Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0222

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Frar 2024.
Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl vs JF.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet sabiex persuna tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali – Kontenut ta’ din il-protezzjoni – Artikolu 5 – Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu fuq il-post – Applikazzjoni sussegwenti għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu’ – Intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni tal-proċedura applikabbli – Attivitajiet fl-Istat Membru ospitanti li ma jikkostitwixxux l-espressjoni u l-estensjoni ta’ twemmin jew orjentazzjoni diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini – Konverżjoni reliġjuża.
Kawża C-222/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:192

Kawża C-222/22

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

vs

JF

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet sabiex persuna tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali – Kontenut ta’ din il-protezzjoni – Artikolu 5 – Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu fuq il-post – Applikazzjoni sussegwenti għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu’ – Intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni tal-proċedura applikabbli – Attivitajiet fl-Istat Membru ospitanti li ma jikkostitwixxux l-espressjoni u l-estensjoni ta’ twemmin jew orjentazzjoni diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini – Konverżjoni reliġjuża”

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Applikazzjoni sussegwenti – Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place – Ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu – Fakultà għall-Istati Membri li jeskludu r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat – Kundizzjoni – Ċirkustanzi ta’ intenzjoni abbużiva jew ta’ strumentalizzazzjoni tal-proċedura – Esklużjoni awtomatika mill-istatus ta’ refuġjat ħlief f’ċirkustanzi li juru l-espressjoni u l-estensjoni ta’ konvinzjoni diġà preżenti fil-pajjiż ta’ oriġini – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikoli 4(3) u 5(3))

(ara l-punti 28, 32, 34, 36 sa 37, 40, 44, 46, u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jillimitaw, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 ( 1 ), ir-rikonoxximent ta’ bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali li jirriżulta minn attivitajiet imwettqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida wara t-tluq tagħha mill-pajjiż ta’ oriġini.

Fl-2015, JF, ċittadin Iranjan, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija. It-talba tiegħu ġiet definittivament miċħuda fl-2018.

JF ippreżenta, fl-2019, applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 ( 2 ), billi sostna li fil-frattemp huwa kien ikkonverta għall-Kristjaneżmu u kien jibża’, minħabba f’hekk, li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Ġunju 2020, l-awtorità kompetenti Awstrijaka rrifjutat li tirrikonoxxilu l-istatus ta’ refuġjat sa fejn ir-riskju ta’ persekuzzjonijiet invokat kien inħoloq fuq il-post u kien inħoloq mill-applikant. Billi JF kellu r-riskju li jkun espost, fil-każ ta’ ritorn fl-Iran, għal persekuzzjoni individwali minħabba l-konverżjoni tiegħu, hija madankollu tatu l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja u dritt ta’ residenza temporanja.

F’Settembru 2020, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) laqgħet ir-rikors ta’ JF kontra din id-deċiżjoni. Din il-qorti qieset li l-applikazzjoni ma kellha ebda natura abbużiva u li l-assenza ta’ elementi li juru li l-konverżjoni ta’ JF kienet l-espressjoni u l-estensjoni ta’ konvinzjoni diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma kinitx biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. L-awtorità kompetenti Awstrijaka ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 ( 3 ) jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat wara applikazzjoni sussegwenti bbażata fuq riskju ta’ persekuzzjonijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq huwa stess, sa mit-tluq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għall-kundizzjoni doppja li dawn iċ-ċirkustanzi jaqgħu taħt attivitajiet awtorizzati fl-Istat Membru kkonċernat u jikkostitwixxu l-espressjoni u l-estensjoni ta’ konvinzjoni diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza qabel kollox li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 huwa ta’ natura derogatorja meta mqabbel mal-prinċipju stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu ( 4 ), sa fejn jawtorizza li riskju ta’ persekuzzjonijiet, invokat insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti, ibbażat fuq ċirkustanzi li l-applikant ħoloq minħabba l-fatt tiegħu stess minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini, iwassal “normalment” għall-esklużjoni tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Għaldaqstant, il-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni lill-Istati Membri għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis sussegwentement li r-rifjut li jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat wara applikazzjoni sussegwenti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, huwa intiż biex jissanzjona intenzjoni abbużiva tal-applikant li “ffabbrika l-kompletament” iċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat ir-riskju ta’ persekuzzjonijiet li jkun espost għalih f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u b’hekk strumentalizza l-proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali applikabbli.

Il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi invokati jaqgħux taħt intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni tal-proċedura applikabbli teħtieġ evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva ma tippermettix lill-Istati Membri jistabbilixxu preżunzjoni li tgħid li kull applikazzjoni sussegwenti bbażata fuq ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq minħabba t-tluq tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini tirriżulta minn intenzjoni abbużiva u minn strumentalizzazzjoni tal-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Interpretazzjoni f’sens kuntrarju twassal fil-fatt biex tneħħi l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li huma applikabbli għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, irrispettivament mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni invokati insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

Għaldaqstant, meta jiġi kkonstatat, wara evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni sussegwenti, li ċ-ċirkustanzi li jirreferi għalihom l-applikant jaqgħu taħt intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni tal-proċedura applikabbli, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jipprevedi li dan l-applikant bħala prinċipju ma jiġix irrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva ( 5 ). L-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tal-istess direttiva madankollu teżiġi, jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju probabbli ta’ persekuzzjonijiet fil-każ li l-applikant jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li dan ikun jista’ jibbenefika, fl-Istat Membru kkonċernat, mid-drittijiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni, li ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ebda riżerva. Fost dawn id-drittijiet hemm b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, stabbilit fl-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” ma tipprekludix kundizzjoni prevista mid-dritt nazzjonali, li tipprovdi li l-attivitajiet li jikkawżaw ir-riskju ta’ persekuzzjonijiet li l-applikant jinvoka għandhom jiġu awtorizzati fl-Istat Membru ospitanti. Fuq dan il-punt hija tfakkar li, skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, “kull refuġjat għandu, fir-rigward tal-pajjiż fejn jinsab, dmirijiet li jinkludu b’mod partikolari l-obbligu li jikkonforma ruħu mal-liġijiet u mar-regolamenti kif ukoll mal-miżuri meħuda għaż-żamma tal-ordni pubbliku”.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat wara applikazzjoni sussegwenti, ibbażata fuq riskju ta’ persekuzzjonijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq huwa stess, wara t-tluq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għall-kundizzjoni li dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu l-espressjoni u l-estensjoni ta’ konvinzjoni tal-applikant diġà murija f’dan il-pajjiż.


( 1 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 2 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) Skont l-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, “applikazzjoni sussegwenti” hija applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inkluż f’każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u l-awtorità responsabbli mid-determinazzjoni tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċitu tagħha.

( 3 ) Skont din id-dispożizzjoni, “Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant li jiddepożita applikazzjoni sussegwenti normalment m'għandux jingħata status ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini.

( 4 ) Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95: “1. Biża' ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jista' jiġi bbażat fuq każijiet li jkunu seħħew mindu l-applikant ikun telaq mill-pajjiż tal-oriġini. 2. Biża' ġustifikata ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jistgħu jiġu bbażati fuq attivitajiet li l-applikant ikun wettaq minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini, partikolarment fejn jiġi stabbilit li l-attivitajiet fuq liema jkun straħ jikkostitwixxu l-espressjoni u l-kontinwità ta’ konvinzjonijiet jew orjentamenti miżmuma fil-pajjiż ta’ orġini. ”

( 5 ) Skont din id-dispożizzjoni, “status ta’ refuġjat” ifisser ir-rikonoxximent, minn Stat Membru, ta’ kull ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat.

Top