This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019TJ0355
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2021 (Estratti).
CE vs Il-Kumitat tar-Reġjuni.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment antiċipat bi preavviż – Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Modalitajiet ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg – Użu ħażin ta’ proċedura – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-355/19.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2021 (Estratti).
CE vs Il-Kumitat tar-Reġjuni.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment antiċipat bi preavviż – Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Modalitajiet ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg – Użu ħażin ta’ proċedura – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-355/19.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:369
Kawża T‑355/19
CE
vs
Il-Kumitat tar-Reġjuni
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2021
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment antiċipat bi preavviż – Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Modalitajiet ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg – Użu ħażin ta’ proċedura – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”
Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent – Rikors dirett kontra att li laqgħa talba tar-rikorrent – Inammissibbiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
(ara l-punti 49 sa 53)
Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra – Membru tal-persunal temporanju assenjat ma grupp politiku tal-Kumitat tar-Reġjuni – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Xoljiment b’avviż tat-temm ta’ impjieg – Deċiżjoni li ma jingħata ebda inkarigu matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Obbligu li jinbdew proċeduri dixxiplinari – Assenza ta’ żball serju allegat kontra l-persuna interessata – Assenza
(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 23; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 47(ċ)(i) u 49(1))
(ara l-punti 60 sa 76)
Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Obbligu ta’ motivazzjoni u osservanza tad-drittijiet tad-difiża – Portata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 47(ċ)(i))
(ara l-punti 82 sa 91)
Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment b’avviż tat-temm ta’ impjieg u sospensjoni simultanja tal-funzjonijiet – Adozzjoni tad-deċiżjoni mingħajr ma tingħara l-possibbiltà lill-persuna interessata li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg – Ksur tad-dritt għal smigħ – Konsegwenzi
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))
(ara l-punti 92 sa 106, 139)
Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Spejjeż esposti għall-finijiet tal-proċedura prekontenzjuża u kontenzjuża – Esklużjoni
(Artikolu 340 TFUE)
(ara l-punt 144)
Sunt
Ir-rikorrenti, CE, ġiet irreklutata bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”), bħala segretarju ġenerali ta’ wieħed mill-gruppi politiċi (iktar ’il quddiem il-“grupp”) fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni.
Wara diversi lmenti dwar funzjonament ħażin fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet maniġerjali tar-rikorrenti fir-rigward tas-subordinati tagħha, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tal-Kumitat tar-Reġjuni xoljiet, b’avviż tat-temm tal-impjieg ta’ sitt xhur, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg minħabba li r-rabta ta’ fiduċja bejn ir-rikorrenti u l-grupp kienet intemmet, minħabba tmexxija mhux xierqa tal-kollaboraturi tagħha li wasslet għal problemi ta’ saħħa serji lil dawn tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Flimkien ma’ din id-deċiżjoni kien hemm miżuri li jorganizzaw l-implimentazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, ġie indikat li r-rikorrenti kienet eżenti mis-servizz matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg u li hija kienet ser tiġi ssostitwita fil-funzjonijiet tagħha, li hija setgħet taċċedi għall-uffiċċju tagħha sabiex tirkupra l-effetti personali tagħha matul ċertu perijodu, li hija kienet ser tirċievi badge ta’ aċċess ġdid li ma kienx jippermettilha li tassisti għal-laqgħat tal-uffiċċju tal-grupp politiku u lanqas għas-seduti plenarji u li hija kien se jkollha biss aċċess għal “qari biss” tal-posta elettronika tagħha. L-imsemmija deċiżjoni ppreċiżat ukoll li l-kuntratt kellu jintemm mal-iskadenza tal-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. Ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem l-ASTK tal-Kumitat tar-Reġjuni, li ġie miċħud.
Adita b’rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali għamlet preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg fil-kuntest tax-xoljiment ta’ kuntratt abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u kkonkludiet li l-ASTK tal-Kumitat tar-Reġjuni kienet awtorizzata xxolji l-kuntratt tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, qabel l-iskadenza tiegħu u b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ sitt xhur, filwaqt li ddeċidiet li din ma kellhiex taħdem matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg u mingħajr ma jkollha tiftaħ proċedura dixxiplinari. Madankollu, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata ġie miksur fir-rigward tal-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabel kollox, li minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-ASTK f’każ ta’ nuqqas li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju, xejn ma jobbligaha tibda proċedura dixxiplinari kontra dan tal-aħħar minflok ma tirrikorri għall-possibbiltà ta’ xoljiment unilaterali tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 47(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, u li huwa biss fil-każ fejn l-ASTK għandha l-intenzjoni li tkeċċi lil membru tal-persunal temporanju mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg, fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu, li għandha tinbeda proċedura dixxiplinari, skont l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.
Sussegwentement, fir-rigward tal-modalitajiet tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, il-Qorti Ġenerali tirrileva li għalkemm l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ma jipprovdix espliċitament li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membru tal-persunal li l-kuntratt tiegħu jiġi xolt jistgħu jiġu aġġustati matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, b’tali mod li dan il-perijodu huwa preżunt li jikkostitwixxi perijodu ta’ xogħol normali, xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom u fl-assenjazzjoni tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, sa kemm din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u li din tosserva l-ekwivalenza tal-impjiegi, inkluż f’dak li jikkonċerna l-membri tal-persunal li jinsabu fi stadju ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, l-interess tas-servizz jeżiġi li l-persuna kkonċernata tiġi rtirata mill-kompiti kollha tagħha matul il-perijodu ta’ preavviż. Dan jista’ jkun speċifikament il-każ meta tintemm ir-rabta ta’ fiduċja ta’ membru tal-persunal irreklutat abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u li kontrih la ġie kkonstatat u lanqas allegat nuqqas serju fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Fil-fatt, il-membri tal-persunal temporanju kollha rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom kuntratt ta’ xogħol konkluż intuitu personae li għandu, bħala element essenzjali, il-fiduċja reċiproka. B’hekk, il-ksur ta’ tali rabta ta’ fiduċja reċiproka jista’ jkun ta’ natura li jrendi impossibbli li l-persuna jew l-entità li tkun għamlet ir-reklutaġġ tal-membru tal-persunal temporanju tafda lil dan tal-aħħar l-inqas kompitu matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. F’każ bħal dan, id-deċiżjoni li ma jiġix fdat l-iċken kompitu matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg tikkostitwixxi miżura meħuda fl-interess tas-servizz u ma tistax neċessarjament tiġi assimilata ma’ deċiżjoni ta’ sospensjoni meħuda skont l-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Bl-istess mod, meta s-sitwazzjoni li tat lok għall-ksur tar-rabta ta’ fiduċja fir-rigward ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tirrendi impossibbli l-fatt li dan il-membru tal-persunal jingħata kompiti matul il-perijodu ta’ preavviż, ma jistax jiġi impost fuq l-ASTK li tiftaħ proċedura dixxiplinari matul dan il-perijodu.
Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, f’dan ir-rigward, li l-ASTK tal-Kumitat tar-Reġjuni setgħet, mingħajr ma kellha għalfejn tiftaħ proċedura dixxiplinari, ixxolji l-kuntratt tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, qabel l-iskadenza tiegħu u b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ sitt xhur, filwaqt li tiddeċiedi li din ma kellhiex taħdem matul il-perijodu ta’ preavviż.
Finalment, fir-rigward tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tipprevedi modalitajiet ta’ żvilupp tal-perijodu ta’ preavviż, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Issa, tali miżuri ma jistgħux jiġu adottati mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun instemgħet minn qabel sabiex jiġi żgurat li din setgħet tesprimi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li d-dritt għal smigħ għandu b’mod partikolari l-għan li jippermetti lill-persuna kkonċernata tippreċiża ċerti elementi jew li tinvoka oħrajn, pereżempju relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha, li jistgħu jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni prevista ma tittiħidx jew ikollha kontenut differenti. Il-Qorti Ġenerali tqis li ma jistax jiġi raġonevolment eskluż li l-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari dik li r-rikorrenti tiġi eżentata milli tipprovdi s-servizzi ta’ xogħol li jirriżultaw mill-kuntratt tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, setgħu jwasslu għal riżultat differenti li kieku r-rikorrenti ġiet debitament mismugħa. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tistabbilixxi l-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg minħabba l-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti. Madankollu, din l-illegalità ma tikkonfutax, minnha nnifisha, il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn hija xoljiet il-kuntratt tar-rikorrenti.