Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0778

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2019 (Estratti).
    Autostrada Wielkopolska S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat – Konċessjoni ta’ awtostrada b’tariffa tat-triq – Liġi li tipprevedi eżenzjoni mit-tariffi tat-triq għal ċerti vetturi – Kumpens mogħti lill-konċessjonarju mill-Istat Membru abbażi tat-telf ta’ dħul – Tariffi tat-triq virtwali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Obbligu tal-Kummissjoni li teżerċita viġilanza partikolari – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja mistennija tal-konċessjonarju – Kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Artikolu 107(3)(a) TFUE – Għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali.
    Kawża T-778/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:756

    Kawża T778/17

    (pubblikazzjoni ta’ estratti)

    Autostrada Wielkopolska S.A.

    vs

    IlKummissjoni Ewropea

     Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal24 ta’ Ottubru 2019

    “Għajnuna mill-Istat – Konċessjoni ta’ awtostrada b’tariffa tat-triq – Liġi li tipprevedi eżenzjoni mit-tariffi tat-triq għal ċerti vetturi – Kumpens mogħti lill-konċessjonarju mill-Istat Membru abbażi tat-telf ta’ dħul – Tariffi tat-triq virtwali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Obbligu tal-Kummissjoni li teżerċita viġilanza partikolari – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja mistennija tal-konċessjonarju – Kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Artikolu 107(3)(a) TFUE – Għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali”

    1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligu tal-Kummissjoni li ssejjaħ il-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom – Dritt tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jkun assoċjat mal-proċedura b’mod adegwat – Portata – Stat Membru li jsostni t-teżi tal-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Obbligu tal-Kummissjoni li teżerċita viġilanza partikolari sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-benefiċjarju tal-għajnuna

    (Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

    (ara l-punti 51 sa 60)

    2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligu tal-Kummissjoni li ssejjaħ il-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom – Dritt tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jkun assoċjat mal-proċedura b’mod adegwat – Ksur – Annullament tad-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kundizzjoni – Possibbiltà għall-proċedura amministrattiva li twassal għal riżultat differenti fl-assenza tal-imsemmi ksur

    (Artikoli 108(2) u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

    (ara l-punti 61 sa 65, 69)

    Sunt

    Permezz tas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni (T‑778/17), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament imressaq mill-kumpannija Autostrada Wielkopolska S.A. kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li l-Polonja tatha għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern (1).

    Din il-kawża toriġina minn kuntratt ta’ konċessjoni ffirmat fl‑1997, li b’eżekuzzjoni tiegħu Autostrada Wielkopolsk bniet parti tal-awtostrada A 2 fil-Polonja. Bħala korrispettiv, hija bbenefikat mid-dritt li tirċievi t-tariffi tat-triq imħallsa mill-utenti tal-awtostrada.

    Wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fl‑2004, il-Polonja ttrasponiet fid-dritt Pollakk id-Direttiva dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (2), li tipprevedi li t-tariffi tat-triq u l-ħlasijiet għall-użu tat-triq ma jistgħux jiġu imposti fl-istess ħin għall-użu tal-istess sezzjoni ta’ triq. B’hekk, il-Parlament Pollakk adotta liġi li pprevediet li l-vetturi ta’ merkanzija tqila li għandhom vinjetta għall-użu tat-toroq nazzjonali huma eżentati mit-tariffi tat-triq fuq l-awtostradi koperti minn kuntratti ta’ konċessjoni. Skont din il-liġi, il-konċessjonarji bħal Autostrada Wielkopolska kellhom madankollu jiġu kkumpensati għat-telf ta’ dħul ikkawżat minn din l-eżenzjoni.

    Wara li bdew iħallsu kumpens lil Autostrada Wielkopolska, l-awtoritajiet Pollakki, li qiesu li dan il-kumpens kien eċċessiv, innotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm Autostrada Wielkopolska bħala prinċipju kellha d-dritt li tiġi kkumpensata bħala korrispettiv għat-telf ta’ dħul ikkawżat mill-emenda tal-leġiżlazzjoni Pollakka, hija kienet bbenefikat minn kumpens żejjed, li jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

    Fir-rikors tagħha għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, Autostrada Wielkopolska invokat b’mod partikolari l-ksur tad-dritt tagħha li tiġi assoċjata mal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni.

    Il-Qorti Ġenerali fakkret li Autostrada Wielkopolska, bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni, ma setgħetx tinvoka l-garanzija tad-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda kellha biss id-dritt li tiġi assoċjata mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt ta’ Autostrada Wielkopolska li tippreżenta osservazzjonijiet, kien neċessarju li l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura formali li tikkonċerna l-kumpens finanzjarju kkontestat. Għalkemm il-Kummissjoni bidlet ir-raġunament tagħha, wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni, fuq fatti jew klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti li kienu determinanti fl-evalwazzjoni tagħha, hija kellha tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jippreżentaw effettivament l-osservazzjonijiet tagħhom.

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li din il-kawża kienet differenti mill-biċċa l-kbira tal-kawżi relatati mal-għajnuna mill-Istat, peress li l-Polonja, li hija l-Istat Membru li ta l-għajnuna, kellha interessi opposti għal dawk ta’ Autostrada Wielkopolska u hija stess kienet sostniet li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. F’dan il-kuntest, kien partikolarment importanti li l-Kummissjoni tqiegħed lil Autostrada Wielkopolska f’pożizzjoni li tkun tista’ tippreżenta effettivament l-osservazzjonijiet tagħha. Dan l-obbligu proċedurali huwa meħtieġ iktar u iktar peress li Autostrada Wielkopolska kellha d-dritt li tibbenefika minn kumpens minħabba l-eżenzjoni tat-tariffi tat-triq u peress li tilwima kontra l-Polonja dwar il-portata ta’ dan il-kumpens kienet pendenti quddiem il-qrati nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, f’tali sitwazzjoni, hija l-Kummissjoni li kellha tkun partikolarment viġilanti fir-rigward tar-rispett tad-dritt ta’ Autostrada Wielkopolska li tiġi assoċjata mal-proċedura amministrattiva.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni ppubblikat id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura formali fil-Ġurnal Uffiċjali u stiednet lil Autostrada Wielkopolska sabiex tippreżenta osservazzjonijiet f’din l-okkażjoni, sussegwentement, hija ma qegħditx lil Autostrada Wielkopolska f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet matul it-tliet snin li ppreċedew id-deċiżjoni kkontestata, minkejja li, madankollu, hija kellha diversi skambji mal-Polonja. Il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tat-tul u tal-intensità tal-iskambji li saru mal-Polonja wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet obbligata terġa’ tqiegħed lil Autostrada Wielkopolska f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet. Minn dan iddeduċiet li l-Kummissjoni ma wrietx il-viġilanza partikolari li hija kellu jkollha f’dan il-każ.

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset li din l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tinkludi lil Autostrada Wielkopolska fl-iskambji li saru mal-Polonja wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura formali, ma kinitx tali li twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet iddefiniet b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u, billi għamlet hekk, kienet tat l-opportunità lil Autostrada Wielkopolska li tibgħatilha l-informazzjoni utli kollha dwar il-fatti u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi ta’ dawn il-fatti, li kienu determinanti fid-deċiżjoni kkontestata. Hija qieset ukoll li ma kienx ġie stabbilit li, kieku Autostrada Wielkopolska kienet ġiet inkluża fl-iskambji msemmija iktar ’il fuq bejn il-Kummissjoni u l-Polonja, l-analiżi ġuridika adottata mill-Kummissjoni f’din l-aħħar deċiżjoni setgħet tkun differenti.


    1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/556 tal‑25 ta’ Awwissu 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35356 (2013/C) (ex 2013/NN, ex 2012/N) mogħtija mill-Polonja lil Autostrada Wielkopolska (ĠU 2018, L 92, p. 19).


    2      Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372).

    Top