Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0285

2008/285/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Marzu 2008 dwar it-tilqim ta’ emerġenza kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u l-prodotti tagħhom (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1077)

ĠU L 92, 3.4.2008, p. 37–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/10/2008; Imħassar b' 32008D0861

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/285/oj

3.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 92/37


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Marzu 2008

dwar it-tilqim ta’ emerġenza kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u l-prodotti tagħhom

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1077)

(It-test Portugiż biss huwa awtentiku)

(2008/285/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta’ l-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 54(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula l-miżuri minimi ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa ta’ l-influwenza avjarja fit-tjur tar-razzett jew tjur oħra mrobbija mill-bniedem.

(2)

Sa minn Settembru 2007, seħħew tifqigħat ta’ l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa f’ċerti rziezet għat-tjur fil-punent ċentrali tal-Portugall, b’mod partikolari f’irziezet tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa. Il-Portugall ħa miżuri skond id-Direttiva 2005/94/KE biex jikkontrolla t-tifrix ta’ din il-marda.

(3)

Il-Portugall wettaq evalwar tar-riskju u identifika li l-irziezet li kellhom il-papri mallard (Anas platyrhynchos) maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa (“papri mallard”), kienu f’riskju kbir ta’ infezzjoni minn virus ta’ l-influwenza avjarja, b’mod partikolari minn kuntatt ma’ tajr selvaġġ u li teżisti theddida sinifikanti u immedjata tat-tifrix ta’ l-influwenza avjarja.

(4)

Sistemi ta’ individwalizzazzjoni minn kmieni u miżuri ta’ bijosigurtà biex jonqos ir-riskju tat-trażmissjoni ta’ l-influwenza avjarja lil qatgħat ta’ tjur huma fis-seħħ fil-Portugall fiż-żoni li ġew definiti minn dan l-Istat Membru bħala żoni ta’ riskju għoli skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/734/KE tad-19 ta’ Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta’ bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni ta’ l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta’ l-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur ta’ l-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta’ individwalizzazzjoni minn kmieni f’żoni b’riskju partikolari (2).

(5)

Fir-rigward tal-kummerċ fit-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa, il-Portugall ħa miżuri addizzjonali skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/605/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ kummerċ intrakomunitarju tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvista ta’ annimali tal-kaċċa (3).

(6)

Il-Portugall, permezz ta’ ittra ddatata l-25 ta’ Jannar 2008, bagħat pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni u verżjoni riveduta ta’ dan il-pjan intbagħtet fil-31 ta’ Jannar 2008.

(7)

Skond dan il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza, il-Portugall għandu l-ħsieb li jintroduċi tilqim ta’ emerġenza f’razzett wieħed fir-reġjun ta’ Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, Vila Nova da Barquinha li jrabbi papri mallard ta’ valur għar-riproduzzjoni, billi juża vaċċin bivalenti kontra l-virus ta’ l-influwenza avjarja tas-sottotipi H7 u H5 li għandu jiġi applikat sal-31 ta’ Lulju 2008.

(8)

Fl-opinjonijiet xjentifiċi tiegħu dwar l-użu tat-tilqim għall-kontroll ta’ l-influwenza avjarja maħruġa mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari fl-2005 (4) u l-2007 (5), il-Bord tas-Saħħa u l-Benessri ta’ l-Annimali qal li t-tilqim ta’ emerġenza u prevenzjoni kontra l-influwenza avjarja huwa għodda siewja biex iżżid mal-miżuri ta’ kontroll għal din il-marda.

(9)

Barra minn dan, il-Kummissjoni eżaminat il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza mibgħut mill-Portugall, flimkien ma’ l-awtoritajiet Portugiżi, u wara l-emenda tagħha hija sodisfatta li dan jikkonforma mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. Fid-dawl tal-qagħda epidemika fir-rigward ta’ l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-Portugall, it-tip ta’ razzett li se jitlaqqam u l-ambitu limitat tal-pjan ta’ tilqim, huwa xieraq li l-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza mibgħut mill-Portugall jiġi approvat biex iżid mal-miżuri ta’ kontroll diġà meħuda minn dan l-Istat Membru.

(10)

Għall-għanijiet tat-tilqim ta’ emerġenza li se jitwettqu mill-Portugall, għandhom jintużaw biss vaċċini awtorizzati skond id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (6) jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u dak veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (7).

(11)

Barra minn hekk, għandu jkun hemm sorveljanza u monitoraġġ fir-razzett li jżomm il-papri mallard imlaqqma u fl-irziezet tat-tjur mhux imlaqqma, kif stabbilit fil-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza.

(12)

Huwa xieraq ukoll li jiġu introdotti ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-papri mallard imlaqqma, il-bajd għat-tfaqqis tagħhom u papri mallard li joħorġu minn tjur imlaqqam. Minħabba numru żgħir ta’ papri mallard preżenti fir-razzett fejn se jseħħ it-tilqim ta’ emerġenza, kif ukoll minħabba raġunijiet ta’ traċċabbiltà u loġistika, għasafar imlaqqma ma għandhomx jitneħħew minn dan ir-razzett.

(13)

Sabiex jitnaqqas l-impatt ekonomiku fuq ir-razzett ikkonċernat għandhom jiġu previsti ċerti derogi minn restrizzjonijiet ta’ moviment għal papri mallard li joħorġu minn papri mallard imlaqqma, minħabba li movimenti bħal dawn ma huma ta’ l-ebda riskju speċifiku għat-tifrix tal-marda u dan sakemm ikun hemm miżuri ta’ sorveljanza u monitoraġġ u jkun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tas-saħħa ta’ l-annimali għal kummerċ intrakomunitarju.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.   Din id-Deċiżjoni tistipula ċerti miżuri li se jiġu applikati fil-Portugall fejn jitwettaq tilqim ta’ emerġenza ta’ papri mallard (Anas platyrhynchos) maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa (“papri mallard”) f’razzett, li jinsab f’riskju partikolari għall-introduzzjoni ta’ l-influwenza avjarja. Dawn il-miżuri jinkludu ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment ġewwa l-Portugall u t-tqassim mill-Portugall tal-papri mallard imlaqqma, il-bajd għat-tfaqqis tagħhom u papri mallard li joħorġu minnhom.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta’ ħarsien li se jittieħdu mill-Portugall skond id-Direttiva 2005/94/KE u d-Deċiżjoni 2006/605/KE.

Artikolu 2

Approvazzjoni tal-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza

1.   Il-pjan għal tilqim ta’ emerġenza kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-Portugall, kif mibgħut mill-Portugall lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Jannar 2008, fil-verżjoni riveduta tiegħu mibgħuta fil-31 ta’ Jannar 2008, li se jiġi implimentat f’razzett fir-reġjun ta’ Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, Vila Nova da Barquinha sal-31 ta’ Lulju 2008 (“il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza”) huwa approvat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza

1.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-papri mallard jigu mlaqqma skond il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza b’vaċċin eterologu bivalenti inattivat li fih is-sottotip H5 u s-sottotip H7 ta’ l-influwenza avjarja awtorizzat minn dan l-Istat Membru skond id-Direttiva 2001/82/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li jkun hemm sorveljanza u monitoraġġ fir-razzett li jżomm il-papri mallard imlaqqma u fl-irziezet tat-tjur mhux imlaqqma, kif stabbilit fil-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza.

3.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza jiġi implimentat b’mod effiċjenti.

Artikolu 4

Immarkar u restrizzjonijiet fuq il-moviment, it-tqassim u r-rimi ta’ papri mallard imlaqqma

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li papri mallard imlaqqma miżmuma fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1):

(a)

huma mmarkati individwalment;

(b)

ma jitmexxewx f’irziezet tat-tjur fil-Portugall jew jintbagħtu fi Stati Membri oħrajn.

Wara l-perjodu ta’ riproduzzjoni tagħhom, dawn il-papri għandhom jinqatlu b’mod uman fl-irziezet imsemmija fl-Artikolu 2(1) u l-iġsma tagħhom għandhom jintremew b’mod sikur.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet fuq il-moviment u t-tqassim ta’ bajd ta’ tfaqqis li joriġinaw mir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1)

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li bajd tat-tfaqqis li joriġina minn papri mallard fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jittieħed biss f’mafqas fil-Portugall u mhux jintbagħat fi Stati Membri oħrajn.

Artikolu 6

Restrizzjonijiet fuq il-moviment u t-tqassim ta’ papri mallard li joħorġu minn papri mallard imlaqqma

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li papri mallard li joħorġu minn papri mallard imlaqqma jistgħu jitmexxew biss wara t-tfaqqis għal razzett li jinsab fiż-żona ta’ monitoraġġ stabbilita fil-Portugall madwar ir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1), kif stipulat fil-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 u sakemm il-papri mallard maħruġa minn papri mallard imlaqqma għandhom aktar minn erba’ xhur, dawn jistgħu:

(a)

jinħelsu f’ambjent selvaġġ fil-Portugall, jew

(b)

jintbagħtu fi Stati Membri oħrajn, dan sakemm:

(i)

ir-riżultati tal-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ stipulati fil-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza, inklużi t-testijiet tal-laboratorju, huma favorevoli; kif ukoll

(ii)

il-kundizzjonijiet għat-tqassim tat-tjur għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa stipulati fid-Deċiżjoni 2006/605/KE huma sodisfatti.

Artikolu 7

Ċertifikazzjoni tas-saħħa għal kummerċ intrakomunitarju ta’ papri mallard maħruġa minn papri mallard imlaqqma

Il-Portugall għandu jiżgura li ċ-ċertifikati tas-saħħa għal kummerċ intrakomunitarju ta’ tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa msemmija fl-Artikolu 6(2)(b) jinkludu s-sentenza li ġejja:

“Il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimal ta’ din il-kunsinna huma konformi mad-Deċiżjoni 2008/285/KE”.

Artikolu 8

Rapporti

Il-Portugall għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza fi żmien xahar mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jressaq rapport kull tliet xhur lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali minn hemm ‘il quddiem.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/803/KE (ĠU L 323, 8.12.2007, p. 42).

(3)  ĠU L 246, 8.9.2006, p. 12.

(4)  Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2005) 266, 1-21; Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of Avian Influenza.

(5)  Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2007) 489, Scientific Opinion on Vaccination against avian influenza of H5 and H7 subtypes in domestic poultry and captive birds.

(6)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/28/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 58).

(7)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1394/2007 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 121).


Top