Roghnaigh na gnéithe turgnamhacha is mian leat a thriail

Is sliocht ón suíomh gréasáin EUR-Lex atá sa doiciméad seo

Doiciméad 62023CJ0123

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2024.
N. A. K. et vs Bundesrepublik Deutschland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti ppreżentata fi Stat Membru ieħor jew minħabba l-għeluq minn Stat Membru ieħor tal-proċedura fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti.
Kawżi magħquda C-123/23 u C-202/23.

Aitheantóir ECLI: ECLI:EU:C:2024:1042

Kawżi magħquda C‑123/23 u C‑202/23 ( i )

N. A. K. et

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Minden)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad‑19 ta’ Diċembru 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti ppreżentata fi Stat Membru ieħor jew minħabba l-għeluq minn Stat Membru ieħor tal-proċedura fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti”

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ titqies inammissibbli mill-Istati Membri – Raġuni – Applikazzjoni sussegwenti li ma tidentifikax element jew fatt ġdid – Kunċett ta’ applikazzjoni sussegwenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda minn Stat Membru ieħor – Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 2(b) u (q), u 33(2)(d))

    (ara l-punti 44, 49, 50 sa 57, 62, u d-dispożittiv 1)

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ titqies inammissibbli mill-Istati Membri – Raġuni – Applikazzjoni sussegwenti li ma tidentifikax element jew fatt ġdid – Kunċett ta’ applikazzjoni sussegwenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata qabel deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor li tagħlaq l-eżami ta’ applikazzjoni preċedenti minħabba l-irtirar impliċitu tagħha – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 2(b) u (q), 28(1), u 33(2)(d))

    (ara l-punti 69, 73, 74, 77 sa 78, 80, u d-dispożittiv 2)

  3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Preżentata ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Distinzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 6(1) sa (4))

    (ara l-punti 75, 76)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 ( 1 ), ippreżentata lil Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li tkun diġà ppreżentat lil Stat Membru ieħor applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

N.A. K. u uliedha minuri, E.A. K. u Y.A. K, Palestinjani apolidi (C‑123/23), u M.E.O., ta’ nazzjonalità Libaniża (C‑202/23), daħlu fil-Ġermanja f’Novembru 2019 u f’Marzu 2020, rispettivament, fejn ippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil.

N.A. K. kienet preċedentement ippreżentat applikazzjonijiet għall-ażil quddiem l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju tal-Belġju. Talba għal teħid lura mressqa mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) lill-awtorità kompetenti Spanjola ġiet miċħuda minn din tal-aħħar. L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn N.A. K. quddiem l-awtoritajiet Belġjani kienet ġiet miċħuda f’Lulju 2019. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2021, l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ N.A. K., E.A. K. u Y.A. K għar-raġuni, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża ( 2 ) li setgħu jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ ażil ma kinux issodisfatti. N.A. K., E.A. K. u Y.A. K ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

Qabel id-dħul tiegħu fil-Ġermanja, M.E. O. kien ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Polonja. Peress li l-awtoritajiet Pollakki aċċettaw li jieħdu lura lil M.E.O., permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, l-Uffiċċju Federali ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu u ordna t-tneħħija tiegħu lejn il-Polonja. Madankollu, id-deċiżjoni ta’ tneħħija ma setgħetx tiġi eżegwita, mingħajr ma seta’ jitqies li M.E. O. kien ħarab, u t-terminu għat-trasferiment tiegħu lejn il-Polonja kien skada. Fit‑2 ta’ Frar 2021, l-Uffiċċju Federali għaldaqstant annulla d-deċiżjoni tiegħu ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ M.E. O. bħala inammissibbli.

Barra minn hekk, il-proċedura mibdija mill-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn M.E. O. fil-Polonja kienet ingħalqet fl‑20 ta’ April 2020 minħabba li dan kien jirrisjedi fil-Ġermanja u setgħet titkompla, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, sa mhux iktar tard mill‑20 ta’ Jannar 2021. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2021, l-Uffiċċju Federali għalhekk ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M.E. O. bħala inammissibbli u heddu li jitneħħa lejn il-Libanu. Fis‑27 ta’ Lulju 2021, M.E. O. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

Peress li kellha dubji dwar il-possibbiltà li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’dan il-każ jiġu miċħuda bħala inammissibbli, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret qabelxejn li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti.

F’dan ir-rigward, hija enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, li jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli, ma tistabbilixxix kundizzjoni li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” u tiġi miċħuda bħala inammissibbli fin-nuqqas ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda, applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet tal-istess Stat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant.

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest tal-leġiżlazzjoni, mill-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III ( 3 ), jirriżulta li l-“applikazzjoni sussegwenti” hija applikazzjoni ġdida ppreżentata fl-Istat Membru li jkun talab it-trasferiment wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant mill-Istat Membru li lejh il-persuna kkonċernata tkun trid tiġi ttrasferita.

Barra minn hekk, jekk, sabiex tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kellha tkun ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-istess Stat Membru bħal dak li jkun ħa deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant, ir-riferiment, fl-Artikolu 40(1) tal-imsemmija direttiva, għal applikazzjoni sussegwenti ppreżentata “fl-imsemmi Stat Membru”, kien ikun superfluwu.

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 fis-sens li Stat Membru jista’ jikklassifika bħala “applikazzjoni sussegwenti” u jiċħad bħala inammissibbli, jekk ma tkunx sostnuta minn elementi jew minn fatti ġodda, applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li applikazzjoni preċedenti tiegħu tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda minn Stat Membru ieħor hija wkoll konformi mal-għan tal-limitazzjoni tal-movimenti sekondarji tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, għan imfittex minn din id-direttiva, hekk kif jirriżulta mill-premessa 13 tagħha.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li interpretazzjoni fis-sens taċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda mill-istess Stat Membru, tista’ tħeġġeġ lill-applikanti li l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali jkunu ġew definittivament miċħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru sabiex jiċċaqilqu lejn it-tieni, jew saħansitra lejn it-tielet Stat Membru sabiex hemmhekk jippreżentaw applikazzjoni ġdida analoga.

Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali li ma tkunx ibbażata fuq elementi jew fatti ġodda, fil-każ fejn applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni meħuda minn Stat Membru ieħor, hija konformi mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqu hija bbażata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.

Għaldaqstant, l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tagħha, ippreżentata lil Stat Membru ieħor li għalih tapplika d-Direttiva 2011/95, tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda minn dan l-Istat Membru tal-aħħar.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, minkejja li l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 ma jirrigwardax espressament l-ipoteżi fejn l-Istat Membru li lilu l-applikant ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jkun ħa d-deċiżjoni li jagħlaq l-eżami ta’ din l-applikazzjoni wara l-irtirar impliċitu tiegħu, applikazzjoni ġdida ppreżentata wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni tista’ wkoll tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”. Madankollu, il-klassifikazzjoni bħala “applikazzjoni sussegwenti” ta’ applikazzjoni ġdida tal-istess applikant tiġi eskluża meta din l-applikazzjoni ġdida tkun ġiet ippreżentata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni preċedenti ta’ dan l-applikant.

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala “applikazzjoni sussegwenti”, hija importanti biss id-data tal-preżentazzjoni tagħha, li ma teħtieġ ebda formalità amministrattiva, u mhux dik tal-preżentata tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità determinanti li tagħlaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba li l-applikant ikun irtira impliċitament l-applikazzjoni tiegħu ma tistax titqies li tkun deċiżjoni finali sakemm l-applikant ikollu l-possibbiltà li jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-fajl tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida li ma tkunx suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikoli 40 u 41 tad-Direttiva 2013/32.

Konsegwentement, l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li tkun diġà ppreżentat lil Stat Membru ieħor applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta l-applikazzjoni l-ġdida tkun ġiet ippreżentata qabel ma l-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru tkun ħadet id-deċiżjoni li tagħlaq l-eżami tal-applikazzjoni preċedenti minħabba l-irtirar impliċitu tagħha.


( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 1 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 2 ) Skont l-Artikolu 71a(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għal Ażil) (BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, intitolat “It-tieni applikazzjoni”:
“Jekk, wara li l-proċedura ta’ ażil tkun ingħalqet b’ċaħda f’pajjiż terz sigur (Artikolu 26a) li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet legali tal-[Unjoni] li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ipproċessar tal-proċeduri ta’ ażil jew li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun ikkonkludiet trattat internazzjonali fuq dan is-suġġett, barrani jippreżenta fit-territorju federali applikazzjoni għall-ażil (it-tieni applikazzjoni), ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil ħlief meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun responsabbli għall-ipproċessar tal-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3), tal-Verwaltungsverfahrensgesetz [(il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva) (BGBl. 2003 I, p. 102] ikunu ssodisfatti […].”

( 3 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).

Barr