EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0766

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/766 tal-1 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119 fir-rigward tal-kalkolu tal-iffrankar tas-CO2 u tal-marġni statistiku għal ċerti karozzi tal-passiġġieri elettriċi ibridi bi ċċarġjar mhux fuq il-vettura

C/2024/1263

ĠU L, 2024/766, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/766/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/766/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/766

5.3.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/766

tal-1 ta’ Marzu 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119 fir-rigward tal-kalkolu tal-iffrankar tas-CO2 u tal-marġni statistiku għal ċerti karozzi tal-passiġġieri elettriċi ibridi bi ċċarġjar mhux fuq il-vettura

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Lulju 2023, il-manifattur BMW AG (“l-applikant”) ressaq talba f’konformità mal-Artikolu 12a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2) applikabbli f’dik id-data biex id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1119 (3) tiġi emendata biex tadatta l-kalkolu tal-iffrankar tas-CO2 u tal-marġni statistiku għal ċerti vetturi elettriċi ibridi bi ċċarġjar mhux fuq il-vettura għall-metodoloġija stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 (4).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/1151, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/443 (5), jipprevedi approċċ alternattiv biex jiġi kkoreġut l-iżbilanċ taċ-ċarġ tal-batterija ta’ ċerti vetturi elettriċi ibridi li ma jistgħux jiġu ċċarġjati esternament, li jiddependi fuq fattur tal-emissjoni ġeneriku skont it-tip tal-magna. L-applikant talab li jitħalla juża dak l-approċċ għall-kalkolu tal-iffrankar tas-CO2 u tal-marġni statistiku għat-teknoloġija innovattiva approvata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119.

(3)

Filwaqt li jitqiesu l-argumenti ppreżentati mill-applikant, jixraq li l-metodoloġija tal-ittestjar stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119 tiġi modifikata biex tiżgura li l-manifatturi tal-vetturi li jħaddmu l-approċċ alternattiv introdott bir-Regolament (UE) 2023/443 ma jġarrbux piż tal-ittestjar bla bżonn meta japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar tas-CO2 f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119.

(4)

Billi l-applikant talab biex juża l-approċċ alternattiv abbażi tal-effiċjenza tal-alternatur ta’ 0,67, l-approċċ stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/1151 jixraq jiġi segwit b’konsistenza u li tiġi applikata effiċjenza tal-alternatur ta’ 1 għad-determinazzjoni tal-iffrankar tas-CO2 u tal-marġni statistiku, u li l-metodoloġija tal-ittestjar stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119 tiġi adattata skont dan.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/631/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/725/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1119 tat-28 ta’ Ġunju 2019 dwar l-approvazzjoni ta’ illuminazzjoni esterna effiċjenti tal-vetturi permezz ta’ dijodi li jemettu d-dawl għall-użu f’vetturi b’magna ta’ kombustjoni interna u f’vetturi elettriċi ibridi li ma jistgħux jiġu ċċarġjati esternament bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 176, 1.7.2019, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1119/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1151/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/443 tat-8 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1151 fir-rigward tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet għal vetturi ħfief għall-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali (ĠU L 66, 2.3.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/443/oj).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1119 huwa emendat kif ġej:

1.

fil-punt 4.1.2, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Inkella, meta ssir talba mill-manifattur, l-iffrankar totali tas-CO2 tal-pakkett tal-illuminazzjoni għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fil-punt 4.1.1, bil-koeffiċjent ηΑ stabbilit għal 1.”;

2.

fil-punt 4.2.2, jiżdied il-paragrafu li ġej wara l-Formola 9:

“Jekk titħaddem il-metodoloġija msemmija fil-punt 4.1.2, l-aħħar paragrafu, il-marġni statistiku tal-pakkett tal-illuminazzjoni għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-punt 4.2.1, bil-koeffiċjent ηΑ stabbilit għal 1.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/766/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top