Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0238

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tas-17 ta’ Frar 2021.
Ryanair DAC vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Suq tat-trasport bl-ajru fl-Isvezja, mill-Isvezja u lejn l-Isvezja – Garanziji ta’ self intiżi sabiex isostnu l-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Linji gwida temporanji tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Kriterju taż-żamma ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Svediżi – Assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Artikolu 107(3)(b) TFUE – Ratio legis – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-238/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:91

Kawża T‑238/20

Ryanair DAC

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tas-17 ta’ Frar 2021

“Għajnuna mill-Istat – Suq tat-trasport bl-ajru fl-Isvezja, mill-Isvezja u lejn l-Isvezja – Garanziji ta’ self intiżi sabiex isostnu l-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Linji gwida temporanji tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Kriterju taż-żamma ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Svediżi – Assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Artikolu 107(3)(b) TFUE – Ratio legis – Obbligu ta’ motivazzjoni”

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Garanziji ta’ self intiżi sabiex isostnu l-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Garanziji ta’ self irriżervati għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja nazzjonali – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE – Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Assenza

    (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u Artikolu 107(3)(b) TFUE)

    (ara l-punti 28 sa 31, 56)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Garanziji ta’ self intiżi sabiex isostnu l-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Garanziji ta’ self irriżervati għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja nazzjonali – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni – Kriterji – Għan tal-iskema ta’ għajnuna – Proporzjonalità tal-għajnuna

    (Artikolu 107(3)(b) TFUE)

    (ara l-punti 32 sa 55, 57)

  3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi fil-qasam tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE – Servizzi tat-trasport bl-ajru – Sistema legali partikolari

    (Artikoli 56, 58(1) u 100(2) TFUE)

    (ara l-punti 62, 63)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE – Kriterji – Ibbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Kriterju mhux neċessarju

    (Artikolu 107(3)(b) TFUE)

    (ara l-punti 67 sa 71)

  5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam

    (Artikoli 107(3) TFUE u 296 TFUE)

    (ara l-punti 77 sa 80)

  6. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors – Rikors intiż li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Motivi li jistgħu jiġu invokati – Assenza ta’ kontenut awtonomu ta’ tali motiv f’dan il-każ

    (Artikoli 108(2) TFUE u 267(4) TFUE)

    (ara l-punt 83)

Sunt

L-iskema ta’ garanziji għal self stabbilita mill-Isvezja bħala sostenn għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat Svediża fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u intiża li tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru hija konformi mad-dritt tal-Unjoni

F’April 2020, Ir-Renju tal-Isvezja kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ skema ta’ garanziji għal self intiża bħala sostenn għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat Svediża ( 1 ) fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ garanziji għal self”). Din l-iskema hija intiża b’mod partikolari għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom, fl‑1 ta’ Jannar 2020, liċenzja sabiex jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fil-qasam tal-avjazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet mhux skedati. L-ammont massimu tas-self iggarantit taħt din l-iskema huwa ta’ 5 biljun krona Svediża (SEK), liema garanzija kellha tingħata sal‑31 ta’ Diċembru 2020 għal tul massimu ta’ sitt snin.

Peress li qieset li l-iskema kkomunikata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni eżaminata fid-dawl tal-komunikazzjoni tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” ( 2 ). Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 April 2020 ( 3 ), il-Kummissjoni ddikjarat l-iskema kkomunikata kompatibbli mas-suq intern konformement tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna intiża sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

Il-kumpannija tal-ajru Ryanair ippreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, li madankollu qed jiġi miċħud mill-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, hija teżamina, għall-ewwel darba, il-legalità ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat adottata sabiex tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 4 ). Il-Qorti Ġenerali tispeċifika, barra minn hekk, ir-rabta bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u, minn naħa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali twettaq, fl-ewwel lok, stħarriġ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni mwettqa fuq il-bażi tan-nazzjonalità fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li huma jipprevedu. Issa, peress li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jinsab, skont il-Qorti Ġenerali, fost dawn id-dispożizzjonijiet partikolari, din tal-aħħar teżamina jekk l-iskema ta’ garanziji għal self setgħatx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi ta’ din id-dispożizzjoni

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonferma, minn naħa, li l-għan tal-iskema ta’ garanziji għal self kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE sa fejn din hija effettivament intiża sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Svediża kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari l-effetti negattivi sinjifikattivi ta’ din tal-aħħar fuq is-settur tal-avjazzjoni fl-Isvezja u, għaldaqstant, fuq is-servizz tal-ajru fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, min-naħa l-oħra, li l-limitazzjoni tal-iskema ta’ garanziji għal self għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija tal-Isvezja. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li skont ir-regolament li jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, iż-żamma ta’ liċenzja Svediża hija riflessa, fil-prattika, fil-preżenza tal-post prinċipali tan-negozju tal-kumpanniji tal-ajru fit-territorju Svediż u fil-fatt li jkunu suġġetti għas-sorveljanza finanzjarja u ta’ rispettabbiltà tal-awtoritajiet Svediżi. Skont il-Qorti Ġenerali, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jistabbilixxu obbligi reċiproċi bejn il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża u l-awtoritajiet Svediżi u, għalhekk, rabta speċifika u stabbli bejniethom li tissodisfa b’mod xieraq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

Fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-iskema ta’ garanziji għal self, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, barra minn hekk, li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna huma dawk li jikkontribwixxu l-iktar għas-servizz regolari tal-Isvezja kemm fir-rigward tal-merkanzija kif ukoll tat-trasport tal-passiġġieri, li jikkorrispondi għall-għan li tiġi żgurata l-konnettività tal-Isvezja. L-estensjoni tal-imsemmija skema ta’ għajnuna għal kumpanniji mhux stabbiliti fl-Isvezja ma kinitx, għall-kuntrarju, tippermetti li jintlaħaq dan il-għan.

Fid-dawl tad-diversi sitwazzjonijiet inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonferma, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-awtoritajiet Svediżi, li kien sar kruċjali, peress li, fi tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2020, dan l-Istat kien ikkonstata tnaqqis ta’ madwar 93 % fit-traffiku tal-ajru ta’ passiġġieri fit-tliet ajruporti prinċipali Svediżi.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-għan tal-iskema ta’ garanziji għal self kien jissodisfa r-rekwiżiti tad-deroga prevista mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li l-modalitajiet tal-għoti ta’ din l-għajnuna ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Għalhekk, l-imsemmija skema ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li din il-libertà fundamentali ma tapplikax bħala tali għall-qasam tat-trasport, li huwa suġġett għal sistema legali partikolari, li taħtha jaqa’ r-regolament iċċitat li jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità. Issa, dan ir-regolament għandu preċiżament l-għan li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.. Madankollu, Ryanair ma kienet allegat l-ebda ksur tal-imsemmi regolament.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv li abbażi tiegħu l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha tal-ibbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li tali bbilanċjar ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE sa fejn il-miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jirrimedjaw disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru, bħall-iskema ta’ garanziji għal self inkwistjoni, ikunu, minħabba f’dan il-fatt, preżunti li ġew adottati fl-interess tal-Unjoni meta jkunu neċessarji, xierqa u proporzjonati.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-aħħar nett, bħala infondat il-motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tikkonstata li ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali dderivati mill-Artikolu 108(2) TFUE.


( 1 ) Liċenzja maħruġa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

( 2 ) (ĠU 2020, C 91 I, p. 1), emendata bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Emenda għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lil-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1).

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2366 finali tal‑11 ta’ April 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) – L Isvezja – COVID-19: skema ta’ garanziji għal self lill-kumpanniji tal-ajru.

( 4 ) Fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑259/20), il-Qorti Ġenerali eżaminat il-legalità fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat adottata minn Franza sabiex tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fis-suq Franċiż tat-trasport bl-ajru.

Top