EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0277

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar Pont għall-Impjiegi - Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ

COM/2020/277 final

Brussell, 1.7.2020

COM(2020) 277 final

2020/0132(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar Pont għall-Impjiegi - Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ

u

li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ

{SWD(2020) 124 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pont għall-impjiegi - Tissaħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tissodisfa l-impenn politiku tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u tħabbret fil-Komunikazzjoni “ Ewropa Soċjali B’Saħħitha Għal Tranżizzjonijiet Ġusti ” tal-14 ta’ Jannar 2020 1 . Din hija kontribut importanti għall-implimentazzjoni li għaddejja tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jsaħħaħ il-prinċipju 4 “appoġġ attiv għall-impjiegi”. Tagħmel parti minn sensiela ta’ miżuri li pproponiet il-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-impjieg taż-żgħażagħ, u ġiet ippreżentata fil-Komunikazzjoni dwar “L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” 2 .

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet adottata fl-2013 b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika l-aktar reċenti u għar-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ li rriżultat (fost dawk ta’ bejn il-15 u l-24 sena), li żdiedet sa livell għoli ħafna b’medja ta’ 24,4 % fl-UE u sa aktar minn 50 % f’xi Stati Membri. Minbarra ż-żgħażagħ qiegħda, 6,5 miljun żagħżugħ (fl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena) kienu barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEET).

Seba’ snin wara t-tnedija tagħha, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ saret realtà madwar l-UE, iżda għad fadal xi sfidi. Kull sena, aktar minn 3,5 miljun żagħżugħ jirċievu offerta ta’ impjieg, biex ikomplu bl-edukazzjoni, ta’ apprendistat jew ta’ traineeship fi ħdan il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-2014 sal-2020 (kontribuzzjoni totali mill-UE ta’ kważi EUR 9 biljun 3 ), flimkien ma’ investiment addizzjonali mill-Fond Soċjali Ewropew, hija riżorsa finanzjarja ewlenija tal-UE biex tappoġġa l-implimentazzjoni tagħha. Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u taż-żgħażagħ NEETs naqsu sostanzjalment. Qabel il-kriżi li kkawżat il-COVID-19, ir-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ (ta’ bejn il-15 u l-24 sena) kienet niżlet għal medja ta’ 14,9 % meta mqabbel mal-ogħla rata tiegħu ta’ 24,4 % fl-2013. Il-kuntest makroekonomiku li qiegħed jitjieb żgur kellu xi rwol f’dan, iżda studju reċenti jindika li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ flimkien mal-finanzjament Ewropew ħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ u taw bidu għal riformi strutturali fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u fis-sistemi edukattivi fl-Istati Membri. 4

Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt ekonomiku tagħha se jipperikolaw dan l-iżvilupp pożittiv. It-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa 2020 jindika li l-ekonomija tal-UE se tiċkien b’7,4 % fl-2020, l-aktar reċessjoni profonda fl-istorja tagħha, u ż-żgħażagħ li jidħlu fil-forza tax-xogħol f’dan iż-żmien se jsibuha aktar iebsa biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom 5 . Kriżijiet preċedenti wrew li ż-żgħażagħ huma tabilħaqq dawk li x’aktarx jiġu affettwati bl-agħar mod. Normalment dawn ikunu l-ewwel li jitkeċċew. Spiss jaħdmu fl-ekonomija informali jew f’forom ta’ impjieg mhux standard, mingħajr protezzjoni soċjali jew bi ftit li xejn minnha. Dawn huma rrappreżentati żżejjed f’setturi affettwati serjament mill-pandemija (eż. it-turiżmu, l-akkomodazzjoni, ix-xogħol agrikolu staġjonali, il-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut fejn in-nisa huma wkoll irrappreżentati żżejjed) fejn jista’ ma jkunx hemm l-għażla tat-telexogħol. Barra minn hekk, xi wħud minnhom għadhom qed ibatu mir-reċessjoni ekonomika preċedenti u issa qed jiffaċċjaw ir-riskju li jerġgħu jintlaqtu minn kriżi ekonomika dinjija.

Għalhekk, huwa importanti li f’dan il-mument tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex tgħin biex jittaffa l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u biex tiġi evitata kriżi oħra ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Din il-proposta tkompli tibni fuq l-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda mis-7 snin ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-2013, u tintegra r-realtajiet dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol u t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali.

Bħala parti mit-tagħlimiet meħuda, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tilħaq grupp usa’ fil-mira u ssir aktar inklużiva. Ir-riżultati aggregati għall-UE jindikaw li, meħuda flimkien, l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għadhom ma laħqux il-maġġoranza taż-żgħażagħ li jsiru NEETs u, li għal ħafna minn dawk li huma rreġistrati, jgħaddu aktar mill-erba’ xhur previsti biex jingħataw offerta. Hemm wisq nies li għadhom ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja jew isibu l-ostakli għall-impjegabbiltà. Ħafna żgħażagħ, spiss minn sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġati, ma jkollhomx aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità, inkella jiffaċċjaw l-ostakli fit-tranżizzjoni tagħhom mill-iskola għax-xogħol. Il-kisbiet fl-impjiegi ma ġewx distribwiti b’mod ugwali fost l-Istati Membri u r-reġjuni, 6 u ċerti gruppi mill-popolazzjoni żagħżugħa jinsabu fi żvantaġġ sproporzjonat (eż. dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, dawk li jgħixu f’żoni rurali jew f’żoni mbiegħda 7 , dawk minn sfond ta’ migrazzjoni, iż-żgħażagħ li għandhom xi diżabbiltajiet, dawk li huma minn sfond ta’ migrazzjoni, jew dawk li huma minn minoranzi etniċi bħar-Rom, pereżempju) 8 .

Filwaqt li r-rata medja taż-żgħażagħ qiegħda naqset sal-bidu tal-2020, ir-rata taż-żgħażagħ inattivi baqgħet stabbli jew saħansitra żdiedet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Għall-kuntrarju taż-żgħażagħ qiegħda, iż-żgħażagħ inattivi lanqas biss qed ifittxu impjieg minħabba, pereżempju, li jkollhom xi mard, jew jiltaqgħu mal-ostakli minħabba li jkollhom xi diżabbiltà, inkella minħabba li jkollhom xi responsabbiltajiet ta’ kura ta’ tfal jew ta’ adulti dipendenti, jew responsabbiltajiet personali jew familjari oħra.

Id-differenza bejn il-ġeneri żdiedet kemxejn fost in-NEETs matul dawn is-snin. Bħala medja madwar l-UE, id-differenza kienet ta’ 3,2 punti perċentwali fl-2013 u ammontat għal 3,8 punti perċentwali sal-2019 9 . L-inattività hija wkoll aktar komuni fost in-NEETs nisa. 10 Konsegwentement, se tissaħħaħ id-dimensjoni tal-ġeneri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Kampanji speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni jistgħu jindirizzaw l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneri f’età żgħira u jħeġġu lin-nisa żgħażagħ biex jagħżlu minn firxa usa’ ta’ perkorsi fl-edukazzjoni u ta’ impjiegi. In-nisa żgħażagħ jistgħu jiġu appoġġati billi jiġi żgurat li jifhmu mhux biss il-potenzjal tagħhom iżda wkoll id-drittijiet tagħhom, permezz ta’ konsulenza, gwida u mentoraġġ. Dan jinkludi l-promozzjoni u l-indirizzar tal-istereotipizzazzjoni tal-ġeneri fl-għażliet edukattivi u f’dawk relatati mal-karriera. F’dan ir-rigward, il-fażi ta’ tħejjija hija sostnuta wkoll minn riferimenti għal sħab li jipprovdu servizzi soċjali ta’ appoġġ, bħall-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-appoġġ psikoloġiku.

Ir-rati tal-impjieg taż-żgħażagħ li jkollhom xi diżabbiltà huma ħafna inqas minn ta’ dawk li ma għandomx diżabbiltajiet, u d-distakk bejn l-impjiegi ta’ dawn iż-żgħażagħ u ta’ żgħażagħ mingħajr diżabbiltajiet qiegħed jikber 11 . L-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi, l-iżgurar tal-aċċessibilità u ta’ akkomodazzjoni tajba, u l-ġlieda kontra l-isterjotipar b’rabta mad-diżabbiltajiet fil-post tax-xogħol jistgħu jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’diżabilitajiet fis-suq tax-xogħol.

Id-demografija tal-Ewropa qed tinbidel. Minħabba t-tixjiħ, ħafna żoni rurali fl-Ewropa qed jaraw tnaqqis fil-popolazzjonijiet tagħhom. Filwaqt li t-tranżizzjonijiet tewmin jistgħu jġibu magħhom xi opportunitajiet, dan mhux se jseħħ awtomatikament u waħedhom jistgħu ma jkunux biżżejjed biex tiġi eliminata d-diskrepanza bejn iż-żgħażagħ rurali u dawk urbani. Iż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni rurali u/jew imbiegħda, speċjalment dawk li diġà qed jiffaċċjaw żvantaġġi oħra, se jeħtieġu appoġġ immirat, filwaqt li għandhom jittejbu l-infrastruttura u l-aċċess għas-servizzi f’dawn iż-żoni. Dawn il-miżuri se joffru l-opportunitajiet f’dawn iż-żoni u jgħinu biex jiġu evitati l-eżodu ta’ mħuħ u aktar depopolazzjoni. Sadanittant, iż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni urbani żvantaġġati għadhom jiffaċċjaw ostakli speċifiċi għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol 12 .

Barra minn hekk, id-dinja tax-xogħol qed tinbidel. L-iżviluppi kontinwi bħall-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-produzzjoni u s-servizzi għadhom qed jagħtu sura ġdida lis-swieq tax-xogħol. It-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor qed isiru aktar frekwenti u ħafna żgħażagħ jalternaw bejn impjieg u qgħad jew inattività, jew inkella jinqabdu f’forom ta’ impjieg prekarji u mhux standard. B’mod partikolari, iż-żgħażagħ huma rrappreżentati żżejjed fl-impjiegi mhux standard bħalma hu x-xogħol fuq pjattaforma jew “gigs”, li jista’ jkun li ma jkollhomx aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ jinsabu f’riskju ogħla minn oħrajn li jitilfu xogħolhom għall-awtomatizzazzjoni, billi l-impjiegi fil-livell tad-dħul għandhom tendenza li jkollhom proporzjon akbar ta’ kompiti li jistgħu jiġu awtomatizzati.

Barra minn hekk, it-tranżizzjonijiet tewmin aktar ġenerali lejn ekonomija aktar diġitali u aktar ekoloġika se joffru opportunitajiet ġodda, billi f’dawn is-setturi x’aktarx jinħolqu l-impjiegi. Madankollu, dan jeħtieġ li ż-żgħażagħ ikollhom il-ħiliet it-tajba biex jadattaw għar-rekwiżiti tax-xogħol li qed jevolvu. Il-ħiliet diġitali, ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika flimkien ma’ ħiliet personali, bħall-ħiliet intraprenditorjali u ta’ ġestjoni tal-karriera, huma mistennija jsiru iżjed importanti. L-investiment issa fil-kapital uman taż-żgħażagħ Ewropej jgħin lill-ekonomiji tas-suq soċjali tal-Ewropa jibqgħu validi fil-futur: forza tax-xogħol attiva, innovattiva u ta’ ħila hija wkoll prerekwiżit għall-kompetittività dinjija tal-Ewropa.

F’dan l-isfond, din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-qafas ta’ politika bl-objettivi li tkun iktar appoġġata l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u tiġi evitata kriżi oħra tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-proposta:

·tiżgura li ż-żgħażagħ kollha ta’ taħt it-30 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jisfaw qiegħda jew minn meta jtemmu l-edukazzjoni formali. Din il-mira ewlenija ambizzjuża tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tinżamm filwaqt li l-grupp ta’ età jitwessa’ biex jinkludi ż-żgħażagħ ta’ bejn il-25 u d-29 sena. 13  

·Dan jirrikonoxxi li t-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol u integrazzjoni sostenibbli tas-suq qed jieħdu aktar żmien minħabba n-natura dejjem tinbidel tax-xogħol u tal-ħiliet fid-domanda. Il-proposta tallinja wkoll mal-prattiki nazzjonali eżistenti: il-miżuri u l-programmi relatati maż-żgħażagħ ġeneralment huma disponibbli għaż-żgħażagħ li għandhom sa 29 sena, u l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà jqisu liż-żgħażagħ fl-etajiet ta’ bejn il-25 u d-29 sena bħala parti mill-grupp fil-mira 14 . Bl-istess mod, jirrikonoxxi li matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku minħabba l-pandemija tal-COVID-19, għadd kbir ta’ dawk bejn il-25 u d-29 sena jistgħu jisfaw qiegħda u jeħtieġu l-appoġġ.

·tinkludi distinzjoni bejn in-NEETs temporanji (spiss b’livell ta’ edukazzjoni ogħla, kultant b’esperjenza ta’ xogħol, forsi mkeċċija minħabba l-pandemija tal-COVID-19, jew li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq tax-xogħol waqt il-kriżi wara li temmew l-edukazzjoni tagħhom), u dawk li ilhom NEETs fuq terminu itwal (spiss minn gruppi vulnerabbli, b’livell baxx ta’ edukazzjoni, li jeħtieġu aktar sforz). Dan jippermetti approċċ aktar individwalizzat u mmirat għaż-żewġ gruppi, billi dan tal-aħħar x’aktarx ikun jeħtieġ aktar appoġġ.

·tilħaq u tattiva għedud akbar ta’ żgħażagħ, b’mod partikolari nisa, minn kull sfond, filwaqt li tiżgura li ħadd minnhom ma jintnesa. Dan se jsir permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni aħjar u aktar immirati anki billi jindirizzaw l-isfidi taż-żoni rurali jew imbiegħda u tal-gruppi soċjali li huma l-iktar vulnerabbli.

·tistinka biex tappoġġa liż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenza ta’ xogħol u jiżviluppaw il-ħiliet xierqa għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel, b’mod partikolari dawk rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u dawk li jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Għalhekk, huwa importanti li ż-żgħażagħ jiġu ggwidati u jingħataw il-pariri b’mod adegwat dwar il-prospetti u l-ħtiġijiet professjonali fis-suq tax-xogħol.

B’mod partikolari, billi aktar minn 90 % tal-impjiegi llum il-ġurnata diġà jeħtieġu l-ħiliet diġitali, il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġu vvalutati l-ħiliet diġitali tan-NEETs kollha li jirreġistraw billi jintużaw il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp) u l-għodod ta’ (awto)valutazzjoni disponibbli, filwaqt li jiġi żgurat li, abbażi tad-diskrepanzi identifikati, iż-żgħażagħ kollha jiġu offruti taħriġ preparatorju ddedikat biex jittejbu l-ħiliet diġitali tagħhom.

B’mod aktar ġenerali, hija tipproponi taħriġ preparatorju qasir u prattiku relatat mal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ħiliet ta’ persuna żagħżugħa bħala waħda mill-karatteristiki ta’ attivazzjoni ewlenin waqt il-fażi ta’ tħejjija qabel l-aċċettazzjoni ta’ offerta. Taħriġ prattiku jista’ jkun pass ’il quddiem lejn kors sħiħ ta’ taħriġ vokazzjonali, togħma żgħira tad-dinja tax-xogħol, jew inkella jissupplimenta l-edukazzjoni jew l-esperjenza tax-xogħol eżistenti qabel il-bidu tal-offerta. In-natura qasira u informali ta’ dan it-taħriġ preparatorju, li ma għandux itawwal il-fażi ta’ tħejjija ta’ erba’ xhur, tiddistingwih mill-offerta reali.

·tkompli tappoġġa l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fit-terminu qasir permezz ta’ għadd ta’ miżuri: arranġamenti temporanji għal xogħol b’ħinijiet iqsar, sussidji tal-pagi mmirati u l-promozzjoni tal-impjieg indipendenti. Jeħtieġ ukoll li l-apprendistati jiġu appoġġati billi huma jħarrġu liż-żgħażagħ għal impjiegi li huma mfittxijin ħafna u b’hekk jipprovdu integrazzjoni stabbli fis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tagħhom waqt ir-reċessjoni ekonomika sabiex ikun hemm aktar żgħażagħ li jistgħu jaċċettaw din l-offerta. Barra minn hekk, billi dawk li jitilqu kmieni mill-iskola u ż-żgħażagħ b’livell baxx ta’ ħiliet jinsabu f’riskju partikolari li jsiru NEETs fuq terminu itwal, iż-żgħażagħ għandhom jitħeġġew jkomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom sal-aħħar, u dawk li jkunu telqu qabel iż-żmien għandhom jitreġġgħu lura għall-edukazzjoni jew għat-taħriġ. F’dan il-każ, jistgħu jkunu utli forom ta’ edukazzjoni u taħriġ inqas formali u aktar flessibbli.

·tissalvagwardja l-kwalità tal-offerti billi torbothom mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u mal-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi, il-Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati, li t-tnejn li huma ġew żviluppati mill-2013 ’l hawn, u tiżgura, pereżempju, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, tul raġonevoli tal-perjodi ta’ prova, kuntratt ċar bil-miktub jew id-definizzjoni tal-perjodi ta’ ħidma u ta’ mistrieħ. Dan għandu jgħin biex l-offerti li jittieħdu jsiru aktar stabbli fuq terminu twil. 15

·issaħħaħ il-prevenzjoni tal-qgħad u tal-inattività taż-żgħażagħ permezz ta’ sistemi mtejbin ta’ segwiment u ta’ twissija bikrija, billi tikkoopera b’mod proattiv, fost oħrajn, mas-settur tal-edukazzjoni u mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

·ittejjeb il-monitoraġġ u l-ġbir ta’ data permezz li jkun hemm aktar iffokar fuq l-appoġġ ta’ wara l-kollokament u fuq sejħa għat-titjib tas-segwitu taż-żgħażagħ wara li jkunu aċċettaw offerta, biex tiġi żgurata l-integrazzjoni sostenibbli tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Il-proposta attwali hija strutturata madwar erba’ fażijiet (l-immappjar, is-sensibilizzazzjoni, it-tħejjija u l-offerta): 

·Fil-fażi tal-immappjar, jiġi traspost għall-kuntest ġeografiku speċifiku tal-fornitur tas-servizz għarfien aktar approfondit tal-grupp tan-NEETs fil-mira. Dan għandu jidentifika lil NEETs individwali u, b’mod kruċjali, lil dawk f’riskju li jsiru NEETs. Permezz ta’ sħubijiet u sistemi ta’ twissija bikrija, iż-żgħażagħ jistgħu jiġu appoġġati qabel ma jisfaw qiegħda jew inattivi, b’mod partikolari meta jkunu għadhom fl-edukazzjoni formali u fit-taħriġ.

·Fil-fażi ta’ sensibilizzazzjoni jsir kuntatt – u tinbena l-fiduċja – ma’ NEETs individwali. Il-fażi ta’ sensibilizzazzjoni tinkludi strateġija ta’ komunikazzjoni komprensiva biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost in-NEETs, u l-appoġġ disponibbli li jagħti attenzjoni xierqa għall-istereotipi tal-ġeneru u għal ostakli addizzjonali speċifiċi biex jintlaħqu l-gruppi vulnerabbli.

·Il-fażi ta’ tħejjija tibda mill-mument tar-reġistrazzjoni inizjali mas-servizz responsabbli sal-bidu effettiv ta’ offerta. It-tqabbil tal-ħtiġijiet mas-servizzi li jingħataw jibda waqt din il-fażi, billi jitfasslu approċċi individwalizzati u olistiċi li jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta’ servizzi skont is-sitwazzjoni tal-persuna żagħżugħa. L-aktar importanti huwa li l-pjanijiet ta’ azzjoni jinkludu l-konsulenza, il-gwida u l-mentoraġġ (inklużi riferimenti lil sħab fuq firxa aktar wiesgħa), taħriġ ta’ aġġornament addizzjonali fejn rilevanti u tingħata l-attenzjoni meħtieġa lill-istereotipi tas-sessi u stereotipi speċifiċi relatati maż-żgħażagħ vulnerabbli.

·Ir-raba’ u l-aħħar fażi hija l-bidu effettiv ta’ offerta ta’ impjieg, tat-tkomplija tal-edukazzjoni, ta’ apprendistat jew ta’ traineeship. Din tirrappreżenta l-ħruġ mill-iskema.

·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mal-politiki eżistenti fil-qasam tal-impjiegi u l-ħiliet, u tkompli tibni fuqhom.

Bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa 16 , Next Generation EU, permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza (proposta ta’ EUR 560) u REACT-EU (proposta ta’ EUR 55 biljun) se jipprovdu appoġġ finanzjarju addizzjonali għall-impjieg taż-żgħażagħ. Dawn l-isforzi se jiġu kkumplementati fil-perjodu ta’ finanzjament 2021-27 mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, b’baġit propost ta’ EUR 86 biljun. L-FSE+ se jappoġġa l-firxa kollha ta’ miżuri ta’ impjieg, edukazzjoni u taħriġ inklużi f’din il-proposta. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jikkontribwixxi wkoll b’investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ allinjati mat-tranżizzjoni diġitali u mat-tranżizzjoni ekoloġika, li jibqgħu validi fil-futur. L-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jirċievu l-appoġġ fl-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali, b’mod notevoli fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-politiki tas-suq tax-xogħol.

Il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri 17 , adottati fl-2019, jappellaw biex l-Istati Membri jkomplu jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-problema ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs) permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja 18 tappella lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali bażiċi u biex iżidu l-livell tal-kompetenzi diġitali fil-popolazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 19 tistipula 11-il azzjoni fuq perjodu ta’ tliet snin (2018-2020) biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġija diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment, u biex jiżviluppaw kompetenzi u ħiliet diġitali, u b’hekk itejbu l-edukazzjoni permezz ta’ analiżi tad-data u ta’ tbassir. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti 20 tirrakkomanda li l-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, ta’ għarfien u ta’ kompetenzi jingħataw l-opportunità li jiksbu livelli minimi ta’ ħiliet. Din il-proposta se tikkumplementa dan l-approċċ billi toffri perkorsi mmirati u mfassla apposta liż-żgħażagħ.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol 21 tirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu appoġġ fuq terminu twil li min ikun ilu bla impjieg. Il-proposta se tikkumplementa dan l-approċċ billi tipprevjeni l-qgħad fit-tul fost iż-żgħażagħ.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi 22 tal-2016, fakkret fl-importanza kruċjali tal-attivazzjoni bikrija ta’ NEETs vulnerabbli u l-intervent bikri magħhom, inkluż fil-każ ta’ ċittadini żgħażagħ ta’ pajjiżi terzi, biex tkun żgurata l-integrazzjoni rapida tagħhom fl-edukazzjoni, fl-apprendistati, fit-traineeships jew fis-suq tax-xogħol.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships 23 toffri gwida dwar il-forniment ta’ apprendistati ta’ kwalità. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi 24 tidentifika 14-il kriterju ewlieni li jenħtieġ li jużaw l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati biex jiżviluppaw apprendistati ta’ kwalità u effettivi. Il-proposta tallinja l-offerti ta’ traineeships u apprendistati mal-kriterji tal-kwalità stabbiliti f’dawn ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-Validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali 25 stiednet lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. Il-proposta se tikkumplementa dan l-approċċ billi tippromwovi l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel 26 stabbiliet qafas għal politiki koerenti, komprensivi u bbażati fuq l-evidenza dwar it-tluq bikri mill-iskola. Il-fażi ta’ “mmappjar” tal-proposta, inklużi sħubiji effettivi u sistemi ta’ twissija bikrija, issegwi mill-qrib lil dan il-qafas.

Konsistenza mal-politiki l-oħra tal-Unjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss 27 tenfasizza li l-pjan ta’ rkupru tal-UE jrid jiggwida u jibni Ewropa aktar sostenibbli, reżiljenti u ġusta għall-ġenerazzjoni li jmiss, u tippromwovi progress rapidu fit-tranżizzjoni ekoloġika u f’dik diġitali. Din tipproponi Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-implimentazzjoni ta’ investimenti u riformi li huma essenzjali għal irkupru sostenibbli. Inizjattiva ġdida, REACT-EU, se tipprovdi żieda fl-appoġġ ta’ koeżjoni lill-Istati Membri. Din se tappoġġa lill-ħaddiema u lill-gruppi vulnerabbli, lill-miżuri ta’ edukazzjoni u taħriġ, lill-SMEs, lis-sistemi tas-saħħa u lit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u se tkun disponibbli fis-setturi kollha. Il-proposta attwali se tinforma lil dawn l-investimenti billi żżid l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 28 huwa l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir li għandu l-għan li jittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u għanja, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dan ipoġġi s-sostenibbiltà u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna fil-qalba tal-azzjoni tagħna. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari 29 għal Ewropa aktar nadifa u aktar kompetittiva jistipula l-azzjonijiet biex jinkiseb id-diżakkoppjament tat-tkabbir mill-użu ta’ riżorsi, fost l-oħrajn billi ssir enfasi qawwija fuq il-ħtieġa li jiġu akkwistati l-ħiliet it-tajbin, inkluż permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. It-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa u ċirkolari hija opportunità biex tespandi l-attività ekonomika sostenibbli u intensiva fl-impjiegi, u b’hekk jiġi appoġġat l-irkupru. Peress li l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija qed tagħti sura lir-rekwiżiti tal-ħiliet b’diversi modi, huwa kruċjali li jiġu stabbiliti politiki li jappoġġaw liż-żgħażagħ biex jisfruttaw l-opportunitajiet il-ġodda. Il-proposta se tikkumplementa dan l-approċċ billi tippromwovi l-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija ekoloġika.

L-opportunitajiet u l-isfidi tat-trasformazzjoni diġitali li għaddejja bħalissa u r-reazzjoni politika tal-Ewropa ġew deskritti fl-istrateġija Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa 30 , li tenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet diġitali għall-Ewropej kollha. Il-Kummissjoni adottat Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa 31 biex tappoġġa lill-industrija fl-ixprunar tal-kompetittività tal-Ewropa fi żmien ta’ kompetizzjoni globali dejjem akbar, u biex tiżgura li dan iwassal għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Qed issir enfasi qawwija fuq l-isfruttar tal-investiment, l-innovazzjoni u l-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjonijiet tewmin. It-tranżizzjonijiet tewmin se jipprovdu opportunitajiet ta’ xogħol li se jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-implimentazzjoni ta’ din il-proposta.

L-Istrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali 32 tenfasizza li għadd dejjem jikber ta’ SMEs qed jiffaċċjaw l-isfida li jsibu persunal bil-ħiliet speċjalizzati meħtieġa. In-nuqqas ta’ ħiliet jinħass partikolarment fid-diġitalizzazzjoni u fit-teknoloġiji l-ġodda. L-Istrateġija tenfasizza li l-UE tista’ tgħin aktar fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi, tiffaċilita l-aċċess għat-taħriġ, u tgħin biex tqabbel il-ħiliet disponibbli fis-suq tax-xogħol mal-ħiliet li jfittxu l-SMEs. L-edukazzjoni u t-taħriġ imprenditorjali li jsaħħu l-għarfien u l-ħiliet fin-negozju għandhom rwol ewlieni biex l-SMEs isiru adegwati għas-suq uniku. Il-proposta se tikkomplementa dan l-approċċ. Iż-żgħażagħ jistgħu jingħataw l-opportunità li jieħdu taħriġ preparatorju biex isaħħu l-ħiliet intraprenditorjali tagħhom bl-użu tal-għodod u l-moduli żviluppati skont il-Qafas għall-Kompetenza Intraprenditorjali (EntreComp).

Il-Politika Agrikola Komuni tappoġġa liż-żgħażagħ li jixtiequ jinvolvu ruħhom fis-settur agrikolu u liż-żgħażagħ li jniedu attività f’żoni rurali. Din tipprovdi taħriġ, servizzi ta’ konsulenza, appoġġ għall-istabbiliment u għall-investiment liż-żgħażagħ. Id-dimensjoni tal-ħiliet tal-proposta, b’mod partikolari l-ħiliet intraprenditorjali, se tikkomplementa dan l-approċċ.

Barra minn hekk, l-għan tal-Istrateġija tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 33 huwa li jitnaqqas id-distakk bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u li jiżdied l-aċċess effettiv għan-nisa għal impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli bi ħlas ġust.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), skont liema fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjonijiet, flimkien mal-Artikolu 149 li jipprevedi miżuri ta’ inċentiv mfassla biex tiġi appoġġata l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi.

It-Titolu IX tat-TFUE jiddefinixxi l-mandat tal-UE fir-rigward tal-politiki tal-impjiegi, b’mod partikolari l-Artikolu 145 dwar l-iżvilupp ta’ strateġija koordinata għall-impjiegi u l-Artikolu 147 dwar il-kontribuzzjoni għal livell għoli ta’ impjiegi billi tiġi appoġġata u kkomplementata l-azzjoni tal-Istati Membri. Prestazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali f’termini ta’ qgħad u inattività fost iż-żgħażagħ jista’ jkollha impatt ekonomiku negattiv u timmina l-koeżjoni soċjali u ekonomika madwar l-UE kollha, anki meta l-prestazzjoni baxxa tkun prinċipalment relatata ma’ sottogruppi tal-popolazzjoni tan-NEETs li jkunu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

Għalhekk, il-proposta se tikkontribwixxi għall-objettivi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), notevolment bil-promozzjoni tal-impjieg sħiħ, tan-nondiskriminazzjoni, tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, tal-inklużjoni soċjali u tal-koeżjoni soċjali (l-Artikolu 3 TUE).

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Fil-ħidma tagħha għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-impjiegi, l-UE għandha l-kompetenza li tikkoordina, tħeġġeġ il-kooperazzjoni, u tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Filwaqt li tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri, il-proposta tagħti kontenut konkret lil din l-ambizzjoni, b’mod partikolari billi tikkapitalizza fuq seba’ snin ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-iskemi diġà eżistenti ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri, filwaqt li tibni fuq prattiki ta’ suċċess u fuq it-tagħlimiet meħuda. Intervent kontinwu mill-UE biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ, ibbażat fuq qafas ta’ politika komuni aktar validu għall-futur, li jkun inklużiv, għandu jipprovdi gwida politika mtejba lill-Istati Membri, u jista’ jikkontribwixxi biex jiżdiedu r-rati ta’ attività u tat-taħriġ ta’ aġġornament tal-forza tax-xogħol fl-UE, filwaqt li jiġu evitati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjetali li jkun hemm żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ.

Il-proposta se tgħin ukoll lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-FSE+ , sabiex jiġu indirizzati l-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ.

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-impiegi kif ukoll it-tqassim intern tal-kompetenzi. Il-proposta tirrikonoxxi li sitwazzjonijiet differenti fi Stati Membri individwali (fil-livell reġjonali jew lokali) jistgħu jwasslu għal differenzi fil-mod kif jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet.

Proporzjonalità

L-azzjonijiet proposti huma proporzjonali għall-objettivi fil-mira. Il-proposta tappoġġa l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ imnedija mill-Istati Membri u tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ. L-azzjoni proposta tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri kif ukoll id-diversità tas-sistemi. Din takkomoda approċċ differenzjat li jirrifletti s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali diversi tal-Istati Membri, id-diversi kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-eterogeneità tas-sitwazzjonijiet li jwasslu għall-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ. Hija tirrikonoxxi li sitwazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali diversi jistgħu jwasslu għal differenzi fil-mod kif tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni proposta.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Din tkompli tibni fuq il-korp eżistenti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u hija f’konformità mat-tip ta’ strumenti disponibbli għal azzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-impjiegi. Bħala strument legali, din tindika l-impenn tal-Istati Membri fir-rigward ta’ miżuri stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni, u tipprovdi bażi politika soda għall-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-politiki tal-impjiegi. Ladarba din tiġi adottata, tiġi sostitwita r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati

Kif spjegat hawn fuq, il-proposta tkompli tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 34 . Mill-2014, l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ġiet immonitorjata fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. L-implimentazzjoni tal-Istati Membri kollha tkun rieżaminata kull sentejn fi ħdan il-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO). Barra minn hekk, il-monitoraġġ kwantitattiv ta’ skemi nazzjonali, ibbażat fuq Qafas ta’ Indikaturi miftiehem b’mod ġenerali 35 , jitwettaq kull sena. Il-koordinaturi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-Istati Membri kollha jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu l-progress fl-implimentazzjoni, ir-riformi ta’ politika u l-proġetti rilevanti li jkunu qegħdin isiru, u jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku.

Barra minn hekk, fil-bidu tal-2020 saru attivitajiet ta’ konsultazzjoni speċifiċi u fil-mira kien hemm il-partijiet ikkonċernati li kienu involuti mill-qrib fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, jew li kienu qed jibbenefikaw minnha. Filwaqt li l-konsultazzjonijiet kollha seħħew qabel it-tifqigħa tal-COVID u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li rriżulta, il-kontribuzzjonijiet iffukaw fuq l-aspetti strutturali u għalhekk għadhom pertinenti 36 .

Il-proposta tirrifletti fil-biċċa l-kbira l-fehmiet miġbura matul il-konsultazzjonijiet immirati. Il-partijiet ikkonċernati kollha kkonsultati, għajr l-impjegaturi – li appoġġaw segwitu aktar mill-qrib tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill eżistenti, kienu favur it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz ta’ proposta ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġdida.

Il-partijiet ikkonċernati kollha talbu li tittejjeb il-“kwalità” tal-offerti, u pproponew approċċi differenti, li tissodisfa l-proposta billi tallinja l-offerti mal-istandards u l-prinċipji tal-kwalità eżistenti. Dan jirrifletti wkoll il-kunsens dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ l-approċċ integrat ibbażat fuq is-sħubija bejn ħafna partijiet ikkonċernati.

   Ġbir u użu tal-għarfien espert

Minbarra l-użu tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet, il-proposta hija bbażata fuq firxa wiesgħa ta’ rapporti u studji, kif ukoll fuq l-għarfien espert miġbur permezz ta’ attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u ta’ laqgħat tal-koordinaturi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Il-monitoraġġ kwantitattiv tal-iskemi nazzjonali ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, abbażi ta’ Qafas ta’ Indikaturi miftiehem b’mod ġenerali, jitwettaq kull sena. L-indikaturi makroekonomiċi bbażati fuq id-data li ħarġet mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE (LFS) jintużaw biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni ġenerali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u b’hekk, indirettament, jimmonitorjaw l-impatt tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u ta’ miżuri oħra li jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jsiru NEETs. L-indikaturi tal-implimentazzjoni u tas-segwitu (eżitu fuq terminu twil) huma dderivati minn data amministrattiva pprovduta mill-Istati Membri kull sena. Dawn huma bbażati fuq id-data dwar l-għadd ta’ żgħażagħ li rreġistraw fi skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (kemm idumu rreġistrati, fejn imorru meta jitneħħew mir-reġistru, u fejn ikunu xi żmien wara li jitilqu). L-indikaturi tal-implimentazzjoni jkejlu l-impatt dirett tat-twassil tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ filwaqt li l-indikaturi ta’ segwitu jintużaw biex titkejjel is-sostenibbiltà tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol wara l-forniment ta’ offerta ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Barra minn hekk, il-koordinaturi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-Istati Membri kollha jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu l-progress u l-isfidi fl-implimentazzjoni, ir-riformi ta’ politika li qegħdin isiru u proġetti rilevanti. Huma jipparteċipaw ukoll f’attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku. L-esperjenzi u l-evalwazzjonijiet mill-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali kkontribwew għal sensiela ta’ rapporti ppubblikati fl-2018. In-Netwerk Ewropew ta’ Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) qed jirrapporta regolarment dwar il-kapaċità tal-PES fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tar-rapporti ta’ valutazzjoni ta’ kull sentejn. In-naħa tal-finanzjament mill-UE tiġi mmonitorjata mill-qrib permezz tal-kumitati ta’ monitoraġġ tal-FSE u r-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali, u tiġi evalwata regolarment.

Valutazzjoni tal-impatt

L-istrument propost – Rakkomandazzjoni tal-Kunsill – għandu l-effett li joffri gwida dwar l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, iżda jagħti flessibbiltà lill-Istati Membri fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-miżuri. Għalhekk, mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 37 komprensiv jinkludi stampa ġenerali tat-tagħlimiet l-aktar importanti li rriżultaw mill-konsegwenzi tar-reċessjoni ekonomika preċedenti u sommarju komprensiv tat-tagħlimiet li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 2013-20. Dawn it-tagħlimiet joriġinaw minn diversi eżerċizzji ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni fil-livell tal-UE, iżda wkoll mill-feedback li wasal matul il-konsultazzjonijiet immirati fil-bidu tal-2020, meta l-Kummissjoni Ewropea kkuntattjat, fost oħrajn, lis-soċjetà ċivili, lis-sħab soċjali, lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali u liż-żgħażagħ stess. Flimkien, dawn it-tagħlimiet jissarrfu f’għadd ta’ azzjonijiet iddettaljati fil-proposta.

Il-Kummissjoni evalwat il-miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Inizjattiva favur l-impjieg taż-Żgħażagħ. Għat-tħejjija ta’ din il-proposta tqiesu l-ħidma ta’ tħejjija li saret fl-2018 għall-evalwazzjoni u r-riżultati tal-evalwazzjoni.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-Rakkomandazzjoni ma teħtieġx riżorsi baġitarji jew tal-persunal addizzjonali mill-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Huwa propost li l-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ b’kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Kull sentejn jenħtieġ li fl-EMCO jitwettqu r-rieżamijiet tal-Istati Membri kollha. Il-monitoraġġ kwantitattiv tal-iskemi nazzjonali ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, ibbażat fuq il-Qafas ta’ indikaturi miftiehem b’mod ġenerali, għandu jitwettaq kull sena. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-koordinaturi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-Istati Membri kollha jkomplu jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu l-progress u l-isfidi fl-implimentazzjoni, fir-riformi ta’ politika li jkunu qed isiru u fil-proġetti rilevanti, u jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-paragrafu 1 jaġġorna l-mira ewlenija billi jwessa’ l-grupp tal-età biex jinkludi ż-żgħażagħ ta’ bejn il-25 u d-29 sena. Il-proposta b’hekk hija iktar inlużiva u tirrikonoxxi li waqt it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku minħabba l-pandemija tal-COVID-19, għadd akbar ta’ żgħażagħ ta’ bejn il-25 u d-29 sena se jisfaw qiegħda u jeħtieġu l-appoġġ.

Il-paragrafi 2 sa 4 jirrakkomandaw li l-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta’ mmappjar u jippermettu l-prevenzjoni permezz ta’ sistemi ta’ segwiment u ta’ twissija bikrija.

Il-paragrafi 5 sa 7 jinkludu r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar is-sensibilizzazzjoni u l-immirar tal-komunikazzjoni, kif ukoll l-estensjoni tas-sensibilizzazzjoni għall-gruppi vulnerabbli. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu adottati kanali ta’ informazzjoni rilevanti għaż-żgħażagħ u billi jintuża stil viżwali rikonoxxut għall-komunikazzjonijiet kollha.

Il-paragrafi 8 sa 11 jinkludu r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar it-tfassil ta’ profili, il-konsulenza, il-gwida u l-mentoraġġ. L-Istati Membri huma mistiedna jtejbu kemm l-għodod ta’ tfassil tal-profil u ta’ tgħarbil kif ukoll il-pjanijiet ta’ azzjoni individwalizzati, filwaqt li jqisu l-preferenzi u l-motivazzjoni ta’ persuna żagħżugħa, l-ostakli li tiffaċċja u l-iżvantaġġi għaliha, u r-raġunijiet għalfejn tkun qiegħda jew inattiva.

Il-paragrafi 12 u 13 jinkludu r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar it-titjib tal-ħiliet diġitali b’taħriġ preparatorju, u dwar il-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim. Huwa rrakkomandat bil-qawwa li l-Istati Membri jivvalutaw il-ħiliet diġitali tan-NEETs kollha li jirreġistraw fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jingħataw l-opportunità li jieħdu taħriġ preparatorju apposta biex itejbu l-ħiliet diġitali tagħhom.

Il-paragrafu 14 jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-fażi ta’ tħejjija tiffaċilita t-taħriġ ta’ aġġornament u taħriġ mill-ġdid orjentat lejn il-ħiliet meħtieġa f’suq tax-xogħol li qed jinbidel u li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, kif ukoll ħiliet intraprenditorjali u ta’ ġestjoni tal-karriera.

Il-paragrafi 15 sa 19 jirrakkomandaw li l-Istati Membri jużaw inċentivi mmirati u mfassla sew għall-impjieg u għan-negozji ġodda, jallinjaw l-offerta mal-istandards għall-kwalità u l-ekwità u jespandu l-appoġġ wara l-kollokament.

Il-paragrafi 20 sa 26 jinkludu rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar is-sħubijiet, il-ġbir u l-monitoraġġ tad-data, u l-użu tal-fondi. L-Istati Membri jistgħu jsaħħu s-sħubijiet eżistenti u huma mistiedna jifformalizzaw il-protokolli għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (inklużi istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ) u servizzi soċjali oħra (eż. l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni soċjali, is-servizzi ta’ aċċessibbiltà). B’mod partikolari huwa importanti li jkun żgurat l-involviment attiv tas-sħab soċjali fil-livelli kollha. L-Istati Membri huma mistiedna jiżviluppaw aktar mudelli ta’ servizzi integrati, bħal punti uniċi ta’ servizz, ġestjoni konġunta ta’ każijiet jew timijiet multidixxiplinarji. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll itejbu d-data dwar l-integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u jesploraw il-potenzjal ta’ kondiviżjoni usa’ tad-data.

Il-paragrafi 27 sa 31 jilqgħu l-ħsieb tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-appoġġ għall-monitoraġġ kwantitattiv tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ abbażi tal-Qafas ta’ Indikaturi miftiehem b’mod ġenerali, tesplora l-possibbiltajiet ġodda li jirriżultaw mit-titjib li ġej fl-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE u mill-granularità li biha l-grupp ta’ NEETs fil-mira jista’ jiġi vvalutat, u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-iskemi nazzjonali permezz tas-sorveljanza multilaterali tal-Kumitat tal-Impjiegi fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta regolarment lill-Kumitat tal-Impjiegi dwar l-iżviluppi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-iskemi u tappoġġa l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-Istati Membri filwaqt li tirrinforza, fil-livell tal-UE, it-tixrid tar-riżultati u l-eżempji ta’ prattika tajba. Il-prattika tajba tgħin lill-Istati Membri l-oħra biex jieħdu miżuri b’riżultati ppruvati.

2020/0132 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar Pont għall-Impjiegi - Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ

u


li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)F’Novembru tal-2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħabbru l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fejn stabbilew 20 prinċipju u dritt biex jiġu appoġġati swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Dan jistipula d-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-aċċess għall-protezzjoni soċjali u għat-taħriġ. Jiddikjara wkoll li l-perjodi ta’ prova għandhom ikunu ta’ tul raġonevoli u jipprojbixxi l-abbuż ta’ kuntratti atipiċi. Il-Prinċipju 4 “appoġġ attiv għall-impjiegi” jiddikjara li “Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt għal edukazzjoni kontinwa, apprendistat, traineeships jew offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba sa erba’ (4) xhur minn meta jiġu qiegħda jew iħallu l-edukazzjoni.”.

(2)Il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, adottati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2019/1181 tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2019 38 , u b’mod partikolari l-Linja gwida 6, jappellaw biex l-Istati Membri jkomplu jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-problema ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs) permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u ta’ titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

(3)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-Validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali 39 tistipula l-elementi u l-prinċipji għall-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali, li jippermetti li individwi b’għarfien, ħiliet u kompetenzi li jkunu ġew akkwistati permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali jiġu vvalidati u jiksbu kwalifika sħiħa jew, fejn japplika, kwalifika parzjali.

(4)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti 40 tirrakkomanda li l-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi jingħataw l-opportunità, skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom, li jiksbu livell minimu ta’ litteriżmu, numeriżmu u kompetenza diġitali; u/jew jiksbu sett usa’ ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi.

(5)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja 41 tappella lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali bażiċi u biex iżidu u jtejbu l-livell tal-kompetenzi diġitali fis-segmenti kollha tal-popolazzjoni.

(6)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships 42 toffri gwida dwar il-forniment ta’ apprendistati ta’ kwalità u tinkludi elementi ta’ kwalità li huma relatati b’mod partikolari mal-kontenut tat-tagħlim, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u mat-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji u l-prattiki ta’ reklutaġġ.

(7)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi 43 tidentifika 14-il kriterju ewlieni li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandhom jużaw biex jiżviluppaw apprendistati ta’ kwalità u effettivi biex jiżguraw kemm l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati mal-impjiegi u l-iżvilupp personali tal-apprendisti.

(8)Ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2019 44 jipprovdi qafas komuni għal seba’ ġabriet ta’ data li qabel kienu indipendenti, fosthom l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE. L-Istatistika Soċjali Ewropea Integrata (IESS) tipproduċi data kumparattiva aktar granulari madwar l-UE, li se tippermetti fehim aħjar tat-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol, filwaqt li tidentifika b’mod aktar preċiż l-esperjenza tat-tagħlim u tax-xogħol tagħhom, iżda wkoll il-karatteristiki individwali ta’ sfond tagħhom.

(9)Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew jappella għall-kontinwazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill jafferma mill-ġdid li l-indirizzar tal-qgħad u tal-inattività fost iż-żgħażagħ għadu prijorità politika, iqis li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-impjieg taż-Żgħażagħ ipprovdew impetu qawwi għal riformi strutturali u innovazzjoni fil-politika, u jenfasizza li l-ilħuq tan-NEETs jeħtieġ kemm sforzi qawwija u persistenti min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll kooperazzjoni transsettorjali.

(10)Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri, il-Parlament Ewropew jappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni xierqa u mfassla apposta biex jintlaħqu n-NEETs kollha, u biex jieħdu approċċ integrat favur iżjed disponibbiltà ta’ assistenza u servizzi individwalizzati biex jiġu appoġġati ż-żgħażagħ li jiffaċċjaw ostakli multipli. Il-Parlament Ewropew jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità tal-offerti skont l-Inizjattiva favur l-impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u jappella għal diskussjoni fil-futur dwar il-grupp ta’ età eliġibbli.

(11)Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 45 huwa l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir li għandu l-għan li jittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u għanja, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050, u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi.

(12)Bl-għan li tgħin fit-tiswija tal-ħsara ekonomika u soċjali li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, biex tagħti impetu qawwi lill-irkupru Ewropew, u biex jiġu protetti u jinħolqu l-impjiegi, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ta’ rkupru kbir għall-Ewropa u l-istrument “Next Generation EU” bbażat fuq l-isfruttament tal-potenzjal sħiħ tal-baġit tal-UE 46 . Dawn ir-riżorsi se jkunu kruċjali biex jappoġġaw, fost oqsma oħra, miżuri fuq terminu qasir biex jiġi appoġġat l-impjieg, inkluż l-impjieg taż-żgħażagħ kif ukoll l-investimenti f’riformi tal-politika fuq terminu itwal relatati mas-sistemi tas-suq tax-xogħol, soċjali u edukattivi, u tat-taħriġ.

(13)Fl-2013, matul ir-reċessjoni ekonomika preċedenti, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (ta’ bejn il-15 u l-24 sena) kienet ta’ 24,4 % fl-UE u aktar minn 50 % f”xi Stati Membri, u kien hemm 6,5 miljun NEET fl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena. B’reazzjoni għal dan, f’April tal-2013 ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 47 – li tirrappreżenta intervent politiku kbir, ikkoordinat u attiv relatat mas-suq tax-xogħol fil-livell tal-UE.

(14)Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat reċessjoni ekonomika mingħajr preċedent għall-UE, li x’aktarx iġġib lura r-rati għoljin kritikament tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-NEETs. L-ekonomija tal-UE hija mistennija tiċkien b’7,4 % fl-2020, din hija r-reċessjoni l-aktar profonda fl-istorja tagħha, u l-iżjed li se jbatu huma ż-żgħażagħ li diġà kienu f’sitwazzjoni prekarja fis-suq tax-xogħol, filwaqt li dawk li jidħlu fil-forza tax-xogħol f’dan iż-żmien se jsibuha aktar diffiċli biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom. Għalhekk, fid-dawl tal-kriżi attwali jeħtieġ li tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

(15)Iż-żgħażagħ jistgħu jsibu d-diffikultajiet fis-suq tax-xogħol minħabba l-perjodi tranżizzjonali tal-ħajja li jkunu għaddejjin minnhom, kif ukoll minħabba l-esperjenza limitata jew in-nuqqas ta’ esperjenza professjonali tagħhom. Kif deher fir-reċessjonijiet fil-passat, iż-żgħażagħ jintlaqtu agħar mill-ħaddiema li huma mdaħħla fiż-żmien u li għandhom aktar esperjenza. Matul il-kriżi preċedenti, il-qgħad fost iż-żgħażagħ kien għola minn 16,0 % fl-2008 u laħaq il-quċċata ta’ 24,4 % fl-2013. Barra minn hekk, huwa aktar probabbli wkoll li n-nisa żgħażagħ isiru inattivi minħabba responsabbiltajiet ta’ kura (dawk li jieħdu ħsieb tfal jew adulti dipendenti, kif ukoll dawk b’responsabbiltajiet personali jew familjari oħra). Ir-responsabbiltajiet ta’ kura bħala raġuni għan-nuqqas ta’ attività huma aktar minn ħames darbiet aktar prevalenti fost in-nisa żgħażagħ milli fost l-irġiel żgħażagħ. Dan jista’ jwassal għal żieda fid-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi b’konsegwenzi dejjiema tul il-ħajja tan-nisa.

(16)Il-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ jistgħu jirriżultaw f’marki permanenti, bħal riskju akbar ta’ qgħad fil-futur, livelli ta’ qligħ imnaqqsa fil-futur, telf ta’ kapital uman u t-trażmissjoni tal-faqar minn ġenerazzjoni għal oħra. Dawn jissarrfu fi tbatija individwali u jikkawżaw konsegwenzi diretti u indiretti għas-soċjetà inġenerali. Huma jżidu wkoll l-inugwaljanzi reġjonali, pereżempju fejn, f’żoni rurali jew imbiegħda, iż-żgħażagħ ma jkunux jistgħu jakkwistaw integrazzjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol u jippruvaw isibu l-opportunitajiet fi bnadi oħra.

(17)Żviluppi kontinwi bħall-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi jkomplu jagħtu sura ġdida lid-dinja tax-xogħol. Iż-żgħażagħ huma rrappreżentati żżejjed fl-impjiegi mhux standard bħalma hu x-xogħol fuq pjattaforma jew “gigs”, li jista’ jkun li ma jkollhomx aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata. Iż-żgħażagħ jinsabu f’riskju ogħla minn oħrajn li jitilfu l-impjieg tagħhom għall-awtomatizzazzjoni, billi l-impjiegi fil-livell tad-dħul għandhom tendenza li jkollhom proporzjon akbar ta’ kompiti li jistgħu jiġu awtomatizzati. Fl-istess ħin, it-teknoloġiji diġitali joħolqu impjiegi ġodda u jżidu d-domanda għall-ħiliet meħtieġa għat-trasformazzjoni diġitali f’ħafna setturi tal-ekonomija.

(18)L-investiment issa fil-kapital uman taż-żgħażagħ Ewropej jgħin lill-ekonomiji tas-suq soċjali tal-Ewropa jibqgħu validi fil-futur, biex jakkomodaw bidliet demografiċi filwaqt li jħaddnu bis-sħiħ l-era diġitali u t-tkabbir tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika. L-Unjoni tkun tista’ tibbenefika b’mod sħiħ mill-benefiċċji kollha ta’ forza tax-xogħol attiva, innovattiva u b’ħiliet tajbin, filwaqt li tevita l-konsegwenzi kbar ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ.

(19)Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ għall-irkupru mill-impatt ekonomiku tal-pandemija, u tgħin biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li jirriżultaw mit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Dan jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-effetti ċikatriċi persistenti minħabba t-tnaqqis qawwi fir-ritmu billi d-ditti jitħeġġu jimpjegaw lil żgħażagħ qiegħda, u billi jingħata taħriġ li jiffaċilita t-tqabbil taż-żgħażagħ qiegħda u inattivi mal-postijiet vakanti.

(20)Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa għandha tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, u apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jkunu temmew l-edukazzjoni formali. Biex tintlaħaq din jenħtieġ li tipprovdi liż-żgħażagħ b’perkors lejn integrazzjoni stabbli fis-suq tax-xogħol fi żminijiet ta’ kriżi, u għandha tilħaq u tattiva wkoll aktar żgħażagħ, irrispettivament mill-isfond tagħhom, filwaqt li tiżgura li l-ebda wieħed minnhom ma jintnesa. Għandha tagħmel mill-aħjar biex tappoġġa liż-żgħażagħ biex jiksbu l-esperjenza tax-xogħol u fl-iżvilupp tal-ħiliet it-tajbin għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel, b’mod partikolari dawk rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-apprendistati għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward. Hemm bżonn li tingħata spinta għall-forniment u l-kwalità tagħhom sabiex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fil-fażi tal-irkupru. L-apprendistati jħejju liż-żgħażagħ għal impjiegi li huma mfittxijin ħafna, u b’hekk joffrulhom perkors lejn integrazzjoni stabbli fis-suq tax-xogħol anki f’livell lokali.

(21)Fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha ta’ taħt il-25 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jisfaw qiegħda jew minn meta jtemmu l-edukazzjoni formali. It-twessigħ tal-grupp ta’ età biex jiġu inklużi ż-żgħażagħ ta’ bejn il-25 u d-29 sena jirrikonoxxi li t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u l-integrazzjoni sostenibbli fis-suq saru jdumu iżjed minħabba n-natura dejjem tinbidel tax-xogħol u tal-ħiliet fid-domanda, jirrikonoxxi li matul iż-żmien tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku minħabba l-pandemija tal-COVID-19, se jisfaw qiegħda u se jeħtieġu l-appoġġ sehem akbar minn dawk ta’ bejn il-25 u d-29 sena. Hija tallinja wkoll il-miżuri u l-programmi relatati maż-żgħażagħ, li ġeneralment ikunu disponibbli għaż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena mal-Istati Membri.

(22)In-NEETs huma grupp eteroġenu. Għal xi żgħażagħ, il-fatt li jkunu NEETs jista’ jkun sintomu ta’ ħafna żvantaġġi intrinsiċi u jista’ jindika diżimpenn fit-tul mis-soċjetà. Pereżempju, xi żgħażagħ ikunu vulnerabbli b’mod partikolari minħabba li ma jkollhomx edukazzjoni jew taħriġ adegwati, spiss ma jkollhomx biżżejjed protezzjoni soċjali, l-aċċess tagħhom għal riżorsi finanzjarji jkun ristrett, ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, jew minħabba li ssir diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom. Għal xi oħrajn, il-fatt li jkunu NEETs x’aktarx li jkun status temporanju billi l-ostakli li jridu jiffaċċjaw biex jidħlu fis-suq tax-xogħol ma jkunux kbar, u ma jkollhomx vulnerabbiltajiet inerenti (eż. iż-żgħażagħ b’livell għoli ta’ ħiliet jew dawk li diġà jkollhom esperjenza tax-xogħol sinifikanti u li tkun għadha rilevanti). Jenħtieġ li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa tirrikonoxxi li xi NEETs jistgħu jkollhom bżonn ta’ approċċ aktar ħafif meta mqabbel mal-interventi aktar intensivi, fit-tul u komprensivi li x’aktarx ikunu jeħtieġu n-NEETs aktar vulnerabbli biex ma jkunx hemm impatt negattiv sproporzjonat fuq iż-żgħażagħ vulnerabbli.

(23)Aktar minn żagħżugħ wieħed minn kull ħamsa madwar l-UE ma jirnexxilux jilħaq livell bażiku ta’ ħiliet diġitali, bi probabbiltà ta’ tliet darbiet aktar li ż-żgħażagħ b’livell baxx ta’ edukazzjoni ma jilħqux livell suffiċjenti ta’ ħiliet diġitali meta mqabbel mal-kontropartijiet tagħhom b’livell ta’ edukazzjoni ogħla. 48 Bl-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 li qed jaċċellera t-tranżizzjoni diġitali, id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali ssir fattur determinanti ewlieni fl-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u fil-kapaċità tagħhom li jaħtfu l-opportunitajiet li jirriżultaw minn din it-tranżizzjoni. It-taħriġ ta’ aġġornament immirat jgħin liż-żgħażagħ jirrispondu għad-domanda dejjem tikber għall-ħiliet diġitali.

(24)It-taħriġ preparatorju waqt l-ewwel fażi qabel ma tiġi aċċettata offerta li jkun relatat ma’ oqsma speċifiċi ta’ ħiliet bħal ħiliet diġitali jew ekoloġiċi, għandu jagħmel parti minn Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa. Dan it-taħriġ prattiku jista’ jkun pass ’il quddiem lejn kors sħiħ ta’ taħriġ vokazzjonali, togħma żgħira tad-dinja tax-xogħol, jew inkella jissupplimenta l-edukazzjoni jew l-esperjenza tax-xogħol eżistenti qabel il-bidu tal-offerta tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. In-natura qasira u informali ta’ dan it-taħriġ preparatorju, li ma għandux itawwal il-fażi ta’ tħejjija ta’ erba’ xhur, tiddistingwih mill-offerta.

(25)Biex tingħata spinta għall-kwalità tal-impjiegi kif ukoll għall-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, għall-apprendistati u t-traineeships huma kruċjali koordinazzjoni effettiva u sħubijiet bejn diversi oqsma ta’ politika – l-impjieg, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-affarijiet soċjali, eċċ.–. Servizzi integrati (bħal punti uniċi ta’ servizz jew mudelli oħra) joffru aċċess aktar faċli għas-servizzi u għall-benefiċċji, u jistgħu b’mod aktar faċli joffru xi soluzzjonijiet imfassla apposta, flessibbli u li jagħtu soluzzjonijiet aħjar għaż-żgħażagħ bi problemi multidimensjonali. Servizzi integrati jeħtieġu bidla fil-kultura tax-xogħol, fejn iż-żgħażagħ jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-interventi u fejn tiġi eliminata l-kompartimentalizzazzjoni amministrattiva.

(26)Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa jenħtieġ li tiġi implimentata minn skema li tikkonsisti minn miżuri ta’ sostenn, u trid tkun orjentata lejn iċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawn l-iskemi jenħtieġ li jqisu d-diversità tal-Istati Membri fir-rigward tal-livelli tal-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ, tal-istruttura istituzzjonali, u tal-kapaċità tad-diversi parteċipanti fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li dawn l-iskemi jqisu wkoll is-sitwazzjonijiet diversi fir-rigward ta’ baġits pubbliċi u restrizzjonijiet finanzjarji f’termini tal-allokazzjoni tar-riżorsi, u jridu jiġu mmonitorjati u jittejbu b’mod kontinwu.

(27)Il-miżuri ta’ sostenn jistgħu jiġu appoġġati mill-fondi tal-Unjoni. L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ 2014-2020 (kontribuzzjoni mill-UE ta’ kważi EUR 9 biljun), flimkien ma’ investiment addizzjonali mill-Fond Soċjali Ewropew, kienet riżorsa finanzjarja ewlenija tal-UE biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Bħala parti mill-Pjan ta’ rkupru għall-Ewropa, l-istrument “Next Generation EU”, il-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza u REACT-EU se jipprovdu finanzjament addizzjonali mill-UE għall-miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ. Dawn l-isforzi se jiġu kkumplementati fil-perjodu ta’ finanzjament 2021-27 mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, li se jappoġġa l-firxa kollha tal-miżuri ta’ impjieg, edukazzjoni u taħriġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

(1)jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta’ 30 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, ta’ tkomplija tal-edukazzjoni, ta’ apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jisfaw qiegħda jew minn meta jtemmu l-edukazzjoni formali, f’konformità mal-Prinċipju 4 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-punt tat-tluq għall-forniment ta’ offerta tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ lil persuna żagħżugħa irid ikun ir-reġistrazzjoni ma’ fornitur tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Jenħtieġ li l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ikunu bbażati fuq il-linji gwida li ġejjin, li huma strutturati madwar erba’ fażijiet (l-immappjar, is-sensibilizzazzjoni, it-tħejjija u l-offerta) u jiġu organizzati skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li tingħata attenzjoni għall-ġeneru u d-diversità taż-żgħażagħ fil-mira:

Immappjar

Identifikazzjoni tal-grupp fil-mira, tas-servizzi disponibbli u tal-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet

(2)jirrinforzaw is-sistemi ta’ mmappjar biex jippermettu fehim aktar approfondit tad-diversità tan-NEETs, inklużi n-NEETs temporanji affettwati b’mod negattiv minħabba r-reċessjoni ekonomika, kif ukoll dawk li ilhom NEETs għal żmien itwal, li forsi jkunu minn gruppi vulnerabbli;

(3)jimmappjaw s-servizzi disponibbli għal ħtiġijiet ta’ appoġġ differenti, filwaqt li jużaw tbassir tal-ħiliet lokali (eż. infurmat mill-intelligenza tas-suq tax-xogħol ibbażata fuq il-big data) biex jidentifikaw x’domanda teżisti għall-ħiliet fis-suq tax-xogħol, b’attenzjoni partikolari għall-ispeċifiċitajiet reġjonali tas-suq tax-xogħol u għall-ostakli ffaċċjati miż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni rurali, f’żoni mbiegħda jew f’żoni urbani żvantaġġati;

Abilitazzjoni tal-prevenzjoni permezz ta’ segwiment u ta’ sistemi ta’ twissija bikrija

(4)isaħħu s-sistemi ta’ twissija bikrija u l-kapaċitajiet ta’ segwiment biex jidentifikaw dawk li jinsabu f’riskju li jsiru NEETs, filwaqt li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (pereżempju permezz ta’ perkorsi ta’ tagħlim aktar flessibbli u aktar tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol), b’kooperazzjoni mas-settur tal-edukazzjoni, mal-ġenituri, mal-komunitajiet lokali, u bl-involviment tal-politika taż-żgħażagħ, tas-servizzi soċjali u tal-impjiegi;

Sensibilizzazzjoni

Sensibilizzazzjoni u mmirar tal-komunikazzjoni

(5)jadottaw kanali ta’ informazzjoni lokali u dawk li huma rilevanti għaż-żgħażagħ biex isiru attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni kemm fost in-NEETs temporanji kif ukoll fost dawk li ilhom NEETS fuq perjodu itwal, u dan bl-użu ta’ opportunitajiet online u offline, filwaqt li jiżguraw l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet lokali taż-żgħażagħ;

(6)jużaw stil viżwali li jintgħaraf għall-komunikazzjonijiet kollha, fejn rilevanti bbażat fuq il-linji gwida li l-Kummissjoni għamlet disponibbli, filwaqt li jtejbu l-aċċessibbiltà għal informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar it-tipi kollha ta’ appoġġ disponibbli, pereżempju permezz ta’ portal web uniku bil-lingwa/i tal-pajjiż;

Estensjoni tas-sensibilizzazzjoni għall-gruppi vulnerabbli

(7)iżidu l-enfasi fuq dawk li huma NEETs fit-tul (eż. dawk minn gruppi vulnerabbli, fosthom dawk li jkollhom id-diżabbiltajiet), jibnu l-fiduċja tagħhom billi jużaw medjaturi mħarrġa speċifikament u strateġiji komplementari, bħall-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-“ambaxxaturi” żgħażagħ u l-kooperazzjoni ma’ sħab li jkunu f’kuntatt ma’ (gruppi speċifiċi ta’) żgħażagħ. Jesploraw, għal dawk li huma l-aktar diffiċli biex jintlaħqu, il-koordinazzjoni fil-forniment ta’ benefiċċji, kif ukoll l-użu ta’ unitajiet mobbli;

Tħejjija

Użu ta’ għodod ta’ tfassil tal-profil biex jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni individwalizzati

(8)itejbu l-għodod u l-prattiki ta’ tfassil tal-profili u ta’ tgħarbil biex iqabblu s-servizzi li joffru mal-ħtiġijiet tal-individwi, billi jadottaw approċċ għat-tfassil tal-profili u għat-tgħarbil li jkun varjat u sensittiv għall-ġeneru, li jqis il-preferenzi u l-motivazzjoni ta’ persuna żgħażugħa, l-ostakli u l-iżvantaġġi, inklużi r-raġunijiet għalfejn tkun qiegħda jew inattiva;

(9)jiżguraw li l-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ikollhom kapaċità adegwata tal-persunal, b’persunal imħarreġ speċifikament biex iħaddem u jtejjeb l-għodod ta’ tfassil tal-profili u ta’ tgħarbil, kif ukoll biex jiżviluppa pjanijiet ta’ azzjoni individwalizzati li jqisu l-ħtiġijiet tal-persuni u joffru soluzzjonijiet li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet;

Twettiq ta’ konsulenza, gwida u mentoraġġ

(10)jespandu l-fażi ta’ tħejjija permezz ta’ konsulenza, gwida u mentoraġġ iffukati fuq il-persuni u pprovduti minn konsulenti mħarrġa, li tirreaġixxi għall-ħtiġijiet tal-individwu kkonċernat u tagħti attenzjoni xierqa għall-preġudizzju lejn ġeneru jew ieħor u għal forom oħra ta’ diskriminazzjoni. Iħejju lin-NEETs għan-natura tax-xogħol li qed tinbidel, kemm permezz ta’ konsulenza dwar il-karriera kif ukoll permezz ta’ appoġġ għall-intraprenditorija, filwaqt li jadottaw appoġġ personalizzat, ħidma motivazzjonali, promozzjoni u/jew appoġġ mill-pari għal dawk li jkunu ilhom NEETs;

(11)jippermettu approċċ aktar olistiku għall-konsulenza, il-gwida u l-mentoraġġ billi jirreferu liż-żgħażagħ għal sħab (eż. istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ, sħab soċjali, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kif ukoll jappoġġaw il-ħidma fost iż-żgħażagħ u s-servizzi soċjali) li jistgħu jgħinuhom jegħlbu ostakli oħra għall-impjieg;

Tisħiħ tal-ħiliet diġitali b’taħriġ preparatorju

(12)jivvalutaw il-ħiliet diġitali tan-NEETs kollha li jirreġistraw fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ billi jużaw il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp) u l-għodod disponibbli ta’ (awto)valutazzjoni, filwaqt li jiżguraw li, abbażi tad-diskrepanzi identifikati, iż-żgħażagħ kollha jingħataw l-opportunità li jieħdu taħriġ preparatorju ddedikat biex itejbu l-ħiliet diġitali tagħhom;

(13)jissalvagwardjaw il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta’ eżiti tat-tagħlim (mhux formali, informali) mit-taħriġ preparatorju billi jużaw arranġamenti ta’ validazzjoni inkorporati fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, għodod eżistenti bħall-Europass, kif ukoll mikrokredenzjali li jippermettu approċċ aktar modulari għall-akkumulazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim;

Valutazzjoni, titjib u validazzjoni ta’ ħiliet importanti oħra

(14)jiżguraw li l-fażi ta’ tħejjija tiffaċilita t-taħriġ ta’ aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid orjentati lejn ħiliet ekoloġiċi, ħiliet intraprenditorjali u ħiliet fil-ġestjoni tal-karriera, bl-użu ta’ oqfsa ta’ kompetenza, għodod ta’ (awto)valutazzjoni u għodod ta’ validazzjoni eżistenti biex jgħinu liż-żgħażagħ jaħtfu l-opportunitajiet ta’ setturi li qed jikbru u jitħejjew għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidel;

Offerta

Tħaddim b’suċċess ta’ inċentivi għall-impjieg u għan-negozji ġodda matul ir-reċessjoni ekonomika

(15)jużaw inċentivi għall-impjiegi mmirati u mfassla sew – bħal sussidji tal-pagi, bonusijiet għar-reklutaġġ, tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, krediti tat-taxxa jew benefiċċji tad-diżabbiltà – u inċentivi għan-negozji ġodda biex jinħolqu opportunitajiet ta’ kwalità tajba għall-integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

Allinjament tal-offerta mal-istandards eżistenti biex jiġu żgurati l-kwalità u l-ekwità

(16)jallinjaw l-offerti ta’ impjieg mal-prinċipji rilevanti tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali billi jiżguraw id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ, tul raġonevoli tal-perjodi ta’ prova u l-projbizzjoni ta’ abbuż minħabba kuntratti atipiċi;

(17)jiffaċilitaw it-triq lura lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ għaż-żgħażagħ, billi jiddiversifikaw l-offerta ta’ tkomplija tal-edukazzjoni (eż. b’perkorsi ta’ tagħlim flessibbli, b’tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, bi programmi ta’ tranżizzjoni u programmi tat-tieni opportunità), filwaqt li jiżguraw il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali;

(18)jintensifikaw l-appoġġ għall-apprendistati u jiżguraw li l-offerti jikkonformaw mal-istandards minimi stipulati fil-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi;

(19)jiżguraw li l-offerti ta’ traineeships jikkonformaw mal-istandards minimi stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships;

Għoti ta’ appoġġ wara l-kollokament u l-implimentazzjoni tal-feedback

(20)jespandu l-appoġġ li jkompli wara l-kollokament biex jaġġustaw il-pjanijiet ta’ azzjoni individwalizzati fejn meħtieġ, bl-użu tal-opportunità ta’ feedback wara l-kollokament biex jiżguraw li ngħatat offerta ta’ kwalità;

Abilitanti trażversali

Mobilizzazzjoni tas-sħubijiet

(21)isaħħu s-sħubijiet, fil-livelli kollha tal-gvern, bejn il-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-impjegaturi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sħab soċjali, il-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-fornituri ta’ attivitajiet ta’ solidarjetà u ċiviċi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; jifformalizzaw protokolli għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u servizzi soċjali oħra (eż. indukrar tat-tfal, kura tas-saħħa, akkomodazzjoni soċjali, servizzi ta’ aċċessibbiltà);

(22)jippromwovu l-iżvilupp ulterjuri ta’ mudelli ta’ servizzi integrati, bħal punti uniċi ta’ servizz, ġestjoni konġunta ta’ każijiet jew timijiet multidixxiplinarji, li jsaħħu s-sħubijiet u jippermettu punt uniku ta’ kuntatt għaż-żgħażagħ;

Titjib tal-ġbir ta’ data u tal-monitoraġġ tal-iskemi

(23)jespandu l-isforzi biex jarrikkixxu d-data ta’ segwitu billi jsaħħu s-sistemi li jippermettu li ż-żgħażagħ jiġu segwiti wara li jaċċettaw offerta, kif ukoll wara li tintemm l-offerta, sabiex tiġi mmonitorjata l-integrazzjoni sostenibbli u fit-tul fis-suq tax-xogħol;

(24)filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, iħeġġu l-kondiviżjoni usa’ ta’ data ta’ segwiment, ta’ tfassil tal-profil u ta’ segwitu fost is-sħab tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jittejjeb l-appoġġ, li huwa ta’ importanza partikolari għas-suċċess ta’ interventi mmirati lejn in-NEETs vulnerabbli;

Użu sħiħ u ottimu mill-fondi

(25)jiddedikaw riżorsi nazzjonali adegwati favur l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika mressqa mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, filwaqt li jiżguraw li jkunu mmirati sew għall-ħtiġijiet individwali ta’ kull persuna żgħażugħa;

(26)jagħmlu użu sħiħ u ottimu mill-istrumenti attwali tal-UE taħt il-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari l-YEI l-FSE u l-FEŻR (2014-2020), u jimmobilizzaw sehem sinifikanti mill-fondi addizzjonali pprovduti taħt REACT-EU, l-FSE+ u l-FEŻR (2021-2027), biex jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ, jipprevjenu l-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ u jimplimentaw riformi ta’ politika rilevanti;

(27)jisfruttaw il-potenzjal sħiħ li l-isforzi ta’ finanzjament nazzjonali jiġu kkomplementati b’sorsi oħra ta’ finanzjament mill-UE li jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, notevolment il-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza, il-FEŻR, il-FAEŻR, InvestEU, l-AMIF, il-programm Erasmus+u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku;

B’DAN JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

Titjib tal-ġbir ta’ data u tal-monitoraġġ tal-iskemi

(28)tkompli tappoġġa l-monitoraġġ kwantitattiv tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ abbażi tal-Qafas ta’ Indikaturi miftiehem b’mod ġenerali, billi tipproponi aġġustamenti fejn xieraq fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill attwali;

(29)mill-2022 ’il quddiem, ittejjeb il-granularità li biha jiġi vvalutat il-grupp ta’ NEETs fil-mira, u tapprofitta mit-titjib għall-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE li rriżulta mir-Regolament (UE) 2019/1700;

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

(30)timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ skont din ir-Rakkomandazzjoni permezz tas-sorveljanza multilaterali tal-Kumitat tal-Impjiegi fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew;

(31)tinteraġixxi regolarment mal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew biex tiżgura l-monitoraġġ ta’ investiment nazzjonali kontinwu f’politiki u programmi għall-impjieg taż-żgħażagħ; tindirizza, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri;

(32)tirrapporta regolarment lill-Kumitat tal-Impjiegi dwar żviluppi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u r-riżultati ta’ skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ;

Sensibilizzazzjoni u mmirar tal-komunikazzjoni

(33)issaħħaħ l-appoġġ għall-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-Istati Membri, u ssaħħaħ it-tixrid tar-riżultati u eżempji ta’ prattika tajba fost l-Istati Membri.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ hija sostitwita.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Ewropa Soċjali B’Saħħitha Għal Tranżizzjonijiet Ġusti”, COM (2020) 14 final.
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, COM(2020) 276 final.
(3)    Li tinkludi allokazzjoni speċifika għall-YEI u komponent korrispondenti tal-FSE, f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar il-FSE – UE 1304/2013.
(4)    Study for the Evaluation of ESF Support to Youth Employment (Studju għall-Evalwazzjoni tal-Appoġġ mill-FSE għall-Impjieg taż-Żgħażagħ) – Rapport Finali, Marzu 2020.
(5)    European Economic Forecast, Spring 2020 (It-Tbassir Ekonomiku Ewropew tar-Rebbiegħa 2020). Dokument istituzzjonali 125, Mejju 2020. Il-Kummissjoni Ewropea.
(6)    Meta jitqiesu individwalment, xi Stati Membri għandhom prestazzjoni aħjar (eż. f’10 pajjiżi, aktar minn nofs iż-żgħażagħ NEETs fl-etajiet ta’ bejn il-15 u l-24 sena huma rreġistrati fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ). Id-differenzi huma marbutin ma’ kundizzjonijiet makroekonomiċi diversi, mal-istituzzjonijiet fis-suq tax-xogħol u mal-prestazzjoni tas-sistemi pubbliċi tal-impjieg, tal-edukazzjoni u tal-protezzjoni soċjali. Dawn jistgħu jkunu parzjalment marbuta wkoll mal-fatt li l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Istati Membri s’issa kellhom it-tendenza li jiffukaw fuq in-NEETs li jistgħu jintlaħqu u jiġu attivati aktar faċilment, u li d-data rrappurtata mill-Istati Membri mhux neċessarjament tkopri ż-żgħażagħ kollha li qed jiġu appoġġati. Barra minn hekk, in-NEETs huma grupp eteroġenu u xi wħud miż-żgħażagħ f’dan il-grupp qed jinbidlu b’rata rapida (żmien bejn l-impjiegi jew qabel ma jibdew impjieg wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom).
(7)    B’mod partikolari, is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE tippreżenta sfida: dawn ir-reġjuni għandhom rati ferm ogħla tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u ta’ NEETs mill-bqija tal-Unjoni Ewropea, għandhom ukoll inqas prospettivi.
(8)    Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jinsabu informazzjoni u data aktar dettaljati dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ (fosthom dawk minn sfond ta’ migrazzjoni) fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri differenti; SWD(2020)124.
(9)    Ir-rata tan-NEETs għadha 10 punti perċentwali ogħla għaż-żgħażagħ mhux imwielda fl-UE meta mqabbla maż-żgħażagħ nattivi, u r-rata tan-NEETs ta’ nisa żgħażagħ mhux imwielda fl-UE hija aktar mid-doppju tar-rata ta’ nisa żgħażagħ nattivi. Ara SWD (2017) 286 final/2, Roma integration indicators scoreboard (Tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi tal-integrazzjoni tar-Rom) (2011-2016). Ir-rata ta’ Rom ta’ bejn is-6 u l-15-il sena li jattendu klassijiet segregati (fejn “il-persuni kollha l-oħra fil-klassi jkunu Rom”) żdiedet minn 10 % għal 15 %.
(10)    Dan x’aktarx li huwa marbut mal-fatt li n-NEETs inattivi jinkludu wkoll żgħażagħ b’responsabbiltajiet ta’ kura – dawk li jieħdu ħsieb it-tfal jew l-adulti, kif ukoll dawk b’responsabbiltajiet personali jew familjari oħra – u n-nisa għandhom tendenza li jkunu rrappreżentati żżejjed f’dan is-sottogrupp. Ir-responsabbiltajiet ta’ kura bħala raġuni għall-inattività hija aktar minn ħames darbiet aktar prevalenti fost in-nisa (55,2 %) milli fost l-irġiel (10,6 %).
(11)    Skont l-ANED bl-użu ta’ Data mill-SILC tal-2016, ir-rata ta’ impjieg ta’ żgħażagħ b’diżabilitajiet tal-etajiet bejn l-20 u d-29 sena kienet kemmxejn inqas minn 45 %.
(12)    Pereżempju, l-istigmatizzazzjoni bbażata fuq il-viċinat, aċċess limitat għal servizzi pubbliċi jew preżenza limitata ta’ kumpaniji. Dawn l-ostakli jiġu rinforzati meta nies minn sfond ta’ migrazzjoni jkunu jikkostitwixxu parti kbira minn dawn iż-żoni urbani u huma relatati bil-qawwa mal-isfidi ffaċjati fis-sistema edukattiva.
(13)    Bl-użu tal-medji annwali għall-2019 u billi jitqies li l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà adottaw il-grupp ta’ età ta’ bejn il-15 u d-29 sena, l-għadd assolut ta’ NEETs fil-mira żdied minn madwar 8,2 miljuni għal 9,4 miljuni, li jammonta għal żieda ta’ madwar 14 % biss.
(14)    Il-maġġoranza tal-Istati Membri nedew l-iskemi nazzjonali tagħhom ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ f’Jannar tal-2014. Billi adottaw il-possibbiltà pprovduta mill-YEI, għadd ta’ Stati Membri espandew l-iskema, jew mill-bidu jew inkella progressivament, biex tkopri wkoll liż-żgħażagħ fl-etajiet ta’ bejn il-25 u d-29 sena. Attwalment, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija limitata għal dawk li għandhom bejn il-15 u l-24 sena fil-Belġju, fid-Danimarka, fl-Irlanda, fi Franza, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, fin-Netherlands, fl-Awstrija, fir-Rumanija u fl-Iżvezja biss. Fis-17-il Stat Membru l-oħra, din hija miftuħa għall-koorti ta’ persuni ta’ bejn il-15 u d-29 sena.
(15)    Id-data disponibbli dwar l-eżiti, għalkemm għadha inkompleta (ir-raġuni għat-tluq mhijiex magħrufa f’każ minn kull ħamsa, jiġifieri f’20 %), turi riżultati inkoraġġanti: medja ta’ kemmxejn aktar minn nofs iż-żgħażagħ jibqgħu fl-impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ sitt xhur wara li jkunu telqu mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u dawn ir-riżultati huma miżmuma tul iż-żmien (12 u 18-il xahar wara t-tluq).
(16)    Il-Komunikazzjoni “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” COM (2020) 456 final, u l-Komunikazzjoni “Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa”, COM(2020) 442 final.
(17)    Adottati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2019/1181 tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2019, b’mod partikolari l-Linja gwida 6.
(18)    ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1–13
(19)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali”, COM/2018/022 final.
(20)    ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1-6
(21)    ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1-5
(22)    Komunikazzjoni dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, COM(2016) 377 final.
(23)    ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1-4
(24)    ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1-6
(25)    ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1-5
(26)    ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1-6
(27)    Il-Komunikazzjoni “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss, COM (2020) 456 final
(28)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM/2019/640 final.
(29)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari”, COM/2015/0614 final.
(30)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, COM/2020/67 final.
(31)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa”, COM/2020/102 final.
(32)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali”, COM/2020/103 final.
(33)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” COM/2020/152 final.
(34)    ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1-6
(35)    http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=17424&langId=mt
(36)    Ir-riżultati dettaljati tal-konsultazzjonijiet immirati mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin huma deskritti fir-Rapport ta’ sinteżi li jagħmel parti mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li ġie ppubblikat flimkien ma’ din il-proposta.
(37)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat flimkien ma’ din il-proposta.
(38)    ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44–45
(39)    ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1-5
(40)    ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1-6
(41)    ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1–13
(42)    ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1-4
(43)    ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1-6
(44)    ĠU L 261I, 14.10.2019
(45)    COM/2019/640 final
(46)    COM(2020) 441 final/2; COM (2020) 456 final; COM (2020) 442 final.
(47)    ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1-6.
(48)    Il-medji annwali għall-2019 mill-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI). Iċ-ċifri jikkonċernaw il-grupp ta’ età ta’ bejn is-16 u d-29 sena.
Top