Choisissez les fonctionnalités expérimentales que vous souhaitez essayer

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 62017TJ0218

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tad-29 ta’ Ġunju 2018.
HF vs Il-Parlament Ewropew.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-Xogħol – Deċiżjoni li tiċħad it-talba għal assistenza – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ kontradittorju – Ċaħda ta’ komunikazzjoni tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda – Tul tal-proċedura amministrattiva – Terminu raġonevoli.
Kawża T-218/17.

Recueil – Recueil général – Partie «Informations sur les décisions non publiées»

Kawża T‑218/17

HF

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-Xogħol – Deċiżjoni li tiċħad it-talba għal assistenza – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ kontradittorju – Ċaħda ta’ komunikazzjoni tal-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda – Tul tal-proċedura amministrattiva – Terminu raġonevoli”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tad-29 ta’ Ġunju 2018

  1. Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Talba għal assistenza indirizzata lill-amministrazzjoni li tinvoka allegat fastidju psikoloġiku – Obbligu li l-awtur ta’ din it-talba jinstema’ – Portata

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41 u 48; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 24)

  2. Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Talba għal assistenza indirizzata lill-amministrazzjoni li tinvoka allegat fastidju psikoloġiku – Obbligu li l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju tinstema’ – Portata

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

  3. Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Investigazzjoni interna relattiva għal allegat fastidju psikoloġiku – Obbligu li l-opinjoni tal-kumitat inkarigat bl-investigazzjoni jiġi ttrasferit lil-lanjant – Portata

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 24)

  4. Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Investigazzjoni interna relattiva għal allegat fastidju psikoloġiku – Obbligu li d-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda quddiem il-kumitat inkarigat mill-inkjesta jiġu trażmessi lil-lanjant – Assenza

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 24)

  5. Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Investigazzjoni interna relattiva għal allegat fastidju psikoloġiku – Obbligu tal-kumitat inkarigat mill-investigazzjoni li jsejjaħ lix-xiehda kollha proposti mil-lanjant – Assenza

  6. Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Investigazzjoni interna relattiva għal allegat fastidju psikoloġiku – Kompożizzjoni tal-kumitat inkarigat mill-investigazzjoni – Assenza ta’ parità sħiħa bejn il-membri maħtura mill-amministrazzjoni u dawk maħtura mir-rappreżentazzjoni tal-persunal – Ammissibbiltà – Parteċipazzjoni tal-kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani tal-istituzzjoni kkonċernata – Ammissibbiltà

  7. Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni rigward l-applikazzjoni tal-kunċett – Assenza

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

  1.  Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa intiż li jiġi invokat biss fil-kuntest ta’ proċedura li tinfetaħ kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jista’ jikkawżalha preġudizzju fejn l-amministrazzjoni jkollha provi inkriminanti kontra din il-persuna.

    F’dan ir-rigward, proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva mibdija wara t-tressiq minn uffiċjal jew membru tal-persunal, ta’ talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għal fatti ta’ terz, uffiċjal jew membru tal-persunal, dwar allegat fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal hija, ċertament, miftuħa fuq talba tiegħu, iżda ma tistax titqies li hija proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa kontra dak l-uffiċjal jew membru tal-persunal. Fil-fatt, ir-rwol tal-awtur tat-talba għal assistenza li jallega li hemm fatti relatati ma’ fastidju jikkonsisti essenzjalment fil-kollaborazzjoni tiegħu għat-twettiq xieraq tal-inkjesta amministrattiva sabiex jiġu stabbiliti l-fatti.

    Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċedura segwita mill-amministrazzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal assistenza bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-awtur ta’ din it-talba ma jistax jinvoka r-rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta bħala tali u lanqas, f’dan il-kuntest, fil-forma ta’ ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Madankollu, għandhom jiġu rrikonoxxuti fil-konfront tal-awtur ta’ talba għal assistenza, bħala vittma preżunta, drittijiet proċedurali, distinti mid-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta li ma humiex estiżi daqs dawn tal-aħħar u li, fl-aħħar mill-aħħar, jaqgħu taħt id-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif stabbilit illum fl-Artikolu 41 tal-Karta.

    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal amministrazzjoni tajba, l-awtur tat-talba għal assistenza għandu neċessarjament, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jinstema’ b’mod xieraq qabel ma din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tiġi adottata mill-amministrazzjoni. Dan jimplika li l-persuna kkonċernata tinstema’ minn qabel dwar ir-raġunijiet li l-amministrazzjoni ikollhom l-intenzjoni li jinvokaw insostenn taċ-ċaħda ta’ din it-talba.

    (ara l-punti 66 sa 68, 70, 74)

  2.  Fil-kuntest tal-proċedura segwita mill-amministrazzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal assistenza bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju ma jistax jinvoka r-rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala tali u lanqas, f’dan il-kuntest, fil-forma ta’ ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

    Fil-fatt, il-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju tista’ ċertament tkun implikata personalment fit-talba għal assistenza li wasslet għall-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva u jista’ jkollha, diġà f’dan l-istadju, tiddefendi ruħha kontra akkużi li jirrigwardawha, biex tiġġustifika li hija tkun tista’ tinstema’, possibbilment f’diversi okkażjonijiet, fil-kuntest tal-investigazzjoni. Madankollu, huwa biss fi stadju sussegwenti tal-proċedura, jekk ikollhom jittieħdu proċeduri dixxiplinari kontriha, f’dan il-każ bl-involviment tal-Bord ta’ Dixxiplina, li hija tibbenefika bid-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ kontradittorju, b’enfasi fuq il-fatt li l-r-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu biss dritt għal smigħ fuq il-prinċipju ta’ ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u li l-proċedura ma tiħux natura kontradittorja ħlief wara li jiġi adit il-Bord ta’ Dixxiplina.

    (ara l-punti 68, 69)

  3.  Bla ħsara għall-protezzjoni tal-interessi tal-persuni li ġew implikati u ta’ dawk li xehdu matul investigazzjoni dwar allegat fastidju psikoloġiku, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxi li jintbagħat rapport finali ta’ investigazzjoni lil parti terza li jkollha interess leġittimu li tkun taf bih, bħalma huwa l-każ tal-persuna li tressaq talba għal assistenza, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li fiha tallega ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

    Għaldaqstant, meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi li titlob l-opinjoni ta’ kumitat konsultattiv li lilu tafda l-kompitu li jwettaq l-investigazzjoni amministrattiva u li, fid-deċiżjoni fuq it-talba għal assistenza, hija tikkunsidra l-opinjoni maħruġa b’dan il-mod mill-kumitat konsultattiv, l-imsemmija opinjoni, konsultattiva u li tista’ titħejja f’forma mhux kunfidenzjali billi tirrispetta l-anonimat mogħti lix-xhieda, għandha, b’applikazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-awtur tat-talba għal assistenza, bħala prinċipju tinġieb għall-attenzjoni ta’ dan tal-aħħar, u dan anki jekk ir-regoli interni dwar il-fastidju ma jipprevedux tali trażmissjoni.

    (ara l-punti 79, 80)

  4.  Bħala prinċipju, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol, huwa permess għall-amministrazzjoni li tipprovdi għall-possibbiltà li tiggarantixxi lix-xhieda, li jaċċettaw li jagħtu l-istqarrija tal-fatti tagħhom inkwistjoni f’każ ta’ fastidju allegat, li x-xhieda tagħhom tinżamm kunfidenzjali, fir-rigward kemm tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju kif ukoll tal-allegata vittma, tal-inqas fil-kuntest tal-proċedura segwita għat-trattament ta’ talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    Fil-fatt, minn naħa, peress li, fil-kuntest tat-trattament ta’ talba għal assistenza, wieħed mill-għanijiet mogħtija lill-amministrazzjoni huwa li terġa’ lura s-serenità fis-servizz, li jsir magħruf il-kontenut tax-xhieda, kemm mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju kif ukoll mill-vittma allegata, jista’ jipperikola dan l-għan billi terġa’ titqajjem animożità interpresonali eventwali fi ħdan is-servizz u jiskoraġġixxi, fil-futur, lill-persuni li jistgħu jipproduċu xhieda rilevanti milli jagħmlu dan.

    Min-naħa l-oħra, meta istituzzjoni tirċievi informazzjoni pprovduta fuq bażi volontarja, imma b’talba għall-kunfidenzjalità bl-iskop li jiġi protett l-anonimat tal-informatur, l-istituzzjoni li taċċetta li tirċievi din l-informazzjoni hija marbuta li tirrispetta tali kundizzjoni. Issa, l-istess jista’ japplika meta uffiċjali jew membri tal-persunal jaqblu li jipprovdu x-xhieda tagħhom sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ titfa’ dawl fuq il-fatti li huma s-suġġett ta’ talba għal assistenza, imma jirrikjedu, min-naħa l-oħra, li l-anonimat tagħhom jiġi żgurat fir-rigward tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u/jew tal-vittma ssuspettata, b’enfasi fuq il-fatt li, għalkemm il-parteċipazzjoni tagħhom hija mixtieqa, mill-perspettiva tar-Regolamenti tal-Persunal, ma humiex neċessarjament obbligati li jikkooperaw fl-investigazzjoni billi jagħtu x-xhieda tagħhom.

    Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda investigazzjoni dwar allegat fastidju, huwa mingħajr ma tikisret id-dritt għal smigħ, kif imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-amministrazzjoni tirrifjuta li tittrażmetti lil-lanjant id-depożizzjonijiet ta’ smigħ ta’ xhieda fil-fażi prekontenzjuża.

    (ara l-punti 83 sa 85, 87)

  5.  Entità inkarigata b’investigazzjoni amministrattiva fil-qasam ta’ fastidju, li għandha l-obbligu li tinvestiga b’mod proporzjonat il-fajls li jinġabu quddiemha, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ kif titmexxa l-investigazzjoni u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn xhieda. Għaldaqstant, il-kumitat konsultattiv bl-ebda mod ma huwa obbligat li jsejjaħ ix-xhieda kollha proposti mil-lanjant fil-kuntest tal-investigazzjoni.

    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, anki jekk huwa mixtieq li jassistu investigazzjoni amministrattiva, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ta’ istituzzjoni, li jkunu f’impjieg attiv jew irtirati, ma humiex neċessarjament obbligati, mill-perspettiva tar-Regolamenti tal-Persunal, li jixhdu quddiem entità bħall-kumitat konsultattiv.

    (ara l-punti 97, 99, 101)

  6.  Għal dak li jirrigwarda l-kumitat inkarigat imexxi investigazzjoni dwar allegat fastidju, anki jekk ma hemmx parità sħiħa bejn il-membri maħtura mill-amministrazzjoni u dawk maħtura mir-rappreżentazzjoni tal-persunal, jeżistu garanziji biżżejjed ta’ imparzjalità u oġġettività tal-opinjoni li l-imsemmi kumitat irid jifformula u jadotta intiża għall-amministrazzjoni, fid-dawl tal-fatt l-ewwel nett, tal-preżenza ta’ uffiċjal mediku tal-istituzzjoni fi ħdan il-kumitat konsultattiv, it-tieni nett, tal-fatt li huwa previst, skont ir-regoli interni tal-istituzzjoni kkonċernata dwar il-fastidju, li l-kumitat konsultattiv jaħdem f’awtonomija, indipendenza u kunfidenzjalità assoluta u, it-tielet nett, tan-natura kolleġġjali tad-deliberazzjonijiet.

    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-President tal-kumitat konsultattiv huwa, barra minn hekk, il-kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani tad-Direttorat tar-Riżorsi tad-DĠ “Persunal” tal-istituzzjoni kkonċernata, ma jimplikax li jeżerċita jew jista’ jeżerċita setgħa fuq il-membri tal-persunal u, għaldaqstant, fuq id-deliberazzjonijiet tal-kumitat konsultattiv, kif ukoll fuq il-kontenut tax-xhieda pprovduta minn xhieda.

    (ara l-punti 103, 104)

  7.  Id-definizzjoni ta’ fastidju msemmija fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tikkostitwixxi kunċett oġġettiv u li, anki jekk hija bbażata fuq klassifikazzjoni kuntestwali ta’ atti u ta’ aġir ta’ terzi, li ma huwiex dejjem sempliċi li jsir, ma jfissirx madankollu li jsiru evalwazzjonijiet kumplessi, bħal dawk li jistgħu jirriżultaw minn kunċetti ta’ natura ekonomika, xjentifika jew anki teknika, li jiġġustifikaw li jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-amministrazzjoni fl-applikazzjoni tal-kunċett inkwistjoni.

    (ara l-punt 123)

Haut