Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.
Dokuments 62022CJ0626
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ġunju 2024.
C. Z. et vs Ilva SpA in Amministrazione Straordinaria et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Artikolu 191 TFUE – Emissjonijiet industrijali – Direttiva 2010/75/UE – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Artikoli 1, 3, 8, 11, 12, 14, 18, 21 u 23 – Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni – Miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem – Dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli.
Kawża C-626/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ġunju 2024.
C. Z. et vs Ilva SpA in Amministrazione Straordinaria et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Artikolu 191 TFUE – Emissjonijiet industrijali – Direttiva 2010/75/UE – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Artikoli 1, 3, 8, 11, 12, 14, 18, 21 u 23 – Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni – Miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem – Dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli.
Kawża C-626/22.
Krājums – vispārīgi – Sadaļa “Informācija par nepublicētiem lēmumiem”
Eiropas judikatūras identifikators (ECLI): ECLI:EU:C:2024:542
Kawża C‑626/22
C. Z. et
vs
Ilva SpA in Amministrazione Straordinaria
u
Acciaierie d’Italia Holding SpA
u
Acciaierie d’Italia SpA
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Milano)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑25 ta’ Ġunju 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Artikolu 191 TFUE – Emissjonijiet industrijali – Direttiva 2010/75/UE – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Artikoli 1, 3, 8, 11, 12, 14, 18, 21 u 23 – Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni – Miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem – Dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli”
Stati Membri – Obbligi – Awtorità ta’ res judicata – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu ta’ reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata – Assenza – Ġurisprudenza nazzjonali li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni – Obbligu li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni – Talba għal deċiżjoni preliminari intiża għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Ammissibbiltà
(Artikolu 267 TFUE)
(ara l-punti 53 u 54)
Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Talba intiża għall-interpretazzjoni ta’ direttiva mressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi u impjant jew faċilità ta’ interess strateġiku nazzjonali – Tilwima fil-kawża prinċipali li tirrigwarda regoli speċjali adottati fir-rigward tal-imsemmija impjant jew faċilità u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
(Artikolu 267 TFUE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE)
(ara l-punti 56 sa 64)
Ambjent – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Direttiva 2010/75 – Ħruġ u eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni – Kundizzjonijiet – Obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-attività tal-installazzjoni fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem
(Artikoli 191 u 192 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 35 u 37; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/75, premessi 2, 27 u 45, u l-punti 2 u 3 tal-Artikolu 3, Artikoli 4(1), 5(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2), Artikoli 10 sa 27, u Anness I u l-Parti 1 tal-Anness VII)
(ara l-punti 67 sa 95, 104 u 105, u d-dispożittiv 1)
Ambjent – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Direttiva 2010/75 – Ħruġ u eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni – Stabbiliment ta’ valuri limitu ta’ emissjoni tas-sustanzi li jniġġsu – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sustanzi noċivi li jistgħu jiġu emessi mill-installazzjoni kkonċernata – Portata
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/75, premessa 15 u l-punt 6 tal-Artikolu 3, Artikoli 12(1)(f), 14(1)(a), 18 u 21(5)(a)).
(ara l-punti 109 sa 122, u d-dispożittiv 2)
Ambjent – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Direttiva 2010/75 – Awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni – Terminu għat-tqegħid f’konformità tal-installazzjoni mal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem previsti minn din l-awtorizzazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi dan it-terminu b’mod ripetut – Inammissibbiltà fil-każ ta’ perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/75, premessa 43 u Artikoli 8(1) u (2), 13(5), 21(3) u 82(1))
(ara l-punti 125 sa 128 u 130 sa 132, u d-dispożittiv 3)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, ippreċiżat il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni skont id-Direttiva 2010/75 dwar l-emissjonijiet industrijali ( 1 ).
L-impjant tal-azzar Ilva (iktar ’il quddiem l-“impjant Ilva”) kien jinsab fil-komun ta’ Taranto (l-Italja) u kien operat abbażi ta’ “Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata” maħruġa fl‑2011.
Minkejja tqegħid taħt sekwestru fl‑2012, dan l-impjant ġie awtorizzat, bis-saħħa ta’ regoli derogatorji speċjali, ikompli l-attività ta’ produzzjoni tiegħu għal perijodu ta’ 36 xahar bil-kundizzjoni li josserva pjan ta’ miżuri relatati mal-ambjent u mas-saħħa. Id-data ta’ skadenza għall-osservanza ta’ dan il-pjan ġiet posposta diversi drabi, fuq perijodu totali ta’ diversi snin, filwaqt li l-attività inkwistjoni kienet tippreżenta perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa tal-popolazzjonijiet tal-madwar.
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti, li kienu qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet ta’ madwar 300000 abitant tal-komun ta’ Taranto u tal-komuni ġirien, adixxew lill-qorti tar-rinviju b’azzjoni kollettiva intiża, b’mod partikolari, għall-waqfien tal-operat tal-impjant Ilva jew ta’ ċerti partijiet minnu minħabba t-tniġġis ikkawżat mill-emissjonijiet industrijali tiegħu u d-danni li jirriżultaw minn dan it-tniġġis għas-saħħa tal-bniedem.
Peress li l-leġiżlazzjoni Taljana ma kinitx tissuġġetta l-ħruġ jew l-eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għal operat industrijali għall-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-installazzjoni fuq is-saħħa tal-bniedem, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-neċessità ta’ tali evalwazzjoni, dwar il-portata tal-eżami tal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll dwar it-terminu mogħti lill-operatur ta’ installazzjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni maħruġa.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
L-ewwel nett, fir-rigward tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni li tkun tinkludi l-effetti tal-attività tal-installazzjoni inkwistjoni fuq is-saħħa tal-bniedem, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huma żewġ komponenti strettament marbuta mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Billi tistabbilixxi regoli dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis integrati tat-tniġġis dovut għall-attivitajiet industrijali, id-Direttiva 2010/75 tikkonkretizza l-obbligi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 191 TFUE, u b’hekk tikkontribwixxi għas-salvagwardja tad-dritt ta’ kull persuna li tgħix f’ambjent xieraq li jiżgura s-saħħa u l-benesseri tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, f’dan ir-rigward, għall-Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kkonstatat ir-rabta stretta li teżisti bejn il-protezzjoni tal-ambjent u dik tas-saħħa tal-bniedem.
Il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għal operat previsti minn din id-direttiva jinkludu l-obbligu għall-operatur li jieħu l-miżuri preventivi kollha xierqa kontra t-“tniġġis” kif ukoll il‑miżuri ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet fl-ambjent. Dan l-operatur għandu jiżgura wkoll li l-operat tiegħu ma jikkawża ebda “tniġġis sinjifikattiv”. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid meta t-“tniġġis” ikkawżat mill-installazzjoni jkun jiġġustifika dan. Il-frekwenza ta’ dan l-eżami mill-ġdid għandha tiġi adattata għall-portata u għan-natura tal-installazzjoni u għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-karatteristiċi speċifiċi lokali tal-post li fih titwettaq l-attività industrijali, u b’mod partikolari l-qrubija tar-residenzi.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kunċett ta’ “tniġġis”, imsemmi fid-Direttiva 2010/75, jinkludi d-dannu kkawżat, jew li jista’ jiġi kkawżat, kemm lill-ambjent kif ukoll lis-saħħa tal-bniedem. Din ir-rabta stretta li teżisti bejn il-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent u dik tas-saħħa tal-bniedem hija, barra minn hekk, ikkorroborata, minbarra mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni, minn diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/75 kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fir-rigward preċiżament tat-tniġġis ikkawżat mill-impjant Ilva, din l-aħħar qorti b’hekk ikkonstatat il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja billi bbażat ruħha fuq l-effetti li jniġġsu tal-emissjonijiet ta’ dan l-impjant kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem ( 2 ).
Minn dan isegwi li l-operatur ta’ installazzjoni li tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75 għandu, fl-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni, jipprovdi l-informazzjoni adatta dwar l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-installazzjoni tiegħu u sussegwentement, matul il-perijodu kollu ta’ operat, huwa għandu jiżgura l-osservanza tal-obbligi u tal-miżuri previsti minn din id-direttiva, permezz ta’ evalwazzjoni kontinwa tal-effetti tal-attivitajiet tal-installazzjoni kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem.
Bl-istess mod, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jipprevedu li tali evalwazzjoni tagħmel parti integrali mill-proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għal operat u tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-ħruġ jew għall-eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni. Meta din l-evalwazzjoni tkun turi riżultati li jkunu juru n-natura inaċċettabbli tal-perikolu għas-saħħa ta’ popolazzjoni kbira esposta għal emissjonijiet li jniġġsu, l-awtorizzazzjoni kkonċernata għandha tkun suġġetta għal eżami mill-ġdid fi żmien qasir. Issa, f’dan il-każ, l-effett fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem ta’ sustanzi li jniġġsu li joriġinaw mill-impjant Ilva, jiġifieri partiċelli fini PM2.5 u PM10, ramm, merkurju u naftalina li joriġinaw minn varji sorsi, ma ġiex evalwat fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet ambjentali inkwistjoni.
It-tieni nett, fir-rigward tal-portata tal-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti, dawn tal-aħħar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra s-sustanzi li jniġġsu prevedibbli fid-dawl tan-natura u tat-tip ta’ attività industrijali kkonċernata, is-sustanzi kollha li jkunu s-suġġett ta’ emissjonijiet xjentifikament irrikonoxxuti bħala noċivi li jistgħu jiġu emessi mill-installazzjoni kkonċernata, fi kwantitajiet sinjifikattivi, fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-potenzjal tagħhom li jittrasferixxu t-tniġġis minn element ambjentali għal ieħor. Konformement mal-prinċipju ta’ prevenzjoni, id-determinazzjoni tal-kwantità ta’ sustanzi li jniġġsu li l-emissjoni tagħhom tista’ tiġi awtorizzata għandha tkun marbuta mal-grad ta’ noċività tas-sustanzi kkonċernati.
Għaldaqstant, l-operatur ta’ installazzjoni huwa suġġett għall-obbligu li jipprovdi, fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu għall-operat ta’ installazzjoni, informazzjoni dwar in-natura, il-kwantità u l-effett potenzjalment ta’ ħsara tal-emissjonijiet li jistgħu jiġu prodotti mill-imsemmija installazzjoni, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jistabbilixxu valuri limitu għal dawn l-emissjonijiet, bl-unika eċċezzjoni ta’ dawk li, min-natura jew mill-kwantità tagħhom, ma jkunux jistgħu jikkostitwixxu riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.
Il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni ma tistax sempliċement, min-naħa tagħha, tistabbilixxi valuri limitu biss għas-sustanzi li jniġġsu li l-emissjoni tagħhom kienet prevedibbli u li kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni inizjali. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba mill-operat tal-installazzjoni kkonċernata u, għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet effettivament ikkonstatati. Jekk l-osservanza tal-livelli ta’ kwalità ambjentali tkun teħtieġ li jiġu imposti valuri limitu ta’ emissjoni iktar stretti fuq l-installazzjoni kkonċernata, f’dak il-każ ikollhom jiżdiedu miżuri addizzjonali fl-awtorizzazzjoni bla ħsara għal miżuri oħra li jkunu jistgħu jittieħdu sabiex jiġu osservati l-imsemmija livelli.
It-tielet nett, fir-rigward tat-terminu mogħti lill-operatur ta’ installazzjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-awtorizzazzjoni għal operat, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, preliminarjament, li, għall-installazzjonijiet bħall-impjant Ilva, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kellhom, skont id-Direttiva 2010/75, sat‑28 ta’ Frar 2016 sabiex jadattaw il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni għat-tekniki l-ġodda. Fil-każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu, abbażi ta’ din id-direttiva, il-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu immedjatament l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva 2010/75 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha t-terminu mogħti lill-operatur ta’ installazzjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem previsti mill-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din l-installazzjoni kien is-suġġett ta’ estensjonijiet repetuti, filwaqt li kienu ġew identifikati perikoli serji u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Hija żiedet li, meta l-attività tkun tippreżenta tali perikoli, l-operat tal-installazzjoni kkonċernata għandu, konformement ma’ din id-direttiva, jiġi sospiż.
( 1 ) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).
( 2 ) Qorti EDB, 24 ta’ Jannar 2019, Cordella et vs L‑Italja, CE :ECHR :2019 :0124JUD 005441413.