This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE0101
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Council Directive amending Directive 2006/112/EC as regards an optional and temporary application of the reverse charge mechanism in relation to supplies of certain goods and services susceptible to fraud’ COM(2009) 511 final — 2009/0139 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront tal-fornimenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal frodi COM(2009) 511 finali – 2009/0139 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront tal-fornimenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal frodi COM(2009) 511 finali – 2009/0139 (CNS)
ĠU C 339, 14.12.2010, p. 41–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 339/41 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront tal-fornimenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal frodi
COM(2009) 511 finali – 2009/0139 (CNS)
(2010/C 339/09)
Relatur Ġenerali: Edgardo IOZIA
Nhar is-6 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
il-Proposta għal Regolament li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront ta’ fornimenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi
COM(2009) 511 finali – 2009/0139 (CNS).
Nhar it-3 ta’ Novembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali biex tħejji l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, matul l-459 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Jannar 2010 (seduta tal-21 ta’ Jannar 2010) ħatar lis-Sur Iozia bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’91 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 Il-KESE huwa favur il-proposta għal direttiva li tintroduċi sistema ta’ reverse charge għal xi oġġetti u servizzi, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu li għal darb’oħra qed jinstabu soluzzjonijiet “konvenzjonali” għall-problema tal-frodi fiskali u biex tingħeleb is-sistema “transitorja”, li qed tkompli tiffaċilita l-frodi intra-Komunitarja mingħajr xkiel.
1.2 Il-KESE jifhem u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni, minkejja l-problemi ta’ natura politika li jkollha tikkonfronta, iżda jkompli jinsisti li għandu jkun hemm sistema ġdida tal-VAT li tnaqqas il-possibbiltà ta’ frodi u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-persuni taxxabbli.
1.3 Il-KESE jaqbel mal-proposti tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Settembru 2008 dwar strateġija koordinata sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali, b’mod partikolari t-tassazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini b’rata unika ta’ 15 % għat-transazzjonijiet intra-Komunitarji. Għażla bħal din tikkonforma mal-Artikolu 402 tad-Direttiva 2006/112/KE.
Il-proposta għal direttiva ddaħħal elementi addizzjonali ta’ diverġenza fis-sistema tal-VAT. Il-KESE huwa mħasseb dwar l-għażliet li jtawlu l-perijodu sakemm jiġu armonizzati s-sistemi tal-VAT.
1.4.1 L-istrument legali jidher adegwat, għalkemm jidher li jkun aħjar li jiġu adottati r-regolamenti.
1.5 L-Istati Membri ser ikollhom isaħħu l-amministrazzjoni fiskali. Ser jiżdiedu t-talbiet għar-rimborż billi d-dħul mill-VAT ma jistax jibqa’ jiġi kkumpensat bl-ammont li jkollu jitħallas. Sistema rigoruża ta’ kontroll ser tkun indispensabbli biex l-Istati Membri jitħarsu mill-effetti negattivi li jaf joħloq il-mekkaniżmu tar-reverse charge.
1.6 Il-KESE jqis li huwa fundamentali li tittieħed deċiżjoni li jiddaħħal il-kummerċ taċ-ċertifikati ta’ emissjoni fid-direttiva.
1.7 Il-KESE ma jaqbilx mal-limitazzjoni ta’ tnejn biss mill-erba’ prodotti msemmija fid-direttiva. Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi jekk l-amministrazzjoni tiegħu hijiex f’qagħda li tamministra b’mod adatt l-introduzzjoni tas-sistema tar-reverse charge għall-kategoriji kollha tal-prodotti. Din il-limitazzjoni tidher li tmur kontra l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE.
1.8 Il-KESE ser ikompli jappoġġja lill-Kummissjoni fl-inizjattivi tagħha biex issaħħaħ l-armonizzazzjoni tas-sistema fiskali tal-VAT, preferibbilment bl-adozzjoni ta’ dawk ir-riformi strutturali “iktar mifruxa” li jnaqqsu sew il-possibbiltà tal-frodi fiskali.
2. Introduzzjoni
2.1 Il-ġlieda kontra l-frodi fiskali, b’mod partikolari dik intra-Komunitarja, ma tantx għamlet progress f’dawn l-aħħar snin. It-telf fiskali globali minħabba l-frodi jammonta għal bejn EUR 200 u 250 biljun, ekwivalenti għal 2 % tal-PDG tal-UE.
2.2 Il-frodi fil-qasam tal-VAT jammonta għal madwar EUR 40 biljun, jiġifieri 10 % tad-dħul mit-taxxa.
2.3 It-tkabbir progressiv tal-kummerċ ġab miegħu t-tixrid tal-hekk imsejħa frodi “karużel”. Il-leġiżlazzjoni rilevanti tinkludi dispożizzjoni għall-moviment ħieles tal-merkanzija fl-UE iżda l-VAT fuq it-transazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi Komunitarji għandha titħallas fil-pajjiż destinatarju.
2.4 L-introduzzjoni ta’ intermedjarju fittizju fil-kummerċ Komunitarju twassal għal trijangolazzjoni illegali, b’tali mod li jidher li qed isir trasferiment suċċessiv doppju tal-istess prodott. Ix-xerrej għandu d-dritt għar-rimborż ta’ VAT li qatt ma tkun tħallset mill-intermedjarju, li jkun xtara l-prodott mingħajr VAT minn Stat Membru ieħor. B’dan il-mod, l-intermedjarju jisparixxi.
2.5 Fil-mekkaniżmu tar-reverse charge, il-fornitur lokali ma jitlobx ħlas tal-VAT minn klijenti taxxabbli li, min-naħa tagħhom, isiru responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Teoretikament b’din il-proċedura l-possibbiltà tal-frodi “‘karuże”’ għandha tiġi eliminata.
2.6 In-nuqqas ta’ konsistenza ta’ sistema bbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-destinazzjoni, li biex titħaddem sew tkun teħtieġ sistema konsolidata u effiċjenti ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, jagħti lok għal frodi fiskali li tkun diffiċli li tiġi miġġielda. Il-Komunità finalment għażlet il-prinċipju tal-oriġini, li jipprevedi forma ta’ kumpens bejn l-Istati Membri, b’ridistribuzzjoni tal-VAT. L-Artikolu 402 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 jistabbilixxi li l-intaxxar fuq il-kummerċ intra-Komunitarju għandu jsir fil-pajjiż tal-oriġini.
2.7 Ir-ridistribuzzjoni hija meħtieġa biex jiġi kkanċellat l-effett fuq id-dħul mit-taxxa, l-esportazzjonijiet u t-tnaqqis tat-taxxa fuq l-importazzjonijiet li diġà jkunu ġew intaxxati fil-pajjiż tal-oriġini.
2.8 L-adozzjoni tas-sistema finali, li għandha tnaqqas sew il-frodi fiskali intra-Komunitarja, teħtieġ sistema integrata ta’ kooperazzjoni amministrattiva li, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, għadha ma saritx realtà (1); l-istess bħalma huwa diffiċli li tiddaħħal “clearing house”, li l-Kummissjoni ilha titlob għaliha mill-1987, billi hemm diskrepanzi kbar fil-verifika u l-ġbir tad-data bejn l-Istati Membri.
2.9 F’din ix-xena, verament ta’ qtigħ il-qalb, qed tiddaħħal il-proposta mill-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jiddaħħal temporanjament il-mekkaniżmu tar-reverse charge għal xi prodotti u servizzi (2).
3. Il-proposta tal-Kummissjoni
3.1 Din l-inizjattiva hija bbażata fuq il-proposti tal-grupp ta’ esperti dwar Istrateġija Kontra l-Frodi Fiskali (IKFF): il-Kummissjoni kienet ħarġet Komunikazzjoni (3) fejn tressqu proposti innovattivi għall-ġlieda kontra l-frodi, fosthom l-introduzzjoni ta’ sistema ġenerali tar-reverse charge. Dawn il-proposti ma ġewx approvati mill-Ecofin.
Sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu li qed jinfirex ta’ frodi intra-Komunitarja, l-hekk imsejħa Frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes (Missing Trader Intra-Community fraud MTIC), iktar magħrufa bħala frodi “karużell”, għax sikwit jirrigwarda l-bejgħ multiplu tal-istess prodotti bejn l-operaturi ta’ diversi Stati Membri, xi Stati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tiġi applikata d-deroga prevista fl-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, fejn ikun jista’ jiddaħħal temporanjament mekkaniżmu tar-reverse charge għal xi prodotti u servizzi.
3.2.1 Il-Kummissjoni ddeċidiet li jkun iktar adatt li jiġi adottat strument li jemenda d-Direttiva tal-VAT, permezz tal-introduzzjoni ta’ Artikolu 199a u li d-deroga tiġi estiża sal-2014.
Fost il-prodotti li ddaħħlu fil-lista għall-introduzzjoni fakultattiva tas-sistema tar-reverse charge, insibu apparat elettroniku komuni ħafna, bħat-telefoni ċellulari u mezzi b’ċirkwit integrat. Din l-għażla diġà teżisti fir-Renju Unit, li kiseb deroga mill-Kunsill.
3.3.1 Fwieħa, u metall prezzjuż li mhumiex antikwarjat jew oġġetti tal-kollezzjoni jikkompletaw l-erba’ kategoriji msemmija fid-direttiva. Fost is-servizzi nsibu l-kummerċ taċ-ċertifikati ta’ emissjoni.
4. Kummenti ġenerali
4.1 Għalkemm fil-Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew (4) il-Kummissjoni, minn naħa tenfasizza l-effetti pożittivi li teoretikament l-introduzzjoni tar-reverse charge jista’ jkollha fuq il-ġlieda kontra l-frodi fiskali, min-naħa l-oħra tissottolinja r-riskji kollha potenzjali ta’ frodi ġdida u l-bżonn li jissaħħu l-kontrolli, iżda l-iktar il-kooperazzjoni amministrattiva.
4.2 Il-Kummissjoni tenniet it-tħassib tagħha li “… l-introduzzjoni ta’ reverse charge ġeneralizzata fuq bażi fakulattiva tista’ taffettwa b’mod sinifikanti l-koerenza u l-armonizzazzjoni tas-sistema tal-VAT tal-UE u l-ambitu għall-iżvilupp tagħha fil-ġejjieni”.
4.3 Bħall-Kummissjoni, il-KESE huwa mħasseb u jsostni li għandu jiġi evitat kull tip ta’ miżura li tista’ tikkomprometti t-triq diffiċli lejn l-armonizzazzjoni futura tal-VAT.
4.4 Fl-2008, il-Parlament Ewropew, huwa u jitlob lill-Kunsill biex jieħu azzjoni iktar b’saħħitha fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali (5), kien diġà ġibed l-attenzjoni għar-riskji marbuta mal-opportunitajiet ġodda għall-frodi bl-introduzzjoni tas-sistema ġenerali tar-reverse charge. B’mod partikolari fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u l-abbuż tan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-VAT. F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament jissuġġerixxi soluzzjoni aħjar: l-għeluq tas-sistema transitorja għall-provvisti intra-Komunitarji b’rata ta’ 15 %.
4.5 Fl-opinjonijiet kollha tiegħu, ftit jew wisq reċenti, il-KESE saħaq fuq il-bżonn li tintemm is-sistema transitorja (6) u jaqbel mal-proposta tal-Parlament Ewropew dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa uniformi fuq il-provvisti intra-Komunitarji. Barra minn hekk, is-sistema transitorja hija maqsuma f’ħafna sistemi speċjali – għall-agrikoltura, għall-intrapriżi ż-żgħar, għall-aġenziji tal-ivvjaġġar, għall-pubblikaturi eċċ. – b’eżenzjonijiet, skonti jew derogi.
4.6 Bħas-soltu, l-Ecofin ma laħaqx ftehim u l-KESE mill-ġdid jiddispjaċih li l-paraliżi fil-livell li jittieħdu d-deċiżjonijiet fiskali għal darb’oħra reġgħet imblokkat tentattiv għal tnedija ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni.
4.7 Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, għalkemm jenfasizza xi diskrepanzi rigward l-objettivi dikjarati: sistema fakultattiva li fil-prattika tobbliga lill-operaturi tas-setturi kkonċernati biex jitgħabbew b’obbligi amministrattivi addizzjonali, u b’hekk jiġu mġiegħla jużaw sistemi paralleli ta’ kontabbiltà doppja b’responsabbiltà konsiderevoli għall-persuni taxxabbli li jkollhom jidentifikaw liema trattament fiskali huwa dak korrett.
4.8 Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej diġà qatgħet sentenza dwar is-sistema tar-reverse charge (7). Fis-sentenza ġie eżaminat il-każ ta’ talba għal ħlas minn awtorità fiskali li saret b’riżulat ta’ żball fl-interpretazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge. Sabiex jiġu evitati proċeduri ta’ litigazzjoni inutli u li jiswew ħafna flus, fid-dawl tal-esperjenza, ser jeħtieġ li tiġi pprovduta verifika tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li minkejja l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, turi li hemm inkonsistenzi, pereżempju bejn it-termini tat-talba għar-rimborż u t-termini tal-ħlasijiet tat-taxxa.
4.9 L-awtoritajiet tal-Istati Membri li jadottaw is-sistema ser ikollhom jipproċessaw numru ikbar ta’ talbiet għar-rimborż għall-kreditu żejjed ta’ VAT minn persuni taxxabbli, li mhux se jkomplu jkunu jistgħu jirkupraw il-VAT imħallsa fl-aħħar.
4.10 Il-piż tal-ħlas tat-taxxa ser jiġi trasferit għal persuni taxxabbli “dejjem iżgħar” li jistgħu jkunu inqas affidabbli mill-persuni taxxabbli għall-VAT attwalment, intrapriżi kbar u ta’ daqs medju, li jikkontribwixxu għall-biċċa l-kbira tad-dħul mit-taxxa. Is-sistema żżid ir-riskju ta’ telf tad-dħul billi tneħħi l-frammentazzjoni tal-ħlasijiet.
4.11 Minn analiżi ġenerali joħroġ li sistema ta’ kontroll rigoruża tkun indispensabbli biex l-Istati Membri jitħarsu mill-effetti negattivi li tista’ ġġib magħha s-sistema tar-reverse charge. Jeħtieġ li l-proċess ta’ tisħiħ tal-azzjoni ta’ kontroll jitwettaq b’mod parallel mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-użu ta’ sistemi standardizzati ta’ sistemi telematiċi ta’ djalogu bejn l-awtoritajiet.
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Il-KESE ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tipprovdix valutazzjoni tal-impatt. Billi kkunsidrat li l-konsultazzjoni preċedenti “Introduzzjoni potenzjali ta’ mekkaniżmu fakultattiv tar-reverse charge għall-VAT – Impatt fuq l-intrapriżi” tat-13 ta’ Awwissu 2007 – (li ma ġietx ippubblikata fuq is-sit tal-Kummissjoni) kienet eżawrjenti, ma jfissirx li ġew ikkunsidrati l-effetti li jista’ jkollha d-direttiva fuq l-operaturi u fuq l-awtoritajiet.
5.2 L-argument li billi l-mekkaniżmu mhuwiex obbligatorju, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jwettqu l-valutazzjoni tal-impatt, huwa wieħed diskutibbli għalkollox. Ma kinux ftit id-drabi li l-KESE rrakkomanda li għandha tingħata l-ikbar attenzjoni lil analiżi serja u dettaljata tal-konsegwenzi tal-leġiżlazzjoni Ewropea.
5.3 Il-bażi legali tal-proposta tidher adatta u proporzjonali. Fil-fehma tal-KESE, l-istrument tad-direttiva madankollu joħloq riskju ċar ta’ diskrepanzi ikbar bejn is-sistemi fiskali: l-adozzjoni ta’ regolament kienet tkun aħjar.
5.4 Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-introduzzjoni tas-Sistema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS), li tirrappreżenta (2008) 73 % tal-valur tas-suq dinji taċ-ċertifikati. Peress li l-iskambju taċ-ċertifikati bejn persuni taxxabbli huwa kkunsidrat bħala l-għoti ta’ servizz, dan għandu jiġi ntaxxat fil-pajjiż fejn hija stabbilita l-intrapriża li qed tixtri. Il-KESE jiddispjaċih biss li l-mekkaniżmu tar-reverse charge mhuwiex obbligatorju għal dawn it-transazzjonijiet.
5.5 Il-KESE jemmen li l-limitazzjoni għal tnejn biss mill-erba’ kategoriji ta’ prodotti indikati mhijiex ġustifikata biżżejjed. Kien ikun ħafna iktar adatt li kull Stat Membru jitħalla jiddeċiedi dwar dan. L-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE diġà jagħti dan id-dritt lil wieħed mill-Istati Membri, bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 199a kif inhu propost jista’ jmur kontra l-artikolu li ssemma hawn fuq.
Brussell, 20 ta’ Jannar 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) COM(2009) 427 finali – 2009/0118 (CNS). Ħidma għadha għaddejja - ECO/265. Relatur: Burani.
(2) COM(2009) 511 finali.
(3) COM(2008) 109 finali, 22.2.2008 u SEC(2008) 249, 22.2.2008.
(4) Ibidem.
(5) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Settembru 2008 dwar strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (2008/2033(INI)) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 13.
(6) Opinjoni tal-KESE dwar il-VAT/derogi – ĠU C 32, 5.2.2004, p. 120.
Opinjoni tal-KESE dwar il-Ġlieda kontra l-evażjoni fit-taxxa – ĠU C 161, 13.7.2007, p. 8.
Opinjoni tal-KESE dwar ir-rati tal-VAT minbarra r-rati standard tal-VAT – ĠU C 211, 19.8.2008, p. 67.
Opinjoni tal-KESE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa marbuta mal-importazzjoni, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 112.
Opinjoni tal-KESE dwar il-Ġlieda kontra l-frodi, ĠU C 100, 30.4.2009, p. 22.
Opinjoni tal-KESE dwar ir-razzjonalizzazzjoni tad-derogi u l-miżuri kontra l-frodi marbuta mas-Sitt Direttiva – ĠU C 65, 17.3.2006, p. 103.
(7) Kawżi konġunti C-95/07 u C 96/07, 8 ta’ Mejju 2008.