Este documento es un extracto de la web EUR-Lex
Documento 52011AE1863
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council amending Council Regulation (EEC) No 3821/85 on recording equipment in road transport and amending Regulation (EC) No 561/2006 of the European Parliament and of the Council’ COM(2011) 451 final — 2011/0196 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” COM(2011) 451 finali — 2011/0196 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” COM(2011) 451 finali — 2011/0196 (COD)
ĠU C 43, 15.2.2012, p. 79/81
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 43/79 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”
COM(2011) 451 finali — 2011/0196 (COD)
2012/C 43/18
Relatur: is-Sur Jan SIMONS
Nhar l-1 ta’ Settembru 2011 il-Kunsill, u nhar id-29 ta’ Settembru 2011, il-Parlament Ewropew iddeċiedew, b’konformità mal-Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
COM(2011) 451 finali — 2011/0196 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2011.
Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’136 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Kumitat b’mod ġenerali jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tat-tul ta’ ħin tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ, primarjament minħabba li żżid is-sigurtà fit-toroq, ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u toħloq kompetizzjoni aktar ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport fit-triq.
1.2 Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li l-funzjonijiet tal-karti tax-xufiera (driver cards) jiġu amalgamati ma’ dawk tal-liċenzji tas-sewqan. Din ittejjeb is-sigurtà u tnaqqas il-piż amministrattiv sakemm dan ikun possibbli fil-prattika. L-istess japplika għall-possibbiltà prevista fl-Artikolu 6, li t-takografu diġitali jiġi integrat mas-sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS) li toffri lill-applikazzjonijiet l-oħra tal-ITS aċċess aktar faċli għad-data rreġistrata u prodotta mit-takografu.
1.3 Bl-istess mod il-Kumitat jaqbel mal-għażla pprovduta fil-proposta li jkun hemm komunikazzjoni remota mit-takografu għal skopijiet ta’ kontroll, biex ix-xufiera li jikkonformaw mar-regoli jevitaw il-verifiki mmirati.
1.4 Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-Artikoli proposti 7 sa 16 dwar l-approvazzjoni tat-tip; dawn l-Artikoli huma eżempju eċċellenti ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu trattati mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ regolamenti Ewropej li huma mfassla b’mod ċar u komprensiv.
1.5 Fl-Artikolu 19(4), il-Kummissjoni tipproponi li l-aċċess għas-swieq tal-ħwienet tax-xogħol tat-takografi diġitali tal-kumpaniji tat-trasport stess madwar l-Ewropa għandu jkun limitat għall-vetturi ta’ kumpaniji oħra, biex jiġi evitat il-kunflitt ta’ interess, għalkemm ma tagħtix prova li dan il-kunflitt jeżisti. B’mod partikolari fid-dawl taż-żjieda fl-ispejjeż li dan jista’ joħloq, din id-deċiżjoni trid tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat jekk tkun adatta skont l-indikazzjoni fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(4) u tinħareġ garanzija ta’ konformità tat-tiswijiet u l-kalibrazzjoni minn korp indipendenti u approvat.
1.6 Il-Kummissjoni tipproponi li r-responsabbiltà għall-ksur tar-Regolament għandha tkun tal-kumpaniji tat-trasport, iżda li dawn għandhom ikollhom l-opportunità li juru li ma jistgħux jinżammu responsabbli b’mod raġonevoli għall-ksur li sar. Fl-opinjoni tal-Kumitat din hi regola ġusta.
1.7 Fil-fehma tal-Kumitat, il-kumitat li jissemma fl-Artikolu 40 tar-Regolament propost u l-imsieħba soċjali għandhom jipparteċipaw f’emendi futuri tar-Regolament u l-annessi tiegħu.
1.8 Il-Kumitat jemmen lifil-futur il-komunikazzjonijiet satellitari Ewropej jistgħu jiftħu t-triq għal sistemi oħra ta’ reġistrazzjoni li jistgħu, fuq tul ta’ żmien, ikunu orħos u aktar affidabbli filwaqt li jieħdu inqas spazju fil-kabina u jħaffu l-monitoraġġ. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tanaliżża pereżempju jekk softwer speċjalizzat fuq il-kompjuter abbord, li bħalissa diversi trakkijiet għandhom, jistax joffri l-istess kwalità – jew preferibbilment kwalità aħjar – rigward it-twettiq tal-għanijiet tat-takografu diġitali.
2. Daħla
2.1 Fid-19 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2011) 451 finali). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew joħroġ opinjoni dwar din il-proposta taħt l-Artikolu 304 tat-TFUE.
2.2 Il-Kumitat huwa kuntent li jagħmel dan peress li jaqbel mal-Kummissjoni li huwa importanti li s-sistema tat-takografu u l-monitoraġġ tagħha jridu jittejbu għar-raġunijiet li ġejjin.
2.3 Is-sistema ittejjeb is-sigurtà fit-toroq billi tipprovdi informazzjoni aħjar dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ tax-xufiera tat-trasport fit-triq.
2.4 Tikkontribwixxi lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera.
2.5 Għandha toħloq kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport fit-triq.
2.6 Li t-takografi jsiru aktar kosteffiċjenti jaqbel mal-istrateġija tal-Kummissjoni li tkompli tintegra s-suq tat-trasport Ewropew u, kif hemm fil-White Paper dwar it-Trasport tat-28 ta’ Marzu 2011, li t-trasport fit-triq isir aktar sigur, effiċjenti u kompetittiv.
2.7 Fil-prattika, għadhom jintużaw żewġ tipi ta’ takografi minn madwar 6 miljun xufier: vetturi li bdew jiċċirkulaw qabel l-1 ta’ Mejju 2006 għad għandhom it-takografu analogu li ilu jintuża mill-1985, filwaqt li vetturi li bdew jiċċirkulaw mill-1 ta’ Mejju 2006 għandhom takografu diġitali.
3. Kummenti ġenerali
3.1 B’mod ġenerali l-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 rigward il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ tax-xufiera. B’mod partikolari japprova l-għanijiet, mhux l-anqas peress li l-emendi proposti għar-regolamenti jżidu s-sigurtà fit-toroq, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u joħolqu kompetizzjoni aktar ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport fit-triq.
3.2 Fl-Artikolu 27 tal-emenda proposta lir-Regolament, il-Kummissjoni tipproponi li l-funzjonijiet tal-karti tax-xufiera jiġu amalgamati ma’ dawk tal-liċenzji tas-sewqan, sabiex ittejjeb is-sigurtà tas-sistema u tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv. Ix-xufiera jkunu anqas imħajra li jużaw il-liċenzji tas-sewqan tagħhom bi frodi. Il-pjan hu li dawn l-aġġustamenti żgħar lid-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan (Direttiva 2006/126/KE) jiġu adotatti fl-istess żmien ta’ din il-proposta għal Regolament. Il-Kumitat jaqbel ma’ din il-proposta bil-kundizzjoni li tista’ titwettaq fil-prattika.
3.3 Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-Artikoli proposti 7 sa 16 dwar l-approvazzjoni tat-tip; huma eżempju eċċellenti ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu trattati mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ regolamenti Ewropej li huma mfassla b’mod ċar u komprensiv.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Fir-rigward tal-ambitu (Artikolu 3), il-proposta ma tirreferix biss għall-leġislazzjoni soċjali fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, iżda, fl-Artikolu 3(4), tagħti wkolllill-Istati Membri l-għażla li jirrikjedu l-istallazzjoni ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni fil-vetturi kollha anke dawk li huma taħt 3.5 tunnellati. Il-Kumitat jaqbel ma’ din il-proposta.
4.2 Ir-Regolament propost ser jippermetti l-komunikazzjoni remota mit-takografu għal skopijiet ta’ kontroll, li jagħti lill-awtoritajiet tal-kontroll indikazzjoni tal-konformità qabel ma jwaqqfu l-vettura għal-verifika mat-triq. Din l-għażla twassal biex xufiera li jobdu r-regoli jevitaw il-kontrolli mmirati. Il-Kumitat jaqbel ma’ dan l-approċċ li huwa stabbilit fl-Artikolu 5.
4.2.1 Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni ewlenija tal-protezzjoni tad-data li ġiet enfasizzata mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS/11/9) fis-6 ta’ Ottubru 2011 biex jiġi evitat li l-industrija tiżviluppa miżuri li ma jirrispettawx il-privatezza fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ċari li jirregolaw l-użu u l-ħżin ta’ data tax-xufiera sakemm ikun għadu pendenti l-aġġornament tal-ispeċifiċitajiet tekniċi.
4.3 Ir-reġistrazzjoni awtomatizzata tal-lokalità preċiża tal-vetturi permezz ta’ sistema ta’ navigazzjoni globali satellitari (GNSS) isseħħ 48 xahar wara li r-Regolament jidħol fis-seħħ. Skont il-Kummissjoni, din ser tagħti lill-awtoritajiet tal-kontroll aktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mal-leġislazzjoni soċjali. Din l-għażla hi prevista fl-Artikolu 4. Il-Kumitat jimmaġina li l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 40 (kumitat skont id-definizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011)ser ikollu sehem f’dan ir-rigward b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.
4.4 Il-Kumitat japprova l-għażla pprovduta fl-Artikolu 6 li t-takografu diġitali jiġi integrat mas-sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS), li ser tagħti lill-applikazzjonijiet l-oħra tal-ITS aċċess aktar faċli għad-data rreġistrata u prodotta mit-takografu.
4.5 Fl-Artikolu 19(4), il-Kummissjoni tfittex li ttejjeb l-affidabbiltà tal-ħwienet tax-xogħol billi ssaħħaħ il-qafas legali għall-approvazzjoni tagħhom. Waħda mill-proposti twassal biex kumpaniji kbar tat-trasport li għandhom il-ħwienet tax-xogħol tagħhom fejn isewwu u jikkalibraw it-takografi diġitali fil-futur jinżammu milli jagħmlu dan ix-xogħol fuq il-vetturi tagħhom stess. Dan għandu l-għan li jevita kunflitti ta’ interess possibbli. B’mod partikolari fid-dawl taż-żjieda fl-ispejjeż li dan jista’ joħloq, din id-deċiżjoni trid tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat jekk tkun adatta skont l-indikazzjonijiet fl-ewwwel sentenza tal-Artikolu 19(4), u tinħareġ garanzija ta’ konformità ta’ dawn it-tiswijiet u l-kalibrazzjoni minn korp indipendenti u approvat.
4.6 Fl-Artikolu 29 il-kumpaniji tat-trasport huma responsabbi għall-ksur tar-Regolament mix-xufiera, iżda dawn għandhom l-opportunità li juru li ma jistgħux jinżammu responsabbli b’mod raġonevoli għall-ksur li sar. Il-KESE jaqbel ma’ din id-dispożizzjoni ta’ responsabbiltà.
4.7 Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni għall-Artikoli 30 u 36, li jistabbilixxu r-regoli għall-użu tal-karti tax-xufiera, l-iskedi ta’ reġistrazzjoni (record sheets) u dokumentazzjoni oħra li x-xufiera jridu jġorru magħhom, u għat-taħriġ tal-uffiċjali ta’ kontroll; b’mod partikolari huwa jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-aħħar element, li jippermetti infurzar aktar konsistenti u effettiv tal-leġislazzjoni tal-UE.
4.8 Fl-Artikolu 37 il-Kummissjoni tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għas-sanzjonijiet. Fl-Artikolu 37(3), tiddikjara li s-sanzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri għal ksur serju ħafna kif definit fid-Direttiva 2009/5/KE jridu jkunu tal-ogħla kategoriji applikabbli fl-Istati Membri għall-ksur tal-leġislazzjoni dwar it-trasport fit-triq. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni f’dan il-każ.
4.9 Fl-Artikolu 38 u 40, il-Kummissjoni tiddikjara li għandha l-poter li tadatta l-Annessi I, IB u II skont il-progress teknoloġiku. Il-Kumitat jixtieq jara li dan l-adattar propost mill-kumitat jissemma fl-Artikolu 40 u li l-imsieħba soċjali jiġu mistiedna għal-laqgħat tiegħu.
4.10 Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni fl-Artikolu 41 li jitwaqqaf forum dwar it-takografu li jipparteċipaw fih l-esperti kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi tal-AETR, biex il-leġislazzjoni rilevanti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu armonizzati fil-pajjiżi tal-UE u tal-AETR.
4.11 F’din il-proposa, il-Kummissjoni qed tkompli ssegwi l-approċċ tagħha fejn tipproponi titjib tekniku li jrid isir lit-takografu diġitali. Il-Kumitat jistaqsi jekk fil-futur il-komunikazzjonijiet satellitari Ewropej jistgħux jiftħu t-triq għal sistemi oħra ta’ reġistrazzjoni li jistgħu, fuq tul ta’ żmien, ikunu orħos u aktar affidabbli filwaqt li jieħdu inqas spazju fil-kabina u jħaffu l-monitoraġġ. Jipproponi li l-Kummissjoni tanalizza pereżempju jekk softwer speċjalizzat fuq il-kompjuter abbord, li bħalissa diversi trakkijiet għandhom, jistax joffri l-istess kwalità – jew preferibbilment kwalità ogħla – rigward it-twettiq tal-għanijiet tat-takografu diġitali. B’hekk il-Kumitat qed jipprevedi apparat wieħed installat fil-kabina tax-xufier li jaqdi l-funzjonijiet kollha meħtieġa mil-liġi jew mit-twettiq tal-attività.
4.12 Jidher li r-Regolament Nru 561/2006 – li huwa direttament applikabbli b’mod uniformi fl-Istati Membri bħala tali – u n-nofs tużżana noti ta’ gwida mhux obbligatorji li ħarġu dwar il-punti varji ta’ interpretazzjoni mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-kontroll u għall-benefiċċju tagħhom għadhom ma’ ċċarawx id-differenzi kollha ta’ interpretazzjoni fl-implimentazzjoni tar-regolament minn dawn l-awtoritajiet. Il-Kumitat jirrakkomanda li dawn id-diskrepanzi jiġu eliminati, preferibbilment qabel mar-Regolament emendat jidħol fis-seħħ – probabbilment mhux qabel sentejn oħra – biex jiġi żgurat li l-verifiki jkunu verament implimentati b’mod uniformi.
4.13 Il-Kumitat għandu tliet kummenti oħra xi jżid li mhumiex direttament relatati maż-żewġ Regolamenti li jridu jiġu emendati u li aktar tard ser isiru tlieta, iżda li fil-fehma tiegħu mhumiex barra minn posthom f’din l-opinjoni.
4.13.1 L-installazzjoni ta’ sensuri tal-piż tista’ tagħmilha possibbli li jiġi indikat piż żejjed, dan ikun ta’ benefiċċju kemm għat-trasportaturi kif ukoll għall-awtoritajiet tal-kontroll.
4.13.2 Xi membri tal-Kumitat issuġġerew li l-apparat ta’ reġistrazzjoni diġitali għandu jniżżel ukoll il-lokalità minn fejn jibda l-vjaġġ u fejn jispiċċa bil-GNSS, peress li dan itejjeb il-monitoraġġ tal-kabotaġġ mill-Istati Membri. Madankollu għandu jitfakkar li, skont il-White Paper dwar it-Trasport tal-2011, ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-kabotaġġ għandhom jitneħħew mill-2014, jekk mhux qabel – pożizzjoni li l-Kumitat jaqbel magħha.
4.13.3 B’mod konsistenti l-Kumitat tkellem favur l-applikazzjoni uniformi u l-infurzar tar-regoli fit-trasport transkonfinali. Dawn il-fatturi għandhom rwol importanti, peress li l-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport fit-triq hija possibbli biss jekk ikunu japplikaw l-istess regoli madwar l-UE, u jekk dawk ir-regoli jiġu ssorveljati bl-istess mod. Minkejja l-ftit kritika li hawn f’din l-opinjoni, dawn il-proposti huma eżempju tajjeb ta’ kif tintlaħaq dik l-uniformità Il-Kumitat jappella li tingħata l-istess attenzjoni lil dan l-aspett meta titfassal jew tiġi emendat xi leġislazzjoni fil-futur.
Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON