċifika u li din il-politika se tiġi ffinalizzata fis-sena 2022; |
28. |
Jirrimarka li skont valutazzjoni tal-Qorti, ir-riskju ta’ fallimenti frodulenti jew imġiba frodulenti oħra, biex jiġu evitati l-problemi finanzjarji u r-restrizzjonijiet fuq il-provvista, jeħtieġ li jitqies fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 bħala theddida addizzjonali għal-legalità u r-regolarità; japprezza l-fatt li l-Impriża Konġunta stabbiliet kampjun speċifiku bbażat fuq ir-riskju ta’ awditi ex post biex tkopri l-istrat fil-popolazzjoni tal-Impriża Konġunta ta’ proġetti tal-Ftehim ta’ Għotja għas-Sħab (GAP), li jindika ċertu esponiment għal-limitazzjonijiet marbuta mal-COVID-19 kif deskritt mill-Qorti, bħal dgħufijiet finanzjarji, dewmien operattiv, kostijiet għoljin tal-personal meta mqabbla mal-medja; |
29. |
Jiddeplora l-fatt li, fis-sena 2021, l-OLAF ħareġ il-konklużjonijiet u r-rapporti tiegħu dwar żewġ każijiet li jikkonċernaw għotjiet ta’ Clean Sky 1 u Clean Sky 2 u li l-frodi allegata ġiet konfermata fiż-żewġ każijiet; |
30. |
Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fiż-żewġ każijiet jiffukaw fuq miżuri li għandhom jittieħdu mill-Impriża Konġunta biex tirkupra l-finanzjament u tikkunsidra li tindika l-entità u l-persuna fis-sistemi tal-KE (Bażi tad-Data tal-Esklużjoni); jinnota li l-Impriża Konġunta kkompletat il-kontenzjuż quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-każ fl-Italja (ippreżentat fl-2018) u se tipprova teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-livell nazzjonali; jinnota li fir-rigward tal-każ Belġjan, l-Impriża Konġunta kienet irreġistrat il-pretensjonijiet finanzjarji tagħha mal-likwidatur diġà fl-2017, abbażi tar-rapport tal-OLAF u l-konferma tal-frodi, u l-Impriża Konġunta qed tanalizza liema azzjoni ġudizzjarja tista’ tieħu fil-livell nazzjonali. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).