Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0203

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/203 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi l-format li għandu jintuża għar-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) skont ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2023/8457

    ĠU L, 2024/203, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/203/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/203/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/203

    29.2.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/203

    tat-18 ta’ Diċembru 2023

    li jistabbilixxi l-format li għandu jintuża għar-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) skont ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(7) tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-FEG stabbilit bl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2021/691,

    Billi:

    (1)

    L-Istati Membri huma meħtieġa li jirrapportaw lill-Kummissjoni l-irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) skont l-Artikolu 23(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691, u f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/204 (2).

    (2)

    L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fondi użati biex jintlaħqu l-objettivi li għalihom ikunu ġew stabbiliti l-fondi. Għal dak l-għan, l-Artikolu 23(7) tar-Regolament (UE) 2021/691 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format li għandu jintuża għar-rapportar mill-Istati Membri ta’ irregolaritajiet relatati mal-finanzjament tal-FEG. Jenħtieġ li tali regoli jkunu ekwivalenti għar-regoli dettaljati dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet stabbiliti fl-Anness XII, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/206 (4).

    (3)

    Sabiex jiġu żgurati analiżi effiċjenti u ġestjoni ġenerali tal-każijiet ta’ irregolaritajiet skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) 2021/691, l-Istati Membri huma meħtieġa jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-irregolaritajiet li għandhom jiġu rrapportati skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/691 u f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2024/204 b’mod strutturat. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-istruttura ta’ dik l-informazzjoni, b’mod partikolari dwar il-format tagħha.

    (4)

    Sabiex jinkisbu l-benefiċċji massimi mill-użu ta’ mezzi elettroniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni filwaqt li tiġi ppreservata s-sigurtà tal-iskambji, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (Irregularity Management System, IMS) dedikata għan-notifika tal-irregolaritajiet.

    (5)

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiżguraw li t-trasferiment ta’ data permezz tal-IMS jitwettaq b’mod sigur li jippermetti d-disponibbiltà, l-integrità, l-awtentiċità, u l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni.

    (6)

    L-użu tal-euro bħala l-unika munita għar-rapportar ta’ irregolaritajiet huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-informazzjoni rrapportata. Fir-rigward tal-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom, huwa meħtieġ li tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju li għandha tintuża biex l-ammonti kkonċernati jiġu kkonvertiti f’euro u r-rata tal-kambju għall-konverżjoni tan-nefqa li ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-awtorità responsabbli.

    (7)

    Peress li diġà setgħu seħħew irregolaritajiet fir-rapportar u huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġu indirizzati tali irregolaritajiet, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika immedjatament. Għalhekk jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (8)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat dwar dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-format li għandu jintuża mill-Istati Membri għar-rapportar ta’ irregolaritajiet skont l-Artikolu 23(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.

    Artikolu 2

    Format tar-rapportar

    1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2024/204 għandu jintbagħat lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) dedikata.

    2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni r-rapport inizjali dwar l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/204 mingħajr dewmien wara li jiġu skoperti l-irregolaritajiet.

    3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu r-rapporti ta’ segwitu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(5) u (6) tar-Regolament Delegat (UE) (UE) 2024/204 mingħajr dewmien wara li tinkiseb l-informazzjoni rilevanti.

    Artikolu 3

    L-użu tal-euro

    1.   L-ammonti rrapportati mill-Istati Membri għandhom jiġu indikati f’euro.

    2.   L-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom sad-data meta r-rapport jiġi sottomess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2024/204 għandhom jikkonvertu l-ammonti fil-munita nazzjonali f’euro billi jużaw r-rata tal-kambju tal-kontabbiltà ta’ kull xahar tal-Kummissjoni fix-xahar li matulu n-nefqa tkun irreġistrata fis-sistemi kontabilistiċi tal-awtorità kompetenti. Meta n-nefqa ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-awtorità kompetenti, l-aktar rata tal-kambju reċenti tal-kontabbiltà ta’ kull xahar, ippubblikata elettronikament mill-Kummissjoni fil-mument tar-rapportar inizjali, għandha tintuża għall-konverżjoni f’euro tal-ammonti fil-munita nazzjonali.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/204 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) (OJ L, 2024/204, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/204/oj).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/206 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-format tar-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, skont ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1975 (ĠU L, 2024/206, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/206/oj).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/203/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top