Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0254

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tad-19 ta’ Mejju 2021.
China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Assoċjazzjoni – Locus standi – Interess ġuridiku – Determinazzjoni tad-dannu – Kalkolu tal-volum tal‑importazzjonijiet – Indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi – Teħid ta’ kampjuni – Kalkolu tal-ispiża ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni – Prezzijiet iffatturati intragrupp – Rabta kawżali – Analiżi ta’ imputazzjoni u ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni – Nuqqas ta’ analiżi tad-dannu skont is-segment – Evalwazzjoni tal-importanza tas-sussidju – Trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Metodu NKP b’NKP – Paragunabbiltà tal-prodotti – Kalkolu tal-valur normali – Pajjiż analogu – Aġġustament tal-VAT – Determinazzjoni tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-spejjeż ġenerali u spejjeż amministrattivi kif ukoll tal-profitti”.
Kawża T-254/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:278

Kawża T‑254/18

China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tad-19 ta’ Mejju 2021

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Assoċjazzjoni – Locus standi – Interess ġuridiku – Determinazzjoni tad-dannu – Kalkolu tal-volum tal‑importazzjonijiet – Indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi – Teħid ta’ kampjuni – Kalkolu tal-ispiża ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni – Prezzijiet iffatturati intragrupp – Rabta kawżali – Analiżi ta’ imputazzjoni u ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni – Nuqqas ta’ analiżi tad-dannu skont is-segment – Evalwazzjoni tal-importanza tas-sussidju – Trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Metodu NKP b’NKP – Paragunabbiltà tal-prodotti – Kalkolu tal-valur normali – Pajjiż analogu – Aġġustament tal-VAT – Determinazzjoni tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-spejjeż ġenerali u spejjeż amministrattivi kif ukoll tal-profitti”)

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Rikors ippreżentat individwalment – Rikors intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-assoċjazzjoni – Ammissibbiltà – Rikonoxximent allegatament żbaljat lill-assoċjazzjoni tal-istatus ta’ parti interessata detentriċi ta’ drittijiet proċedurali matul il-proċedura amministrattiva u fir-regolament ikkontestat – Żball invokat insostenn tal-inammissibbiltà tar-rikors mingħajr emenda jew irtirar tar-regolament ikkontestat – Assenza ta’ effett

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 6(5) u (7), u 20(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 47-76, 432)

  2. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta' assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Neċessità ta’ rappreżentattività li tkopri l-proċedura kollha, inkluża l-fażi amministrattiva – Assenza – Neċessità tan-natura rappreżentattiva tal-assoċjazzjoni fis-sens tat-tradizzjoni ġuridika komuni tal-Istati Membri – Assenza – Neċessità ta’ mandat speċifiku stabbilit mill-membri – Assenza

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2; Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 83-92, 94-104, 126-128)

  3. Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Portata – Annullament ta’ regolament antidumping sa fejn jimponi dazju antidumping fuq il-prodotti ta’ ċerti kumpanniji – Effett tal-annullament fuq il-validità ta’ dazju antidumping applikabbli għall-prodotti ta’ kumpaniji oħra – Assenza

    (Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036; Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 109-112)

  4. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Regolament li jimponi dazji antidumping – Impriżi li jipproduċu u jesportaw li jiġu identifikati fir-regolament jew li jkunu kkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji – Ammissibbiltà

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2018/140, Artikolu 1(2))

    (ara l-punti 118-121, 132)

  5. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping – Kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet – Metodu ta’ kalkolu – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Kontestazzjoni tan-natura affidabbli tad-data użata – Oneru tal-prova

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 1(1) u 3(2)(a); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 169-172, 175-196)

  6. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Obbligu ta’ diliġenza tal-istituzzjonijiet – Portata – Obbligu tal-Kummissjoni li teżamina ex officio l-informazzjoni kollha disponibbli – Limiti

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 6(3) u (4); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 198-209)

  7. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni mogħtija mill-partijiet interessati – Limiti – Kooperazzjoni volontarja tal-partijiet interessati

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 6(8) u 16(1); Regolament tal-Kumissjoni Nru 2018/140)

    (ara l-punti 220-227, 246-252)

  8. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Verifika mill-Kummissjoni – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Teħid ta’ kampjuni – Kompożizzjoni tal-kampjuni – Konsultazzjoni mal-partijiet interessati – Portata

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 17(2); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 278-285)

  9. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Verifika mill-Kummissjoni – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Teħid ta’ kampjuni – Kompożizzjoni tal-kampjuni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Oneru tal-prova

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 4(1) u 17(1) u (2); Regolament tal-Kumissjoni Nru 2018/140)

    (ara l-punti 289-299)

  10. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Stabbiliment tar-rabta kawżali – Obbligi tal-istituzzjonijiet – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Oneru tal-prova

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 3(2), (3), (6) u (7); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 337-341, 347-351, 362-366)

  11. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Evalwazzjoni tal-indikaturi tad-dannu permezz ta’ analiżi skont is-segment tas-suq tal-prodott inkwistjoni – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(6) u (7); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 377-397)

  12. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Kalkolu tal-marġni tas-sussidju – Teħid ta’ kampjuni – Kompożizzjoni tal-kampjuni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sussidju għal kull wieħed mit-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun – Esklużjoni – Kundizzjoni – Prodotti interkambjabbli

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 3 u 17(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 407-417, 420-425)

  13. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ informazzjoni li jaqa’ fuq l-istituzzjonijiet – Portata – Assenza ta’ provvista ta’ informazzjoni partikolari – Obbligu tal-partijiet interessati li jqiegħdu lill-istituzzjonijiet f’pożizzjoni li jevalwaw il-problemi li jirriżultaw minn din l-assenza

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 5(10); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 435-438, 567)

  14. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Ksur tad-drittijiet proċedurali mogħtija lil assoċjazzjoni matul l-investigazzjoni – Invokabbiltà minn membru tal-assoċjazzjoni – Kundizzjonijiet – Manifestazzjoni mill-assoċjazzjoni tal-intenzjoni tagħha li taġixxi bħala rappreżentanta ta’ wħud mill-membri tagħha matul l-investigazzjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036)

    (ara l-punti 440-447)

  15. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jiġu informati u li josservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni filwaqt li jirrikonċiljaw dawn l-obbligi – Ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni – Kundizzjonijiet – Rifjut li tingħata informazzjoni li tista’ tkun utli għad-difiża tal-impriża

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 6(7), 19(1) sa (5), u 20; Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 451-469, 474-503, 507-513, 523-533, 536-541)

  16. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni – Neċessità li jinġabru flimkien taħt kategoriji ftit jew wisq omoġenji l-oġġetti li jkollhom differenzi kunsiderevoli fir-rigward tal-karatteristiċi u l-prezzijiet tagħhom – Kodifikazzjoni li twassal għal kategoriji ta’ prodotti manifestament inadegwati – Oneru tal-prova

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(10); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 550-554)

  17. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni – Aġġustamenti – Oneru tal-prova

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(10))

    (ara l-punti 577-583)

  18. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Paragun fl-istess stadju kummerċjali – Teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni u tal-valur normali “taxxa fuq il-valur miżjud inkluża” – Simetrija – Natura ekwa tal-metodu ta’ kalkolu

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(10)(b) u (k); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 591-600)

  19. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Riferiment għall-prezz ta’ pajjiż li għandu ekonomija tas-suq – Kriterji li għandhom jintużaw fil-kostruzzjoni tal-valur normali – Aġġustamenti

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 2(7)(a) u (10); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2018/140)

    (ara l-punti 603-609)

  20. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Applikazzjoni tar-regoli għall-pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq – Limiti

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) sa (7)(a); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

    (ara l-punti 618-621)

  21. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Riferiment għall-prezz ta’ pajjiż li għandu ekonomija tas-suq – Kriterji li għandhom jintużaw fil-kostruzzjoni tal-valur normali – Possibbiltà li jinżammu l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(1)(a) sa(7)(a))

    (ara l-punti 622-625)

Sunt

Wara lment ippreżentat minn produtturi tal-Unjoni Ewropea quddiem il-Kummissjoni Ewropea, din tal-aħħar adottat, wara investigazzjoni miftuħa fl-10 ta’ Diċembru 2016, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1480 ( 1 ), li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti identiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Indja, il-Kummissjoni provviżorjament ma kkonstatat ebda prattika ta’ dumping. Fi tmiem il-proċedura antidumping, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/140 ( 2 ), li jimponi dazju antidumping definittiv fuq il-prodotti kkonċernati li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-istess prodotti provenjenti mill-Indja.

L-assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ċiniż China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (iktar ’il quddiem iċ-“CCCME”), li għandha fost il-membri tagħha produtturi-esportaturi Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat, kif ukoll produtturi-esportaturi Ċiniżi oħra, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/140.

Billi ċaħdet dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni f’isem il-membri tagħha. Barra minn hekk, hija tiċċara l-modalitajiet tal-aċċess tagħha għal ċerta informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni antidumping u tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tad-diversi indikaturi ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni kif ukoll dwar il-possibbiltà għall-Kummissjoni li taġġusta l-valur normali tal-prezz, kif iddeterminat skont il-metodu tal-pajjiż analogu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat miċ-CCCME, il-Qorti Ġenerali tirrileva, qabel kollox, li l-possibbiltà għal assoċjazzjoni li taġixxi f’isem il-membri tagħha hija bbażata fuq il-vantaġġ sinjifikattiv li jagħti dan il-mod ta’ proċedura, billi tippermetti li tevita l-preżentata ta’ numru kbir ta’ rikorsi indirizzati kontra l-istess atti mill-membri tal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tagħhom. Sabiex dan il-vantaġġ jikkonkretizza ruħu, jeħtieġ u huwa biżżejjed, l-ewwel nett, li l-assoċjazzjoni inkwistjoni taġixxi f’isem il-membri tagħha u, fit-tieni lok, li l-preżentata tar-rikors tkun permessa mis-setgħat mogħtija lilha fl-istatuti tagħha. Peress li dawn iż-żewġ rekwiżiti ġew issodisfatti f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument imressaq mill-Kummissjoni li t-tielet kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, marbuta man-natura rappreżentattiva tal-assoċjazzjoni inkwistjoni fis-sens tat-tradizzjoni ġuridika komuni tal-Istati Membri, ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association ( 3 ). Barra minn hekk, iċ-CCCME lanqas ma għandħa jkollha mandat jew prokura speċifika, stabbiliti mill-membri li tagħhom hija tiddefendi l-interessi, sabiex jiġi rrikonoxxut lilha l-locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, li ċ-CCCME għandha taġixxi f’isem il-membri tagħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll l-argument tal-Kummissjoni li rappreżentazzjoni biss li tkopri l-proċedura kollha, inkluża l-fażi amministrattiva, tippermetti lil assoċjazzjoni tippreżenta rikors f’isem il-membri tagħha. Fid-dawl tal-argumenti li jistgħu jiġu invokati miċ-CCCME insostenn tar-rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali tirrileva, barra minn hekk, li assoċjazzjoni li l-missjonijiet statutorji tagħha jinkludu d-difiża tal-interessi tal-membri tagħha tista’ tqajjem kull motiv ta’ natura li jikkontesta l-legalità tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali adottati fir-rigward tagħhom.

Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali tiċħad, b’mod partikolari, il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika liċ-CCCME informazzjoni utli għad-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu, bħad-dettalji tal-kalkoli tal-valur normali, tal-marġni ta’ dumping, tal-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet, tal-ħsara u tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Filwaqt li tfakkar li r-rekwiżit marbut mal-osservanza tal-informazzjoni kunfidenzjali ma jistax iċaħħad mill-kontenut essenzjali tagħha d-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-regolament bażiku ( 4 ) jipprovdi sistema ta’ garanziji li ssegwi żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiddefendu b’mod utli l-interessi tagħhom u, min-naħa l-oħra, iżżomm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni. Sabiex jiġu artikolati dawn iż-żewġ għanijiet, ir-Regolament bażiku jeżiġi, minn naħa, il-komunikazzjoni, mill-parti li titlob il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata, ta’ sunt mhux kunfidenzjali li jkun iddettaljat biżżejjed sabiex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jifhmu raġonevolment is-sustanza tal-imsemmija informazzjoni ( 5 ) u, min-naħa l-oħra, l-iżvelar, mill-istituzzjonijiet, tal-informazzjoni ġenerali, b’mod partikolari r-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tar-regolament bażiku jkunu bbażati ( 6 ). Issa, f’dan il-każ, peress li l-kalkoli kollha mitluba miċ-CCCME huma ta’ natura kunfidenzjali tali li jistħoqqilhom protezzjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fid-dawl tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha, din l-assoċjazzjoni tpoġġiet f’pożizzjoni li tipprovdi indikazzjonijiet utli għad-difiża tagħha.

Fir-rigward tal-kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta llimitat l-evalwazzjoni tagħha għad-data li tirriżulta mid-database Eurostat. F’dan ir-rigward, minkejja li kellhom isiru aġġustamenti sabiex jiġu solvuti ċerti diffikultajiet, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-affidabbiltà tad-data użata mill-Kummissjoni tista’ tiġi kkontestata biss permezz ta’ elementi ta’ natura li jqajmu dubju, b’mod konkret, dwar il-kredibbiltà tal-metodu jew tad-data użata minn din l-istituzzjoni. Issa, il-produzzjoni ta’ ċifri alternattivi, bħaċ-ċifri miksuba abbażi ta’ database li toriġina mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiżi li minnhom joriġinaw l-importazzjonijiet kontenzjużi, ma hijiex biżżejjed sabiex ir-rikorrenti tirbaħ il-kawża. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-analiżi tad-data, inkluża dik ipprovduta mill-Eurostat.

Fir-rigward tan-neċessità li ssir analiżi skont is-segment tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni sabiex jiġu evalwati d-diversi indikaturi ta’ dannu, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li tali analiżi tista’ tkun iġġustifikata meta l-prodotti koperti mill-investigazzjoni ma jkunux interkambjabbli u meta grupp jew diversi segmenti jistgħu jkunu kkonċernati iktar minn oħrajn mill-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping. L-appartenenza ta’ prodotti għal firxiet differenti madankollu ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita, fiha nfisha, l-assenza ta’ interkambjabbiltà tagħhom u għalhekk l-opportunità li ssir analiżi skont is-segment, peress li prodotti li jappartjenu għal firxiet distinti jistgħu jkollhom funzjonijiet identiċi jew jissodisfaw l-istess bżonnijiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata n-nuqqas ta’ provi dwar il-bżonnijiet speċifiċi u distinti eventwali tal-klijenti li għalihom kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ prodotti tissodisfa. Fir-rigward tas-segmentazzjoni tal-Ewropa tal-Lvant tal-kumplament tal-Unjoni, minħabba kundizzjonijiet kompetittivi allegatament inqas żviluppati f’din il-parti tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali tenfasizza l-assenza ta’ prova li ċ-ċirkustanzi ta’ dan it-tip jiġġustifikaw, f’dan il-każ, li wieħed jifhem separatament id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Ewropa tal-Punent u dak ikkawżat lill-industrija tal-Ewropa tal-Lvant.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll l-ilment ibbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tas-sussidju tal-importazzjonijiet meta mqabbel mal-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni. F’dan id-dawl, ir-rikorrenti kienu kkritikaw lill-Kummissjoni, minn naħa, in-nuqqas ta’ rappreżentattività tal-kampjuni u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, fl-assenza ta’ tip ta’ prodott importat paragunabbli. Il-Qorti Ġenerali tirrileva, qabelxejn, li l-Kummissjoni hija awtorizzata mir-Regolament bażiku tibbaża l-investigazzjoni tagħha, fil-kawżi ta’ daqs kbir, fuq numru ta’ partijiet partikolari bl-użu ta’ metodu ta’ teħid ta’ kampjuni ( 7 ). Issa, f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni ħadet il-kampjun skont il-modalitajiet previsti mir-Regolament bażiku, is-sussidju kkonstatat għall-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għandu jitqies li huwa rappreżentattiv għall-industrija kollha tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali tippreċiża, barra minn hekk, li analiżi ta’ kull tip ta’ prodott mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ma hijiex meħtieġa f’każijiet, bħal f’dan il-każ, fejn il-prodott ikkonċernat jinkludi varjetà ta’ tipi ta’ prodotti li jibqgħu interkambjabbli. Barra minn hekk, dan il-prinċipju ġie kkonfermat ukoll mill-Korp tal-Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ( 8 ), li jipprovdi li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sussidju għal kull wieħed mit-tipi ta’ prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni jew f’dak li jirrigwarda l-firxa kollha tal-merkanziji li tikkostitwixxi l-prodott nazzjonali simili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-eżistenza ta’ marġni ta’ sussidju li jistabbilixxi ruħu f’medda ta’ bejn 31.6 % u 39.2 %, li tirrigwarda 62.6 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, tidher suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jiġi konkluż li kien hemm sussidju sinjifikattiv fil-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni.

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-possibbiltà li jsir aġġustament tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat bħala taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) meta l-Kummissjoni tirrikorri għall-metodu tal-pajjiż analogu, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-użu ta’ dan il-metodu huwa intiż li jevita t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma jkunux ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq. Madankollu, dan ma jfissirx li l-valur normali hekk stabbilit ma jista’ jkun suġġett għal ebda aġġustament ( 9 ). Fil-fatt, xejn fir-Regolament bażiku ma jindika li l-użu tal-metodu tal-pajjiż analogu jagħti lok għal deroga ġenerali għar-rekwiżit li jsiru aġġustamenti għal finijiet ta’ komparabbiltà. Madankollu, fil-każ fejn jiġu kkunsidrati aġġustamenti tal-valur normali, dawn ma għandhomx jerġgħu jintegraw mill-ġdid, fl-analiżi tal-istituzzjonijiet, elementi marbuta mal-parametri li, f’dan il-pajjiż, ma jkunux ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-applikazzjoni tal-valur normali tar-rata tal-VAT applikabbli fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma tpoġġix jew tintroduċi mill-ġdid element ta’ distorsjoni tal-iskema Ċiniża fil-kalkolu tal-valur normali ddeterminat abbażi tal-metodu tal-pajjiż analogu.


( 1 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1480 tas-16 ta’ Awwissu 2017 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2017, L 211, p. 14).

( 2 ) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/140 tad-29 ta’ Jannar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fl-Indja (ĠU 2018, L 25, p. 6)

( 3 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21 iktar ’il quddiem ir-”Regolament bażiku”).

( 5 ) Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku.

( 6 ) Artikolu 19(4) tar-Regolament bażiku.

( 7 ) Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

( 8 ) Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fit-tilwima “Ċina - Miżuri li jimponu dazji antidumping fuq it-tubi, mingħajr saldatura, ta’ stainless steel bi prestazzjoni għolja “HP-SSST” li joriġinaw mill-Ġappun” (WT/DS 454/AB/R u WT/DS 460/AB/R, rapport tal-14 ta’ Ottubru 2015).

( 9 ) Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

Top