Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TO0019

Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2021.
Amazon.com, Inc. et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Bejgħ online – Deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni – Esklużjoni tal-Italja – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Att preparatorju – Inammissibbiltà.
Kawża T-19/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:730

(Kawża T-19/21)

Amazon.com, Inc.et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal‑14 ta’ Ottubru 2021

“Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Bejgħ online – Deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni – Esklużjoni tal-Italja – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Att preparatorju – Inammissibbiltà”

  1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti preparatorji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura amministrattiva skont ir-regoli tal-kompetizzjoni – Esklużjoni

    (Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 17-23)

  2. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti preparatorji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva skont ir-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni – Deċiżjoni li taffettwa esklużivament is-sitwazzjoni proċedurali tal-impriża kkonċernata mill-investigazzjoni – Esklużjoni

    (Artikoli 102 u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Kapitolu III; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 24-38, 51)

  3. Kompetizzjoni – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura kontra abbuż minn pożizzjoni dominanti – Irtirar mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-kompetenza tagħha li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Proċeduri paralleli tal-Kummissjoni u tal-awtorità nazzjonali li jikkonċernaw l-istess ksur – Portata – Dritt tal-impriża kkonċernata li jkollha l-kawża tagħha ttrattata kompletament mill-Kummissjoni – Assenza

    (Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, premessa 18 u Artikoli 11(6), 13(1) u 16(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/03, punti 4 u 31)

    (ara l-punti 39-49)

  4. Kompetizzjoni – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura kontra abbuż minn pożizzjoni dominanti – Irtirar mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-kompetenza tagħha li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Proċeduri paralleli tal-Kummissjoni u tal-awtorità nazzjonali li jikkonċernaw l-istess ksur – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 11(6))

    (ara l-punt 50)

Sunt

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 1 ), il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura ta’ investigazzjoni kontra Amazon.com, Inc., Amazon Services Europe Sàrl, Amazon EU Sàrl u Amazon Europe Core Sàrl (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Amazon”), impriża attiva fuq l-internet u li teżerċita b’mod partikolari tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bl-imnut online u ta’ provvista ta’ diversi servizzi online, bil-għan li jiġi eżaminat jekk wettqux abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

Skont il-Kummissjoni, ċerti prattiki kummerċjali ta’ Amazon setgħu jiffavorixxu artifiċjalment l-offerti ta’ bejgħ bl-imnut tagħha stess u l-offerti tal-bejjiegħa tal-post tas-suq tagħha li jużaw is-servizzi loġistiċi u distributorji tagħha. Il-Kummissjoni qieset li, ġaladarba pprovati, dawn il-prattiki setgħu jmorru kontra l-Artikolu 102 TFUE.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li l-investigazzjoni tagħha kienet ser tkopri ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha, bl-eċċezzjoni tal-Italja. Fl-istqarrija għall-istampa marbuta mal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni semmiet li l-awtorità tal-kompetizzjoni Taljana kienet bdiet tinvestiga problemi parzjalment simili f’April 2019, billi kkonċentrat fuq is-suq Taljan.

Amazon ippreżentat rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din teskludi lill-Italja mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni.

Fid-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli. Hija tagħmel ukoll preċiżazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni invokat tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, fosthom dik ibbażata fuq l-assenza ta’ att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar qabelxejn li, għalkemm l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, indipendentement mill-għamla tagħhom, li għandhom bħala għan li jipproduċu effetti legali vinkolanti, jitqiesu bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament jintuża biss, bħala prinċipju, fil-konfront ta’ miżura li permezz tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tistabbilixxi definittivament, fi tmiem proċedura amministrattiva, il-pożizzjoni tagħha. Konsegwentement, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati l-atti intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-effetti legali tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet għandhom jiġu evalwati fid-dawl tas-sustanza tagħhom u skont kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni tagħhom kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tagħhom.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-effetti u n-natura legali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-funzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif prevista mir-Regolament Nru 1/2003 ( 2 ).

Din il-proċedura relatata mal-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ġiet żviluppata sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati jesprimu l-fehma tagħhom u sabiex il-Kummissjoni tiġi pprovduta bl-aħħar kjarifika possibbli qabel ma din tieħu deċiżjoni li taffettwa l-interessi tagħhom. Għaldaqstant, din għandha l-għan li toħloq, favur dawn, garanziji proċedurali, u li tistabbilixxi d-dritt tagħhom li jinstemgħu mill-Kummissjoni. Isegwi li att li permezz tiegħu l-Kummissjoni tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE, jipproduċi biss, bħala prinċipju, l-effetti proprji ta’ att proċedurali u ma jaffettwax, għajr is-sitwazzjoni proċedurali tagħhom, is-sitwazzjoni ġuridika tal-impriżi kkonċernati mill-investigazzjoni.

Dan premess, sa fejn Amazon ikkontestat biss il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni teskludi lill-Italja mill-perimetru ġeografiku tal-investigazzjoni tagħha, u mhux id-deċiżjoni kkontestata bħala tali, il-Qorti Ġenerali sussegwentement teżamina jekk din il-parti tad-deċiżjoni tipproduċix sempliċement l-effetti proprji ta’ att proċedurali.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva, fl-ewwel lok, li billi ddelimitat is-swieq ġeografiċi kkonċernati mill-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tipprovdi indikazzjoni li għandha obbligatorjament tkun inkluża fi ħdan deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tikkostitwixxi stadju ta’ proċedura amministrattiva, tistax tipproduċi effetti li jmorru lil hinn mill-kuntest proċedurali, billi tbiddel id-drittijiet u l-obbligi ta’ Amazon fuq il-livell sostanzjali jew billi tippreġudika d-drittijiet proċedurali tagħha.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tirrileva li d-delimitazzjoni kkontestata għandha bħala għan li tkun ta’ preparazzjoni għad-deċiżjoni finali u tista’ tevolvi matul l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni. L-esklużjoni tal-Italja mill-perimetru tal-investigazzjoni hija, barra minn hekk, konsegwenza purament proċedurali li tirriżulta mill-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, li ma tistax tbiddel id-deċiżjoni kkontestata f’att li jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ Amazon.

Barra minn hekk, deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lid-destinatarji tagħha mid-drittijiet proċedurali tagħhom. Kuntrarjament, hija toffrilhom il-possibbiltà li jesprimu l-perspettiva tagħhom u għalhekk hija intiża li toħloq, favur dawn tal-aħħar, garanziji proċedurali u li tistabbilixxi d-dritt tagħhom li jinstemgħu mill-Kummissjoni.

Il-fatt li Amazon għandha, skont il-każ, tiddefendi ruħha quddiem żewġ awtoritajiet differenti, l-awtorità tal-kompetizzjoni Taljana u l-Kummissjoni, ma jċaħħadhiex mill-protezzjoni kontra l-proċeduri paralleli, prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, din il-protezzjoni tikkonċerna l-każ ta’ żewġ proċeduri paralleli, fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni kontra impriża li hija s-suġġett ta’ proċedura mibdija minn awtorità nazzjonali li tikkonċerna l-istess aġir allegatament antikompetittiv, u mhux dak ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura f’suq speċifiku bil-għan li wieħed jibbenefika minn din il-protezzjoni. Fi kwalunkwe każ, minkejja li l-għan imfittex mis-sistema ta’ protezzjoni previst mill-imsemmi Artikolu 11(6) huwa li l-impriżi jiġu protetti minn proċeduri paralleli min-naħa tad-diversi awtoritajiet, din il-protezzjoni ma timplika ebda dritt, għall-benefiċċju ta’ impriża, li kawża tiġi ttrattata kompletament mill-Kummissjoni.

Fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-parti kkontestata tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn teskludi lill-Italja mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni, tikkostitwixxi att preparatorju li ma jipproduċix effetti legali fil-konfront ta’ Amazon fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, hija tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 7692 final tal‑10 ta’ Novembru 2020, dwar il-ftuħ ta’ proċedura fil-Każ AT.40703 Amazon – Buy Box

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 487/2009 tal 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU 2009, L 148, p. 1).

Top