This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012TJ0278
Inter-Union Technohandel vs OHMI - Gumersport Mediterranea de Distribuciones (PROFLEX)
Inter-Union Technohandel vs OHMI - Gumersport Mediterranea de Distribuciones (PROFLEX)
Kawża T‑278/12
Inter-Union Technohandel GmbH
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva PROFLEX — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti PROFEX — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2014
Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kunċett – Interpretazzjoni fid-dawl tar-ratio legis tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009
(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, premessa 10 u Artikolu 42(2) u (3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(3))
Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))
Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Applikazzjoni tal-kriterji għall-każ speċifiku
(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))
Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Saħħa probatorja tal-provi – Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 42(2) u (3) u 78(1)(f); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(4))
Ir-ratio legis tar-rekwiżit li t-trade mark preċedenti għandha tkun intużat b’mod ġenwin sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika leġittima li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità la huma intiżi sabiex jevalwaw is-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss għall-każ fejn ikun sar użu kummerċjali minnhom b’mod sinjifikattiv mill-aspett kwantitattiv.
(ara l-punt 26)
Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm żbokk għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-iskop uniku li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin mit-trade mark teżiġi li din tal-aħħar, kif protetta fit-territorju rilevanti, tintuża pubblikament u ’l barra. L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati li huma ġġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark. Fir-rigward tal-firxa tal-użu koperta mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul tal-perijodu li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra.
(ara l-punti 27‑29)
Sabiex tiġi eżaminata n-natura ġenwina tal-użu minn trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. Għalhekk, volum żgħir ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew regolarità kbira fiż-żmien tal-użu minn din it-trade mark u bil-maqlub.
L-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jipprovaw użu effettiv u suffiċjenti mit-trade mark fis-suq ikkonċernat.
(ara l-punti 30, 31)
F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex verosimili. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbazi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli. Meta tkun tħejjiet dikjarazzjoni fis-sens tal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja minn wieħed mid-diriġenti tal-parti li ressqet l-oppożizzjoni, jista’ jingħata valur probatorju lill-imsemmija dikjarazzjoni biss jekk din tiġi kkorroborata minn provi oħra.
(ara l-punti 50, 51)