This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0181
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2024.
Nemea Bank plc vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
Appell – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Artikolu 24 – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv – Deċiżjoni li tħassar deċiżjoni preċedenti – Rikors għal annullament – Persistenza tal-interess ġuridiku – Rikors għad-danni – Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C-181/22 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2024.
Nemea Bank plc vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
Appell – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Artikolu 24 – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv – Deċiżjoni li tħassar deċiżjoni preċedenti – Rikors għal annullament – Persistenza tal-interess ġuridiku – Rikors għad-danni – Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C-181/22 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:1020
Kawża C‑181/22 P
Nemea Bank plc
vs
Bank Ċentrali Ewropew
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2024
“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Artikolu 24 – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv – Deċiżjoni li tħassar deċiżjoni preċedenti – Rikors għal annullament – Persistenza tal-interess ġuridiku – Rikors għad-danni – Inammissibbiltà manifesta”
Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Interess li għandu jiġi evalwat fid-data tal-preżentata tar-rikors u sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Tħassir tal-att ikkontestat fil-mori tal-kawża wara opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (BAR) – Sostituzzjoni tal-att ikkontestat permezz ta’ deċiżjoni b’kontenut identiku – Dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Żball ta’ liġi – Assenza ta’ effett retroattiv tal-imsemmi tħassir – Żamma tal-interess ġuridiku
(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikolu 24(8))
(ara l-punti 43, 44, 69 u 47)
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)
(ara l-punt 60)
Sunt
Adita b’appell mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2021, Niemelä et vs BĊE ( 1 ), li fih ġie deċiż li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal annullament minħabba l-għajbien kemm tas-suġġett tagħha kif ukoll tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet appellat. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet dwar il-kwistjoni tal-persistenza tal-interess ġuridiku fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li, wara opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (iktar ’il quddiem il- “BAR”), li huwa l-bord responsabbli għat-twettiq ta’ rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE, ġiet imħassra u ssostitwita b’deċiżjoni oħra b’kontenut identiku.
Fiż-żmien tal-fatti tal-kawża, Nemea Bank plc, l-appellanti, kienet istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt Malti, suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (iktar ’il quddiem il-“MFSA”), minħabba l-kwalità tagħha ta’ entità inqas sinjifikattiva. Fil-25 ta’ Jannar 2017, wara li kkonsultat lill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, il-MFSA ssottomettiet lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-appellanti għall-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni”) ( 2 ). Fit-13 ta’ Marzu 2017, dan l-abbozz ġie approvat mill-BĊE, li ta lill-appellanti tlett ijiem sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, ħaġa li din tal-aħħar għamlet fil-15 ta’ Marzu 2017. Fit-23 ta’ Marzu 2017, il-BĊE adotta d-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2017, li rtirat l-awtorizzazzjoni tal-appellanti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) ( 3 ).
Adit b’talba għal rieżami tad-deċiżjoni kkontestata, imressqa b’mod partikolari mill-appellanti, il-BAR adotta opinjoni, li permezz tagħha huwa ppropona li din id-deċiżjoni tiġi ssostitwita b’deċiżjoni b’kontenut identiku. Abbażi ta’ din l-opinjoni u ta’ abbozz tal-Bord Superviżorju, fit-30 ta’ Ġunju 2017 il-BĊE adotta deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017”) li, hekk kif kien indikat fid-dispożittiv tagħha, issostitwixxiet id-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod parallel għal din it-talba għal rieżami, ir-rikorrenti adixxew lill-Qorti Ġenerali b’rikors intiż kemm għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għall-ksib ta’ kumpens għad-danni li huma allegatament ġarrbu minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, huma madankollu ma ppreżentawx tali rikors kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017.
Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, iddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament minħabba l-għajbien kemm tas-suġġett tagħha kif ukoll tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talba għad-danni bħala inammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Dwar it-telf tal-interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, bi qbil ma’ dak li kienet esponiet il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu jkompli jeżisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija aċċettat li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jgħibx neċessarjament minħabba l-fatt li l-att ikkontestat minnu jkun waqaf jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża. Fil-fatt, rikorrent jista’ jżomm interess li jikseb dikjarazzjoni li dan l-att kien illegali għall-perijodu li matulu huwa kien applikabbli u pproduċa l-effetti tiegħu, peress li tali dikjarazzjoni żżomm tal-inqas interess bħala bażi għal eventwali rikors għad-danni. Barra minn hekk, il-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tal-allegata illegalità u n-natura tad-dannu allegatament imġarrab.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li huwa ċertament minnu li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013 ( 4 ) jirriżulta li, meta l-BĊE jqis, wara proċedura ta’ rieżami amministrattiv, li ma hemmx lok li d-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rieżami tiġi emendata, huwa għandu jħassar din id-deċiżjoni u jissostitwixxiha b’deċiżjoni li l-kontenut tagħha jkun identiku. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li minn dan ma jistax jiġi dedott li tali tħassir segwit minn tali sostituzzjoni jkollu effett retroattiv paragunabbli għal dak ta’ annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni minn qorti tal-Unjoni.
Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, b’differenza minn sentenza ta’ annullament li permezz tagħha l-att annullat jiġi eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jitqies bħala li qatt ma eżista. Issa, il-fatt li dan it-tħassir ġie segwit bis-sostituzzjoni tal-att inizjali b’att ġdid ma setax jagħti effett retroattiv lil dan tal-aħħar. Għalhekk, id-deċiżjoni inizjali ma ġietx eliminata retroattiv mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni li ħassritha u li ssostitwixietha u li l-kontenut tagħha kien identiku ( 5 ). Fil-fatt, peress li l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ġiet irtirata permezz ta’ din id-deċiżjoni inizjali, il-konsegwenza tat-tieni deċiżjoni kienet li testendi l-effetti tad-deċiżjoni inizjali, mingħajr ma tneħħi l-effetti diġà prodotti mill-istess deċiżjoni inizjali.
F’dan il-każ, kienet id-deċiżjoni kontenzjuża li kellha l-effett li tirtira l-awtorizzazzjoni tal-appellanti u li pproduċiet l-eventwali konsegwenzi dannużi li dwarhom din tal-aħħar ilmentat. Barra minn hekk, peress li t-talba għal rieżami ta’ deċiżjoni inizjali ma għandhiex, bħala prinċipju, effett sospensiv ( 6 ), id-deċiżjoni kontenzjuża kompliet tipproduċi l-effetti tagħha sal-mument meta d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 bdiet tipproduċi l-effetti tagħha, jiġifieri fil-kuntest tal-komunikazzjoni tagħha lil-appellanti. Għalhekk kien biss mid-data ta’ din il-komunikazzjoni li d-deċiżjoni msemmija l-aħħar ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni kontenzjuża, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet issostitwita b’effett retroattiv bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 u li r-rikors intiż għall-annullament ta’ din l-ewwel deċiżjoni ma kienx għad għandu skop. Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, hija bagħtitha lura quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 1 ) Digriet tal-20 ta’ Diċembru 2021, Niemelä et vs BĊE (T‑321/17, EU:T:2021:942, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”).
( 2 ) B’applikazzjoni tal-Artikolu 80 tar-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 468/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1).
( 3 ) Deċiżjoni tal-BĊE tat-23 ta’ Marzu 2017 li tirtira l-awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ta’ Nemea Bank (ECB/SSM/2017‑213800JENPXTUY75VSO/1 WHD-2017‑0003).
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU”)
( 5 ) Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU.
( 6 ) Konformement mal-Artikolu 24(8) tar-Regolament MSU.