This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CN0555
Case C-555/22 P: Appeal brought on 16 August 2022 by United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland against the judgment of the General Court (Second Chamber, Extended Composition) delivered on 8 June 2022 in Joined Cases T-363/19 and T-456/19, United Kingdom and ITV v Commission
Kawża C-555/22 P: Appell ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2022 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawżi magħquda T-363/19 u T-456/19, Ir-Renju Unit u ITV vs Il-Kummissjoni
Kawża C-555/22 P: Appell ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2022 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawżi magħquda T-363/19 u T-456/19, Ir-Renju Unit u ITV vs Il-Kummissjoni
ĠU C 441, 21.11.2022, p. 7–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 441/7 |
Appell ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2022 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawżi magħquda T-363/19 u T-456/19, Ir-Renju Unit u ITV vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-555/22 P)
(2022/C 441/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: L. Baxter, aġent, P. Baker, QC u T. Johnston, Barrister)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ITV plc, LSEGH (Luxembourg) Ltd, London Stock Exchange Group Holdings (Italy) Ltd
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tilqa’ t-talbiet tar-Renju Unit quddiem il-Qorti Ġenerali; |
— |
sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni finali; u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji:
L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew kisret id-dritt tal-UE peress li żnaturat il-fatti sottostanti u kklassifikathom b’mod żbaljat fil-liġi meta kkonkludiet li s-sistema ta’ referenza kienet komposta mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC (kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż).
It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC tat lok għal vantaġġ. Dan l-iżball ta’ liġi jirriżulta mill-iżnaturament u mill-klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti relatati mar-rwol tal-funzjonijiet tal-persuni sinjifikattivi (iktar ’il quddiem “FPS”) fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC u r-relazzjoni bejn il-Kapitoli 5 u 9.
It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat l-għan u s-selettività tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC. Is-sentenza appellata fiha żnaturamenti ripetuti u/jew żbalji manifesti ta’ fehim fir-rigward tar-rwol tal-FPS fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC u l-interrelazzjoni bejn il-Kapitoli 5 u 9 tagħha. Hija lanqas ma tindika jew tindirizza elementi kruċjali tat-talbiet tar-Renju Unit, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx l-argument tar-Renju Unit li d-distinzjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (1) bejn il-FPS tar-Renju Unit u l-kapital konness tar-Renju Unit kienet irrazzjonali, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ġustifikazzjoni ta’ prattiċità amministrattiva abbażi ta’ żewġ motivi relatati mal-allegat nuqqas ta’ provi quddiem il-Qorti Ġenerali; l-ebda wieħed ma kien sostenibbli, u t-tnejn kienu jinvolvu żnaturament ċar tal-fatti indikati quddiem il-Qorti Ġenerali.
Il-ħames, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jinkludi żball manifest ta’ liġi dwar ir-rekwiżit tal-libertà ta’ stabbiliment u t-tifsira tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, EU:C:2006:544, (iktar ’il quddiem il-“kawża Cadbury Schweppes”) li jammonta għal nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ din il-kawża. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn diversi żbalji. L-ewwel, hija bbażata fuq fehim ħażin tar-rwol tal-FPS fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. It-tieni, il-Qorti Ġenerali tidher li assumiet li r-Renju Unit adotta sistema purament territorjali. It-tielet, din il-parti tas-sentenza appellata ma tindikax u ma tindirizzax l-argumenti sostanzjali mressqa mir-Renju Unit fir-rigward tal-impatt tas-sensiela ta’ kawżi Cadbury Schweppes fuq it-tfassil tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar iċ-CFC.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1352 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta’ CFC (ĠU 2019, L 216, p. 1).