Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0548

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
C.G. vs Bezirkshauptmannschaft Landeck.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ investigazzjoni tar-reati kriminali, is-sejbien jew prosekuzzjoni fil-qasam – Direttiva (UE) 2016/680 – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘pproċessar’ – Artikolu 4 – Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 4(1)(c) – Prinċipju ta’ ‘minimizzazzjoni tad-data’ – Artikoli 7, 8, 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit li limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun ‘prevista mil-liġi’ – Proporzjonalità – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità fir-rigward tal-elementi kollha rilevanti – Stħarriġ preliminari minn qorti jew awtorità amministrattiva indipendenti – Artikolu 13 – Informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-data jew li għandha tingħatalu – Limiti – Artikolu 54 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-kontrollur jew il-proċessur – Investigazzjoni tal-pulizija fil-qasam tat-traffiku ta’ drogi – Tentattiv ta’ żblokkar ta’ telefon ċellulari mill-awtoritajiet tal-pulizija, sabiex jaċċedu, għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, għad-data li tinsab f’dan it-telefon.
Kawża C-548/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:830

Kawża C‑548/21

CG

vs

Bezirkshauptmannschaft Landeck

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑4 ta’ Ottubru 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ investigazzjoni tar-reati kriminali, is-sejbien jew prosekuzzjoni fil-qasam – Direttiva (UE) 2016/680 – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘pproċessar’ – Artikolu 4 – Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 4(1)(c) – Prinċipju ta’ ‘minimizzazzjoni tad-data’ – Artikoli 7, 8, 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit li limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun ‘prevista mil-liġi’ – Proporzjonalità – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità fir-rigward tal-elementi kollha rilevanti – Stħarriġ preliminari minn qorti jew awtorità amministrattiva indipendenti – Artikolu 13 – Informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-data jew li għandha tingħatalu – Limiti – Artikolu 54 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-kontrollur jew il-proċessur – Investigazzjoni tal-pulizija fil-qasam tat-traffiku ta’ drogi – Tentattiv ta’ żblokkar ta’ telefon ċellulari mill-awtoritajiet tal-pulizija, sabiex jaċċedu, għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, għad-data li tinsab f’dan it-telefon”

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Kamp ta’ applikazzjoni – Tentattiv mill-awtoritajiet tal-pulizija li jaċċedu għad-data personali li tinsab f’telefon ċellulari għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali – Assenza ta’ intervent tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Esklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 1(1) u (3), u Artikolu 3)

    (ara l-punti 57 sa 59)

  2. Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’materji kriminali – Direttiva 2016/680 – Kamp ta’ applikazzjoni – Tentattiv mill-awtoritajiet tal-pulizija li jaċċedu għad-data personali li tinsab f’telefon ċellulari għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, Artikolu 2(1) u l-punt 2 tal-Artikolu 3)

    (ara l-punti 71 sa 77)

  3. Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’materji kriminali – Direttiva 2016/680 – Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali – Prinċipji ta’ minimizzazzjoni tad-data u ta’ proporzjonalità – Investigazzjoni tal-pulizija dwar it-traffikar tad-drogi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-possibbiltà li jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, Artikoli 4(1)(c))

    (ara l-punti 84 sa 86, 89 sa 93, 95 sa 106, 109 u 110, u d-dispożittiv 1)

  4. Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’materji kriminali – Direttiva 2016/680 – Informazzjoni tas-suġġett tad-data – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Investigazzjoni tal-pulizija fil-qasam tat-traffikar tad-drogi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jippruvaw jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari mingħajr ma jinformaw lis-suġġett tad-data bir-raġunijiet għal tali awtorizzazzjoni – Inammissibbiltà – Obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jinformaw lis-suġġett tad-data b’dawn ir-raġunijiet – Portata

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, Artikoli 13 u 54)

    (ara l-punti 115 sa 123, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija), l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reat kriminali b’mod ġenerali, fir-rigward tad-Direttiva 2016/680 ( 1 ). Min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet id-dritt tas-suġġett tad-data li jiġi informat bir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal tali data u dan mill-mument meta l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma tkunx għadha tista’ tikkomprometti l-kompiti li għandhom dawn l-awtoritajiet.

Fit‑23 ta’ Frar 2021, waqt kontroll fil-qasam tad-drogi, uffiċjali doganali Awstrijaċi ssekwestraw pakkett indirizzat lil CG, li kien fih 85 gramma kannabis. Dan il-pakkett intbagħat, għal eżami, lill-awtoritajiet tal-pulizija Awstrijaċi. Fis‑6 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest ta’ investigazzjoni mill-pulizija fil-qasam tat-traffikar ta’ drogi, żewġ uffiċjali tal-pulizija wettqu tfittxija fid-dar ta’ CG u staqsewh dwar min kien bagħat il-pakkett. Wara r-rifjut ta’ CG li jagħti aċċess lill-uffiċjali tal-pulizija għad-data ta’ konnessjoni tat-telefon ċellulari tiegħu, dawn tal-aħħar issekwestraw it-telefon.

Sussegwentement, it-telefon ċellulari ta’ CG kien is-suġġett ta’ diversi tentattivi ta’ żblokk imwettqa minn diversi uffiċjali tal-pulizija. F’dan il-każ, kemm is-sekwestru tat-telefon kif ukoll it-tentattivi ta’ użu ulterjuri tiegħu twettqu mill-uffiċjali tal-pulizija mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur jew ta’ qorti.

Fil‑31 ta’ Marzu 2021, CG ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jikkontesta l-legalità tas-sekwestru tat-telefon ċellulari tiegħu, li ġie rrestitwit lilu fl‑20 ta’ April 2021. CG ma ġiex immedjatament informat bit-tentattivi ta’ użu tat-telefon tiegħu u sar jaf bihom fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju xtaqet tkun taf jekk, fid-dawl tad-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika ( 2 ), aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat għad-data kollha li tinsab f’telefon ċellulari kienx jikkostitwixxi ndħil tant serju fid-drittijiet fundamentali ( 3 ) li dan l-aċċess kellu jkun limitat għall-ġlieda kontra r-reati serji. Hija staqsiet ukoll dwar jekk, minn naħa, din id-direttiva kinitx tipprekludi ( 4 ) leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-pulizija ġudizzjarja tkun tista’, matul proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, tikseb aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat għad-data kollha li tinsab f’telefon ċellulari, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ mħallef jew ta’ entità amministrattiva indipendenti, u, min-naħa l-oħra, jekk din l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali kinitx kompatibbli mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, sa fejn ma kinitx tobbliga lill-awtoritajiet tal-pulizija jinformaw lill-proprjetarju ta’ telefon ċellulari bil-miżuri ta’ użu diġitali ta’ dan it-telefon.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tentattiv ta’ aċċess għad-data personali li tinsab f’telefon ċellulari direttament mill-awtoritajiet tal-pulizija mingħajr ebda intervent ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak li kien jikkonċerna lil CG, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tali tentattiv ta’ aċċess jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li, fid-dawl tal-portata wiesgħa li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jagħti lill-kunċett ta’ “ipproċessar” ( 5 ), meta l-awtoritajiet tal-pulizija jissekwestraw telefon u jimmanipulawh għal finijiet ta’ estrazzjoni u ta’ konsultazzjoni tad-data personali li tinsab f’dan it-telefon, huma jibdew “ipproċessar”, anki jekk dawn l-awtoritajiet ma jirnexxilhomx, għal raġunijiet tekniċi, jaċċedu għal din id-data. Fil-fatt, l-effettività tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-finijiet ( 6 ) teżiġi neċessarjament li l-finalità tal-ġbir tiġi ddeterminata sa mill-istadju meta l-awtoritajiet kompetenti jippruvaw jaċċedu għal data personali peress li tali tentattiv, jekk jirnexxi, ikun ta’ natura li jippermettilhom, b’mod partikolari, li jiġbru, iwettqu estrazzjoni ta’ jew jikkonsultaw immedjatament id-data inkwistjoni. Jekk tali tentattiv ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat bħala “ipproċessar” tad-data, il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi jkun imminat. Bl-istess mod, jekk l-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/680 tkun tiddependi mis-suċċess tat-tentattiv ta’ aċċess għal data personali li tinsab f’telefon ċellulari, dan joħloq kemm għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll għall-individwi inċertezza inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat jekk il-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” ( 7 ), bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-possibbiltà li jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali, mingħajr ma jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-limitazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-ħajja privata u tal-familja u tal-protezzjoni tad-data personali ( 8 ) għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jistgħu jsiru biss jekk ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni. F’dan is-sens, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li pproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-pulizija intiża għar-repressjoni ta’ reat kriminali, bħalma huwa tentattiv ta’ aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, għandu jitqies, bħala prinċipju, li jissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija osservat li n-natura proporzjonata tar-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali, li jirriżultaw minn tali pproċessar, timplika bbilanċjar tal-elementi rilevanti kollha tal-każ.

Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-gravità ta’ limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali li tirriżulta minn leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet tal-pulizija kompetenti jaċċedu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali aċċess jista’ jirrigwarda, skont il-kontenut tat-telefon ċellulari inkwistjoni u l-għażliet magħmula minn dawn l-awtoritajiet, firxa wiesgħa ħafna ta’ data, u jista’ għalhekk jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tas-suġġett tad-data. Għaldaqstant, tali ndħil fid-drittijiet fundamentali fil-qasam tar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali għandu jitqies li huwa gravi, jew saħansitra partikolarment gravi.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-gravità tar-reat li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni hija element ċentrali waqt l-eżami tal-proporzjonalità tal-indħil gravi li jikkostitwixxi l-aċċess għad-data personali li tinsab f’telefon ċellulari. Madankollu, li jitqies li hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tista’ tiġġustifika l-aċċess għal tali data jillimita s-setgħat ta’ investigazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tar-reati kriminali b’mod ġenerali, jinjora n-natura speċifika tal-missjonijiet imwettqa minn dawn l-awtoritajiet u jippreġudika l-għan ta’ ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. B’dan premess, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi” ( 9 ), huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jiddefinixxi b’mod suffiċjentement preċiż l-elementi, b’mod partikolari n-natura jew il-kategoriji tar-reati kkonċernati, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi osservat, meta l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data personali jinvolvi r-riskju ta’ ndħil serju, jew saħansitra partikolarment serju, fid-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data, dan l-aċċess għandu jkun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti. Dan l-istħarriġ indipendenti għandu jsir qabel kull tentattiv ta’ aċċess għad-data kkonċernata, ħlief fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, f’liema każ l-imsemmi stħarriġ għandu jsir f’termini qosra. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti għandha tkun awtorizzata tirrifjuta jew tirrestrinġi talba għal aċċess li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 meta hija tikkonstata li l-indħil fid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxi dan l-aċċess huwa sproporzjonat. F’dan il-każ, għandu għalhekk ikun hemm rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, mill-awtoritajiet tal-pulizija kompetenti, jekk, fid-dawl tal-gravità tal-ksur u tal-bżonnijiet tal-investigazzjoni, ma jidhirx iġġustifikat aċċess għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet jew għal data sensittiva.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, moqri fid-dawl tad-drittijiet għall-protezzjoni tad-data personali u għar-rispett tal-ħajja privata, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-possibbiltà li jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali. Madankollu, tali ammissibbiltà hija kkundizzjonata mill-osservanza tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità kif ukoll mill-eżistenza ta’ stħarriġ minn qabel tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal tali data mwettaq minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kwistjoni jekk CG kellux jiġi informat bit-tentattivi ta’ aċċess għad-data li tinsab fit-telefon ċellulari tiegħu ( 10 ). Hija kkonstatat f’dan ir-rigward li l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ġew awtorizzati minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti sabiex jaċċedu għal data miżmuma għandhom jinformaw lis-suġġetti tad-data bir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata din l-awtorizzazzjoni, sa mill-mument meta din il-komunikazzjoni ma tkunx għadha tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa minn dawn l-awtoritajiet. Dawn l-istess awtoritajiet għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-suġġetti tad-data l-informazzjoni kollha prevista mid-Direttiva 2016/680 ( 11 ) sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jeżerċitaw, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv ( 12 ). Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi b’mod ġenerali kull dritt li tinkiseb tali informazzjoni ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li CG kellu jiġi informat minn qabel bit-tentattivi ta’ aċċess għad-data li tinsab fit-telefon ċellulari tiegħu. Fil-fatt, peress li t-telefon ċellulari ta’ CG kien diġà ġie ssekwestrat fil-mument tat-tentattivi ta’ żblokk mill-awtoritajiet tal-pulizija, ma jidhirx li l-fatt li jiġi informat b’dawn it-tentattivi ta’ aċċess seta’ jippreġudika l-investigazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Karta ( 13 ), jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jaċċedu għal data li tinsab f’telefon ċellulari mingħajr ma jinformaw lis-suġġett tad-data bir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-awtorizzazzjoni minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti sabiex jaċċedu għal tali data, sa mill-mument meta l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma tkunx għadha tista’ tikkomprometti l-kompiti li għandhom jitwettqu minn dawn l-awtoritajiet.


( 1 ) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

( 2 ) U b’mod iktar preċiż tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514, rettifika fil-ĠU 2013 L 241, p. 9), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”).

( 3 ) Previsti fl-Artikolu 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

( 4 ) U b’mod iktar preċiż l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika.

( 5 ) Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, il-kunċett ta’ “ipproċessar” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom [...].”

( 6 ) Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2016/680.

( 7 ) Kif previst fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680 li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali hija adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata.

( 8 ) Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

( 9 ) Artikolu 52(1) tal-Karta.

( 10 ) Artikolu 47 tal-Karta.

( 11 ) Imsemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2016/680.

( 12 ) Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680.

( 13 ) B’mod iktar partikolari, l-Artikoli 13 u 54 tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 52(1) tal-Karta.

Top