Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XX0507(02)

    Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — UPS/TNT Express (COMP/M.6570)

    7.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 137/4


    Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

    UPS/TNT Express

    (COMP/M.6570)

    2014/C 137/04

    I.   KUNTEST

    1.

    Fil-15 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha UPS takkwista l-kontroll sħiħ, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, ta’ TNT permezz ta’ offerta pubblika ta’ akkwist skont il-liġi Olandiża. (UPS u TNT huma magħrufa bħala “il-Partijiet”). Fl-20 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

    II.   PROĊEDURA BIL-MIKTUB

    Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet

    2.

    Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet (“DO”) intbagħtet lil UPS fid-19 ta’ Ottubru 2012. UPS ingħatat għaxart ijiem ta’ xogħol biex tressaq tweġiba bil-miktub. Fid-DO, ir-riżultati preliminari tal-Kummissjoni indikaw li l-konċentrazzjoni notifikata tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-swieq servizzi ta’ kunsinna mgħaġġla ta’ pakketti żgħar intra-ŻEE fid-29 Stat Membru taż-ŻEE.

    Aċċess għall-fajl

    3.

    UPS ingħatat aċċess għall-fajl via s-CD-ROMs fit-22, is-26 u d-29 ta’ Ottubru, it-28 ta’ Novembru, fit-13 u l-21 ta’ Diċembru 2012 u fis-17 ta’ Jannar 2013. Barra minn hekk, f’dan il-każ ġew organizzati żewġ kmamar għad-dejta. Wieħed, dwar selezzjoni ta’ estratti minn preżentazzjonijiet interni u tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni ta’ FedEx, sar, bil-kunsens ta’ FedEx, fis-26 u d-29 ta’ Ottubru 2012 u għalih attendew tliet konsulenti barranin ta’ UPS. It-tieni, dwar id-dejta għall-għoti tal-offerta, sar fis-26 ta’ Ottubru 2012 u għalih attendew konsulenti ekonomiċi ta’ UPS.

    4.

    Fil-25 ta’ Ottubru 2012, UPS talbet aċċess addizzjonali għall-fajl. Bħala tweġiba għal dan id-DĠ Kompetizzjoni pprovda parzjalment verżjonijiet ta’ dokumenti inqas riveduti u ta aċċess lil UPS via l-konsulenti barranin tagħha f’kamra tad-dejta; id-DĠ Kompetizzjoni rrifjuta parzjalment it-talba. Ftit żmien wara UPS irriferiet il-kwistjoni lili. Hija talbet għal aċċess addizzjonali għall-preżentazzjonijiet interni tal-FedEx li jiddeskrivu fid-dettall il-pjanijiet ta’ espansjoni tal-kumpanija fl-Ewropa, estratti li l-konsulenti barranin tal-UPS ikunu raw fil-kamra tad-dejta. UPS argumentat li billi FedEx kellha rwol importanti fl-investigazzjoni u aġixxiet l-aktar bħala “kwelerant” u billi l-“evidenza ewlenija” li hemm kontra t-tranżazzjoni proposta, UPS kellha “dritt inekwivokabbli” li teżamina d-dokumenti mressqa minn FedEx mingħajr reviżjonijiet. Skont UPS, aċċess għal dawn id-dokumenti jippermettulha tifhem l-oġġezzjonijiet ta’ FedEx kontra t-tranżazzjoni proposta u biex tivvaluta l-plawsibbiltà tas-sottomissjonijiet ta’ FedEx fuq il-bażi ta’ evidenza oħra fil-fajl u fid-dejta li hija disponibbli pubblikament.

    5.

    Jiena rrifjutajt it-talba ta’ UPS għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel, UPS ma għandhiex “dritt inekwivokabbli” biex tara d-dokumenti kollha ta’ FedEx fil-fajl tal-Kummissjoni mhux riveduti minħabba kwalunkwe pożizzjoni speċjali li jista’ jkollha f’dan il-proċediment. Ir-regoli u l-istandards għall-aċċess għall-fajl ma jvarjawx minħabba l-funzjoni tal-pożizzjoni fornitur ta’ informazzjoni li tadotta fi proċediment. It-tieni, UPS ingħatat aċċess sħiħ, jew via CD-ROMs jew permezz eżerċizzji ta’ kamra tad-dejta, għall-evidenza skużanti invokata mill-Kummissjoni fid-DO. It-tielet, l-informazzjoni riveduta dehret li tikkonsisti minn sigrieti tan-negozju sensittivi ħafna u UPS ma wrietx li l-aċċess għall-informazzjoni kien “indispensabbli” biex teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża, skont l-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE. Fl-aħħar, ma stajtx insib – kif allegat minn UPS – li l-kontenut tad-dokumenti riveduti mressqa minn FedEx kienu inkonsistenti mar-riżultati li ntlaħqu mill-Kummissjoni fid-DO rigward il-pjanijiet ta’ espansjoni ta’ FedEx.

    6.

    Madankollu, billi l-fajl tal-Kummissjoni ma kellux deskrizzjoni tal-preżentazzjonijiet interni mhux aċċessibbli, tlabt lil FedEx biex tipprovdi ġustifikazzjoni għat-talbiet tal-kunfidenzjalità tagħha u għat-taqsiriet ta’ informazzjoni riveduti, biex tippermetti aħjar lil UPS biex teżerċita bi sħiħ id-drittijiet tagħha ta’ difiża.

    7.

    UPS fitxet ukoll divulgazzjoni totali ta’ dokumenti oħrajn ta’ FedEx. Madankollu, billi l-parti li tinnotifika rċeviet, għal xi wħud minnhom, verżjonijiet inqas riveduti mid-DĠ Kompetizzjoni filwaqt li t-talba tagħha kienet qed tistenna l-approvazzjoni tiegħi, jiena qist li t-talba ġiet sodisfatta. Għal dokumenti oħrajn, irriferejt il-kwistjoni, skont l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, lid-DĠ Kompetizzjoni, hekk kif għall-ewwel UPS ma qajmitx il-kwistjoni miegħu.

    Terzi persuni

    8.

    Tliet kompetituri tal-entitajiet li qed jagħmlu fużjoni, jiġifieri, DHL, FedEx, u GeoPost, u ajruport wieħed, jiġifieri, Liege Airport, urew “biżżejjed interess” fit-tifsira tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u, għaldaqstant, ingħataw l-opportunità biex jinstemgħu bħala terzi persuni kemm bil-miktub u bil-fomm.

    Informazzjoni aħjar

    9.

    DHL u FedEx ilmentaw li l-verżjoni editjata tad-DO li rċevew kienet wisq riveduta u li ma setgħux jifhmu kompletament in-natura u l-kwistjoni tal-proċedura ta’ fużjoni. DHL, partikolarment, fittxet id-divulgazzjoni tat-taqsimiet tal-pretensjonijiet effiċjenti ta’ analizzar tad-DO, il-konċentrazzjoni tal-prezz u d-dejta dwar l-għoti ta’ offerta.

    10.

    Id-DĠ Kompetizzjoni rrifjuta dawn l-ilmenti fuq il-bażi li l-informazzjoni ta’ terzi persuni tħalliet għad-diskrezzjoni tiegħu dment li tiġi ssodisfatta l-ħtieġa minima legali.

    Aċċess għat-tweġiba għad-DO

    11.

    Bi tħejjija għas-seduta verbali, FedEx talbet aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba ta’ UPS għad-DO hekk kif bassret li parti mill-kummenti ta’ UPS jiffukaw fuq il-pożizzjoni partikolari ta’ FedEx f’dan il-proċediment.

    12.

    Jiena rrifjutajt din it-talba billi enfasizzajt li la l-liġi applikabbli u lanqas l-Aħjar Prassi tal-Kummissjoni ma jintitolaw lil terzi persuni biex jiksbu t-tweġiba tal-parti li tinnotifika lid-DO. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija mgħammra bil-mezzi meħtieġa kollha ta’ investigazzjoni u mezzi oħrajn biex tivverifika li l-valur evidenzjali tal-informazzjoni li tirċievi. Għaldaqstant is-seduta verbali la hija l-unika u lanqas l-aktar forma xierqa tiġi vvalutata l-kredibbiltà ta’ terzi persuni. Barra minn hekk, billi UPS indirizzat il-kwistjoni tal-kredibbiltà tagħha fil-preżentazzjoni tagħha matul is-Seduta Verbali, FedEx ġiet infurmata dwar l-argumenti l-aktar saljenti ta’ UPS u kellha l-opportunità li tirreaġixxi għalihom.

    III.   PROĊEDURA VERBALI

    13.

    Il-parti li tinnotifika talbet Seduta Verbali, li saret fit-12 ta’ Novembru 2012. Matul is-Seduta saru tliet sessjonijiet magħluqa. Tnejn kienu dwar il-preżentazzjoni ta’ UPS dwar l-effiċjenzji u l-analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezz. It-tielet kienet dwar il-preżentazzjoni ta’ FedEx dwar l-iskala u l-kopertura tas-servizz tal-operazzjonijiet tagħha fl-Ewropa. Għall-parti li tinnotifika attendew l-istess konsulenti barranin li pparteċipaw fil-kamra tad-dejta tas-26 u d-29 ta’ Ottubru.

    14.

    UPS saqsiet ukoll għal sessjoni magħluqa għal preżentazzjoni dwar it-teorija ta’ ħsara, fejn rappreżentant ta’ TNT jiddiskuti l-imġiba tal-klijent fuq il-bażi ta’ studju ta’ każ speċifiku għall-pajjiż. Jiena rrifjutajt din it-talba hekk kif qist li ma kienx meħtieġ għad-dritt ta’ UPS li tinstema’ verbalment li r-rappreżentant ta’ TNT jirreferi għal informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn, qist li l-preżenza ta’ kompetituri matul il-preżentazzjoni ta’ TNT tkun ta’ benefiċċju biex jiġu kjarifikati fatti relevanti, hekk kif huma wkoll għandhom klijenti u jistgħu jagħtu l-opinjoni dwar l-imġiba tagħhom. Dan kien fil-fatt il-każ, hekk kif matul is-seduta DHL ħadet il-pożizzjoni dwar ċerti kwistjonijiet relatati mad-domanda.

    IV.   PROĊEDURA WARA S-SEDUTA VERBALI

    Rimedji

    15.

    F’Novembru 2012, il-parti li tinnotifika ressqet l-ewwel pakkett ta’ rimedji, li l-Kummissjoni qieset mhux biżżejjed biex issolvi t-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jitqajjem minn din il-fużjoni. Sussegwentament, UPS ressqet żewġ pakketti ta’ rimedji riveduti f’Diċembru 2012 u Jannar 2013, li jikkonsistu biċ-ċessjoni ta’ assi f’għadd ta’ pajjiżi tal-UE fejn it-tħassib dwar il-kompetizzjoni ġie identifikat. Il-Kummissjoni kompliet tqis dawn r-rimedji bħala mhux biżżejjed, partikolarment minħabba l-inadekwatezza tax-xerrej propost biex jikkwalifika bħala xerrej xieraq u l-kompetitur vijabbli futur fiż-ŻEE.

    Ittra tal-Fatti

    16.

    Fil-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet Ittra tal-Fatti lil UPS li tinfurmha dwar evidenza addizzjonali bħala appoġġ tar-riżultati tagħha dwar il-kompetizzjoni kompetittiva ta’ FedEx f’14-il Stat Membru. UPS ingħatat jumejn ta’ xogħol biex tressaq kummenti bil-miktub. Fil-kummenti bil-miktub tagħha, UPS ilmentat li l-Ittra tal-Fatti ntabagħtet f’perjodu meta ma kellhiex aktar possibbiltà li timmodifika r-rimedji proposti. Fakkret ukoll it-talba tagħha għall-aċċess għal dokumenti interni ta’ FedEx, li d-DĠ Kompetizzjoni reġa’ rrifjuta. Fl-aħħar, talbet għall-minuti tal-laqgħat bejn il-Kummissjoni u FedEx, li hija rċeviet.

    17.

    UPS ma għamlietx referenza lili għal dawn l-ilmenti skont l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, għaldaqstant ma kellix għalfejn nintervjeni dwar dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, rigward il-punt li jikkonċerna ż-żmien tal-Ittra tal-Fatti, ma nsibx li nkissru d-drittijiet ta’ difiża ta’ UPS. Fl-opinjoni tiegħi, UPS kellha biżżejjed ħin biex timmodifika r-rimedji, li ġie ikkonfermat mill-fatt li ressqet rimedji riveduti ġurnata qabel il-kummenti bil-miktub tagħha. Aktar importanti, l-Ittra tal-Fatti ma bidlietx il-kamp ta’ applikazzjoni jew il-kontenut tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, li UPS ġiet mgħarrfa dwarha fil-laqgħat wara s-Seduta Verbali. Gaħlhekk, l-Ittra tal-Fatti ma introduċiet l-ebda element ġdid li UPS ma setgħetx tqis qabel biex tħejji pakkett ta’ rimedji rivedut. Rigward l-aċċess għad-dokumenti interni ta’ FedEx, nirreferi għall-kummenti tiegħi ta’ hawn fuq (paragrafu 5).

    18.

    Fil-21 ta’ Jannar 2013, UPS bagħtitli talba biex nerġa’ nivvaluta r-rifjuti tad-DĠ Kompetizzjoni biex jagħtiha aċċess għad-dokumenti interni ta’ FedEx, partikolarment rigward il-pjanijiet ta’ espansjoni ta’ FedEx, u biex tinkorpora n-nuqqasijiet allegati dwar il-livell u l-perjodu tal-aċċess lill-fajl f’dan ir-Rapport Finali. Wara li għamilt l-analażi mitluba, ma nistax insib li nkisru d-drittijiet ta’ UPS għall-aċċess tal-fajl. L-ewwel, rigward il-livell tal-aċċess għall-fajl, UPS ingħatat l-opportunità biex tara l-evidenza skużanti, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, dwar il-pjanijiet ta’ espansjoni ta’ FedEx, li fuqhom ġew ibbażati d-DO u l-Ittra tal-Fatti. L-aċċess ma kienx limitat għall-15-il pajjiż ta’ SIEC iżda ngħata lit-taqsiriet għal dawk il-pajjiżi kollha taż-ŻEE li għalihom jeżisti tali pjan. UPS kellha wkoll aċċess għas-sottomissjonijiet l-oħrajn kollha ta’ FedEx, minbarra l-informazzjoni kunfidenzjali li kien hemm fihom. Barra minn hekk, rigward l-informazzjoni kunfidenzjali ta’ FedEx, UPS rċeviet ġustifikazzjonijiet għar-reviżjonijiet u għad-deskrizzjonijiet jew għat-taqsiriet tal-partijiet mhux aċċessibbli. Fuq din il-bażi, inqis li r-regoli għall-aċċess għall-fajl ġew sodisfatti. It-tieni rigward il-perjodu għall-aċċess għall-fajl, billi UPS ma sostnietx biżżejjed l-ilment tagħha, ma stajtx nanalizzah.

    19.

    Fit-talba tagħha, UPS jidher li qed tissuġġerixxi li l-Kummissjoni tirtira l-oġġezzjonijiet mqajjma mid-DO rigward ċerti Stati Membri wara biss il-valutazzjoni mill-ġdid tal-pjanijiet ta’ espansjoni ta’ FedEx fuq il-bażi ta’ dokumenti interni mressqa qabel id-DO u informazzjoni ġdida pprovduta wara. Dan is-suġġeriment ma jaqbilx mal-informazzjoni li rċevejt mid-DĠ Kompetizzjoni. Il-Kummissjoni emendat l-oġġezzjonijiet tagħha minħabba l-informazzjoni l-ġdida miksuba minn FedEx u, bl-istess mod importanti reġgħet wettqet analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezz u l-evalwazzjoni tal-effiċjenzi, li l-parti kbira tagħhom kienu possibbli biss wara li UPS ipprovdiet lid-DĠ Kompetizzjoni b’aktar informazzjoni.

    V.   L-ABBOZZ TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    20.

    Fl-opinjoni tiegħi l-abbozz tad-Deċiżjoni jirrigwarda biss mal-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ingħataw l-opportunità biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom.

    VI.   RIMARKI TA’ KONKLUŻJONI

    21.

    Fuq kollox, nikkonkludi li l-parteċipanti kollha fil-proċedimenti kienu kapaċi jeżerċitaw b’mod effiċjenti d-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan il-każ.

    Michael ALBERS


    (1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“Deċiżjoni 2011/695/UE”).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).


    Top