IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.12.2019
COM(2019) 640 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019DC0640
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE EUROPEAN COUNCIL, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS The European Green Deal
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
COM/2019/640 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.12.2019
COM(2019) 640 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
1.Introduzzjoni — nittrasformaw sfida urġenti f’opportunità unika
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għall-Unjoni Ewropea (UE) u ċ-ċittadini tagħha. Tistabbilixxi mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent li huwa l-kompitu li jiddefinixxi din il-ġenerazzjoni. L-atmosfera qed tisħon u l-klima qed tinbidel ma’ kull sena li tgħaddi. Miljun minn tmien miljun speċi fuq il-pjaneta huma f’riskju li jintilfu. Il-foresti u l-oċeani qed jitniġġsu u jinqerdu 1 .
Il-Patt Ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea huwa reazzjoni għal dawn l-isfidi. Hija strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi.
Għandha l-għan ukoll li tipproteġi, tippreserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tal-UE, u tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u l-impatti relatati mal-ambjent. Fl-istess ħin, din it-tranżizzjoni trid tkun ġusta u inklużiva. Għandha tpoġġi lin-nies fl-ewwel post, u tagħti attenzjoni lir-reġjuni, lill-industriji u lill-ħaddiema li se jiffaċċjaw l-akbar sfidi. Peress li se ġġib bidla sostanzjali, il-parteċipazzjoni pubblika attiva u l-fiduċja fit-tranżizzjoni huma ta’ importanza kbira jekk il-politiki jridu jaħdmu u jiġu aċċettati. Hemm bżonn ta’ patt ġdid biex ilaqqa’ liċ-ċittadini mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali, mas-soċjetà ċivili u l-industrija mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi konsultattivi.
L-UE għandha l-kapaċità kollettiva li tittrasforma l-ekonomija u s-soċjetà tagħha biex tkun fuq perkors aktar sostenibbli. Tista’ tibni fuq il-punti b’saħħithom tagħha bħala mexxejja globali fuq miżuri klimatiċi u ambjentali, fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, u fuq id-drittijiet tal-ħaddiema. It-tnaqqis addizzjonali effettiv huwa sfida. Dan se jkun jeħtieġ investiment pubbliku massiv u sforzi akbar biex jidderieġi l-kapital privat lejn azzjoni klimatika u ambjentali, filwaqt li jiġi evitat intrappolament fi prattiki mhux sostenibbli. L-UE trid tkun fuq quddiem nett tal-isforzi internazzjonali ta’ koordinazzjoni biex tibni sistema finanzjarja koerenti li tappoġġa soluzzjonijiet sostenibbli. Dan l-investiment bil-quddiem huwa wkoll opportunità biex l-Ewropa titpoġġa b’mod sod fuq perkors ġdid ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew se jaċċellera u jirfed it-tranżizzjoni meħtieġa fis-setturi kollha.
L-ambizzjoni ambjentali tal-Patt Ekoloġiku mhix se tintlaħaq mill-Ewropa waħedha. L-ixpruni tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma globali u mhumiex limitati mill-fruntieri nazzjonali. L-Unjoni tista’ tuża l-influwenza, il-kompetenza u r-riżorsi finanzjarji tagħha biex timmobilizza l-ġirien u s-sħab tagħha biex jingħaqdu magħha fi triq aktar sostenibbli. L-UE ser tkompli tmexxi l-isforzi internazzjonali u tixtieq tibni alleanzi ma’ dawk bl-istess fehma. Hija tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jinżammu s-sigurtà u l-kompetittività tagħha anke meta oħrajn ma jkunux lesti jaġixxu.
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta pjan direzzjonali inizjali tal-politiki u l-miżuri ewlenin meħtieġa biex jinkiseb il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan se jiġi aġġornat hekk kif il-ħtiġijiet jevolvu u t-tweġibiet politiċi jiġu fformulati. L-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-UE se jkollhom jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-isfidi huma kumplessi u interkonnessi. Ir-reazzjoni tal-politika għandha tkun kuraġġuża u komprensiva u għandha tfittex li timmassimizza l-benefiċċji għas-saħħa, il-kwalità tal-ħajja, ir-reżiljenza u l-kompetittività. Se tirrikjedi koordinazzjoni intensiva biex jiġu sfruttati s-sinerġiji disponibbli fl-oqsma kollha ta’ politika 2 .
Il-Patt Ekoloġiku huwa parti integrali ta’ din l-istrateġija tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli 3 , u l-prijoritajiet l-oħra mħabbra fil-linji gwida politiċi tal-President von der Leyen 4 . Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni se tiffoka mill-ġdid il-proċess tas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni makroekonomika biex tintegra l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, biex fil-qalba tal-politika ekonomika tpoġġi s-sostenibbiltà u l-benesseri taċ-ċittadini, u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fil-qalba tat-tfassil tal-politika u l-azzjoni tal-UE.
Il-kaxxa ta’ hawn taħt turi d-diversi elementi tal-Patt Ekoloġiku.
Figura 1: Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
2.Nittrasformaw l-ekonomija tal-UE għal futur sostenibbli
2.1.It-tfassil ta’ sett ta’ politiki trasformattivi ferm
Biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, hemm bżonn li jitfasslu mill-ġdid il-politiki għall-provvista madwar l-ekonomija kollha tal-enerġija nadifa, l-industrija, il-produzzjoni u l-konsum, l-infrastruttura fuq skala kbira, it-trasport, l-ikel u l-agrikoltura, il-kostruzzjoni it-tassazzjoni u l-benefiċċji soċjali. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, huwa essenzjali li jiżdied il-valur mogħti lill-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi naturali, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem. Dan huwa fejn il-bidla trasformattiva hija l-aktar meħtieġa u potenzjalment l-aktar ta’ benefiċċju għall-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent naturali tal-UE. L-UE għandha wkoll tippromwovi u tinvesti fit-trasformazzjoni diġitali meħtieġa u fl-għodod, peress li dawn huma strumenti essenzjali għat-tibdil.
Filwaqt li dawn l-oqsma għal azzjoni huma interkonnessi sew u jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku, għandha tingħata attenzjoni partikolari meta jkun hemm kompromessi potenzjali bejn l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Il-Patt Ekoloġiku se jagħmel użu konsistenti mil-lievi politiċi kollha: ir-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni, ir-riformi nazzjonali, id-djalogu mas-sħab soċjali u l-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jiggwida l-azzjoni biex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ lura.
Il-miżuri l-ġodda waħedhom mhumiex se jkunu biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Minbarra t-tnedija ta’ inizjattivi ġodda, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex iżżid l-isforzi tal-UE biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni u l-politiki attwali rilevanti għall-Patt Ekoloġiku jiġu infurzati u implimentati b’mod effettiv.
2.1.1.Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 u l-2050
Il-Kummissjoni diġà stabbiliet viżjoni ċara ta’ kif tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 5 . Din il-viżjoni għandha tifforma l-bażi għall-istrateġija fit-tul li l-UE ser tissottometti għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima kmieni fl-2020. Biex tistabbilixxi b’mod ċar il-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni effettiva u ġusta, tipprovdi prevedibbiltà għall-investituri, u tiżgura li t-tranżizzjoni tkun irriversibbli, il-Kummissjoni se tipproponi l-ewwel “Liġi dwar il-Klima” Ewropea sa Marzu 2020. Din se tonqox l-objettiv tan-newtralità tal-klima għall-2050 fil-leġiżlazzjoni. Il-liġi dwar il-Klima se tiżgura wkoll li l-politiki kollha tal-UE jikkontribwixxu għall-objettiv tan-newtralità tal-klima u li s-setturi kollha jagħtu sehemhom.
L-UE diġà bdiet timmodernizza u tittrasforma l-ekonomija bl-għan tan-newtralità tal-klima. Bejn l-1990 u l-2018, naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra bi 23 %, filwaqt li l-ekonomija kibret b’61 %. Madankollu, il-politiki attwali se jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra biss b’60 % sal-2050. Għad fadal ħafna xi jsir, b’azzjoni klimatika aktar ambizzjuża fid-deċennju li ġej.
Sas-sajf tal-2020, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ valutazzioni tal-impatt biex iżżid il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 għal mill-inqas 50 % u għal 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 b’mod responsabbli. Sabiex twettaq dan it-tnaqqis addizzjonali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-Kummissjoni, sa Ġunju 2021, se tirrieżamina u tipproponi li tirrevedi fejn meħtieġ, l-istrumenti ta’ politika kollha rilevanti relatati mal-klima. Din ser tinkludi s-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 6 , inkluża l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-iskambju Ewropew tal-kwoti tal-emissjonijiet għal setturi ġodda, il-miri tal-Istati Membri li jnaqqsu l-emissjonijiet f’setturi barra s-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 7 , u r-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija 8 . Il-Kummissjoni se tipproponi li temenda l-Liġi dwar il-Klima biex taġġornaha kif xieraq.
Dawn ir-riformi ta’ politika se jgħinu biex jiġi żgurat ipprezzar effettiv tal-karbonju fl-ekonomija kollha. Dan ser jinkoraġġixxi bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi u tan-negozju, u jiffaċilita żieda fl-investiment pubbliku u privat sostenibbli. L-istrumenti differenti tal-ipprezzar iridu jikkumplimentaw lil xulxin u jipprovdu qafas ta’ politika koerenti b’mod konġunt. L-iżgurar li t-tassazzjoni tkun allinjata mal-objettivi tal-klima huwa essenzjali wkoll. Il-Kummissjoni se tipproponi li tirrevedi d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija 9 , li tiffoka fuq kwistjonijiet ambjentali, u tipproponi li jintużaw id-dispożizzjonijiet fit-Trattati li jippermettu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw proposti f’dan il-qasam permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata aktar milli b’unanimità.
Sakemm ħafna sħab internazzjonali ma jaqsmux l-istess ambizzjoni bħall-UE, hemm ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, jew minħabba li l-produzzjoni tiġi ttrasferita mill-UE lejn pajjiżi oħra b’inqas ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, jew minħabba li l-prodotti tal-UE jiġu sostitwiti b’aktar importazzjonijiet b’użu intensiv ta’ karbonju. Jekk dan ir-riskju jimmaterjalizza, ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fl-emissjonijiet globali, u dan ifixkel l-isforzi tal-UE u l-industriji tagħha biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima globali tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Jekk jippersistu d-differenzi fil-livelli ta’ ambizzjoni mad-dinja, hekk kif l-UE żżid l-ambizzjoni tagħha dwar il-klima, il-Kummissjoni se tipproponi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri għal setturi magħżula biex jitnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju Dan jiżgura li l-prezz tal-importazzjonijiet jirrifletti b’mod aktar preċiż il-kontenut tal-karbonju tagħhom. Din il-miżura se tkun imfassla biex tikkonforma mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u ma’ obbligi internazzjonali oħra tal-Unjoni. Tkun alternattiva għall-miżuri 10 li jindirizzaw ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.
Il-Kummissjoni se tadotta strateġija ġdida u aktar ambizzjuża tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Dan huwa essenzjali, peress li t-tibdil fil-klima se jkompli joħloq stress sinifikanti fl-Ewropa minkejja l-isforzi ta’ mitigazzjoni. It-tisħiħ tal-isforzi dwar il-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima, il-bini tar-reżiljenza, il-prevenzjoni u t-tħejjija huwa kruċjali. Il-ħidma fuq l-adattament għall-klima għandha tkompli tinfluwenza l-investimenti pubbliċi u privati, inkluż dwar soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Se jkun importanti li jiġi żgurat li madwar l-UE, l-investituri, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-bliet u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw id-data u jiżviluppaw strumenti li jintegraw it-tibdil fil-klima fil-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom.
2.1.2.Il-provvista ta’ enerġija nadifa, affordabbli u sigura
Id-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tas-sistema tal-enerġija hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi fl-2030 u l-2050. Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija fis-setturi ekonomiċi kollha jammontaw għal aktar minn 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE. L-effiċjenza enerġetika għandha tingħata prijorità. Għandu jiġi żviluppat settur tal-enerġija li fil-biċċa l-kbira tiegħu jkun ibbażat fuq sorsi rinnovabbli; dan irid jiġi kkomplementat bit-tneħħija rapida tal-faħam u bid-dekarbonizzazzjoni tal-gass. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-provvista tal-enerġija tal-UE tkun sigura u affordabbli għall-konsumaturi u n-negozji. Sabiex dan iseħħ, huwa essenzjali li jiġi żgurat li s-suq tal-enerġija Ewropew ikun integrat b’mod sħiħ, interkonness u diġitalizzat filwaqt li tiġi rrispettata n-newtralità teknoloġika.
L-Istati Membri se jippreżentaw il-pjanijiet riveduti tagħhom dwar l-enerġija u l-klima sal-aħħar tal-2019. F’konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika 11 , dawn il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu kontribuzzjonijiet nazzjonali ambizzjużi għal miri għall-UE kollha. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ambizzjoni tal-pjanijiet, u l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali jekk il-livell ta’ ambizzjoni ma jkunx biżżejjed. Dan se jikkontribwixxi għall-proċess ta’ żieda fl-ambizzjoni klimatika għall-2030, li għalih il-Kummissjoni se tirrieżamina u tipproponi li tirrevedi, fejn meħtieġ, il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-enerġija sa Ġunju 2021. Meta l-Istati Membri jibdew jaġġornaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima fl-2023, għandhom jirriflettu l-ambizzjoni klimatika l-ġdida. Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tiġi infurzata b’mod rigoruż.
It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa għandha tinvolvi u tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se jkollhom rwol essenzjali. Ser ikun essenzjali li tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, li tibni fuq il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri. L-integrazzjoni intelliġenti tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u soluzzjonijiet sostenibbli oħra fis-setturi kollha se jgħinu biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni bl-aktar spiża baxxa possibbli. It- tnaqqis rapidu fil-kost ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, flimkien ma’ titjib fid-disinn tal-politiki ta’ appoġġ, diġà naqqas l-impatt fuq il-kontijiet tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni se tippreżenta sa nofs l-2020 miżuri biex tgħin fit-twettiq ta’ integrazzjoni intelliġenti. B’mod parallel, id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass se tiġi ffaċilitata, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-appoġġ għall-iżvilupp ta’ gassijiet dekarbonizzati, permezz ta’ disinn li jibqa’ validu fil-futur għal suq tal-gass kompetittiv dekarbonizzat, u billi tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija.
Ir-riskju tal-faqar enerġetiku jrid jiġi indirizzat għall-unitajiet domestiċi li ma jistgħux jaffordjaw servizzi tal-enerġija ewlenin biex jiżguraw standard bażiku ta’ għajxien. Programmi effettivi, bħall-iskemi ta’ finanzjament għad-djar biex jirrinovaw djarhom, jistgħu jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u jgħinu lill-ambjent. Fl-2020, il-Kummissjoni se tipproduċi gwida biex tassisti lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-prekarjetà enerġetika.
It-tranżizzjoni għan-newtralità tal-klima teħtieġ ukoll infrastruttura intelliġenti. Iż-żieda fil-kooperazzjoni transfruntiera u reġjonali se tgħin biex jinkisbu l-benefiċċji tat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa bi prezzijiet affordabbli. Il-qafas regolatorju għall-infrastruttura tal-enerġija, inkluż ir-Regolament TEN-E 12 , jeħtieġ li jiġi rieżaminat sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettiv tan-newtralità klimatika. Dan il-qafas għandu jrawwem l-użu ta’ teknoloġiji u infrastruttura innovattivi, bħal grilji intelliġenti, netwerks tal-idroġenu jew il-ġbir, il-ħżin u l-użu tal-karbonju, il-ħżin tal-enerġija, li jippermetti wkoll l-integrazzjoni tas-settur. Xi infrastruttura u assi eżistenti se jirrikjedu aġġornament biex jibqgħu adattati għall-iskop u reżiljenti għall-klima.
2.1.3.Il-mobilizzazzjoni tal-industrija għal ekonomija nadifa u ċirkolari
Il-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima u ċirkolari teħtieġ il-mobilizzazzjoni sħiħa tal-industrija. Hemm bżonn 25 sena — żmien ġenerazzjoni — biex wieħed jittrasforma settur industrijali u l-ktajjen ta’ valur kollha. Biex ikunu lesti fl-2050, jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet u azzjonijiet fil-ħames snin li ġejjin.
Mill-1970 sal-2017, l-estrazzjoni globali annwali tal-materjali ttriplat u qed tkompli tikber 13 , u dan joħloq riskju globali kbir. Madwar nofs l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra totali u aktar minn 90 % tat-telf tal-bijodiversità u l-istress tal-ilma jiġu mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi għal materjali, fjuwils u ikel. L-industrija tal-UE bdiet taqleb iżda għadha tirrappreżenta 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE. Għadha wisq “lineari”, u tiddependi mill-fluss ta’ materjali ġodda estratti, innegozjati u pproċessati f’oġġetti, u fl-aħħar jintremew bħala skart jew emissjonijiet. Huwa biss 12 % tal-materjal li tuża li jiġi mir-riċiklaġġ 14 .
It-tranżizzjoni hija opportunità biex titwessa’ attività ekonomika sostenibbli u intensiva fl-impjiegi. Hemm potenzjal sinifikanti fis-swieq globali għal teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi, prodotti u servizzi sostenibbli. Bl-istess mod, l-ekonomija ċirkolari toffri potenzjal kbir għal attivitajiet u impjiegi ġodda. Madankollu, it-trasformazzjoni qed isseħħ b’pass kajman wisq u l-progress la huwa mifrux u lanqas uniformi. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew se jappoġġa u jaċċellera t-tranżizzjoni tal-industrija tal-UE lejn mudell sostenibbli ta’ tkabbir inklużiv.
F’Marzu 2020, il-Kummissjoni se tadotta strateġija industrijali tal-UE biex tindirizza l-isfida doppja tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali. L-Ewropa għandha tisfrutta l-potenzjal tat-trasformazzjoni diġitali li hija faċilitatur ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Flimkien mal-istrateġija industrijali, pjan ta’ azzjoni ġdid għal ekonomija ċirkolari jkun ta’ għajnuna fl-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE u jġib benefiċċji mill-opportunitajiet tal-ekonomija ċirkolari domestikament u globalment. Għan ewlieni tal-qafas ta’ politika l-ġdid se jkun li jistimula l-iżvilupp ta’ swieq ewlenin għal prodotti ċirkolari u newtrali għall-klima.
L-industriji li jużaw ħafna enerġija, bħall-azzar, is-sustanzi kimiċi u s-siment, huma indispensabbli għall-ekonomija tal-Ewropa, peress li jipprovdu diversi katini ta’ valur ewlenin. Id-dekarbonizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ dan is-settur huma essenzjali. Ir-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-Grupp ta’ Livell Għoli tal-industriji li jużaw ħafna enerġija huma xhieda tal-impenn tal-industrija lejn dawn l-objettivi 15 .
Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari se jinkludi politika ta’ ‘prodotti sostenibbli’ li tappoġġja t-tfassil ċirkolari tal-prodotti kollha abbażi ta’ metodoloġija u prinċipji komuni. Se jipprijoritizza t-tnaqqis u l-użu mill-ġdid tal-materjali qabel ir-riċiklaġġ. Se jrawwem mudelli ġodda ta’ negozju u jistabbilixxi rekwiżiti minimi biex prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent ma jitqegħdux fis-suq tal-UE. Ir-responsabbiltà estiża tal-produttur se tissaħħaħ ukoll.
Filwaqt li l-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari se jiggwida t-tranżizzjoni tas-setturi kollha, l-azzjoni se tiffuka b’mod partikolari fuq setturi li jużaw ħafna riżorsi bħat-tessuti, il-kostruzzjoni, l-elettronika u l-plastik. Il-Kummissjoni se ssegwi fuq l-istrateġija tal-2018 dwar il-plastik li tiffoka, fost affarijiet oħra, fuq miżuri biex jiġu indirizzati l-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment u r-rilaxxi mhux intenzjonati tal-plastik minn, pereżempju t-tessuti u l-brix tat-tajers. Il-Kummissjoni se tiżviluppa rekwiżiti li jiżguraw li l-imballaġġ kollu fis-suq tal-UE jista’ jerġa’ jintuża jew jiġi rriċiklat b’mod ekonomikament vijabbli sal-2030, se jiżviluppa qafas regolatorju għall-plastik bijodegradabbli u b’bażi bijoloġika, u se jimplimenta miżuri dwar il-plastik li jintuża darba biss.
Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari se jinkludi wkoll miżuri biex jinkoraġġixxu lin-negozji joffru u jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu prodotti riużabbli, durabbli u li jistgħu jissewwew. Din se tanalizza l-ħtieġa għal ‘dritt għat-tiswija’, u se trażżan l-obsolenza inkorporata tal-apparati, b’mod partikolari għall-elettronika. Il-politika tal-konsumatur se tgħin biex il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa biex jagħmlu għażliet infurmati u jkollhom rwol attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika. Mudelli ġodda ta’ negozju bbażati fuq il-kiri u l-kondiviżjoni ta’ oġġetti u servizzi wkoll se jkollhom rwol sakemm ikunu verament sostenibbli u affordabbli.
Informazzjoni affidabbli, komparabbli u verifikabbli wkoll għandha rwol importanti biex ix-xerrejja jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli u tnaqqas ir-riskju ta’ ‘ħasil ekoloġiku’. Il-kumpaniji li jagħmlu ‘asserzjonijiet ekoloġiċi’ għandhom jissostanzjaw dawn kontra metodoloġija standard li tivvaluta l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi regolatorji u mhux regolatorji tagħha biex tindirizza t-talbiet ekoloġiċi foloz. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tgħin ukoll biex titjieb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti mibjugħa fl-UE. Pereżempju, passaport ta’ prodott elettroniku jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-oriġini, il-kompożizzjoni, il-possibbiltajiet ta’ tiswija u żarmar ta’ prodott, u l-immaniġġjar ta’ tmiem il-ħajja. L-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, għandhom imexxu bl-eżempju u jiżguraw li l-akkwist tagħhom ikun ekoloġiku. Il-Kummissjoni se tipproponi aktar leġiżlazzjoni u gwida dwar ix-xiri pubbliku ekoloġiku.
Politika dwar il-prodotti sostenibbli għandha wkoll il-potenzjal li tnaqqas l-iskart b’mod sinifikanti. Meta l-iskart ma jkunx jista’ jiġi evitat, il-valur ekonomiku tiegħu irid jiġi rkuprat u jiġi evitat jew minimizzat l-impatt ekonomiku tiegħu fuq l-ambjent u fuq it-tibdil fil-klima. Dan jirrikjedi leġiżlazzjoni ġdida, inkluż miri u miżuri biex jiġi indirizzat il-pakkett żejjed u l-ġenerazzjoni tal-iskart. B’mod parallel, il-kumpaniji tal-UE għandhom jibbenefikaw minn suq uniku robust u integrat għal materja prima sekondarja u prodotti sekondarji. Dan jeħtieġ kooperazzjoni aktar profonda bejn il-ktajjen ta’ valur, bħal fil-każ tal-Alleanza Ċirkolari dwar il-Plastik. Il-Kummissjoni se tikkunsidra r-rekwiżiti legali biex issaħħaħ is-suq ta’ materja prima sekondarja b’kontenut riċiklat obbligatorju (pereżempju għall-ippakkjar, il-vetturi, il-materjali tal-kostruzzjoni u l-batteriji). Biex tissimplifika l-ġestjoni tal-iskart għaċ-ċittadini u tiżgura materjali sekondarji aktar nodfa għan-negozji, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll mudell tal-UE għall-ġbir tal-iskart separat. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-UE għandha tieqaf tesporta l-iskart tagħha barra mill-UE u għalhekk se tirrevedi r-regoli dwar il-vjeġġi ta’ skart u l-esportazzjonijiet illegali.
L-aċċess għar-riżorsi huwa wkoll kwistjoni ta’ sigurtà strateġika għall-ambizzjoni tal-Ewropa li twassal il-Patt Ekoloġiku. Għalhekk, l-iżgurar ta’ provvista sostenibbli ta’ materja prima, b’mod partikolari materja prima kritika meħtieġa għal teknoloġiji nodfa, applikazzjonijiet diġitali, spazjali u tad-difiża, permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvista minn sorsi primarji u sekondarji, huwa wieħed mill-prerekwiżiti biex issir din it-tranżizzjoni.
L-industrija tal-UE teħtieġ “klima u riżorsi minn ta’ quddiem” biex tiżviluppa l-ewwel applikazzjonijiet kummerċjali ta’ teknoloġiji innovattivi f’setturi industrijali ewlenin sal-2030. L-oqsma ta’ prijorità jinkludu l-idroġenu nadif, iċ-ċelloli tal-fjuwil u fjuwils alternattivi oħra, il-ħżin tal-enerġija, u l-ġbir, l-użu u l-ħżin tal-karbonju. Bħala eżempju, il-Kummissjoni se tappoġġja teknoloġiji rivoluzzjonarji tal-azzar nodfa li jwasslu għal proċess ta’ tfassil tal-azzar mingħajr emissjonijiet tal-karbonju sal-2030 u se tesplora jekk tkunx tista’ tintuża parti mill-finanzjament li qed jiġi likwidat taħt il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. B’mod aktar ġenerali, il-Fond ta’ Innovazzjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet se jgħin biex jiġu skjerati tali proġetti fuq skala kbira.
Il-promozzjoni ta’ forom ġodda ta’ kollaborazzjoni mal-industrija u l-investimenti f’katini tal-valur strateġiċi hija essenzjali. Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji u tappoġġa l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji. Fl-2020 se tipproponi leġiżlazzjoni biex tiżgura katina tal-valur ċirkolari, sikura u sostenibbli tal-batteriji, inkluż biex jiġi fornut is-suq li qed jikber tal-vetturi elettriċi. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll inizjattivi oħra li jwasslu għal alleanzi u kondiviżjoni tar-riżorsi fuq skala kbira, pereżempju fil-forma ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni, fejn għajnuna mill-Istat immirata marbuta biż-żmien tista’ tgħin biex jinbnew ktajjen ta’ valur innovattivi ġodda.
It-teknoloġiji diġitali huma xprunatur kritiku biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà taż-Żona l-Ħadra f’ħafna setturi differenti. Il-Kummissjoni se tesplora miżuri biex tiżgura li t-teknoloġiji diġitali bħall-intelliġenza artifiċjali, il-5G, il-cloud u l-edge computing u l-internet tal-oġġetti ikunu jistgħu jaċċelleraw u jimmassimizzaw l-impatt tal-politiki biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ambjent. Id-diġitalizzazzjoni tippreżenta wkoll opportunitajiet ġodda għall-monitoraġġ mill-bogħod tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma, jew għall-monitoraġġ u l-ottimizzar ta’ kif jintużaw l-enerġija u r-riżorsi naturali. Fl-istess waqt l-Ewropa teħtieġ settur diġitali li jpoġġi s-sostenibbiltà fil-qalba tiegħu. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-ekonomija ċirkolari tas-settur innifsu, min-netwerks tal-broadband sa ċentri tad-data u apparat tal-ICT. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għal aktar trasparenza dwar l-impatt ambjentali ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, miżuri aktar stretti meta jiġu skjerati netwerks ġodda u l-benefiċċji tal-appoġġ ta’ skemi ta’ ‘teħid lura’ biex in-nies jingħataw inċentiv biex jirritornaw l-apparati mhux mixtieqa tagħhom bħal telefowns ċellulari, tablets u ċarġers.
2.1.4.Bini u rinnovazzjoni b’mod effiċjenti fl-enerġija u r-riżorsi
Il-kostruzzjoni, l-użu u r-rinnovazzjoni tal-bini jeħtieġu ammonti sinifikanti ta’ enerġija u riżorsi minerali (eż. ramel, żrar, siment). Il-bini jirrappreżenta wkoll 40 % tal-enerġija kkunsmata. Illum ir-rata annwali ta’ rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tvarja minn 0.4 għal 1.2 % fl-Istati Membri. Din ir-rata teħtieġ mill-anqas li tirdoppja biex tilħaq l-objettivi tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-klima. B’mod parallel, 50 miljun konsumatur ibatu biex iżommu darhom sħuna biżżejjed.
Sabiex tiġi indirizzata l-isfida doppja tal-effiċjenza fl-enerġija u l-affordabilità, l-UE u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom f’“mewġa ta’ rinnovazzjoni” ta’ bini pubbliku u privat. Filwaqt li ż-żieda fir-rati tar-rinnovazzjoni hija sfida, ir-rinnovazzjoni tbaxxi l-kontijiet tal-enerġija, u tista’ tnaqqas il-faqar enerġetiku. Tista’ wkoll tagħti spinta lis-settur tal-kostruzzjoni u hija opportunità biex jiġu appoġġjati l-SMEs u l-impjiegi lokali.
Il-Kummissjoni se tinforza b’mod rigoruż il-leġiżlazzjoni relatata mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Dan se jibda b’valutazzjoni fl-2020 tal-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul tal-Istati Membri 16 . Il-Kummissjoni se tniedi wkoll ħidma dwar il-possibbiltà li jiġu inklużi emissjonijiet minn bini fl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, bħala parti minn sforzi usa’ biex jiġi żgurat li l-prezzijiet relattivi ta’ sorsi ta’ enerġija differenti jipprovdu s-sinjali t-tajba għall-effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrieżamina r-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni 17 . Għandu jiżgura li d-disinn ta’ bini ġdid u rinnovat f’kull stadju ikun konformi mal-ħtiġijiet tal-ekonomija ċirkolari, u jwassal għal żieda fid-diġitalizzazzjoni u l-istokk tal-bini jkun jiflaħ għal kull klima.
B’mod parallel, il-Kummissjoni tipproponi li taħdem mal-partijiet interessati fuq inizjattiva ġdida dwar ir-rinnovazzjoni fl-2020. Dan se jinkludi pjattaforma miftuħa li tgħaqqad flimkien il-bini u s-settur tal-kostruzzjoni, l-arkitetti u l-inġiniera u l-awtoritajiet lokali biex jindirizzaw l-ostakli għar-rinnovazzjoni. Din l-inizjattiva se tinkludi wkoll skemi ta’ finanzjament innovattivi taħt InvestEU. Dawn jistgħu jkunu mmirati għal assoċjazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni jew kumpaniji ta’ servizzi tal-enerġija li jistgħu jintroduċu rinnovazzjoni inkluż permezz ta’ kuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Għan essenzjali jkun li l-isforzi ta’ rinnovazzjoni jinġabru fi blokok akbar biex jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament u ekonomiji ta’ skala aħjar. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tneħħi l-ostakli regolatorji nazzjonali li jinibixxu l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika f’bini mikri u ta’ aktar minn sid wieħed. Se tingħata attenzjoni partikolari lir-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali, biex tgħin lill-unitajiet domestiċi li jbatu biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Għandha ssir enfasi wkoll fuq ir-rinnovazzjoni tal-iskejjel u l-isptarijiet, peress li l-flus li jiġu ffrankati permezz tal-effiċjenza se jkunu disponibbli biex jappoġġjaw l-edukazzjoni u s-saħħa pubblika.
2.1.5.L-aċċellerar tal-bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti
It-trasport jirrappreżenta kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE u għadhom qed jiżdiedu. Biex tinkiseb in-newtralità tal-klima, jeħtieġ li jkun hemm tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet mit-trasport sal-2050. It-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, u t-trasport fuq l-ilma se jkollu jikkontribwixxi għat-tnaqqis. Il-kisba tal-mezzi tat-trasport sostenibbli tfisser li l-utenti jiġu l-ewwel u jiġu pprovduti b’alternattivi aktar affordabbli, aċċessibbli, aktar b’saħħithom u aktar nodfa għad-drawwiet attwali tal-mobbiltà tagħhom. Il-Kummissjoni se tadotta strateġija għal mobilità sostenibbli u intelliġenti fl-2020 li se tindirizza din l-isfida u tindirizza s-sorsi kollha tal-emissjonijiet.
It-trasport multimodali jeħtieġ spinta qawwija. Dan se jżid l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport. Bħala kwistjoni ta’ prijorità, parti sostanzjali mill-75 % tal-merkanzija interna li llum tinġarr bit-triq għandha tiġi trasferita għal fuq il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan se jkun jeħtieġ miżuri biex ikun hemm ġestjoni aħjar, u biex tiżdied il-kapaċità tal-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni, li l-Kummissjoni se tipproponi sal-2021. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tirtira u tippreżenta proposta ġdida biex tirrevedi d-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat 18 biex din tinbidel f’għodda effettiva biex tappoġġja operazzjonijiet tal-merkanzija multimodali li jinvolvu t-trasport bil-ferrovija u fuq l-ilma, inkluż it-trasport marittimu fuq distanzi qosra. Fl-avjazzjoni, il-ħidma fuq l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar Ajru tassew Uniku Ewropew se jkollha terġa’ tibda billi dan se jgħin biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-avjazzjoni.
Il-mobilità multimodali awtomatizzata u konnessa se jkollha rwol dejjem akbar, flimkien ma’ sistemi intelliġenti ta’ ġestjoni tat-traffiku li jistgħu jsiru possibbli permezz tad-diġitalizzazzjoni. Is-sistema tat-trasport tal-UE u l-infrastruttura se jkunu adattati biex jappoġġaw servizzi ta’ mobilità sostenibbli ġodda li jistgħu jnaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis, speċjalment f’żoni urbani. Il-Kummissjoni se tgħin biex jiġu żviluppati sistemi intelliġenti għall-ġestjoni tat-traffiku u għal ‘Mobbiltà bħala Servizz’, permezz tal-istrumenti ta’ finanzjament tagħha, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
Il-prezzijiet tat-trasport għandhom jirriflettu l-impatt li għandu fuq l-ambjent u fuq is-saħħa. Is-sussidji tal-fjuwils fossili jenħtieġ li jintemmu u, fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tanalizza mill-qrib l-eżenzjonijiet fiskali attwali inkluż għall-avjazzjoni u l-fjuwils marittimi u kif l-aħjar li tagħlaq kwalunkwe lakuna. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tipproponi li testendi l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għas-settur marittimu, u biex tnaqqas il-kwoti tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet allokati b’xejn lil linji tal-ajru. Dan se jiġi kkoordinat ma’ azzjoni fil-livell globali, b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili u fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Il-Kummissjoni se tagħti wkoll kunsiderazzjoni politika ġdida dwar kif jista’ jinkiseb ipprezzar effettiv tat-toroq fl-UE. Hija tappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iżommu l-livell għoli ta’ ambizzjoni fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għad-Direttiva ‘Eurovignette’ 19 , u hija lesta li tirtiraha jekk ikun meħtieġ u li tipproponi miżuri alternattivi.
B’mod parallel, l-UE għandha żżid il-produzzjoni u l-użu ta’ fjuwils tat-trasport alternattivi sostenibbli. Sal-2025, se jkun hemm bżonn madwar miljun (1) stazzjon pubbliku ta’ ċċarġjar u ta’ riforniment għat-13-il miljun vettura b’livell ta’ emissjonijiet baxxi jew żero mistennija fit-toroq Ewropej . Il-Kummissjoni se tappoġġa t-tnedija ta’ punti pubbliċi tal-iċċarġjar u ta’ riforniment fejn jeżistu lakuni persistenti, b’mod partikolari għal vjaġġi twal u f’żoni b’densità baxxa ta’ popolazzjoni, u se tniedi kemm jista’ jkun malajr sejħa għall-finanzjament ġdida biex tappoġġa dan. Dawn il-passi jikkumplimentaw il-miżuri meħuda f’livell nazzjonali. Il-Kummissjoni se tikkunsidra opzjonijiet leġiżlattivi biex tagħti spinta lill-produzzjoni u lill-adozzjoni ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli għall-mezzi differenti tat-trasport. Il-Kummissjoni se tirrieżamina wkoll id-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi 20 u r-Regolament tat-TEN biex tħaffef l-implimentazzjoni ta’ vetturi u bastimenti b’livell ta’ emissjonijiet baxxi jew żero.
Għandu jonqos b’mod drastiku t-tniġġis mit-trasport, speċjalment fil-bliet. Taħlita ta’ miżuri għandha tindirizza l-emissjonijiet, il-konġestjoni urbana, u t-trasport pubbliku mtejjeb. Il-Kummissjoni se tipproponi standards aktar stretti għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fil-każ ta’ vetturi li jaħdmu b’magni ta’ kombustjoni. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li, sa Ġunju 2021, tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar l-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, biex tiżgura perkors ċar mill-2025 ’il quddiem lejn mobilità b’emissjonijiet żero. B’mod parallel, hija se tikkunsidra li tapplika l-iskambju Ewropew ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq, bħala komplement għall-istandards ta’ rendiment tal-emissjonijiet ta’ CO2 eżistenti u futuri għall-vetturi. Hija se tieħu azzjoni fir-rigward tat-trasport marittimu, inkluż biex tirregola l-aċċess tal-bastimenti li jniġġsu l-aktar fil-portijiet tal-UE u tobbliga lill-bastimenti rmiġġati jużaw l-elettriku mill-art. Bl-istess mod, il-kwalità tal-arja għandha tittejjeb qrib l-ajruporti billi jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta’ inkwinanti minn ajruplani u operazzjonijiet tal-ajruporti.
2.1.6. Mill-għalqa sal-platt: it-tfassil ta’ sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent
L-ikel Ewropew huwa magħruf li huwa sigur, nutrittiv u ta’ kwalità għolja. Issa għandu jsir ukoll l-istandard globali għas-sostenibbiltà. Għalkemm it-tranżizzjoni għal sistemi aktar sostenibbli bdiet, bix-xejriet ta’ produzzjoni attwali, qed ikun diffiċli biex wieħed jitma’ l-popolazzjoni dinjija li qed tikber b’rata mgħaġġla. Il-produzzjoni tal-ikel għadha tirriżulta fit-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, u dan jikkontribwixxi għat-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, u jikkonsma ammonti eċċessivi ta’ riżorsi naturali, filwaqt li parti notevoli mill-ikel jinħela. Fl-istess ħin, id-dieti ta’ kwalità baxxa jikkontribwixxu għall-obeżità u mard bħall-kanċer.
Hemm opportunitajiet ġodda għall-atturi kollha fil-katina tal-valur tal-ikel. Teknoloġiji u skoperti xjentifiċi ġodda, flimkien ma’ żieda fis-sensibilizzazzjoni pubblika u d-domanda għal ikel sostenibbli, se jkunu ta’ benefiċċju għall-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-Istrateġija “mill-“Għalqa sal-Platt” fir-rebbiegħa tal-2020, u tniedi dibattitu wiesa’ tal-partijiet interessati li jkopri l-istadji kollha tal-katina alimentari, u jwitti t-triq għall-formulazzjoni ta’ politika tal-ikel aktar sostenibbli.
Il-bdiewa u s-sajjieda Ewropej huma essenzjali għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni. L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt se ssaħħaħ l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, jipproteġu l-ambjent u jippreservaw il-bijodiversità. Il-politiki komuni tal-agrikoltura u s-sajd se jibqgħu għodod ewlenin biex jappoġġaw dawn l-isforzi filwaqt li jiżguraw għajxien deċenti għall-bdiewa, is-sajjieda u l-familji tagħhom. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-politika agrikola komuni għall-2021–2027 jistipulaw li mill-inqas 40 % tal-baġit globali tal-politika agrikola komuni u mill-inqas 30 % tal-Fond tas-Sajd Marittimu jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika.
Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tal-inqas jintlaħaq dan il-livell ta’ ambizzjoni fil-proposti. Minħabba li l-bidu tal-Politika Agrikola Komuni riveduta x’aktarx jiġi pospost għall-bidu tal-2022, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex tiżgura li mill-bidu nett il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-agrikoltura jirriflettu kompletament l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Il-Kummissjoni se tiżgura li dawn il-pjanijiet strateġiċi jiġu vvalutati skont kriterji klimatiċi u ambjentali robusti. Dawn il-pjanijiet għandhom iwasslu għall-użu ta’ prattiki sostenibbli, bħal agrikoltura ta’ preċiżjoni, biedja organika, agroekoloġija, agroforestrija u standards ta’ benesseri tal-annimali aktar stretti. Billi jiffokaw l-attenzjoni mill-konformità għall-prestazzjoni, il-miżuri bħall-ekoskemi jenħtieġ li jippremjaw lill-bdiewa għal prestazzjoni ambjentali u klimatika mtejba, inkluż il-ġestjoni u l-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija, u l-ġestjoni mtejba tan-nutrijenti biex titjieb il-kwalità tal-ilma u jitnaqqsu l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tiżviluppa l-potenzjal ta’ frott tal-baħar sostenibbli bħala sors ta’ ikel b’livell baxx ta’ karbonju.
Il-pjanijiet strateġiċi se jkollhom jirriflettu livell ogħla ta’ ambizzjoni biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-użu u r-riskju ta’ pestiċidi, kif ukoll tal-fertilizzanti u tal-antibijotiċi. Il-Kummissjoni se tidentifika l-miżuri, inkluż dawk leġiżlattivi, li huma meħtieġa biex iwasslu għal dan it-tnaqqis abbażi ta’ djalogu bejn il-partijiet interessati. Il-qasam tal-biedja organika jeħtieġ ukoll li jiżdied fl-Ewropa. L-UE trid tiżviluppa modi innovattivi biex tipproteġi l-ħsad kontra l-pesti u l-mard, u tikkunsidra r-rwol potenzjali ta’ tekniki innovattivi ġodda biex titjieb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel filwaqt li tkun żgurata s-sikurezza tagħha.
L-istrateġija mill-għalqa sal-platt se tikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ ekonomija ċirkolari. Din se jkollha l-għan li tnaqqas l-impatt ambjentali tal-ipproċessar tal-ikel u tas-setturi tal-bejgħ bl-imnut billi tittieħed azzjoni fir-rigward tat-trasport, tal-ħżin, tal-imballaġġ u tal-iskart tal-ikel. Se tinkludi wkoll miżuri biex tiġi miġġielda l-frodi alimentari, inkluż bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ infurzar u ta’ investigazzjoni fil-livell tal-UE, u biex jitnieda proċess għall-identifikazzjoni ta’ prodotti tal-ikel u l-għalf innovattivi ġodda, pereżempju frott tal-baħar ibbażat fuq l-alka.
Fl-aħħar nett, l-istrateġija mill-għalqa sal-platt se tagħmel ħilitha biex tistimula l-konsum sostenibbli tal-ikel u tippromwovi ikel tajjeb għas-saħħa u affordabbli għal kulħadd. Ikel importat li ma jikkonformax mal-istandards ambjentali rilevanti tal-UE mhuwiex permess fis-swieq tal-UE. Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jgħinu lill-konsumaturi jagħżlu dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli u jnaqqsu l-iskart tal-ikel. Il-Kummissjoni se tfittex modi ġodda kif il-konsumaturi jingħataw informazzjoni aħjar, inkluż permezz tal-mezzi diġitali, dwar dettalji bħall-oriġini tal-ikel, kif ukoll dwar il-valur nutrizzjonali u l-impronta ambjentali tiegħu. L-istrateġija mill-għalqa sal-platt se tinkludi wkoll proposti biex tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur.
2.1.7.Preservazzjoni u riabilitazzjoni tal-ekosistemi u tal-bijodiversità
L-ekosistemi jipprovdu servizzi essenzjali bħall-ikel, l-ilma ħelu, l-arja nadifa u l-kenn. Dawn itaffu d-diżastri naturali, il-pesti u l-mard, u jgħinu fir-regolazzjoni tal-klima. Madankollu, l-UE għadha ma laħqitx uħud mill-għanijiet ambjentali l-iktar importanti għall-2020, fosthom il-miri ta’ Aichi fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. L-UE u s-sħab globali tagħha jridu jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità. Ir-Rapport ta’ Valutazzjoni Globali tal-2019 tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi 21 juri erożjoni globali tal-bijodiversità, dovuta primarjament għal bidliet fil-mod kif l-art u l-baħar qed jintużaw, sfruttament dirett tar-riżorsi naturali, u bit-tibdil fil-klima jkun it-tielet l-iktar fattur importanti li qed jikkontribwixxi għat-telfien tal-bijodiversità.
Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f’Kunming, iċ-Ċina, f’Ottubru 2020 hija opportunità biex id-dinja tadotta qafas globali robust biex jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità. Sabiex niżguraw li l-UE jkollha rwol ewlieni, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija tal-bijodiversità sa Marzu 2020, li mbagħad tiġi segwita minn azzjoni speċifika fl-2021. L-istrateġija se tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-UE għall-Konferenza tal-Partijiet, b’miri globali għall-protezzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll l-impenji biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità fl-UE, fuq il-bażi ta’ għanijiet kwantifikabbli li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità.
L-istrateġija tal-bijodiversità se tidentifika l-miżuri speċifiċi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dawn jistgħu jinkludu objettivi kwantifikati, bħaż-żieda tal-kopertura ta’ żoni tal-art u tal-baħar protetti b’bijodiversità rikka fuq il-bażi tan-netwerk Natura 2000. L-Istati Membri għandhom isaħħu wkoll il-kooperazzjoni transfruntiera biex jipproteġu u jirriabilitaw b’mod aktar effettiv l-oqsma koperti min-netwerk Natura 2000. Il-Kummissjoni se tidentifika liema miżuri, inkluża leġiżlazzjoni, jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jtejbu u jirrestawraw l-ekosistemi li ġarrbu ħsara biex jerġa’ jkollhom stat ekoloġiku tajjeb, inklużi l-ekosistemi rikki fil-karbonju. L-istrateġija tal-bijodiversità se tinkludi wkoll proposti biex il-bliet Ewropej isiru iktar ħodor u tiżdied il-bijodiversità fl-ispazji urbani. Il-Kummissjoni se tikkunsidra tabbozza pjan għar-restawr tan-natura u se tara kif se tipprovdi fondi biex l-Istati Membri jilħqu dan l-għan.
Il-politiki kollha tal-UE għandhom jikkontribwixxu lejn il-preservazzjoni u r-riabilitazzjoni tal-kapital naturali tal-Ewropa 22 . L-istrateġija mill-għalqa sal-platt, spjegata fit-taqsima 2.1.6, se tindirizza l-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti fl-agrikoltura. Il-ħidma se tkompli fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd biex jitnaqqas l-impatt negattiv li s-sajd jista’ jkollu fuq l-ekosistemi, speċjalment f’żoni sensittivi. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll favur żoni tal-baħar protetti li jkunu konnessi u ġestiti aħjar.
Qed tiżdied il-pressjoni fuq l-ekosistemi tal-foresti minħabba t-tibdil fil-klima. L-erja fforestata fl-UE trid titjieb fil-kwalità kif ukoll fil-kwantità, biex l-UE tikseb newtralità klimatika u ambjent b’saħħtu. Ir-riforestazzjoni u t-tisġir sostenibbli u r-restawr ta’ foresti degradati jistgħu jżidu l-assorbiment tas-CO2, waqt li jtejbu r-reżiljenza tal-foresti u jippromwovu l-bijoekonomija ċirkolari. Fuq il-bażi tal-istrateġija tal-bijodiversità tal-2030, il-Kummissjoni se tħejji strateġija ġdida tal-UE għall-foresti li tkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-foresti u tippromwovi l-ħafna servizzi li jipprovdu l-foresti.
L-għanijiet ewlenin tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti se jkunu t-tisġir effettiv, kif ukoll il-preservazzjoni u r-restawr tal-foresti fl-Ewropa, biex jiżdied l-assorbiment tas-CO2, tonqos l-inċidenza u l-firxa ta’ nirien fil-foresti, u tiġi promossa l-bijoekonomija, b’ħarsien sħiħ tal-prinċipji ekoloġiċi li jiffavorixxu l-bijodiversità. Il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni għandhom jipprovdu inċentiv biex il-maniġers tal-foresti jippreservaw, ikabbru u jiġġestixxu l-foresti b’mod sostenibbli. Fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja 23 , il-Kummissjoni se tieħu miżuri, regolatorji kif ukoll mod ieħor, biex tippromwovi prodotti importati u ktajjen tal-valur li ma jinvolvux id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.
“Ekonomija blu” sostenibbli trid tingħata rwol ċentrali biex titnaqqas il-pressjoni multipli fuq ir-riżorsi tal-art tal-UE u biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima. Iktar ma jmur qed jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-oċeani fil-mitigazzjoni u fl-adattament għat-tibdil fil-klima. Is-settur jista’ jikkontribwixxi billi jtejjeb l-użu ta’ riżorsi akwatiċi u tal-baħar u, pereżempju, billi jippromwovi l-produzzjoni u l-użu ta’ sorsi ġodda ta’ proteina li jistgħu jtaffu mill-pressjoni fuq l-art agrikola. B’mod ġenerali, soluzzjonijiet fit-tul għat-tibdil fil-klima jeħtieġu jimmiraw iktar lejn soluzzjonijiet naturali, inkluż ibħra u oċeani b’saħħithom u reżiljenti. Il-Kummissjoni se tanalizza l-konklużjonijiet tar-rapport speċjali dwar l-oċeani tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima 24 u tipproponi miżuri fil-qasam marittimu. Dawn se jinkludu modi biex l-ispazju marittimu jiġi ġestit b’mod iktar sostenibbli, b’mod partikolari biex jiġi sfruttat il-potenzjal dejjem jikber tal-enerġija rinnovabbli barra mill-kosta. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll approċċ ta’ tolleranza żero fir-rigward tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2020 dwar l-Oċeani fil-Portugall se sservi ta’ opportunità biex l-UE tenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni rigward kwistjonijiet relatati mal-oċeani.
2.1.8.Ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi
Il-ħolqien ta’ ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi jeħtieġ iktar azzjoni għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ tniġġis u miżuri biex dan jitnaddaf u jiġi rimedjat. Sabiex tipproteġi ċ-ċittadini u l-ekosistemi tal-Ewropa l-UE trid tissorvelja, tirrapporta, tipprevjeni u tirrimedja aħjar it-tniġġis mill-arja, l-ilma, il-ħamrija u l-prodotti tal-konsumatur. Għal dan il-għan l-UE u l-Istati Membri se jkollhom iħarsu b’mod iktar sistematiku lejn il-politiki u r-regolamenti kollha. Sabiex tindirizza dawn l-isfidi interkonnessi, fl-2021 il-Kummissjoni se tadotta pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija.
Il-funzjonijiet naturali tal-art u tal-ilma tas-superfiċje jridu jerġgħu lura għal kif kienu. Dan huwa essenzjali biex tiġi ppreservata u restawrata l-bijodiversità fil-lagi, ix-xmajjar, l-artijiet mistagħdra u l-estwarji, kif ukoll għall-prevenzjoni u għal-limitazzjoni tal-ħsara mill-għargħar. L-implimentazzjoni tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt se tnaqqas it-tniġġis minn nutrijenti żejda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex tindirizza t-tniġġis mill-ilma urban li jiskula, kif ukoll minn sorsi ta’ tniġġis ġodda jew ta’ ħsara partikolari, bħall-mikroplastiċi u l-kimiki, li jinkludu l-farmaċewtiċi. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-effetti kkombinati ta’ inkwinanti differenti.
Il-Kummissjoni se tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-kwalità tal-arja 25 . Se tipproponi wkoll tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ 26 , il-mudellar u l-pjanijiet tal-kwalità tal-arja biex l-awtoritajiet lokali jkollhom arja iktar nadifa. Notevolment il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-istandards tal-kwalità tal-arja biex ikunu iktar qrib ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-miżuri tal-UE biex tindirizza t-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali kbar. Se tħares lejn l-ambitu settorjali tal-leġiżlazzjoni u kif tista’ tkun konsistenti għalkollox mal-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari. Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem ukoll mal-Istati Membri biex ittejjeb il-prevenzjoni tal-inċidenti industrijali.
Sabiex tiżgura ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija għas-sustanzi kimiċi biex tilħaq is-sostenibbiltà. Din se tgħin biex tipproteġi liċ-ċittadini u lill-ambjent kontra sustanzi kimiċi ta’ riskju u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ alternattivi sikuri u sostenibbli. Il-partijiet kollha inkluż l-industrija għandhom jaħdmu flimkien biex jikkombinaw aħjar il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent maż-żieda fil-kompetittività globali. Dan jista’ jintlaħaq billi jiġi ssimplifikat u msaħħaħ il-qafas legali. Il-Kummissjoni se tirrieżamina kif tista’ tuża aħjar l-aġenziji u l-korpi xjentifiċi tal-UE ħalli timxi lejn proċess ta’ “sustanza waħda – valutazzjoni waħda” u tipprovdi iktar trasparenza meta tagħti prijorità lil azzjoni li tindirizza l-kimiki. B’mod parallel, il-qafas regolatorju se jkollu jirrifletti malajr l-evidenza xjentifika dwar ir-riskju li ġej minn sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, sustanzi kimiċi ta’ riskju fi prodotti inklużi l-importazzjonijiet, effetti ta’ kombinazzjoni ta’ kimiki differenti u kimiki persistenti ħafna.
2.2.L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-UE
2.2.1.Nattiraw finanzjament u investiment ekoloġiku għall-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta
Sabiex nilħqu l-ambizzjoni stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew hemm bżonn isir investiment sinifikanti. Il-Kummissjoni stmat li biex nilħqu l-miri attwali tal-klima u tal-enerġija sal-2030 jeħtieġ isir investiment annwali addizzjonali ta’ EUR 260 biljun 27 , madwar 1,5 % tal-PDG tal-2018 28 . L-investiment irid jiġi sostnut maż-żmien. Id-dimensjoni tal-isfida tal-investiment tirrikjedi li jiġu mobilizzati s-settur pubbliku kif ukoll privat.
Il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli biex tissodisfa l-bżonn ta’ finanzjament addizzjonali. Dan se jiġbor fih finanzjament apposta biex isostni l-investimenti sostenibbli, u proposti għal qafas ta’ abilitazzjoni mtejjeb li jwassal għal investiment ekoloġiku. Fl-istess waqt, se jkun essenzjali li titħejja sensiela ta’ proġetti sostenibbli. L-assistenza teknika u s-servizzi ta’ konsulenza se jgħinu lill-promoturi tal-proġetti biex jidentifikaw u jħejju proġetti u jaċċessaw sorsi ta’ finanzjament.
Il-baġit tal-UE se jkollu rwol ewlieni. Il-Kummissjoni pproponiet mira ta’ 25 % għall-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-programmi kollha tal-UE. Il-baġit tal-UE se jikkontribwixxi wkoll lejn il-ksib tal-għanijiet tal-klima fuq in-naħa tad-dħul. Il-Kummissjoni pproponiet sorsi ta’ dħul ġodda (“riżorsi proprji”), u wieħed minnhom huwa bbażat fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat. Sors ta’ dħul ieħor jista’ jinvolvi l-allokazzjoni ta’ 20 % tad-dħul mill-irkantar tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-baġit tal-UE.
Mill-inqas 30 % tal-Fond InvestEU se jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-proġetti se jiġu soġġetti għal verifika tas-sostenibbiltà biex tkun analizzata l-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-klima, ambjentali u soċjali. InvestEU joffri wkoll l-għażla lill-Istati Membri biex jużaw il-garanzija baġitarja tal-UE, pereżempju biex iwettqu l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni b’rabta mal-klima fit-territorji u r-reġjuni tagħhom. InvestEU jsaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali li tista’ tinkoraġġixxi tħaddir ġenerali tal-attivitajiet tagħhom għall-ksib ta’ riżultati fir-rigward tal-għanijiet politiċi tal-UE. Barra minn hekk, bħala parti mir-reviżjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, il-Kummissjoni se tirrieżamina r-rwol tal-fondi tal-innovazzjoni u tal-modernizzazzjoni li ma jiġux iffinanzjati mill-baġit fit-tul tal-UE. L-għan huwa li jissaħħaħ ir-rwol tagħhom u l-effettività tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi u newtrali għall-klima madwar l-UE. Fir-reviżjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, se tiġi kkunsidrata wkoll l-allokazzjoni ta’ dħul addizzjonali mill-kwoti għall-baġit tal-UE bil-ħsieb li jissaħħaħ il-finanzjament tat-tranżizzjoni ġusta.
Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali kif ukoll ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra. Il-BEI stabbilixxa l-mira għalih stess li jirdoppja l-mira tal-klima tiegħu minn 25 % għal 50 % sal-2025, biex b’hekk isir il-bank klimatiku tal-Ewropa.
Bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, il-Kummissjoni se tipproponi Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li jinkludi Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta, biex ħadd ma jitħalla lura. It-tranżizzjoni tista’ tirnexxi biss jekk issir b’mod ġust u inklużiv. Dawk li huma l-iktar vulnerabbli huma dawk li l-iktar jiġu esposti għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Fl-istess waqt il-ġestjoni tat-tranżizzjoni se twassal għal bidliet strutturali sinifikanti fil-mudelli kummerċjali, fil-kompetenzi rikjesti u fil-prezzijiet relattivi. Iċ-ċittadini, skont iċ-ċirkostanzi soċjali u ġeografiċi tagħhom, se jiġu affettwati b’modi differenti. Mhux l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet kollha se jibdew it-tranżizzjoni mill-istess punt jew għandhom l-istess kapaċità ta’ rispons. Dawn l-isfidi jirrikjedu risposta politika b’saħħitha f’kull livell.
Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jiffoka fuq ir-reġjuni u s-setturi li huma l-iktar milquta mit-tranżizzjoni għax jiddependu fuq il-karburanti fossili jew proċessi li jinvolvu ħafna karbonju. Dan se jibni fuq sorsi ta’ finanzjament mill-baġit tal-UE kif ukoll mill-grupp tal-BEI biex jingrana r-riżorsi privati u pubbliċi meħtieġa. L-appoġġ se jkun marbut mal-promozzjoni ta’ tranżizzjoni lejn attivitajiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li huma reżistenti għat-tibdil fil-klima. Se jkollu wkoll l-għan li jipproteġi liċ-ċittadini u lill-ħaddiema li huma l-aktar vulnerabbli għat-tranżizzjoni billi jipprovdi aċċess għal programmi ta’ taħriġ mill-ġdid, impjiegi f’setturi ġodda tal-ekonomija, kif ukoll akkomodazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u mar-reġjuni biex tgħinhom jimplimentaw pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali.
Il-mekkaniżmu se jkun akkumpanjat mill-kontribuzzjoni sostanzjali tal-baġit tal-UE permezz tal-programmi kollha li huma direttament rilevanti għat-tranżizzjoni kif ukoll minn fondi oħra bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.
Bħala risposta għall-bżonnijiet ta’ finanzjament fit-tul tat-tranżizzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tfittex mas-sħab rilevanti, bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, sorsi addizzjonali li jistgħu jiġu mobilizzati u modi innovattivi biex isir dan.
Il-bżonn ta’ tranżizzjoni soċjalment ġusta jrid jiġi rifless ukoll fil-politiki fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan jinkludi investiment għal soluzzjonijiet affordabbli għal dawk affettwati mill-politiki tal-ipprezzar tal-karbonju, pereżempju bit-trasport pubbliku, kif ukoll miżuri li jindirizzaw il-prekarjetà enerġetika u jippromwovu t-taħriġ mill-ġdid. Il-koerenza tal-politiki dwar il-klima u l-ambjent u approċċ olistiku spiss huma prekundizzjoni biex jiġi żgurat li dawn jitqiesu bħala ġusti, kif joħroġ biċ-ċar mid-dibattitu dwar it-tassazzjoni ta’ diversi modi ta’ trasport. Djalogu soċjali attiv jgħin lill-kumpaniji u lill-ħaddiema tagħhom jantiċipaw u jkampaw bil-bidla. Il-proċess tal-koordinazzjoni makroekonomika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew se jappoġġja l-politiki nazzjonali f’dawn il-kwistjonijiet.
Is-settur privat se jkun kruċjali għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika. Huma meħtieġa sinjali fit-tul biex jidderieġu l-flussi finanzjarji u tal-kapital lejn investiment ekoloġiku u biex jiġu evitati assi mhux rekuperabbli. Fit-tielet trimestru tal-2020 il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija mġedda ta’ finanzjament sostenibbli li se tiffoka fuq għadd ta’ azzjonijiet.
L-ewwel nett, l-istrateġija se ssaħħaħ il-pedamenti għal investiment sostenibbli. B’mod partikolari, din tirrikjedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw it-tassonomija għall-klassifikazzjoni tal-attivitajiet li huma sostenibbli mil-lat ambjentali. Is-sostenibbiltà għandha tiġi inkorporata aktar fil-qafas tal-governanza korporattiva billi ħafna kumpaniji għadhom jiffokaw wisq fuq il-prestazzjoni finanzjarja fuq perjodu qasir u mhux fuq l-iżvilupp fit-tul tagħhom jew l-aspetti ta’ sostenibbiltà. Fl-istess waqt, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji se jkollhom jiżvelaw iktar data dwar il-klima u l-ambjent biex l-investituri jkunu informati għalkollox dwar is-sostenibbiltà tal-investimenti tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju. Sabiex tiżgura ġestjoni xierqa tar-riskji ambjentali u tal-opportunitajiet ta’ mitigazzjoni, u biex tnaqqas il-kosti tat-tranżazzjoni relatati, il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll lin-negozji u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra fl-iżvilupp ta’ konvenzjonijiet kontabilistiċi standardizzati għall-kapital naturali fl-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali.
It-tieni, se jiġu pprovduti iktar opportunitajiet għall-investituri u għall-kumpaniji billi jkun eħfef għalihom li jidentifikaw investimenti sostenibbli u jiżguraw li jkunu kredibbli. Dan jista’ jsir permezz ta’ tikketti ċari għal prodotti ta’ investiment għall-konsumatur u bl-iżvilupp ta’ standard tal-UE għal bonds ħodor li jiffaċilita l-investiment bl-iktar mod konvenjenti.
It-tielet, ir-riskji tal-klima u tal-ambjent se jiġu ġestiti u integrati fis-sistema finanzjarja. Dan ifisser li tali riskji jiġu integrati aħjar fil-qafas prudenzjali tal-UE u valutazzjoni tal-adegwatezza tar-rekwiżiti kapitali eżistenti għall-assi ekoloġiċi. Se neżaminaw ukoll kif is-sistema finanzjarja tagħna tista’ żżid ir-reżiljenza għar-riskji klimatiċi u ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji fiżiċi u tad-dannu li jirriżultaw minn diżastri naturali.
2.2.2.Baġits nazzjonali iktar ħodor u sinjali xierqa b’rabta mal-prezzijiet
Il-baġits nazzjonali għandhom rwol ċentrali fit-tranżizzjoni. Permezz ta’ użu ikbar tal-għodod tal-ibbaġitjar ekoloġiku, l-investiment pubbliku, il-konsum u t-tassazzjoni jistgħu jiġu diretti lejn prijoritajiet ekoloġiċi u lil hinn minn sussidji li jagħmlu ħsara. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex il-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku jiġu analizzati u jinħolqu parametri referenzjarji għalihom. B’dan il-mod se jkun eħfef li jiġi vvalutat sa liema punt il-baġits annwali u l-pjanijiet fiskali fuq terminu medju jqisu l-impatti u r-riskji ambjentali, u jsir possibbli t-tagħlim mill-aħjar prattiki. Ir-rieżami tal-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika se jinkludi referenza għall-investiment pubbliku aħdar fil-kuntest tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Dan ir-rieżami jkun parti minn dibattitu dwar kif tista’ titjieb il-governanza fiskali tal-UE. L-eżitu tad-dibattitu se jkun il-bażi għal kull pass futur possibbli, inkluż fir-rigward tat-trattament ta’ investiment ekoloġiku fil-kuntest tar-regoli fiskali tal-UE, filwaqt li jiġu ppreservati s-salvagwardji kontra r-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn.
Riformi tat-taxxa mfassla tajjeb jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u lir-reżiljenza għal xokkijiet tal-klima, u jikkontribwixxu għal soċjetà aktar ġusta u għal tranżizzjoni ġusta. Dawn għandhom rwol dirett għax jibagħtu s-sinjali xierqa tal-prezzijiet u jipprovdu l-inċentivi xierqa għal imġiba sostenibbli min-naħa tal-produtturi, tal-utenti u tal-konsumaturi. Fuq livell nazzjonali, il-Patt Ekoloġiku Ewropew se joħloq il-kuntest għal riformi estensivi tat-taxxa, għall-eliminazzjoni tas-sussidji fuq karburanti fossili, bl-ispostament tal-piż tat-taxxa mix-xogħol għal fuq it-tniġġis, u filwaqt li jitqies l-impatt soċjali. Hemm bżonn li tiġi żgurata adozzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li attwalment tinsab quddiem il-Kunsill, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw ir-rati tal-VAT b’mod iktar immirat li jirrifletti ambizzjonijiet ambjentali ikbar, pereżempju billi jiġu appoġġjati l-frott u l-ħxejjex organiċi.
Bħalissa qed jiġu evalwati l-linji gwida rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, inklużi l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u tal-enerġija. Il-linji gwida se jiġu riveduti sal-2021 biex jirriflettu l-għanijiet politiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jappoġġjaw tranżizzjoni kosteffettiva lejn in-newtralità klimatika sal-2050, jiffaċilitaw l-eliminazzjoni gradwali tal-karburanti fossili, b’mod partikolari dawk li jniġġsu l-aktar, u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Dawn ir-reviżjonijiet huma wkoll opportunità biex jiġu indirizzati l-ostakli tas-suq għall-użu ta’ prodotti nodfa.
2.2.3.Nimmobilizzaw ir-riċerka u nrawmu l-innovazzjoni
Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew huma kruċjali teknoloġiji ġodda, soluzzjonijiet sostenibbli u innovazzjoni fixkiela. L-UE trid iżżid b’mod sinifikanti l-użu fuq skala kbira u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fis-setturi kollha u fis-suq uniku, inkluż il-ħolqien ta’ ktajjen tal-valur innovattivi ġodda, biex jibqa’ jkollha l-vantaġġ kompetittiv fit-teknoloġiji nodfa. L-isfida hija ikbar milli mezzi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri individwali. Orizzont Ewropa, f’sinerġija ma’ programmi oħra tal-UE, se jkollu rwol kruċjali fl-ingranaġġ ta’ investimenti pubbliċi u privati nazzjonali. Mill-inqas 35 % tal-baġit ta’ Orizzont Ewropa se jiffinanzjaw soluzzjonijiet ġodda għall-klima li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku.
Il-firxa sħiħa ta’ strumenti disponibbli fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa se jsostnu l-isforzi meħtieġa fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Bis-saħħa ta’ erba’ missjonijiet bħala parti mill-Patt Ekoloġiku se jkun hemm tibdil kbir f’oqsma bħall-adattament għat-tibdil fil-klima, l-oċeani, il-bliet u l-ħamrija. Dawn il-missjonijiet se jiġbru firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati inklużi r-reġjuni u ċ-ċittadini. Is-sħubijiet mal-industrija u mal-Istati Membri se jsostnu r-riċerka u l-innovazzjoni relatati mat-trasport, inklużi l-batteriji, l-idroġenu nadif, il-produzzjoni tal-azzar b’livell baxx ta’ karbonju, is-setturi li għandhom bażi bijoloġika ċirkolari u l-ambjent mibni. Il-komunitajiet ta’ konoxxenza u innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jkomplu jippromwovu l-kollaborazzjoni bejn l-istituti ta’ edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-kumpaniji fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, l-enerġija sostenibbli, l-ikel tal-futur kif ukoll it-trasport urban li jkun intelliġenti, favur l-ambjent u integrat. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se jiddedika finanzjament, investiment fil-kapital u servizzi għall-aċċellerazzjoni tan-negozju għal negozji ġodda u SMEs li għandhom potenzjal kbir, biex jiksbu innovazzjoni rivoluzzjonarja fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku, li tista’ tikber u tinfirex b’mod rapidu fis-swieq globali.
L-approċċi konvenzjonali mhumiex se jkunu biżżejjed. Filwaqt li ssir enfasi fuq l-esperimentazzjoni u l-ħidma bejn is-setturi u d-dixxiplini, l-aġenda tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni se tieħu l-approċċ sistemiku meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku. Il-programm Orizzont Ewropa se jinvolvi wkoll lill-komunitajiet lokali fil-ħidma tagħhom lejn futur aktar sostenibbli, u inizjattivi li jfittxu li jgħaqqdu l-ġibda soċjetali u l-ispinta teknoloġika.
Id-data aċċessibbli u interoperabbli hija fil-qalba tal-innovazzjoni mmexxija mid-data. Din id-data, flimkien mal-infrastruttura diġitali (eż. superkompjuters, il-cloud, netwerks ultraveloċi) u soluzzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, jiffaċilitaw deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza u jespandu l-kapaċità biex jinftiehmu u jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-ħidma biex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tat-trasformazzjoni diġitali insostenn tat-tranżizzjoni ekoloġika. Prijorità immedjata se tkun li tingħata spinta lill-kapaċità tal-UE li tbassar u timmaniġġja d-diżastri ambjentali. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni se tiġbor flimkien l-eċċellenza xjentifika u industrijali Ewropea biex tiżviluppa mudell diġitali bi preċiżjoni għolja ħafna tad-dinja.
2.2.4.Edukazzjoni u taħriġ
L-iskejjel, l-istituti tat-taħriġ u l-universitajiet jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jinvolvu l-iskulari, il-ġenituri u l-komunità b’mod ġenerali fil-bidliet meħtieġa għal tranżizzjoni b’suċċess. Il-Kummissjoni se tħejji qafas Ewropew ta’ kompetenza biex tiżviluppa u tivvaluta l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli. Se tipprovdi wkoll il-materjali ta’ appoġġ u tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin fin-netwerks tal-programmi għat-taħriġ tal-għalliema fl-UE.
Il-Kummissjoni qed taħdem biex tipprovdi riżorsi finanzjarji ġodda lill-Istati Membri biex il-binjiet u l-operazzjonijiet tal-iskejjel ikunu iktar sostenibbli. Hija saħħet il-kollaborazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ħolqot rabtiet iktar b’saħħithom bejn il-fondi strutturali u l-istrumenti finanzjarji ġodda bil-għan li timmobilizza EUR 3 biljun f’investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel fl-2020.
Huma meħtieġa taħriġ mill-ġdid u taħriġ ta’ aġġornament proattivi biex wieħed jaħsad il-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Fond Soċjali Ewropew+ propost se jkollu rwol importanti biex jgħin lill-ħaddiema Ewropej jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu biex jiċċaqilqu minn setturi li sejrin lura lejn setturi li qed jikbru filwaqt li jadattaw għal proċessi ġodda. L-aġenda tal-ħiliet u l-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ se jiġu aġġornati biex itejbu l-impjegabbiltà fl-ekonomija ħadra.
2.2.5.Ġurament ekoloġiku: “la tagħmilx ħsara”
L-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-UE għandhom jiġbdu ħabel wieħed biex l-UE tikseb tranżizzjoni ġusta u li tkun suċċess lejn futur sostenibbli. L-għodod tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar jipprovdu bażi soda f’dan ir-rigward. Fuq il-bażi ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi, l-identifikazzjoni tal-impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku, u l-analiżi ta’ kif jiġu affettwati l-SMEs u titrawwem jew tixxekkel l-innovazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt jikkontribwixxu lejn għażliet effiċjenti tal-politika bi spejjeż minimi, f’konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku. L-evalwazzjonijiet jivvalutaw ukoll b’mod sistematiku l-koerenza bejn il-leġiżlazzjoni attwali u l-prijoritajiet ġodda.
Insostenn tal-ħidma tagħha biex tidentifika u tirrimedja l-inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni attwali, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati biex jużaw il-pjattaformi disponibbli 29 biex jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni u jidentifikaw każijiet problematiċi. Il-Kummissjoni se tqis dawn is-suġġerimenti meta tkun qed tħejji l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-proposti leġiżlattivi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Barra minn hekk, filwaqt li tibni fuq ir-riżultati tar-rendikont riċenti tal-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni se ttejjeb il-mod kif il-linji gwida ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-għodod ta’ appoġġ jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u innovazzjoni. L-għan huwa li tiżgura li l-inizjattivi kollha tal-Patt Ekoloġiku jiksbu l-għanijiet tagħhom bl-iktar mod effettiv u bl-inqas piż u l-inizjattivi l-oħra kollha tal-UE jħarsu l-patt aħdar li “ma ssirx ħsara”. Għal dan il-għan il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposti leġiżlattivi u l-atti delegati kollha se jinkludi sezzjoni speċifika li tispjega kif kull inizjattiva tħares dan il-prinċipju.
3.L-UE fuq quddiem fid-dinja
L-isfidi globali tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jeħtieġu rispons globali. L-UE se tkompli tippromwovi u timplimenta politiki tal-ambjent, tal-klima u tal-enerġija ambizzjużi madwar id-dinja. Se tiżviluppa “diplomazija dwar il-Patt Ekoloġiku” iktar b’saħħitha li għandha l-għan li tikkonvinċi u tappoġġja lil ħaddieħor jagħti s-sehem tiegħu fil-promozzjoni ta’ żvilupp iktar sostenibbli. Billi sservi ta’ eżempju kredibbli, u ssegwi bid-diplomazija, bil-politika kummerċjali, bl-għajnuna għall-iżvilupp u b’politiki esterni oħra, l-UE tista’ tkun xempju effettiv. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-mezzi diplomatiċi kollha, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali – inkluż in-Nazzjonijiet Uniti, il-G7, il-G20, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-fora internazzjonali rilevanti l-oħra.
L-UE se tkompli tiżgura li l-Ftehim ta’ Pariġi jibqa’ l-qafas multilaterali indispensabbli għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Waqt li s-sehem tal-emissjonijiet globali tal-UE qed jonqos, huwa kruċjali li r-reġjuni l-oħra jieħdu azzjoni komparabbli u jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-isfida tal-klima globali b’mod sinifikanti. Id-dibattitu dwar l-ambizzjoni fejn tidħol il-klima se jintensifika fix-xhur li ġejjin f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi għal rendikont u aġġornamenti regolari. Il-Konferenza tal-Partijiet fi Glasgow fl-2020 se tkun stadju importanti qabel ir-rendikont globali fl-2023. Din se tivvaluta l-progress li jkun sar fil-ksib tal-miri fit-tul. Fis-sitwazzjoni preżenti huwa ċar li l-livell ta’ ambizzjoni globali huwa insuffiċjenti 30 . L-UE se tinvolvi ruħha b’mod iktar intensiv mas-sħab kollha biex iżżid l-isforz kollettiv u biex tgħinhom jirrevedu u jimplimentaw il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali u jfasslu strateġiji ambizzjużi fit-tul. Dan se jsir fuq il-bażi taż-żieda fl-ambizzjoni tal-UE, kif deskritt fit-taqsima 2.
Fl-istess waqt l-UE se żżid l-impenn bilaterali tagħha mal-pajjiżi sħab u, fejn hemm bżonn, tistabbilixxi forom innovattivi ta’ impenn. L-UE se tibqa’ tinvolvi ruħha mal-ekonomiji tal-G20 li huma responsabbli għal 80 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett serra. Sabiex is-sħab internazzjonali jieħdu iktar azzjoni klimatika hemm bżonn strateġiji ġeografiċi mfassla apposta li jirriflettu l-kuntesti u l-bżonnijiet lokali differenti — pereżempju għal emittenti kbar attwali u futuri, għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, u għall-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw. L-UE qed taħdem ukoll mas-sħab globali biex tiżviluppa swieq tal-karbonju internazzjonali bħala għodda ewlenija għall-ħolqien ta’ inċentivi ekonomiċi għall-azzjoni klimatika.
L-UE se titfa’ enfasi fuq l-għajnuna mogħtija lill-ġirien immedjati tagħha. It-tranżizzjoni ekoloġika għall-Ewropa tista’ tkun kompletament effettiva biss jekk il-viċinat immedjat tal-UE jieħu azzjoni effettiva wkoll. Għaddej ix-xogħol fuq aġenda ekoloġika għall-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli qed jimmiraw ukoll lejn għadd ta’ sħubijiet b’saħħithom dwar l-ambjent, l-enerġija u l-klima mal-Viċinat tan-Nofsinhar u fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant.
Is-summits tal-2020 bejn l-UE u ċ-Ċina f’Beijing u f’Leipzig se jkunu opportunità biex tissaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina rigward kwistjonijiet klimatiċi u ambjentali, partikolarment qabel il-Konferenza ta’ Kunming dwar il-Bijodiversità, u l-Konferenza tal-Partijiet fi Glasgow.
Bl-istess mod, l-istrateġija komprensiva li ġejja għall-Afrika, u s-summit tal-2020 bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE, għandhom jagħmlu l-kwistjonijiet tal-klima u tal-ambjent l-elementi ewlenin fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti. B’mod partikolari, l-Alleanza Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli se tfittex li tisfrutta l-potenzjal tal-Afrika biex isir progress rapidu lejn ekonomija ċirkolari u ekoloġika li tinkludi l-enerġija sostenibbli, is-sistemi tal-ikel u l-bliet intelliġenti. L-UE se ssaħħaħ l-involviment tagħha mal-Afrika għall-użu u għall-kummerċ iktar mifrux ta’ enerġija sostenibbli u nadifa. L-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, pereżempju għal tisjir nadif, huma kruċjali biex jingħalaq id-distakk fl-aċċess għall-enerġija fl-Afrika filwaqt li jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ ta’ CO2. L-UE se tniedi l-inizjattiva “NaturAfrica” biex tikkumbatti t-telfien tal-bijodiversità billi toħloq netwerk ta’ żoni protetti li fihom tiġi protetta l-fawna selvaġġa u toffri opportunitajiet fis-setturi ekoloġiċi għall-popolazzjonijiet lokali.
B’mod ġenerali, l-UE se tuża l-għodod diplomatiċi u finanzjarji tagħha biex tiżgura li l-alleanzi ekoloġiċi jkunu parti mir-relazzjonijiet tagħha mal-Afrika u ma’ pajjiżi u reġjuni oħra, partikolarment fl-Amerika Latina, fil-Karibew, fl-Asja u fil-Paċifiku.
L-UE għandha wkoll issaħħaħ l-inizjattivi attwali u tinvolvi ruħha ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet trasversali tal-klima u tal-ambjent. Dan jista’ jinkludi t-tmiem tas-sussidji globali fuq il-karburanti fossili f’konformità mal-impenji tal-G20, l-eliminazzjoni gradwali tal-finanzjament minn istituzzjonijiet multilaterali għall-infrastruttura tal-karburanti fossili, it-tisħiħ tal-finanzjament sostenibbli, l-eliminazzjoni gradwali tal-kostruzzjoni ġdida kollha tal-impjanti tal-faħam, u azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.
L-UE tirrikonoxxi wkoll li l-isfidi globali tal-klima u tal-ambjent huma multiplikatur sinifikanti tat-theddid u sors ta’ instabbiltà. It-tranżizzjoni ekoloġika se tagħti sura ġdida lill-ġeopolitika, inkluż l-interessi ekonomiċi, kummerċjali u tas-sigurtà globali. Din se toħloq sfidi għal għadd ta’ stati u soċjetajiet. L-UE se taħdem mas-sħab kollha biex iżżid ir-reżiljenza klimatika u ambjentali biex tevita li dawn l-isfidi jwasslu għal kunflitt, insigurtà tal-ikel, spostament tal-popolazzjoni u ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni, u tappoġġja tranżizzjoni ġusta madwar id-dinja. L-effetti tal-politika dwar it-tibdil fil-klima għandhom isiru parti integrali mill-kunsiderazzjonijiet u mill-miżuri tal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet esterni, anki fil-kuntest tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.
Il-politika kummerċjali tista’ ssostni t-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE. Hija sservi bħala pjattaforma biex ikun hemm involviment mas-sħab kummerċjali dwar azzjoni relatata mal-klima u mal-ambjent. Fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE l-impenji b’rabta mas-sostenibbiltà ġew imsaħħa b’mod kontinwu, speċjalment bil-għan li jissaħħu l-miżuri kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha biex timplimenta u tinforza l-impenji ta’ żvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Dawn l-isforzi komplew jissaħħu bil-ħatra ta’ Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ. Speċjalment b’rabta mat-tema tat-tibdil fil-klima, il-Partijiet fil-ftehimiet l-iktar riċenti tal-UE qed jiġu obbligati b’mod vinkolanti li jirratifikaw u jimplimentaw b’mod effettiv il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Kummissjoni se tipproponi li r-rispett tal-Ftehim ta’ Pariġi jsir element essenzjali għall-ftehimiet kummerċjali futuri kollha. Il-politika kummerċjali tal-UE tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment f’oġġetti u servizzi ekoloġiċi u tippromwovi akkwist pubbliku li ma jagħmilx ħsara lill-klima. Il-politika kummerċjali trid tiżgura wkoll il-kummerċ u l-investiment ġust u mhux imxekkel f’materji primi li l-ekonomija tal-UE teħtieġ għat-tranżizzjoni ekoloġika. Hija tista’ tgħin billi tindirizza prattiki dannużi bħall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, iżżid il-kooperazzjoni regolatorja, tippromwovi l-istandards tal-UE u tneħħi ostakli mhux tariffarji fis-settur tal-enerġija rinnovabbli. Il-kimiki, il-materjali, l-ikel u l-prodotti l-oħra kollha li jidħlu fis-suq Ewropew għandhom jikkonformaw għalkollox mar-regolamenti u mal-istandards rilevanti tal-UE. L-UE għandha tuża l-għarfien espert tagħha fejn tidħol regolamentazzjoni “ħadra” biex tinkoraġġixxi lis-sħab ifasslu regoli simili li huma ambizzjużi daqs ir-regoli tal-UE, bir-riżultat li jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jissaħħu l-ħarsien ambjentali u l-mitigazzjoni klimatika f’dawn il-pajjiżi.
Bħala l-ikbar suq uniku fid-dinja, l-UE tista’ tistabbilixxi standards li japplikaw fil-ktajjen ta’ valur mondjali. Il-Kummissjoni se tibqa’ taħdem fuq standards ġodda għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tuża l-piż ekonomiku tagħha biex issawwar standards internazzjonali li jkunu konformi mal-ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE. Se taħdem biex tiffaċilita l-kummerċ fi prodotti u servizzi ambjentali, f’forums bilaterali u multilaterali, u tappoġġja swieq globali u tal-UE li huma miftuħa u attraenti għal prodotti sostenibbli. Se taħdem mas-sħab globali biex tiżgura s-sigurtà tar-riżorsi tal-UE u aċċess affidabbli għal materji primi strateġiċi.
Il-politika tal-UE ta’ kooperazzjoni internazzjonali u sħubija għandha tkompli taħdem biex jiġu attirati fondi pubbliċi u privati biex tinkiseb it-tranżizzjoni. L-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom id-donaturi ewlenin fid-dinja ta’ għajnuna għall-iżvilupp u jipprovdu iktar minn 40 % tal-finanzjament mondjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Peress li l-fondi pubbliċi mhux se jkunu biżżejjed, l-UE u l-Istati Membri se jaħdmu flimkien fl-involviment tas-sħab tagħhom biex permezz tal-finanzjament privat tingħalaq id-diskrepanza tal-likwidità. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali tipproponi l-mira li 25 % tal-baġit tagħha jiġu allokati għal objettivi relatati mal-klima. Il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll l-impenn li ttieħed mir-riżorsi finanzjarji pubbliċi nazzjonali biex jitjieb l-ambjent tal-investiment u jsir investiment mis-settur privat. Din il-ħidma trid tkun akkumpanjata minn opportunitajiet biex l-investiment fl-iżvilupp sostenibbli jkun bla riskju, permezz ta’ għodod bħal garanziji ta’ finanzjament u finanzjament imħallat.
Sabiex timmobilizza l-investituri internazzjonali, l-UE se tibqa’ fuq quddiem fl-isforz li tiġi stabbilita sistema finanzjarja li tappoġġja tkabbir globali sostenibbli. L-UE se tibni fuq il-pjattaforma internazzjonali għal finanzjament sostenibbli li ġiet stabbilita reċentement biex tikkoordina l-isforzi fir-rigward ta’ inizjattivi ta’ finanzjament li huma ambjentalment sostenibbli, bħat-tassonomiji, id-divulgazzjonijiet, l-istandards u t-tikketti. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi wkoll diskussjonijiet fil-fora internazzjonali l-oħra, speċjalment il-G7 u l-G20.
4.Wasal iż-żmien li naġixxu — flimkien: Patt Klimatiku Ewropew
L-involviment u l-impenn tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati kollha huwa kruċjali biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun suċċess. L-avvenimenti politiċi riċenti jixhdu li l-politiki li jwasslu għal tibdil fundamentali jistgħu jaħdmu biss jekk iċ-ċittadini jkunu involuti għalkollox fit-tfassil tagħhom. In-nies huma mħassba dwar l-impjiegi, it-tisħin tad-djar tagħhom u li jaraw li jlaħħqu mal-ħajja, u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jinvolvuhom jekk iridu li l-Patt Ekoloġiku jirnexxi u jkollu effett fit-tul. Iċ-ċittadini huma u għandhom jibqgħu forza li tixpruna t-tranżizzjoni.
Sa Marzu 2020 il-Kummissjoni se tkun nediet Patt Klimatiku Ewropew biex tiffoka fuq tliet modi għall-involviment tal-pubbliku fir-rigward tal-azzjoni klimatika. L-ewwel nett, se tinkoraġġixxi l-iskambju tal-informazzjoni, l-ispirazzjoni u se trawwem il-fehim pubbliku tat-theddida u tal-isfida li jirrappreżentaw it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, kif ukoll kif jistgħu jiġu miġġielda. Se tuża diversi mezzi u għodod biex tagħmel dan, inklużi avvenimenti fl-Istati Membri, fuq il-mudell tad-djalogi taċ-ċittadini tal-Kummissjoni li għaddejjin bħalissa. It-tieni, għandu jkun hemm spazji kemm reali kif ukoll virtwali fejn in-nies jistgħu jesprimu l-ideat u l-kreattività tagħhom u jaħdmu flimkien fuq azzjoni ambizzjuża, kemm fuq livell individwali kif ukoll kollettiv. Il-parteċipanti jiġu inkoraġġuti jimpenjaw ruħhom għal għanijiet speċifiċi ta’ azzjoni klimatika. It-tielet, il-Kummissjoni se taħdem biex tibni l-kapaċità ħalli tiffaċilita inizjattivi fil-livell lokali dwar it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent. L-informazzjoni, il-gwida u moduli tal-edukazzjoni jistgħu jgħinu fl-iskambju ta’ prassi tajba. Il-Kummissjoni se tiżgura li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun fiċ-ċentru tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa.
Il-Patt Klimatiku se jibni fuq id-djalogi taċ-ċittadini u l-assemblej taċ-ċittadini li l-Kummissjoni qed twettaq bħalissa fl-UE kollha, u fuq ir-rwol tal-kumitati ta’ djalogu soċjali. Hija se tkompli taħdem biex tagħti s-setgħa lill-komunitajiet reġjonali u lokali, inklużi l-komunitajiet tal-enerġija. Id-dimensjoni urbana tal-politika ta’ koeżjoni se tissaħħaħ u l-inizjattiva urbana Ewropea li ġiet proposta se tipprovdi assistenza lill-bliet biex dawn jaħtfu bl-aħjar mod l-opportunitajiet li jiżviluppaw strateġiji tal-iżvilupp urban sostenibbli. Il-Patt tas-Sindki se jibqa’ jkun forza ċentrali. Il-Kummissjoni se taħdem miegħu biex tkompli tipprovdi assistenza lill-bliet u lir-reġjuni li jixtiequ jagħmlu wegħdiet ambizzjużi fir-rigward tal-politiki tal-klima u tal-enerġija. Dan se jibqa’ pjattaforma essenzjali fejn jistgħu jinqasmu prattiki tajbin dwar kif jiġu implimentati l-bidliet lokalment.
Il-Kummissjoni hija ħerqana wkoll li tnaqqas l-impatt ambjentali bħala istituzzjoni u bħala impjegatur. Hija se tippreżenta pjan ta’ azzjoni komprensiv fl-2020 biex hija stess timplimenta l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku u biex issir newtrali għall-klima sal-2030. Hija tistieden lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji l-oħra kollha tal-UE biex jaħdmu magħha u jippreżentaw miżuri ambizzjużi simili.
Minbarra l-Patt Klimatiku, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jiżguraw li l-għodod tal-ippjanar disponibbli kollha għall-Patt Ekoloġiku Ewropew jintużaw b’mod koerenti. L-iktar importanti fosthom huma l-pjanijiet nazzjonali tal-enerġija u tal-klima u l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali proposti għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni. Il-Kummissjoni se tiżgura li dawn ikunu adattati għall-iskop tagħhom u li l-Istati Membri jimplimentawhom b’mod effettiv, u se tkun qed tuża għodod bħas-Semestru Ewropew kif ikun xieraq.
Il-fondi Ewropej, inkluż għall-iżvilupp rurali, se jgħinu liż-żoni rurali biex jisfruttaw l-opportunitajiet fl-ekonomija ċirkolari u fil-bijoekonomija. Il-Kummissjoni se tirrifletti dan fil-viżjoni tagħha fit-tul għaż-żoni rurali. Hija se toqgħod partikolarment attenta għar-rwol tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tqis il-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima u għad-diżastri naturali kif ukoll l-assi uniċi tagħhom: il-bijodiversità u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni se timbotta l-ħidma fuq l-inizjattiva ta’ enerġija nadifa għall-gżejjer tal-UE, biex tiżviluppa qafas fit-tul li jaċċellera t-tranżizzjoni ta’ enerġija nadifa fil-gżejjer kollha tal-UE.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jiżguraw ukoll li l-politiki u l-leġiżlazzjoni jiġu infurzati u implimentati b’mod effettiv. Ir-rieżami tal-implimentazzjoni ambjentali se jkollu rwol kruċjali fid-determinazzjoni tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll programm ta’ azzjoni ambjentali ġdid biex jikkomplementa l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li se jinkludi mekkaniżmu ġdid ta’ monitoraġġ li jiżgura li l-Ewropa tibqa’ fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet ambjentali. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll dashboard għall-monitoraġġ tal-progress fl-għanijiet kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Il-Kummissjoni se tikkunsidra tirrevedi r-Regolament ta’ Aarhus biex ittejjeb l-aċċess għall-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE għaċ-ċittadini u għall-NGOs li huma mħassba dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet b’effetti fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll azzjoni biex ittejjeb l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja quddiem il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll azzjoni mill-UE, mill-Istati Membri tagħha u mill-komunità internazzjonali biex jittieħdu iktar passi kontra reati ambjentali.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew iniedi strateġija ġdida ta’ tkabbir għall-UE. Huwa jappoġġja t-tranżizzjoni tal-UE lejn soċjetà ġusta u prospera li twieġeb għall-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima u mad-degradazzjoni ambjentali u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew japprovaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew u jagħtu l-piż sħiħ tagħhom lill-miżuri previsti fih.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.12.2019
COM(2019) 640 final
ANNESS
tal-
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
Anness tal-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew
Pjan Direzzjonali - Azzjonijiet kruċjali
Azzjonijiet |
Kalendarju Indikattiv 1 |
Ambizzjoni fejn tidħol il-klima |
|
Proposta dwar “Liġi dwar il-Klima” Ewropea li tinkorpora l-objettiv ta’ newtralità klimatika sal-2050 |
Marzu 2020 |
Pjan komprensiv biex il-mira klimatika UE 2030 togħla għal mill-anqas 50% u lejn 55% b’mod responsabbli |
Is-Sajf 2020 |
Proposti għal reviżjonijiet ta’ miżuri leġiżlattivi relevanti biex titwettaq l-ambizzjoni aktar qawwija fejn tidħol il-klima, wara rieżami tad-Direttiva dwar is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet; tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi; tar-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija; tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija; tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; Standards fejn tidħol il-prestazzjoni fl-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi u l-vannijiet |
Ġunju 2021 |
Proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija |
Ġunju 2021 |
Proposta għal mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera f’setturi magħżula |
2021 |
Strateġija Ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima |
2020/2021 |
Enerġija nadifa, affordabbli u sigura |
|
Evalwazzjoni tal-Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima finali |
Ġunju 2020 |
Strateġija għal integrazzjoni intelliġenti tas-setturi |
2020 |
Inizjattiva dwar “Xejra ta’ rinnovament” għas-settur tal-kostruzzjoni |
2020 |
Evalwazzjoni u reviżjoni tar-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew – Enerġija |
2020 |
Strateġija dwar ir-riħ offshore |
2020 |
Strateġija industrijali għal ekonomija nadifa u ċirkolari |
|
Strateġija Industrijali tal-UE |
Marzu 2020 |
Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari, inkluż inizjattiva dwar prodotti sostenibbli u attenzjoni partikolari fuq setturi b’użu intensiv tar-riżorsi bħal ma huma t-tessuti, il-kostruzzjoni, l-elettronika u l-plastika |
Marzu 2020 |
Inizjattiva għall-istimolu ta’ swieq ewlenin ta’ prodotti b’effett newtrali fuq il-klima, u ċirkolari, f’setturi industrijali b’użu intensiv tal-enerġija |
Mill-2020 |
Proposta ta’ appoġġ għal proċessi ta’ manifattura tal-azzar mingħajr emissjonijiet tal-karbonju, sal-2030 |
2020 |
Leġiżlazzjoni dwar il-batteriji f’appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji u l-ekonomija ċirkolari |
Ottubru 2020 |
Jitressqu proposti dwar riformi fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart |
Mill-2020 |
Il-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti |
|
Strateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti |
2020 |
Sejħa għal finanzjament għall-iskjerament ta’ punti pubbliċi ta’ karigar u għoti ta’ fjuwil bħala parti minn infrastruttura alternattiva fejn jidħol il-fjuwil |
Mill-2020 |
Evalwazzjoni ta’ għażliet leġiżlattivi biex tingħata spinta lill-produzzjoni u l-provvista ta’ karburanti alternattivi sostenibbli għall-modi differenti ta’ trasport |
Mill-2020 |
Proposta riveduta għal Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat |
2021 |
Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi u r-Regolament dwar in-Netwerk Trans-Ewropew – it-Trasport |
2021 |
Inizjattivi biex tiżdied, u biex tiġi mmaniġġjata aħjar il-kapaċità tal-ferroviji u tal-mogħdijiet interni fuq l-ilma |
Mill-2021 |
Proposta għal standards aktar restrittivi fejn jidħlu emissjonijiet li jniġġżu l-arja fil-każ ta’ vetturi b’magna bil-kombustjoni |
2021 |
Politika Agrikola Komuni aktar ekoloġika / l-Istrateġija “mill-Farm sal-Furketta” |
|
Eżami tal-abbozzi tal-pjani strateġiċi nazzjonali, b’referenza għall-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija “mill-Farm sal-Furketta” |
2020-2021 |
L-Istrateġija “mill-Farm sal-Furketta” Miżuri, inklużi dawk leġiżlattivi, biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-użu ta’ pestiċidi kimiċi, u r-riskju minnhom, kif ukoll l-użu tal-fertilizzanti u l-antibijotiċi |
Ir-rebbiegħa 2020 2021 |
L-ippreservar u l-protezzjoni tal-bijodiversità |
|
L-Istrateġija ta’ Bijodiversità tal-UE għall-2030 |
Marzu 2020 |
Miżuri biex jiġu indirizzati l-muturi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità |
Mill-2021 |
Strateġija tal-UE ġdida fil-Forestrija |
2020 |
Miżuri għall-appoġġ ta’ katini tal-valur li ma jiddipendux fuq id-deforestazzjoni |
Mill-2020 |
Lejn ambizzjoni ta’ eliminazzjoni tat-tniġġiż biex ikun hawn ambjent mingħajr sustanzi tossiċi |
|
Strateġija fis-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà |
Is-Sajf 2020 |
Pjan ta’ azzjoni għall-eliminazzjoni tat-tniġġiż għall-ilma, l-arja u l-ħamrija |
2021 |
Reviżjoni tal-miżuri biex jiġi indirizzat it-tniġġiż mill-istallazzjonijiet industrijali kbar |
2021 |
L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-UE |
|
Proposta għal Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, inkluż Pjan ta’ Tranżizzjoni Ġusta, kif ukoll Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli |
Jannar 2020 |
Tiġdid tal-istrateġija ta’ finanzjament sostenibbli |
Ħarifa 2020 |
Reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju |
2020 |
Inizjattivi biex jiġu analizzati l-prattiċi ta’ bbaġitjar ekoloġiku tal-Istati Membri u tal-UE, u biex jiġu stabbiliti parametri referenzjarji |
Mill-2020 |
Rieżami tal-linji-gwida relevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, inklużi l-linji-gwida fejn jidħlu l-ambjent u l-enerġija |
2021 |
Allinjar tal-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u l-promozzjoni tal-innovazzjoni |
Mill-2020 |
Il-partijiet ikkonċernati jidentifikaw u jirremedjaw leġizlazzjoni inkoerenti li tnaqqas l-effettività fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew |
Mill-2020 |
L-integrazzjoni tal-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli fis-Semestru Ewropew |
Mill-2020 |
L-UE fuq quddiem fid-dinja |
|
L-UE tkompli tkun fuq quddiem fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima u l-bijodiversità, u tkompli ssaħħaħ il-qafas internazzjonali ta’ politika |
Mill-2019 |
Tissaħħaħ id-Diplomazija tal-UE dwar il-Patt Ekoloġiku f’kooperazzjoni mal-Istati Membri |
Mill-2020 |
Sforzi bilaterali biex is-sħab jitħajru jaġixxu u jaraw li l-azzjonijiet jaqblu mal-politiki |
Mill-2020 |
L-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent |
Mill-2020 |
Ħidma flimkien – Patt Klimatiku Ewropew |
|
It-tnedija tal-Patt Klimatiku Ewropew |
Marzu 2020 |
Proposta għat-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali |
2020 |
Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 se jkompli jipprovdi kjarezza dwar iż-żmien ta’ azzjonijiet relevanti mħabbra għall-2020