Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0048

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża T-48/05

    Yves Franchet u Daniel Byk

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    “Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Servizz pubbliku — Investigazzjonijiet tal-OLAF — Każ ‘Eurostat’ — Trażmissjoni ta’ informazzjoni lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali dwar fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali — Nuqqas li l-uffiċjali kkonċernati u l-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF jiġu informati minn qabel — Kxif ta’ informazzjoni lill-istampa — Żvelar mill-OLAF u mill-Kummissjoni — Ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza — Dannu morali — Rabta kawżali”

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Lulju 2008   II ‐ 1595

    Sommarju tas-sentenza

    1. Proċedura – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Talba sabiex jiġu rtirati mill-proċess dokumenti interni ta’ istituzzjoni

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 64)

    2. Uffiċjali – Rikors għad-danni – Suġġett – Talba għall-kumpens għad-danni subiti minħabba investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)

      (Artikoli 235 KE u 236 KE)

    3. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF – Kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2) u (3); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4)

    4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Ksur tal-obbligu li l-parti kkonċernata tkun informata fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Ksur tal-obbligu li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun informat minn qabel

      (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2) u (3); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4; Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, Artikolu 2)

    5. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF – Għoti ta’ informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikoli 4(5) u 10(2) u (3))

    6. Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Motivi – Rikors għal kumpens għad-danni subiti minħabba investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)

      (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2))

    7. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova fuq ir-rikorrent – Limiti

      (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

    8. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Komunikat stampa tal-amministrazzjoni li jista’ jwassal sabiex wieħed jemmen fl-implikazzjoni ta’ uffiċjal f’irregolaritajiet mingħajr prova tal-ħtija tiegħu

      (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 8(2))

    9. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF – Drittijiet tad-difiża – Portata – Dritt ta’ aċċess għall-fajls tal-investigazzjoni – Nuqqas ħlief pubblikazzjoni tar-rapport finali

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4)

    10. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF – Tul tal-proċedura

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikoli 6(5) u 11(7))

    11. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF – Kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 12)

    12. Uffiċjali – Regoli dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari u kriminali mmexxija fl-istess ħin fir-rigward tal-istess fatti

      (Regolamenti tal-Persunal, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88; Anness IX, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7)

    1.  Bħala regola ġenerali, it-talba ta’ istituzzjoni sabiex jitneħħa dokument intern mill-proċess li jinsab quddiem il-qorti Komunitarja meta dan ma jkunx inkiseb b’mezzi leġittimi minn min qed jinvokah hija fondata. Fil-fatt, dokument intern huwa ta’ natura kunfidenzjali sakemm l-istituzzjoni li ħarġitu ma tkux aċċettat li tiżvelah. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, mhuwiex neċessarju li r-rikorrent juri li huwa kien kiseb b’mod leġittimu d-dokument kunfidenzjali invokat insostenn tal-argument tiegħu u, filwaqt li jiġu bbilanċjati l-interessi li għandhom jiġu protetti, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk ċirkustanzi partikolari, bħan-natura deċiżiva tal-produzzjoni tad-dokument intern sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat jew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter, jiġġustifikawx il-fatt li dokument ma jiġix irtirat.

      (ara l-punti 77, 79)

    2.  Talbiet għall-kumpens għad-danni materjali u morali allegatament subiti minn uffiċjal minħabba, minn naħa, it-tmexxija u l-konklużjoni ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li tindikah b’ismu u eventwalment tattribwixxilu pubblikament ir-responsabbiltà għall-irregolaritajiet ikkonstatati żmien sew qabel deċiżjoni finali tal-qorti nazzjonali kompetenti, u, min-naħa l-oħra, il-mod kif ġabet ruħha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, ma jistgħux jiġu miċħuda bħala prematuri b’mod illi l-uffiċjal jista’ jressaq tali talba biss wara l-eventwali deċiżjonijiet finali tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Fil-fatt, ir-riżultat eventwali tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali ma jistax jaffettwa l-proċeduri quddiem il-qorti Komunitarja għaliex fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet għad-danni, il-kwistjoni ma tkunx jekk il-fatti imputati lill-uffiċjal humiex stabbiliti jew le, jew jekk fl-attività professjonali tiegħu huwa wettaqx żbalji jew le, iżda li jiġi eżaminat il-metodu li bih l-OLAF mexxa l-investigazzjoni tiegħu u l-mod kif ġabet ruħha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, billi l-allegat dannu subit mill-uffiċjal huwa distint minn dak li tista’ tattesta dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ tort mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

      (ara l-punti 90, 91)

    3.  Mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet, jirriżulta li l-uffiċjal ikkonċernat għandu jkun informat mill-iktar fis bil-possibbiltà tal-implikazzjoni personali tiegħu, meta m’hemmx riskju li dan jagħmel ħsara lill-investigazzjoni, u li, f’kull każ, ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni, fl-aħħar tal-investigazzjoni, li tirrigwarda personalment lil uffiċjal tal-Kummissjoni mingħajr ma l-parti kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha. Il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal kkonċernat jista’ jiġi rrikkonċiljat mal-ħtieġa ta’ kunfidenzjalità li tapplika għal kull investigazzjoni ta’ din in-natura, jikkostitwixxi ksur ta’ formalità sostanzjali applikabbli għall-proċedura ta’ investigazzjoni.

      Huwa veru li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma jikkonċernax espliċitament t-trażmissjoni ta’ informazzjoni li, skont l-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-OLAF jista’ jew għandu, fir-rigward rispettivament ta’ investigazzjonijiet esterni jew interni, jgħaddi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u għalhekk ma jipprevedix obbligu ta’ notifika lill-uffiċjal ikkonċernat qabel din it-trażmissjoni. Madankollu, jekk informazzjoni bħal din tinkludi “konklużjonijiet li jirrigwardaw personalment” lill-uffiċjal inkwistjoni, dan għandu, fil-prinċipju, ikun informat u mismugħ fir-rigward tal-fatti li jikkonċernawh.

      Madankollu, dan l-artikolu jipprovdi eċċezzjoni fir-rigward tal-każijiet li jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta dwarhom għall-finijiet tal-investigazzjoni u li jeħtieġu r-rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-obbligu li l-uffiċjal jiġi mistieden jesprimi ruħu jista’ jiġi ddifferit bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. Għalhekk, sabiex in-notifika tiġi ddifferita hemm bżonn li tiġi sodisfatta l-kundizzjoni doppja tal-bżonn li tinżamm is-segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-ħtieġa ta’ rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Barra minn dan, għandha tinkiseb approvazzjoni minn qabel mingħand is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. L-obbligu li tintalab u tinkiseb l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni mhuwiex sempliċi formalità li tista’, skont il-każ, tkun sodisfatta fi stadju ulterjuri. Fil-fatt, ir-rekwiżit li tinkiseb din l-approvazzjoni jitlef l-iskop tiegħu, jiġifieri dak li jiggarantixxi li d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjali kkonċernati jiġu rrispettati, li n-notifika tagħhom tiġi ddifferita biss f’każijiet verament eċċezzjonali u li l-evalwazzjoni ta’ din in-natura eċċezzjonali ma taqax biss taħt ir-responsabbiltà tal-OLAF iżda teħtieġ ukoll l-evalwazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni.

      (ara l-punti 128-130, 133, 144-146, 151)

    4.  Id-dispożizzjoni legali li tistipula li l-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom ikunu informati u mqiegħda fil-pożizzjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-fatti kollha li jikkonċernawhom, tagħti drittijiet lill-individwi. Ċertament, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet, jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-OLAF f’każijiet li jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni u li jeħtieġu r-rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali, b’mod li l-obbligu li l-uffiċjal jiġi mistieden jesprimi ruħu jista’ jiġi ddifferit bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. Madankollu, fir-rigward tal-metodi ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li n-notifika lill-uffiċjali kkonċernati tiġi ddifferita u fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, l-OLAF m’għandu ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

      Minn dan jirriżulta li l-OLAF iwettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi meta, fin-nuqqas li jinvoka l-ħtieġa li jsir rikors għal dawn il-mezzi ta’ investigazzjoni u li jitlob l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fi żmien utli sabiex jiddifferixxi l-istedina obbligatorja tal-uffiċjal ikkonċernat mill-investigazzjoni sabiex jesprimi ruħu, huwa ma josservax it-termini u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.

      Dan japplika wkoll fil-każ ta’ ksur tal-obbligu impost fuq l-OLAF mill-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, li jikkonsulta l-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-persuni kkonċernati. Fil-fatt, minn naħa, anki jekk, skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ma jinterferixxix fl-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejja, huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet tal-persuni li huma s-suġġett tal-investigazzjonijiet għaliex skont l-Artikolu 2 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, huwa “għandu jissorvelja li l-attivitajiet tal-OLAF jitwettqu fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u b’mod konformi mat-Trattati u mad-dritt sekondarju, b’mod partikolari mal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, u mar-Regolamenti tal-Persunal”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi li n-notifika lill-Kumitat ta’ Sorveljanza hija obbliġu mingħajr kundizzjoni u ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-OLAF.

      (ara l-punti 146, 153-156, 164, 167-170)

    5.  L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) mhuwiex obbligat jinforma lill-istituzzjoni kkonċernata minn investigazzjoni interna qabel ma tintbagħat lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, l-informazzjoni miksuba fuq fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Fil-fatt, minn naħa, it-trażmissjoni lill-istituzzjoni kkonċernata tal-informazzjoni miksuba waqt investigazzjoni interna, skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament hija biss fakultattiva u l-ebda dispożizzjoni ta’ dan l-artikolu ma tipprovdi li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandha tkun preċeduta jew flimkien ma’ notifika lill-istituzzjoni kkonċernata. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(5) ta’ dan l-istess regolament, li abbażi tiegħu l-istituzzjoni kkonċernata għandha tkun informata, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet interni, meta l-investigazzjonijiet jiżvelaw il-possibbiltà ta’ implikazzjoni personali ta’ xi membru, maniġer, uffiċjal jew impjegat ieħor, ma jipprovdi ebda terminu għat-trażmissjoni ta’ din in-notifika, u barra minn dan fih eċċezzjoni li abbażi tagħha l-OLAF jista’ jiddifferixxi n-notifika, fil-każijiet li fid-diskrezzjoni tiegħu, jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni.

      Fl-aħħar nett, dawn id-dispożizzjonijiet ma fihomx dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi li l-qorti Komunitarja tiggarantixxi r-rispett tagħhom.

      (ara l-punti 158, 159, 162)

    6.  Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament subit minn uffiċjal minħabba t-tmexxija u l-konklużjoni ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), motiv ibbażat fuq l-influwenza eżerċitata fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali meta tiġi trażmessa lilhom, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, informazzjoni li tirrigwarda l-investigazzjoni, u li abbażi tagħha l-OLAF ikun iggwida lil dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji meta kkwalifika bħala kriminali l-fatti kkomunikati, huwa mingħajr effett. Fil-fatt, l-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-informazzjoni mibgħuta lilhom mill-OLAF taqa’ kompletament u unikament taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għalhekk, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jivverifikaw jekk tali informazzjoni tiġġustifikax jew teħtieġx li jinbdew proċeduri kriminali. Konsegwentement, il-protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri għandha tiġi żgurata fuq il-livell nazzjonali bil-garanziji kollha previsti mid-dritt intern, inklużi dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali li, billi jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, għandhom ikunu rrispettati wkoll mill-Istati Membri meta jimplementaw leġiżlazzjoni Komunitarja.

      (ara l-punti 171-173)

    7.  Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, huwa r-rikorrent li għandu juri li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE huma sodisfatti. Madankollu din ir-regola hija attenwata meta avveniment dannuż seta’ ġie kkawżat minn numru ta’ kawżi differenti u meta l-istituzzjoni Komunitarja ma tkun ressqet ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit lil liema waħda minn dawn il-kawżi dan il-fatt seta’ jiġi attribwit, minkejja hija kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tressaq provi f’dan ir-rigward, b’mod li l-oneru li hija tneħħi l-inċertezza jaqa’ fuqha.

      (ara l-punti 182, 183)

    8.  Il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza jitlob li persuna akkużata bi ksur titqies li hija innoċenti sakemm ma tiġix ipprovata l-ħtija tagħha mingħajr l-ebda dubju raġonevoli f’kawża. Madankollu, istituzzjoni ma tistax tkun ostakolata milli tinforma lill-pubbliku fuq investigazzjonijiet miftuħa li jkunu għaddejjin mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) dwar irregolaritajiet imwettqa fi ħdanha. Madankollu, hija għandha tagħmel dan bid-diskrezzjoni u bir-riżervatezza kollha mitluba, filwaqt li tosserva l-ekwilibriju ġust bejn l-interessi tal-uffiċjali kkonċernati u dawk tal-istituzzjoni.

      Ix-xandir minn istituzzjoni ta’ komunikat stampa li joħloq, fir-rigward tal-pubbliku, jew għall-inqas fir-rigward ta’ parti minnu, l-impressjoni li uffiċjal kien involut fl-irregolaritajiet imwettqa fi ħdanha, meta l-ħtija tiegħu tkun għadha ma ġietx ipprovata, ma jibqax fil-limiti ta’ dak li huwa ġġustifikat mill-interess tas-servizz u jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, peress li l-istituzzjoni ma tiddisponi minn ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-obbligu impost fuqha li tirrispetta din il-preżunzjoni.

      Bl-istess mod, l-OLAF jikser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza meta, waqt proċeduri ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ uffiċjal, iħalli li tasal għand l-istampa informazzjoni li tirrifletti l-impressjoni li dan huwa ħati ta’ reat kriminali u li tinċita lill-pubbliku jemmen fil-ħtija tiegħu qabel ma qorti tkun tat id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward. B’dan il-kxif ta’ informazzjoni, l-OLAF jikser ukoll l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet u, billi jikkawża l-iżvelar lill-istampa ta’ elementi sensittivi tal-investigazzjonijiet, huwa jippreġudika l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn huwa jippermetti lill-pubbliku inġenerali jkollu aċċess, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, għal informazzjoni kunfidenzjali tal-amministrazzjoni. F’dan il-każ, dan il-każ jirrigwarda ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet legali, inkwantu huwa l-OLAF li għandu jissorvelja li tali kxif ta’ informazzjoni, li jikser id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, bħall-preżunzjoni tal-innoċenza, ma jseħħx, billi l-amministrazzjoni ma tiddisponi minn ebda marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-osservanza ta’ dan l-obbligu.

      (ara l-punti 216, 217, 219, 309-311, 314)

    9.  L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), mhuwiex obbligat jagħti lill-uffiċjal Komunitarju allegatament ikkonċernat minn investigazzjoni interna — qabel ma tingħata deċiżjoni finali mill-Awtorità tal-Ħatra tiegħu li tikkawżalu preġudizzju — aċċess għad-dokumenti li jkunu s-suġġett ta’ tali investigazzjoni jew għal dawk redatti mill-OLAF innifsu f’din l-okkażjoni; inkella, l-effikaċja u l-kunfidenzjalità tal-missjoni fdata lill-OLAF kif ukoll l-indipendenza tiegħu jistgħu jiġu ostakolati. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li parti minn fajl kunfidenzjali ta’ investigazzjoni jidher li ġie kkomunikat illegalment lill-istampa ma jiġġustifikax, waħdu, li ssir deroga, favur l-uffiċjal allegatament ikkonċernat, mill-kunfidenzjalità ta’ dan il-fajl u tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal inkwistjoni huwa ggarantit biżżejjed mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet, li ma jobbligax lill-OLAF jagħti aċċess għal dawn id-dokumenti.

      Dan l-approċċ ma jmurx kontra r-rispett tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li abbażi tiegħu dan id-dritt jinkludi d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jirrigwardaha, b’osservanza tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali u tal-kawżi. Għalhekk, l-aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF qabel l-adozzjoni tar-rapport finali tiegħu jista’ jiġi miċħud, skont dan il-prinċipju, meta r-rispett tal-kunfidenzjalità jeżiġi hekk.

      L-OLAF lanqas ma huwa obbligat jagħti aċċess għar-rapport finali tal-investigazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, l-ebda wieħed mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma jikkonċerna din il-kwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ illegalità fir-rigward tal-OLAF tista’ tiġi stabbilita biss, fid-dawl tal-prinċipju tal-kontradittorju, fil-każ fejn ir-rapport finali jkun ippubblikat jew ikun segwit mill-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju. Jekk dan ir-rapport ikun intbagħat lill-istituzzjoni u lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kkonċernati, hija din l-istituzzjoni u dawn l-awtoritajiet, skont il-każ, li għandhom jagħtu aċċess lill-uffiċjal ikkonċernat għal dan ir-rapport b’mod konformi mar-regoli proċedurali tagħhom stess, sa fejn huma jkollhom l-intenzjoni jadottaw att li jikkawżalu dannu billi jibbażaw ruħhom fuq ir-rapporti finali.

      (ara l-punti 255-260)

    10.  Anki jekk ir-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), ma jipprevedi ebda terminu preċiż u imperattiv għat-twettiq tal-investigazzjonijiet, l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja għandha tiżgura r-rispett tiegħu u li huwa, barra minn dan, imsemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala li jifforma parti mid-dritt għall-amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, il-proċedura quddiem l-OLAF ma tistax tittawwal lil hinn minn terminu raġonevoli, li għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u l-grad ta’ kumplessità tal-każ.

      In-nuqqasijiet tal-organizzazzjoni amministrattiva tad-dipartimenti tal-Kummissjoni meta ġie stabbilit l-OLAF, li l-uffiċjali kkonċernati m’għandhomx ibatu għalihom, ma jistgħux waħedhom jiġġustifikaw termini twal fit-twettiq tal-proċeduri ta’ investigazzjoni u lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

      (ara l-punti 272-274, 280, 281)

    11.  Huwa veru li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF tiġi rrispettata, flimkien mad-drittijiet leġittimi tal-persuni involuti. Madankollu, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tiġi interpretata bħala li tqiegħed piż fuq il-Kummissjoni ta’ obbligu ġenerali li tiggarantixxi li l-OLAF, li jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’indipendenza assoluta, jirrispetta l-kunfidenzjalità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mas-subparagrafu ta’ qabel, li abbażi tiegħu d-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu jirrapporta regolarment lill-istituzzjonijiet dwar is-sejbiet ta’ dawn l-investigazzjonijiet filwaqt li jirrispetta dawn l-istess prinċipji. Għalhekk, mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li, fil-każ fejn id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ikun ikkomunika lill-istituzzjonijiet, inkluża lill-Kummissjoni, informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, dawn għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni u d-drittijiet leġittimi tal-persuni kkonċernati fit-trattament ta’ din l-informazzjoni.

      (ara l-punt 299)

    12.  Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprojbixxi lill-Awtorità tal-Ħatra milli tagħti deċiżjoni finali, mill-aspett dixxiplinari, dwar is-sitwazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat billi tippronunzja ruħha dwar fatti li fl-istess ħin ikunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali sakemm id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti kriminali li quddiemha jkun tressaq il-każ ma tkunx saret finali, ma jagħtihiex setgħa diskrezzjonali. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li abbażi tiegħu “l-proċedur[i] kriminali [j]żomm[u] sospiż[i] d[aw]k dixxiplinar[i]”, li huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-fatt li l-qrati kriminali nazzjonali għandhom poteri investigattivi iktar wiesgħa minn dawk li għandha l-Awtorità tal-Ħatra. Għaldaqstant, fil-każ fejn l-istess fatti jistgħu jammontaw għal reat kriminali u għal ksur tal-obbligi tal-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni hija marbuta mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Meta din il-qorti tkun ikkonstatat l-eżistenza tal-fatti tal-każ, l-amministrazzjoni tkun tista’ sussegwentement tikkwalifikahom legalment fid-dawl tal-kunċett ta’ nuqqas dixxiplinari billi, b’mod partikolari, tivverifika jekk dawn jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.

      (ara l-punti 341, 342)

    Top