Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0500

Sommarju tas-sentenza

Kawża T-500/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

IIC Informations-Industrie Consulting GmbH

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Irkupru ta’ ħlas bil-quddiem magħmul mill-Komunità għal proġetti ffinanzjati fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej ta’ telekomunikazzjoni — Dekadenza — Natura rimborsabbli ta’ l-ispejjeż allegatament sostnuti”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Mejju 2007   II - 1446

Sommarju tas-sentenza

  1. Baġit tal-Komunitajiet Ewropej – Għajnuna finanzjarja Komunitarja – Obbligu tal-benefiċjarju li jħares il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna

    (Artikolu 274 KE)

  2. Baġit tal-Komunitajiet Ewropej – Għajnuna finanzjarja Komunitarja – Obbligu tal-benefiċjarju li jħares il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna

  1.  Il-Kummissjoni hija marbuta, taħt l-Artikolu 274 KE, bl-obbligu ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi Komunitarji. Fis-sistema ta’ l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja, l-użu ta’ din l-għajnuna huwa suġġett għal regoli li jistgħu jwasslu għar-rimbors parzjali jew totali ta’ għajnuna diġà mogħtija. Il-benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja li l-applikazzjoni għaliha tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni ma jikseb, b’dan il-mod, ebda dritt definittiv għall-ħlas komplut ta’ l-għajnuna jekk ma jħarisx il-kundizzjonijiet li għalihom kien ġie suġġett l-għoti ta’ l-għajnuna.

  2.  F’dan il-kuntest, skond prinċipju fundamentali ta’ l-għajnuna finanzjarja komunitarja, il-Komunità tista’ tissussidja biss l-ispejjeż effettivament sostnuti. Għalhekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita rwol ta’ kontroll, il-benefiċjarji ta’ għajnuna bħal din għandhom juru li l-ispejjeż relatati mal-proġetti ssussidjati huma reali, peress li l-għoti ta’ informazzjoni kredibbli minn dawn il-benefiċjarji huwa indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll u ta’ prova stabbilita sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna humiex issodisfati. Mhuwiex biżżejjed li jintwera li proġett twettaq sabiex ikun iġġustifikat l-għoti ta’ sussidju partikolari. Il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna għandu jġib prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skond il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti ta’ l-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż iġġustifikati tajjeb li jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. L-obbligu tiegħu li jitħarsu l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti huwa anki wieħed mill-impenji essenzjali tiegħu u, minħabba f’hekk, jiddetermina l-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja.

    (ara l-punti 93, 94)

  3.  Fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Kummissjoni għall-irkupru ta’ ħlas bil-quddiem magħmul fil-kuntest ta’ kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja, l-insistenza tal-Kummissjoni li l-konvenuta tħares, bir-reqqa, l-obbligi kuntrattwali tagħha għal dak li jirrigwarda l-irċevuti u d-dokumenti li juru l-ispejjeż sostnuti, ma tistax titqies bħala formalistika. Hija pjuttost il-konvenuta li għandha turi li dawn l-obbligi fir-rigward ta’ provi tal-kontabbiltà jkunu ġew effettivament imħarsa.

    Din il-konklużjoni mhijiex imminata mir-regoli dwar l-oneru tal-prova. Skond dawn ir-regoli, hija ċertament il-Kummissjoni, in kwantu rikorrenti, li għandha tistabbilixxi li d-dritt tagħha għal irkupru huwa fondat, bir-riżultat li hija għandha l-oneru li turi b’mod konklużiv u, f’każ ta’ kontestazzjoni, li tipprova li l-ħlasijiet tagħha kienu aktar mill-għajnuna finanzjarja dovuta. Il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi biss għall-ispejjeż li ġew sostnuti skond il-kundizzjonijiet kuntrattwali u li, b’mod partikolari, huma ġġustifikati. Huwa biss fil-każ li l-konvenuta tippreżenta l-irċevuti ta’ l-ispejjeż rilevanti li l-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, turi li mhijiex obbligata tħallas lura l-ispejjeż sostnuti minħabba li s-servizz kuntrattwali pprovdut kien difettuż jew minħabba li l-irċevuti ma kinux eżatti.

    (ara l-punti 97-99)

Top