EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0550

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI "Lesti għall-Mira ta' 55 %": Nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi Triqitna lejn in-Newtralità Klimatika

COM/2021/550 final

Brussell, 14.7.2021

COM(2021) 550 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

"Lesti għall-Mira ta' 55 %": Nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi Triqitna lejn in-Newtralità Klimatika


1.“Lesti għall-Mira ta’ 55 %”: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika

Ninsabu f’mument kruċjali fir-rispons tad-dinja għall-emerġenzi klimatiċi u tal-bijodiversità u aħna l-aħħar ġenerazzjoni li għadha tista’ taġixxi fil-ħin. Dan huwa d-deċennju deċiżiv biex inwettqu l-impenji tagħna skont il-Ftehim ta’ Pariġi, fl-interess tas-saħħa, tal-benesseri u tal-prosperità ta’ kulħadd. L-UE tat l-eżempju meta ddeċidiet miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’mill-anqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990 u kienet l-ewwel kontinent li se jilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Dawn l-għanijiet ma għadhomx aspirazzjonijiet jew ambizzjonijiet iżda obbligi stipulati fl-ewwel Liġi Ewropea dwar il-Klima li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni, għall-investiment u għall-impjiegi.

F’dan l-ispirtu, il-pakkett ta’ proposti għandu l-għan li jagħmel l-UE “lesta għall-mira ta’ 55 %” u jikseb il-bidla trasformattiva meħtieġa fl-ekonomija, fis-soċjetà u fl-industrija tagħna. Din hija responsabbiltà kollettiva u opportunità li għandha tkun miftuħa għal kulħadd, kemm għall-innovaturi u għall-investituri, għall-kumpaniji u għall-ibliet, jew għall-konsumaturi, għall-unitajiet domestiċi u għall-individwi. Aħna lkoll nikkondividu l-benefiċċji ta’ aktar spazju għan-natura, arja aktar nadifa, bliet u rħula aktar friski u aktar ekoloġiċi, ċittadini aktar b’saħħithom, użu u kontijiet tal-enerġija aktar baxxi, kif ukoll impjiegi, teknoloġiji u opportunitajiet industrijali ġodda. L-isfida fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE hija kif nistgħu nwasslu dawn il-benefiċċji lil kulħadd b’mod kemm jista’ rapidu u ġust, filwaqt li nsaħħu l-kompetittività tagħna, noħolqu l-impjiegi tal-ġejjieni u nindirizzaw b’mod effettiv il-kostijiet u l-impatti tat-tranżizzjoni.

Jekk nieħdu azzjoni qabel ma nilħqu punti irriversibbli se nkunu nistgħu nfasslu din it-trasformazzjoni, u mhux biss nirreaġixxu u nadattaw għaliha. Filwaqt li huwa ċar li l-kost li ma tittieħed ebda azzjoni huwa ogħla mill-kost tal-ambizzjonijiet klimatiċi tagħna, in-numri waħedhom ma jirriflettux il-konsegwenzi ċari tal-istatus quo. In-nuqqas ta’ azzjoni jista’ jwassal ukoll għal differenzi: bejn dawk li jaffordjaw teknoloġiji nodfa u moderni abbażi tar-rinovabbli u dawk mingħajr alternattivi għat-teknoloġiji qodma u li jniġġsu. Il-ġenerazzjonijiet li jmiss se jġorru l-piż ta’ aktar maltempati, nirien fil-foresti, nixfiet u għargħar aktar intensi aktar ta’ sikwit, minbarra l-kunflitti li dawn jistgħu jikkawżaw madwar id-dinja. Għalhekk, jeħtiġilna nindirizzaw dawn il-kriżijiet bħala kwistjoni ta’ solidarjetà interġenerazzjonali u internazzjonali. Dak li se niksbu fl-għaxar snin li ġejjin se jiddetermina l-ġejjieni ta’ wliedna. Din hija r-raġuni għaliex hemm appoġġ pubbliku sostnut u dejjem jikber favur l-ambizzjoni u l-azzjoni klimatika 1 . It-tisħiħ tal-azzjoni klimatika huwa wkoll appell speċjalment għaż-żgħażagħ, inklużi ż-żgħażagħ tal-lum li, bħala aġenti tal-bidla, jitolbu lill-gvernijiet u lill-UE biex jaġixxu b’mod deċiżiv u mingħajr dewmien biex jipproteġu l-klima u l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Il-proposti tal-lum jibnu fuq il-politiki u l-leġiżlazzjoni li diġà ddaħħlu fis-seħħ mill-Unjoni Ewropea. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew stabbilixxa l-pjan ta’ azzjoni għal din il-bidla trasformattiva. Dan bena l-pedamenti għall-ekonomija ta’ għada bi strateġiji importanti dwar il-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari, it-tniġġis żero, il-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, il-mewġa ta’ rinnovazzjoni, l-ikel sostenibbli, l-idroġenu, il-batteriji, l-enerġija rinnovabbli offshore u ħafna oħrajn. Ġew allokati riżorsi mingħajr preċedent biex nappoġġaw it-tranżizzjoni, kemm jekk permezz tal-pjan ta’ rkupru tal-UE, in-NextGenerationEU li jikkontribwixxi għal tal-anqas 37 % tat-tranżizzjoni ekoloġika, tal-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-2021–2027 jew tal-enfasi kontinwa fuq il-finanzjament sostenibbli u l-iżblukkar tal-investiment privat. U se nkomplu nimmobilizzaw il-politiki kollha tal-UE biex nappoġġaw il-bidla lejn in-newtralità klimatika, inklużi l-politiki tar-riċerka, tal-ħiliet, industrijali, tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ.

Il-pakkett huwa bbażat ukoll fuq evidenza ċara — kemm fuq il-ħtieġa li nilħqu l-mira tagħna għall-2030 kif ukoll fuq kif niksbuha bl-aħjar mod u bl-aktar mod ġust possibbli. Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 2 evalwa l-opportunitajiet u l-kostijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika, u wera li jekk it-taħlita ta’ politika tagħna tkun tajba l-bilanċ ikun wieħed pożittiv. Dan jibni fuq l-għarfien li dak li huwa tajjeb għall-pjaneta huwa tajjeb għan-nies u għall-ekonomija, kif rifless mill-ekonomija li kibret b’aktar minn 62 % mill-1990 fl-istess waqt li l-emissjonijiet naqsu b’24 %, u b’hekk intwera b’mod ċar li t-tkabbir ma jiddependix fuq l-emissjonijiet tas-CO2.

Din l-esperjenza u dan l-għarfien iwasslu biex il-pakkett ikun l-aktar sett komprensiv ta’ proposti li qatt ġie ippreżentat mill-Kummissjoni dwar il-klima u l-enerġija, pakkett li jibni l-bażi għal impjiegi ġodda u ekonomija Ewropea reżiljenti u sostenibbli għall-futur. Jibni l-pedament regolatorju biex nilħqu l-miri tagħna b’mod ġust, kosteffiċjenti u kompetittiv. Dan jitfa’ prezz fuq il-karbonju f’aktar setturi, li jġib miegħu dħul addizzjonali sinifikanti biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, filwaqt li s-soluzzjonijiet nodfa jirħasu. Jappoġġa użu akbar tal-enerġija rinnovabbli u aktar iffrankar tal-enerġija. Jiffaċilita l-bejgħ dejjem jikber ta’ vetturi ġodda nodfa u fjuwils tat-trasport aktar nodfa. Jiżgura li l-industrija tkun tista’ tmexxi t-tranżizzjoni u tagħtiha ċ-ċertezza li teħtieġ biex tagħti spinta lill-investiment u lill-innovazzjoni. Jiffoka fuq l-intaxxar tas-sorsi tal-enerġija f’konformità mal-għanijiet klimatiċi u l-objettivi ambjentali tagħna. Il-pakkett jittraduċi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas fil-prattika. Il-pakkett għandu l-għan li jreġġa’ lura x-xejra ta’ tnaqqis fil-kapaċità tan-natura li tneħħi l-karbonju mill-atmosfera. U jgħin biex jiżgura li l-għanijiet klimatiċi tagħna ma jiġux imminati mit-theddida tar-rilokazzjoni tal-karbonju billi jinkoraġġixxi l-azzjoni klimatika dinjija.

Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” isaħħaħ it-tmexxija globali tal-UE permezz ta’ azzjoni u bl-eżempju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Madankollu, l-azzjoni tal-UE għal rasha mhijiex biżżejjed u ma tistax twassal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali li teħtieġ id-dinja. L-UE għadha impenjata fl-ordni globali multilaterali u tappella lis-sħab tagħha madwar id-dinja biex iħabirku iżjed. Huwa għalhekk li l-UE qed taħdem mal-G7, mal-G20 u ma’ sħab internazzjonali oħra biex turi li ż-żieda fl-ambizzjoni klimatika, il-prosperità ekonomika u t-tkabbir sostenibbli jistgħu jimxu id f’id. Ftit ta’ żmien qabel tibda s-26 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (‘COP26’) fi Glasgow f’Novembru 2021, dan is-sett ta’ proposti għandu l-għan li joħloq aġenda ta’ ħidma mal-bqija tad-dinja favur it-tranżizzjoni ekoloġika li tindirizza t-theddid eżistenzjali u tagħti opportunitajiet ġodda lil kulħadd.

Il-Pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” huwa sett ta’ proposti interkonnessi li flimkien iwettqu l-ambizzjoni tagħna. Din il-komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn il-proposti differenti kif ukoll ir-rabtiet bejniethom u jispjega s-sett ta’ għodod tal-miżuri ta’ politika magħżula. Tippreżenta l-mod kif il-pakkett jilħaq bilanċ ġenerali bejn il-ġustizzja, it-tnaqqis tal-emissjonijiet, u l-kompetittività u juri kif il-politiki differenti jaħdmu flimkien.



Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” F’lemħa

Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” jikkonsisti minn proposti interkonnessi, li kollha mexjin lejn l-istess destinazzjoni li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, kompetittiva u ekoloġika sal-2030 u lil hinn. Fejn possibbli l-leġiżlazzjoni eżistenti saret aktar ambizzjuża u fejn meħtieġ qed jitressqu proposti ġodda. B’mod ġenerali, il-pakkett isaħħaħ tmien biċċiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti u jippreżenta ħames inizjattivi ġodda, f’firxa ta’ oqsma ta’ politika u setturi ekonomiċi: il-klima, l-enerġija u l-fjuwils, it-trasport, il-bini, l-użu tal-art u l-forestrija.

Il-proposti leġiżlattivi huma appoġġati minn analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt, li tqis l-interkonnessjoni tal-pakkett kollu kemm hu. L-analiżi turi li dipendenza żejda fuq politiki regolatorji msaħħa twassal għal piżijiet ekonomiċi għoljin bla bżonn, filwaqt li l-ipprezzar tal-karbonju waħdu ma jegħlibx fallimenti tas-suq u ostakli persistenti li mhumiex marbuta mas-suq. Għaldaqstant, it-taħlita ta’ politika li qed tintgħażel hija bilanċ għaqli bejn l-ipprezzar, il-miri, l-istandards u l-miżuri ta’ appoġġ. 

Miżuri ta’ appoġġ

L-użu tad-dħul u r-regolamenti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, il-bini tas-solidarjetà u l-mitigazzjoni tal-impatti fuq dawk vulnerabbli, b’mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali għall-Azzjoni Klimatika u l-Fondi Msaħħa għall-Modernizzazzjoni u l-Innovazzjoni

2.Approċċ ibbażat fuq l-ekonomija kollha: Tranżizzjoni Ġusta, Kompetittiva u Ekoloġika

Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” għandu l-għan li jilħaq il-miri miżjuda tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-benefiċċju tal-UE kollha li joħloq opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fit-tranżizzjoni, jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn, u jixpruna tnaqqis kumplessiv aktar b’saħħtu fl-emissjonijiet. Jappoġġa wkoll l-irkupru ekoloġiku tal-UE mill-pandemija, jgħin id-disseminazzjoni tal-istandards ambjentali lil hinn mill-fruntieri tal-UE u jsaħħaħ l-innovazzjoni fil-prodotti u fit-teknoloġiji tal-futur.

2.1 Tranżizzjoni soċjalment ġusta: nindirizzaw l-inugwaljanza u l-faqar enerġetiku permezz tal-azzjoni klimatika

It-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tista’ tkun opportunità unika biex titnaqqas l-inugwaljanza sistemika. Pereżempju, l-istrumenti tal-ipprezzar tal-karbonju, jiġġeneraw dħul li jista’ jiġi investit mill-ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-faqar enerġetiku u tal-faqar tal-mobbiltà fil-konfront tan-nies vulnerabbli, iħeġġu l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku u joħolqu l-impjiegi. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja u solidarjetà, l-indirizzar tal-inugwaljanzi li kienu jeżistu qabel il-Patt Ekoloġiku Ewropew, u li jmorru għall-agħar mingħajr azzjoni determinata kontra t-tibdil klimatiku u lejn tniġġis żero, hija neċessità soċjetali usa’.

Din hija r-raġuni għaliex is-solidarjetà hija prinċipju li jiddefinixxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew — solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, bejn l-Istati Membri, bejn ir-reġjuni, bejn iż-żoni rurali u dawk urbani u bejn il-partijiet differenti tas-soċjetà — kif joħroġ fid-dieher fil-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u f’għadd ta’ strumenti oħra li nħolqu fil-livell tal-UE f’dawn l-aħħar snin. Il-kisba tan-newtralità klimatika ser teħtieġ sens ta’ skop komuni, sforzi kollettivi u rikonoxximent ta’ punti ta’ tluq u sfidi differenti. Bosta ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ, jinsabu lesti jibdlu l-modi tal-konsum u tal-mobbiltà tagħhom meta jingħataw is-setgħa tal-informazzjoni rilevanti, biex jillimitaw l-impronta tal-karbonju tagħhom u jgħixu f’ambjent aktar ekoloġiku u aktar b’saħħtu. Madankollu, dan il-pakkett jindirizza wkoll it-tħassib ta’ dawk il-persuni li l-impjieg u d-dħul tagħhom huma milquta mit-tranżizzjoni. 

Dan l-approċċ huwa rifless fil-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, mill-kondiviżjoni tal-isforzi biex jintlaħqu l-miri klimatiċi fost l-Istati Membri abbażi tal-ġid relattiv tagħhom sal-kunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet differenti tagħhom fid-distribuzzjoni tad-dħul u sal-indirizzar tal-inugwaljanzi f’kull Stat Membru. Dan jirrifletti l-ħtieġa għal aktar solidarjetà u ġustizzja soċjali biex inlaħħqu mal-pass u mal-ambizzjoni msaħħa tagħna.

F’dan l-ispirtu, il-Fond Soċjali ġdid għall-Azzjoni Klimatika se jipprovdi finanzjament dedikat lill-Istati Membri biex jappoġġaw liċ-ċittadini Ewropej l-aktar milquta jew f’riskju ta’ faqar enerġetiku jew ta’ mobbiltà, li se jakkumpanja l-introduzzjoni tan-Negozjar ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għat-trasport u l-bini. Illum il-faqar enerġetiku waħdu jolqot lil 34 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea. Il-Fond se jgħin biex jittaffew il-kostijiet għal dawk l-aktar esposti għal żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili matul it-tranżizzjoni. Il-Fond il-ġdid se jippromwovi l-ġustizzja u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom filwaqt li jimmitiga r-riskju tal-faqar enerġetiku u tal-faqar tal-mobbiltà. Se jibni fuq il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà eżistenti u jikkomplementahom 3 . Il-Fond Soċjali għall-Klima se jipprovdi EUR 72,2 biljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu 2025–2032 fil-baġit tal-UE mill-Iskema l-ġdida għan-Negozjar ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet. Dan se jippermetti lill-Istati Membri jgħinu lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli bi dħul baxx jew medju, lill-utenti tat-trasport, u lill-mikroimpriżi milquta mill-impatt tal-estensjoni tan-negozjar tal-emissjonijiet għall-bini u għat-trasport. Dan se jinvolvi appoġġ għall-investimenti biex jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjonijiet tal-bini, it-tisħin u t-tkessiħ nodfa, u biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata b’mod li jista’ jnaqqas b’mod sostenibbli kemm l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll il-kontijiet tal-enerġija għal unitajiet domestiċi vulnerabbli u għal mikroimpriżi. Se tiffinanzja wkoll l-aċċess għal mobilità b’emissjonijiet żero u baxxi. Fejn meħtieġ u sakemm ikun meħtieġ, il-Fond jista’ jkopri appoġġ dirett għad-dħul, filwaqt li investimenti ekoloġiċi permezz tal-Fond, u permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, jitwettqu u jagħtu l-benefiċċju tagħhom.

Fil-prinċipju, il-volum tiegħu se jikkorrispondi għal 25 % tad-dħul mistenni min-negozjar tal-emissjonijiet il-ġdid li jkopri s-setturi tal-bini u tat-toroq, u se tibda tiffunzjona sena qabel jibda l-ipprezzar tal-karbonju bħala preparazzjoni għall-bidla. Dan se jkun ikkombinat ma’ kontribuzzjonijiet nazzjonali ta’ mill-inqas 50 fil-mija. Minn hawn u ftit żmien ieħor il-Kummissjoni se tipproponi emenda tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji u tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 biex takkomoda għall-istrument il-ġdid. Barra minn hekk, il-Kummissjoni biħsiebha tistabbilixxi aktar gwida għall-Istati Membri permezz ta’ proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati l-aspetti soċjali u tax-xogħol tat-tranżizzjoni klimatika.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-funzjonament tal-Fond Soċjali għall-Azzjoni Klimatika fl-2028, anki fid-dawl tal-effetti mixtieqa tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u l-applikazzjoni tan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi l-ġodda.

Il-Kummissjoni trid tkompli ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali u għaldaqstant tappella lill-Istati Membri biex, minbarra l-Fond Soċjali għall-Azzjoni Klimatika, parti mid-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti għas-setturi tal-bini u tat-toroq tintuża biex jittaffa l-impatt fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli bi dħul baxx u medju.

L-Istati Membri b’sehem akbar ta’ fjuwils fossili fit-taħlita tal-enerġija, emissjonijiet ogħla ta’ gassijiet serra, intensità ogħla tal-enerġija u PDG per capita aktar baxx se jibbenefikaw ukoll minn Fond għall-Modernizzazzjoni msaħħaħ. Ir-riżorsi f’dan il-fond se jiddependu fuq il-prezz tal-karbonju, iżda l-fond se jissaħħaħ b’192,5 miljun kwota addizzjonali.

Fl-aħħar nett, se tintwera solidarjetà kontinwa skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u s-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet fejn b’mod partikolari wieħed minn għaxra mill-kwoti għall-irkanti jiġu ridistribwiti fost l-Istati Membri.

2.2 Tranżizzjoni kompetittiva: Opportunitajiet ġodda permezz ta’ bidliet industrijali u settorjali

Il-kisba tal-mira tal-2030 se teħtieġ trasformazzjoni sistemika fl-ekonomija kollha. Ir-reviżjonijiet li dalwaqt isiru tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima u r-Regolament dwar il-Governanza se jiżguraw pjanar, implimentazzjoni u monitoraġġ integrati tat-tranżizzjoni ekoloġika sal-2030. Dawn se jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu progress b’mod bilanċjat. Il-proposti “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” jirriflettu dan, b’azzjoni fl-industrija, it-trasport, il-bini u l-enerġija. Politiki komplementari u mmirati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali se jaċċelleraw il-bidla fl-imġiba, l-innovazzjoni teknoloġika u l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida. Wieħed mis-sisien tal-pakkett huwa li jsir progress fuq il-kisbiet importanti tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet billi jsaħħaħha u japplikaha għal setturi ġodda fejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet għadu batut. L-esperjenza ta’ dawn l-aħħar 16-il sena uriet li n-negozjar tal-emissjonijiet huwa mekkaniżmu effettiv ħafna biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mod kosteffettiv, filwaqt li d-dħul li jiġġenera jista’ jintuża biex jappoġġa t-tranżizzjoni lejn produzzjoni aktar nadifa u biex jistimula l-innovazzjoni.

Flimkien ma’ sinjal tal-prezz tal-karbonju, huma meħtieġa miri ċari li jġibu l-bidla bħal fir-Regolament rivedut dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (Effort Sharing Regulation, ESR) li se jagħti s-setgħa lill-Istati Membri jieħdu azzjoni nazzjonali biex jindirizzaw l-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport, tal-agrikoltura, tal-iskart u tal-industrija żgħira. Il-proposta jenħtieġ li twassal għal tnaqqis fl-UE kollha ta’ 40 % fl-emissjonijiet minn dawn is-setturi sal-2030, meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-2005. Il-prinċipji għall-attribuzzjoni tal-isforz relattiv lil kull Stat Membru jibqgħu l-istess bħal ta’ qabel. Il-kapaċitajiet differenti tagħhom biex jieħdu azzjoni se jkomplu jiġu rikonoxxuti billi jiġu stabbiliti miri nazzjonali bbażati fuq il-PDG per capita, b’aġġustamenti li jsiru biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-kosteffiċjenza.

L-applikazzjoni tan-negozjar tal-emissjonijiet għal setturi ġodda tikkumplimenta l-politiki l-oħra tal-pakkett biex isiru bidliet fl-investimenti pubbliċi u privati, fl-imġiba tal-konsumaturi u fil-prattiki tan-negozju. Il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni juru li deċiżjoni li ma jiġix applikat in-negozjar ta’ emissjonijiet għal dawn l-oqsma tkun teħtieġ miżuri regolatorji ħafna aktar b’saħħithom fis-setturi kollha milli qed jiġi propost f’dan il-pakkett, b’mod partikolari fl-istandards tal-fjuwils, fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika kif ukoll fit-tassazzjoni.

2.2.1 It-trasformazzjoni industrijali u l-ipprezzar tal-karbonju

It-tranżizzjoni ekoloġika tippreżenta minjiera ta’ opportunità għall-industrija tal-UE hekk kif id-dinja ssegwi t-tmexxija tagħna fl-iżvilupp tas-swieq għal teknoloġiji u prodotti nodfa ġodda u tipprovdi impjiegi sostenibbli, lokali u b’ħiliet speċjalizzati madwar l-UE. L-industrija fl-UE tinsab lesta li tinvesti, iżda għandha bżonn ambjent prevedibbli u qafas regolatorju koerenti, aċċess għall-infrastruttura u appoġġ għall-innovazzjoni.

Il-pakkett jinkludi rekwiżiti ġodda għall-industrija għad-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, iżda wkoll mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Il-Fond għall-Innovazzjoni, li jappoġġa l-investiment tan-negozji u tal-SMEs fl-enerġija nadifa, se jżid il-finanzjament tiegħu għal proġetti innovattivi u infrastruttura għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. Se tingħata attenzjoni partikolari lil proġetti fis-setturi koperti mill-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM).

Filwaqt li tirrifletti l-ħtieġa għal tnaqqis akbar tal-emissjonijiet, illum il-Kummissjoni qed tipproponi li sal-2030 is-setturi koperti mill-EU ETS 4 riveduta se jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra 61 %, meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Biex niksbu dan, jeħtieġ li nnaqqsu l-limitu massimu annwali tal-emissjonijiet f’konformità mal-perkors biex tintlaħaq l-ambizzjoni ogħla għall-2030.

Biex jissaħħaħ ir-rwol tal-ipprezzar tal-karbonju fis-settur tat-trasport, il-Kummissjoni tipproponi li gradwalment testendi l-ETS attwali tal-UE għas-settur marittimu matul il-perjodu bejn l-2023 u l-2025. Se jkunu meħtieġa wkoll sforzi akbar mill-operaturi tal-avjazzjoni biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, u huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tipproponi li telimina gradwalment il-kwoti ta’ emissjonijiet bla ħlas li qed jingħataw lil dan is-settur bħalissa. L-iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation, CORSIA) se tiġi implimentata permezz tas-Sistema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet biex b’hekk l-emissjonijiet tal-avjazzjoni jiġu indirizzati fil-livell dinji. Se nieħdu miżuri fil-politiki domestiċi u se nkomplu naħdmu mas-sħab tagħna fil-livell internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organization, ICAO).

Il-fjuwils fossili użati mit-trasport bit-triq u l-bini huma għejun sostanzjali ta’ emissjonijiet u tniġġis. Peress li sa issa kien diffiċli ħafna li jiġu dekarbonizzati, huma wkoll mimlija potenzjal ta’ innovazzjoni u ħolqien ta’ impjiegi. Pereżempju, in-negozjar tal-emissjonijiet fit-trasport bit-triq se jżid l-inċentivi għall-forniment ta’ fjuwils aktar nodfa għall-vetturi eżistenti. Dan se jwassal għal evoluzzjoni tal-fjuwils disponibbli fis-suq għall-flotta eżistenti, filwaqt li jħeġġeġ lill-fornituri jiddekarbonizzaw il-fjuwils tagħhom. Madankollu, fih innifsu l-ipprezzar tal-karbonju ma jiggarantixxix tranżizzjoni rapida lejn il-mobbiltà mingħajr emissjonijiet, għaliex din titlob politiki komplementari, inkluż dwar l-infrastruttura tal-iċċarġjar.

Bl-istess mod, l-applikazzjoni tan-negozjar tal-emissjonijiet għall-fjuwils fis-settur tal-bini se tgħin biex jinġiebu fjuwils aktar nodfa fis-suq għat-tisħin, tqassar il-perjodi ta’ ħlas lura għall-investimenti fir-rinnovazzjoni u taċċellera l-bidla tal-fjuwil fit-tisħin u t-tkessiħ f’bini eżistenti. Dan se jkun ikkumplimentat minn miżuri ta’ politika biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-bini u tas-sistemi tal-enerġija sabiex il-ħtiġijiet ġenerali tal-enerġija fi djarna u fit-tisħin u t-tkessiħ jitnaqqsu wkoll.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi li tibda tapplika n-negozjar ta’ kwoti tal-emissjonijiet mill-2026 għat-trasport bit-triq u l-bini. Dan se jsir f’sistema separata ffukata fuq il-fornituri tal-fjuwil upstream, li tpoġġi r-responsabbiltà fuq il-produtturi tal-fjuwil biex jikkonformaw mas-sistema, aktar milli tirrikjedi li d-djar individwali jew l-utenti tat-trasport bit-triq jieħdu sehem direttament. L-emissjonijiet mis-setturi tat-trasport bit-triq u tal-bini se jkunu limitati, u l-limitu se jitnaqqas maż-żmien biex b’hekk jonqos it-total tal-emissjonijiet.

Jekk is-sħab internazzjonali ma jikkondividux ambizzjoni kumparabbli ma’ dik tal-UE ikun hemm riskju ta’ rilokalizzazzjoni tal-karbonju li ttrasferit mill-UE lejn pajjiżi oħrajn b’ambizzjoni aktar baxxa fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Jekk dan ir-riskju jimmaterjalizza,l-emissjonijiet mhumiex se jitnaqqsu fil-livell dinji. Din hija r-raġuni għaliex, kif spjegat f’aktar dettall fit-Taqsima 4 ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri li jqiegħed prezz fuq l-importazzjonijiet ta’ għadd limitat ta’ oġġetti li jniġġsu ħafna abbażi tal-kontenut tal-karbonju tagħhom.

Din it-tranżizzjoni industrijali għall-2030 — u lil hinn min-newtralità klimatika — trid tkun sforz kollettiv u inklużiv, imfassal b’mod konġunt mal-ekosistemi industrijali. L-Istrateġija Industrijali aġġornata ħabbret il-ħolqien konġunt ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati biex ifasslu l-aħjar mod kif jistgħu jaċċelleraw u jibbenefikaw mit-tranżizzjonijiet doppji, b’ħarsa lejn l-iskala, il-veloċità u l-kundizzjonijiet li qed tiffaċċja kull ekosistema. Il-perkorsi se jidentifikaw l-iskala tal-ħtiġijiet, inkluż it-taħriġ mill-ġdid, l-investiment jew il-ħtiġijiet teknoloġiċi, u jfasslu azzjonijiet biex jintlaħqu, billi ssir ħidma fuq kontributi bħal pjanijiet direzzjonali tal-istrateġija industrijali. Tingħata prijorità lill-ekosistemi li jimpenjaw ruħhom għat-tranżizzjoni, jiffaċċjaw l-aktar sfidi u ġew affettwati ħafna mill-kriżi, bħal fil-mobbiltà, fil-kostruzzjoni u fl-industriji li jużaw ħafna enerġija.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tirnexxi biss jekk l-UE jkollha l-ħaddiema bi kwalifiki għoljin li teħtieġ biex tibqa’ kompetittiva. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma ċentrali għas-sensibilizzazzjoni u għat-tisħiħ tal-ħiliet għall-ekonomija ekoloġika fl-istrumenti bħall-qasam ekoloġiku f’Erasmus + u l-Edukazzjoni għall-Koalizzjoni Klimatika. Permezz tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, il-Kummissjoni qed tniedi azzjonijiet ewlenin biex tgħammar lin-nies bil-ħiliet it-tajba meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Skont l-Aġenda, il-Kummissjoni tiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta’ impenji għal titjib tal-ħiliet fl-ekosistemi industrijali kollha. Diversi ekosistemi, inkluża l-ekosistema tal-karozzi, diġà impenjaw ruħhom li jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom tul il-katina tal-valur kollha, bħala parti mill-Patt għall-Ħiliet.

2.2.2 Mobbiltà u fjuwils tat-trasport aktar nodfa

Minbarra l-ipprezzar tal-karbonju, huma meħtieġa miżuri oħra biex it-trasport jitqiegħed fuq triq soda lejn realtà mingħajr emissjonijiet, u biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja peress li t-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE u huwa l-kawża ewlenija tat-tniġġis tal-arja fil-bliet. L-emissjonijiet għadhom ogħla milli fl-1990 u se jkun meħtieġ tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet globali tat-trasport sal-2050 5 biex tintlaħaq in-newtralità klimatika.

Għaldaqstant, il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” jinkludi erba’ proposti li jippromwovu vetturi u fjuwils aktar nodfa b’manjiera teknoloġikament newtrali Ir-reviżjoni tal-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet ġodda għandha l-għan li tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dawn il-vetturi, filwaqt li tipprovdi perkors ċar u realistiku lejn mobilità b’emissjonijiet żero. Id-domanda tal-konsumaturi għal vetturi b’emissjonijiet żero diġà qed tiżdied drastikament 6 .

Ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi se jiżgura l-użu meħtieġ ta’ infrastruttura interoperabbli u faċli għall-utent għall-iċċarġjar u r-riforniment ta’ vetturi aktar nodfa madwar l-UE, filwaqt li jżomm il-pass mal-iżvilupp tas-suq u jiggarantixxi wkoll il-kopertura ta’ żoni rurali u mbiegħda. Il-miri proposti għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi huma essenzjali biex jappoġġaw il-penetrazzjoni ta’ vetturi aktar nodfa u t-tkabbir kontinwu ta’ dan is-suq li jippreżenta opportunitajiet straordinarji għall-industrija tal-karozzi tal-UE.

Dawn il-miżuri kollha jsaħħu u jikkomplementaw lil xulxin. Meta wieħed ikun jaf li l-karozza medja sservik bejn 10 snin u 15-il sena, l-ipprezzar tal-karbonju għat-trasport bit-triq huwa ta’ prijorità biex il-flotta eżistenti tkun aktar nadifa. Barra minn hekk, standards aktar ambizzjużi ta’ CO2 se jgħinu biex il-vetturi b’emissjonijiet żero fit-toroq jitwasslu malajr, filwaqt li l-obbligi infrastrutturali se jistabbilixxu l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar u tar-riforniment meħtieġa biex jaqdu l-miljuni ta’ vetturi ġodda li huma mistennija sal-2030 u filwaqt li nkomplu nibnu katina tal-valur tal-batteriji sostenibbli u kompetittiva fil-livell dinji.

It-tranżizzjoni tal-industrija awtomobilistika u l-katina tal-provvista tagħha diġà qed isseħħ. Dan jirrikjedi l-użu ta’ riżorsi finanzjarji bħall-Fond għall-Innovazzjoni u possibbiltajiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal investimenti biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju f’segmenti differenti tal-ekosistema industrijali. Barra minn hekk, il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +), InvestEU u programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE jistgħu jintużaw biex jappoġġaw miżuri ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tippromwovi l-użu ta’ fjuwils sostenibbli fis-setturi tal-avjazzjoni u marittimi li jikkumplimentaw l-ETS għas-setturi tal-avjazzjoni u dawk marittimi li jagħmlu l-fjuwils li jniġġsu aktar għaljin għall-fornituri. Ir-ReFuelEU tal-Avjazzjoni, li tippromwovi fjuwil sostenibbli għall-avjazzjoni, se tobbliga lill-fornituri tal-fjuwil biex ilaqqgħu livell dejjem aktar għoli ta’ fjuwils sostenibbli tal-avjazzjoni mal-fjuwil eżistenti tal-ġettijiet li huwa disponibbli fl-ajruporti tal-UE, kif ukoll tinċentiva l-użu ta’ fjuwils sintetiċi, magħrufa bħala fjuwils elettroniċi. L-Alleanza tal-avjazzjoni li jmiss b’emissjonijiet żero se tikkomplementa din il-ħidma biex tiżgura li jkunu lesti għas-suq għal konfigurazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru li jfixklu (eż. idroġenu, elettriku). Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jaqblu malajr dwar il-qafas regolatorju aġġornat tal-Ajru Uniku Ewropew, li huwa stmat li jgħin biex l-emissjonijiet tal-avjazzjoni jitnaqqsu sa 10 %.

Il-proposta FuelEU tas-settur Marittimu għall-promozzjoni ta’ fjuwils marittimi sostenibbli se toħloq rekwiżiti ġodda għall-bastimenti, tkun xi tkun il-bandiera li jtajru, li jaslu fl-Ewropa jew jitilqu minn hemm, billi timponi limitu massimu fuq il-kontenut ta’ gass b’effett serra tal-enerġija li jużaw u tagħmel dawn il-limiti aktar stretti maż-żmien. L-Alleanza tal-Katina tal-Valur tal-Fjuwils Rinnovabbli u b’Livell Baxx ta' Karbonju li dalwaqt tinħoloq se tagħti spinta għall-provvista u l-użu tal-aktar fjuwils promettenti għall-modi kollha tat-trasport. 

Iċ-ċertezza dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet f’dawn is-setturi tista’ tiġi pprovduta biss billi jiġi żgurat li l-fjuwils il-ġodda jirrispettaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Din ir-rabta għandha tiġi ppreservata u għandna niżguraw li nippromwovu biss il-bijokarburanti avvanzati l-aktar nodfa u l-elettrokarburanti ġodda bl-aħjar prestazzjoni tal-emissjonijiet. Fl-avjazzjoni se tiġi implimentata l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-ICAO. Dawn il-miżuri huma kkumplimentati mid-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija li se tagħmel il-fjuwils aktar nodfa aktar attraenti fil-mezzi kollha tat-trasport u tagħlaq il-lakuni għall-fjuwils li jniġġsu.

2.2.3 L-enerġija

L-użu tal-enerġija jammonta għal 75 % tal-emissjonijiet tal-UE, u għalhekk it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tagħna tinsab fil-qalba tal-ambizzjonijiet klimatiċi tagħna. L-iffrankar ta’ aktar enerġija u l-użu ta’ aktar enerġija rinnovabbli fl-enerġija li nużaw huwa mutur ewlieni għall-impjiegi, għat-tkabbir u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Biex tintlaħaq il-mira tal-2030, id-Direttiva aġġornata dwar l-Enerġija Rinnovabbli tipproponi li żżid il-mira vinkolanti globali ta’ bħalissa, li tilħaq it-32 %, lejn il-livell livell ġdid ta’ 40 % ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE. Dan se jkun ikkomplementat minn kontribuzzjonijiet nazzjonali indikattivi, li juru x’jenħtieġ li kull Stat Membru jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira kollettiva. Il-proposta tappoġġa lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal relatat mal-enerġija rinnovabbli kosteffettiva f’setturi differenti permezz ta’ miri u miżuri settorjali. Din għandha l-għan li tittrasforma s-sistema enerġetika f’waħda aktar nadifa u effiċjenti billi trawwem l-elettrifikazzjoni bbażata fuq ir-rinnovabbli, f’setturi bħall-industrija u t-trasport fejn dan hu aktar diffiċli, u se tippromwovi l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli, bħall-idroġenu nadif.

It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija jippermettilna nnaqqsu kemm l-emissjonijiet kif ukoll l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi u l-industrija. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tipproponi li jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-UE u li dawn isiru vinkolanti. Dan jenħtieġ li jwassal għal tnaqqis ta’ 9 % fil-konsum tal-enerġija sal-2030, meta mqabbel mal-projezzjonijiet tal-linja bażi 7 . Bħala parti minn dan, il-punti ta’ riferiment indikattivi nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika kkalkulati b’formula ġdida se jiggwidaw ukoll l-azzjoni tal-Istati Membri. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, ippjanata għal aktar tard fis-sena, se tidentifika miżuri speċifiċi biex titħaffef ir-rata tar-rinnovazzjonijiet tal-bini, li jikkontribwixxu għall-effiċjenza enerġetika u l-għanijiet rinnovabbli u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tal-bini.

Is-sistema tat-taxxa għall-prodotti enerġetiċi għandha kemm tħares is-suq intern kif ukoll tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika billi tistabbilixxi l-inċentivi t-tajba. Għalhekk, reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija tipproponi li r-rati minimi tat-taxxa għall-fjuwils għat-tisħin u għat-trasport jiġu allinjati mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-UE, filwaqt li jittaffa l-impatt soċjali. Ir-regoli l-ġodda se tneħħi eżenzjonijiet antikwati, pereżempju fit-trasport bl-avjazzjoni u t-trasport marittimu, u inċentivi oħrajn dwar l-użu ta’ fjuwils fossili, filwaqt li jippromwovu l-użu ta’ fjuwils aktar nodfa.

2.3 It-tranżizzjoni ekoloġika: Il-ħarsien tan-natura u ż-żieda tal-bir tal-karbonju naturali tal-UE

Il-kriżi doppja tal-klima u tal-bijodiversità ma tistax tiġi ttrattata separatament. Jew insolvu l-kriżijiet klimatiċi u naturali f’daqqa, jew ma nsolvu l-ebda waħda minnhom. Dan ifisser ukoll li ma għandniex nieħdu aktar riżorsi mill-pjaneta milli tiflaħ tagħtina. Jekk ngħinu lill-ekosistemi delikati tal-art u tal-oċeani jirkupraw, dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-ħajja fuq il-pjaneta u jaqdu r-rwol tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-fejqan tan-natura u l-abilitazzjoni tal-bijodiversità biex terġa’ tieħu r-ruħ huma essenzjali għall-assorbiment u l-ħżin ta’ aktar karbonju.

Għalhekk jeħtieġ li nżidu l-kapaċità tal-foresti, tal-ħamrija, tal-artijiet mistagħdra u tat-torbieri, tal-oċeani u tal-korpi tal-ilma tal-UE biex jaġixxu bħala bjar u stokks tal-karbonju. F’settur agrikolu modernizzat, neħtieġu wkoll prattiki tal-biedja li jpoġġu l-art u n-natura l-ewwel jirriġeneraw il-kwalità tal-ħamrija tagħna biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel tagħna.

Bħala parti mir-Regolament aġġornat dwar it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija, il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi ambizzjonijiet ogħla għall-espansjoni tat-tneħħija tal-karbonju naturali tal-UE, li huwa essenzjali biex jiġu bbilanċjati l-emissjonijiet u tinkiseb in-newtralità klimatika. Il-proposta l-ġdida tfittex li treġġa’ lura x-xejra attwali ta’ tnaqqis fit-tneħħija tas-CO2 u żżid il-kwalità u l-kwantità tal-foresti tal-UE u tal-bjar naturali tal-karbonju oħrajn. Hija tipproponi li tiġi stabbilita mira tal-UE għall-assorbimenti netti tal-gassijiet serra fis-settur tal-LULUCF ta’ 310 miljun tunnellata f’ekwivalenti ta’ CO2 sal-2030. Qed jiġu proposti miri nazzjonali speċifiċi li jgħinu fil-kisba ta’ dan l-għan komuni. Wara l-2030 il-Kummissjoni biħsiebha tivvaluta l-progress u tipprevedi proposti biex tpoġġi lil dan is-settur fil-perkors li jilħaq in-newtralità klimatika – b’mod li jqis l-emissjonijiet mat-tneħħijiet ta’ emissjonijiet mis-settur LULUCF u ta’ emissjonijiet agrikoli mhux tas-CO2. 

L-Istati Membri se jżommu ċerta flessibbiltà fid-diviżjoni tal-isforz bejn ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u s-setturi LULUCF, filwaqt li jerġgħu jenfasizzaw il-komplementarjetà bejn il-proposti differenti fil-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”.

Il-Kummissjoni qed tieħu wkoll diversi miżuri biex tinċentivizza prattiki tajbin fil-produzzjoni tal-bijomassa, u li tiżgura li l-provvista u d-domanda għall-bijomassa tal-injam jibqgħu fil-limiti tas-sostenibbiltà 8 u huma konformi mal-objettivi tagħna li nreġġgħu lura il-bijodiversità, intejbu s-saħħa tan-natura, u nibqgħu fil-limiti planetarji.

Il-proposta dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli tinkludi kriterji ta’ sostenibbiltà aktar b’saħħithom għall-bijoenerġija billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u billi żżid iż-żoni “no-go” fir-rigward tal-provenjenza. Dal-mument il-bijoenerġija tammonta għal madwar 60 % tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u, filwaqt li dak is-sehem huwa previst li jonqos bejn l-2030 u l-2050, id-domanda globali għall-enerġija rinnovabbli se tiżdied. Il-proposta tikkonferma l-prinċipju ta’ kaskata, li jipprivileġġa l-ogħla valur miżjud mill-użu tal-injam, u tiżgura li l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ dwar l-użu ta’ bijomassa minn sorsi sostenibbli jkunu konformi miegħu u jevitaw impatti dannużi fuq il-bijodiversità.

L-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti, li ġiet ippreżentata flimkien mal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, kif ukoll l-Istrateġija l-ġdida dwar il-Ħamrija, il-Liġi tal-UE għall-Fejqan tan-Natura u l-Inizjattiva tal-UE dwar is-Sekwestru tal-Karbonju f’Art Agrikola ppjanati għal aktar tard fl-2021, se jkomplu jsaħħu l-bjar tal-karbonju naturali tal-UE, tiżgura li l-bijodiversità jkollha post fil-qalba tal-approċċ kumplessiv u jappoġġaw il-funzjonijiet soċjali u ekonomiċi kruċjali tas-setturi tal-forestrija u bbażati fil-foresti.

3.Opportunitajiet u Inċentivi: Innovazzjoni u Investiment għal tranżizzjoni kompetittiva

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tappoġġa l-innovazzjoni. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa strateġija ta’ tkabbir u kif deskritt fl-Istrateġija Industrijali aġġornata tal-UE, il-proposti “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” joffru opportunitajiet sinifikanti għall-iżvilupp, l-użu u l-esportazzjoni ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u impjiegi ekoloġiċi 9 .

Permezz ta’ qafas ta’ politika ċar b’miri u politiki dettaljati, il-Kummissjoni qed iżżid iċ-ċertezza tal-investituri u tnaqqas ir-riskju li l-investimenti fl-industriji b’użu intensiv tal-karbonju ma jdumux ma jsiru obsoleti u jwasslu għal assi mitlufa. B’żieda fl-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima l-UE tiggwadanja mill-vantaġġ tal-innovatur. L-investimenti f’ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jistgħu jixprunaw it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, iżidu l-kompetittività fit-tul u jaqdu rwol fl-irkupru ekoloġiku.

Il-baġit fit-tul tal-UE u l-pakkett għall-irkupru tagħha NextGenerationEU huma mfassla speċifikament biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika. 30 % tal-programmi taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 huma ddedikati biex jappoġġaw l-azzjoni klimatika, pereżempju permezz tal-politika ta’ koeżjoni, l-agrikoltura, u l-programm LIFE għall-klima u għall-ambjent. Il-mira li jintuża 35 % tal-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni taħt Orizzont Ewropa għal investimenti ekoloġiċi kif ukoll id-diversi sħubijiet u missjonijiet 10 taħt il-programm jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għall-bini ta’ soluzzjonijiet sostenibbli u innovattivi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Orizzont Ewropa jipprovdi appoġġ sostanzjali lill-SMEs, b’mod partikolari start-ups u kumpaniji spin-out sabiex jiġu żviluppati u estiżi innovazzjonijiet radikali.

Barra minn hekk, il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza nazzjonali tal-Istati Membri ffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jridu jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika b’miżuri li jkunu responsabbli minn tal-anqas 37 % tal-allokazzjonijiet tal-pjanijiet”. Iżda l-finanzjament pubbliku mhuwiex se jkun biżżejjed. L-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli se tgħin biex jiġi sfruttat l-investiment privat meħtieġ biex tiġi ffinanzjata din it-tranżizzjoni 11 .

Il-Kummissjoni se tkompli tinċentiva l-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika. Fir-rieżami tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li dawn jirriflettu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Filwaqt li l-evalwazzjoni riċenti tal-Komunikazzjoni attwali tal-IPCEI uriet li d-dispożizzjonijiet jaħdmu tajjeb, hemm bżonn li jsiru xi aġġustamenti mmirati, inkluż biex ikomplu jsaħħu l-ftuħ tagħhom u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs u biex jipprovdu gwida dwar il-kriterji għall-akkomunament tal-fondi mill-baġits nazzjonali u mill-programmi tal-UE.

Biex jappoġġaw dan, il-proposti “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” fihom l-istrumenti finanzjarji ddedikati tagħhom stess biex jappoġġaw tranżizzjoni ġusta, abbażi tad-dħul iġġenerat mill-estensjoni u t-tisħiħ tan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet. Dan itenni l-enfasi tal-interkonnessjoni bejn il-partijiet differenti ta’ dan il-pakkett ta’ proposti. Il-mekkaniżmi u l-fondi ta’ solidarjetà eżistenti huma msaħħa biex jindirizzaw l-impatti distributtivi u jagħtu spinta lill-investiment ulterjuri f’soluzzjonijiet innovattivi b’livell baxx ta’ karbonju. Id-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni ġew estiżi biex jipprovdu appoġġ għal proġetti fil-forma ta’ kuntratti tal-karbonju għal differenza li twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet fl-industrija. 

4.UE sostenibbli f’dinja sostenibbli

Għalkemm tirrappreżenta biss 8 % mill-emissjonijiet globali tas-CO2, l-UE tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha minn sehem akbar tal-emissjonijiet kumulattivi. L-UE hija impenjata biex twitti t-triq għal ekonomija ekoloġika, kompetittiva, inklużiva u ċirkolari b’mod deċiżiv. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħala l-istrateġija tagħna għat-tkabbir u l-kompetittività, għen biex jittrasforma n-narrattiva globali u affettwa s-swieq politiċi u tan-negozju, u kien ta’ eżempju u ta’ sfida biex oħrajn isegwu dan l-eżempju.

L-involviment globali u l-kooperazzjoni internazzjonali huma essenzjali biex nindirizzaw il-kriżi klimatika u l-UE tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-pajjiżi sħab fuq livelli bilaterali u multilaterali.

Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” huwa pass importanti fit-triq lejn Glasgow, fejn il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li jmiss, magħrufa wkoll bħala COP26, ser issir aktar tard din is-sena. Dan se jkun is-sinsla tat-twettiq tal-UE fir-rigward tal-impenji tagħha lejn il-pjaneta u d-dinja, kif iffirmat fil-Ftehim ta’ Pariġi f’Pariġi.

L-UE hija determinata li tiżgura li l-gwadanji tad-dekarbonizzazzjoni fl-UE ma jispiċċawx sempliċement jitfgħu l-emissjonijiet tal-karbonju barra mill-fruntieri tagħna. Tali rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju bħalissa hija evitata bil-ħruġ ta’ kwoti mingħajr ħlas taħt l-Iskema għan-Negozjar ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (Emissions Trading System, ETS). Dik is-sistema irnexxielha tindirizza r-riskju ta’ rilokazzjoni iżda tnaqqas ukoll l-inċentiv li jsir investiment fi produzzjoni aktar ekoloġika kemm lokalment kif ukoll f’pajjiżi oħra.

F’dan l-ispirtu, illum il-Kummissjoni qed tipproponi l-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera (Carbon Border Adjustment Mechanism, CBAM). Dan tfassal bħala strument għall-azzjoni klimatika, introduċa dinamika tas-suq li tipproteġi l-integrità tal-UE u l-politika globali dwar il-klima billi tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE u fid-dinja u jikkontribwixxi biex is-setturi rilevanti jimmodernizzaw, isiru aktar sostenibbli, u jnaqqsu l-kontenut tal-karbonju tagħhom.

Is-CBAM se jiġi introdott gradwalment għal ftit prodotti partikolari. Fl-ewwel snin se tapplika sistema simplifikata bil-għan li tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni mingħajr intoppi tal-mekkaniżmu. Il-proposta għal CBAM tiżgura li l-istess prezz tal-karbonju jitħallas minn prodotti domestiċi u importati u għalhekk ma jkunx diskriminatorju, iżda kompatibbli mar-regoli tad-WTO u obbligi internazzjonali oħra tal-UE. Fis-setturi kkonċernati, is-CBAM se jiddaħħal gradwalment filwaqt li l-kwoti bla ħlas jitneħħew gradwalment, filwaqt li jiġi żgurat li s-sistema l-ġdida tipprovdi inċentivi aktar b’saħħithom għall-industriji tal-UE u barranin biex jinnovaw u jnaqqsu l-emissjonijiet. Barra minn hekk, is-setturi u l-kumpaniji minn barra l-UE, li jista’ jkun li diġà għandhom kontenut ta’ karbonju aktar baxx fiċ-ċikli ta’ produzzjoni tagħhom jew sistema ta’ pprezzar tal-karbonju simili se jibbenefikaw mis-CBAM. Bħala tali, din hija stedina lis-sħab internazzjonali tagħna biex iżidu l-ambizzjoni klimatika b’mod konġunt.

It-tnaqqis fl-użu dinji ta’ fjuwils fossili diġà għaddej b’ċertu momentum. U l-effetti jmorru lil hinn mill-klima u l-ambjent — huma wkoll ġeopolitiċi. L-UE għandha taġġusta l-politiki tagħha kif xieraq biex tiżgura tranżizzjoni stabbli, inkluż lil hinn mill-fruntieri tagħha. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni Ewropea dalwaqt se tippreżenta leġiżlazzjoni ġdida biex timminimizza l-kontribut tal-UE għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja u tinkorpora l-governanza korporattiva sostenibbli fl-istrateġiji tal-kumpaniji.

Qegħdin nistennew li s-sħab jissodisfaw l-impenji ta’ Pariġi li ħadu wkoll u li se jkunu lesti li jaħdmu id f’id billi jsaħħu d-diplomazija tal-UE dwar il-klima. Il-medda sħiħa tal-istrumenti tal-politika esterna tal-UE se tintuża biex nallinjaw ruħna ma’ dawn l-għanijiet aktar ambizzjużi, biex insaħħu l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħna u niffaċilitaw it-tranżizzjoni globali lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Bħala parti mid-diplomazija tagħha dwar il-klima fi sħubijiet bilaterali u f’organizzazzjonijiet multilaterali, l-UE ser tiżgura li tikkonsulta, tispjega, tassisti u fejn possibbli takkomoda lis-sħab, filwaqt li tibqa’ tiffoka fuq l-objettivi ewlenin kif stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi. Dan jinkludi wkoll appoġġ għall-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima biex jgħin lill-pajjiżi vulnerabbli jadattaw għat-tibdil fil-klima u jinvestu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-UE u l-Istati Membri huma konsistentement l-akbar kontributuri fid-dinja ta’ finanzjament pubbliċi favur il-klima lil pajjiżi b’introjtu medju u baxx, u dan se jissokta b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi l-anqas żviluppati.

5.Konklużjoni

L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq il-premessa tal-iżvilupp ta’ politiki komuni biex niksbu l-interessi komuni tagħna. Dan jeħtieġ solidarjetà bejn l-Istati Membri tagħha u bejn iċ-ċittadini tagħha biex jinkisbu dawn l-għanijiet u jgawdu l-benefiċċji tagħha, fejn kulħadd jaġixxi f’konformità mal-kapaċitajiet u l-kompetenzi tiegħu stess, u jirrispetta l-ispeċifiċitajiet nazzjonali differenti u l-punti ta’ tluq biex jintlaħaq l-għan aħħari. Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” huwa mfassal f’dan l-ispirtu: l-isforzi jinqasmu bejn l-Istati Membri bl-aktar mod kosteffettiv, filwaqt li jiġu rikonoxxuti d-differenzi tagħna, u jingħata appoġġ lil dawk l-aktar fil-bżonn, biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tibbenefika lil kulħadd.

Il-pakkett ta’ proposti tfassal bir-reqqa biex jinħoloq il-bilanċ it-tajjeb tal-miżuri ta’ politika u d-dħul iġġenerat biex titfassal u tiġi xprunata bidla ġusta u trasformattiva fl-ekonomija tal-UE kollha kemm hi. It-tibdil tal-ponderazzjoni ta’ kull għodda inevitabbilment għandu effetti indiretti fuq diversi oħrajn, u t-tneħħija ta’ kwalunkwe waħda mill-miżuri proposti titlob aġġustament tal-proposti f’oqsma oħra. Biex l-Unjoni Ewropea tkun “Lesta għall-Mira ta’ 55 %”” u nnaqqsu l-emissjonijiet tagħna b’mill-inqas 55 % fil-ħin, tassew għandna bżonn lil dawn l-għodod kollha u dan il-bilanċ.

Il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” jirrikonoxxi li ċ-ċittadini tal-UE iridu jingħataw informazzjoni aħjar, għażliet affordabbli u inċentivi xierqa biex isiru l-bidliet individwali li kollettivament jgħinuna ngħixu f’bilanċ mal-ambjent u mal-pjaneta tagħna. Iċ-ċittadini tar-reġjuni u l-etajiet kollha ser ikunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni, pereżempju permezz tal-Patt Klimatiku Ewropew u l-bordijiet taċ-ċittadini tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Jirrikonoxxi wkoll l-effettività li jitpoġġa prezz fuq il-karbonju u jimmobilizza l-qawwa ekonomika tal-kumpaniji u s-swieq biex iwasslu għal bidliet strutturali fl-ekonomija tagħna li jipprovdu l-prodotti u s-servizzi li neħtieġu b’manjiera aktar nadifa u tajba. Fl-aħħar nett, jippermetti lill-UE ssawwar investimenti fit-tul, tmexxi s-swieq u tinforza standards ekoloġiċi ġodda. Hija din il-kombinazzjoni li se tħejji lill-UE u jadattaha għal futur newtrali għall-klima.

L-isfidi tat-tibdil fil-klima jirrikjedu rispons globali u l-UE se tissokta tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-pajjiżi sħab biex tappoġġa t-trasformazzjoni klimatika u enerġetika madwar id-dinja. 

Issa l-Kummissjoni ppreżentat il-proposti meħtieġa biex l-UE tissodisfa l-impenji u l-miri tagħna, u biex ġenwinament tħaddan it-trasformazzjoni li għandna quddiemna. Nistiednu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jibdew il-ħidma leġislattiva tagħhom dwar il-proposti ppreżentati llum mill-aktar fis possibbli, u biex jiżguraw li dawn jiġu ttrattati bħala pakkett koerenti, li jirrispetta l-interkonnessjonijiet multipli ta’ bejniethom.

Id-deċennju d-deċiżiv diġà beda. L-UE għandha bżonn s-sett ta’ għodod ta’ politika tagħha biex tkun “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” mill-aktar fis possibbli biex tilħaq il-miri tagħna għall-2030 u tistabbilixxina b’mod sod fit-triq biex insiru l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050.

(1) – Ewrobarometru Speċjali dwar it-Tibdil fil-Klima 513 (ippubblikat fil-5 ta’ Lulju 2021) https://ec.europa.eu/clima/citizens/support_mt .
(2)   COM(2020) 562 final
(3) Pereż. il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.
(4) Is-settur tal-enerġija, is-setturi industrijali li jużaw ħafna enerġija inkluż ir-raffineriji taż-żejt, impjanti għall-produzzjoni tal-azzar, u l-produzzjoni ta’ ħadid, aluminju, metalli, siment, ġir, ħġieġ, ċeramika, polpa, karta, kartun, aċidi u sustanzi kimiċi organiċi fi kwantitajiet kbar
(5) Meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
(6)      Kważi nofs miljun vettura ġdida li tiċċarġja bl-elettriku (electrically chargeable vehicles, ECVs) ġew irreġistrati fl-UE fl-aħħar kwart tal-2020. Din kienet l-ogħla ċifra li qatt intlaħqet u ttraduċiet ruħha f’sehem tas-suq bla preċedent ta’ 17 %. Tfisser ukoll li t-total annwali ta’ kważi miljun ECV ġdida, jiġifieri l-flotta elettrika eżistenti rdoppjat fi 12-il xahar biss (Quarterly Report of European Electricity Markets, Q4 2020).
(7) Ix-xenarju ta’ referenza li ntuża bħala l-linja bażi tad-definizzjoni tal-livell ta’ ambizzjoni tal-miri tal-Unjoni ġie aġġornata fil-proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. Minn issa ’l quddiem il-miri se jibdew jiġu kkalkolati permezz tal-Linja bażi tax-Xenarju ta’ referenza tal-2020 filwaqt li l-miri tal-effiċjenza enerġetika ta’ bħalissa ġew ikkalkolati fuq il-linja bażi tax-Xenarju ta’ referenza tal-2007. 
(8)   JRC Publications Repository - Brief on the role of the forest-based bioeconomy in mitigating climate change through carbon storage and material substitution (europa.eu) .
(9) Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt għall-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030, SWD (2020) 177 final.
(10) Għat-tranżizzjoni ekoloġika, il-missjonijiet dwar bliet intelliġenti u newtrali għall-klima; Oċeani, ibħra u ilmijiet interni u kostali f’saħħithom; Is-saħħa tal-ħamrija u l-ikel u l-Adattament għat-tibdil fil-klima, inkluża t-trasformazzjoni tas-soċjetà huma partikolarment rilevanti.
(11)   COM (2021) 390 final
Top