Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0677

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Ottubru 2022.
    Industriegewerkschaft Metall (IG Metall) u ver.di - Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft vs SAP SE u SE-Betriebsrat der SAP SE.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Kumpannija Ewropea – Direttiva 2001/86/KE – Involviment tal-ħaddiema fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-kumpannija Ewropea – Artikolu 4(4) – Kumpannija Ewropea kkostitwita permezz ta’ trasformazzjoni – Kontenut tal-ftehim innegozjat – Elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema bħala membri tal-bord superviżorju – Proċedura ta’ elezzjoni li tipprovdi għal stadju ta’ votazzjoni separat għar-rappreżentanti tas-sindakati.
    Kawża C-677/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:800

    Kawża C‑677/20

    Industriegewerkschaft Metall (IG Metall)
    u
    ver.di – Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft

    vs

    SAP SE
    u
    SE-Betriebsrat der SAP SE

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

    Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) tat‑18 ta’ Ottubru 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Kumpannija Ewropea – Direttiva 2001/86/KE – Involviment tal-ħaddiema fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-kumpannija Ewropea – Artikolu 4(4) – Kumpannija Ewropea kkostitwita permezz ta’ trasformazzjoni – Kontenut tal-ftehim innegozjat – Elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema bħala membri tal-bord superviżorju – Proċedura ta’ elezzjoni li tipprovdi għal stadju ta’ votazzjoni separat għar-rappreżentanti tas-sindakati”

    1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Evalwazzjoni tan-neċessità u tar-rilevanza tad-domandi magħmula – Domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Obbligu għall-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa motivi ta’ invalidità invokati minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali mhux imsemmija mill-qorti tar-rinviju – Assenza

      (Artikolu 267 TFUE)

      (ara l-punti 26, 28)

    2. Politika soċjali – Kumpannija Ewropea – Involviment tal-ħaddiema – Kumpannija Ewropea kkostitwita permezz ta’ trasformazzjoni – Ftehim dwar il-modalitajiet tal-involviment tal-ħaddiema – Obbligu li jiġi previst livell mill-inqas ekwivalenti, għall-elementi kollha tal-involviment, għal dak li jkun jeżisti fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata, votazzjoni separata tal-kandidati proposti mis-sindakati waqt l-elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord superviżorju – Obbligu li tinżamm tali votazzjoni fil-kumpannija Ewropea ttrasformata – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament

      (Direttiva tal-Kunsill 2001/86, premessi 3, 5 u 18 u Artikoli 2(k) u 4(4))

      (ara l-punti 38 sa 40, 43, 45, 46, 48 sa 50, u d-dispożittiv)

    Sunt

    Qabel ma ġiet ittrasformata f’kumpannija Ewropea (SE) fl‑2014, SAP, kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Ġermaniż, kellha bord superviżorju kompost, skont id-dritt Ġermaniż ( 1 ), minn rappreżentanti tal-azzjonisti u tal-ħaddiema. Fost dawn tal-aħħar, ir-rappreżentanti proposti mis-sindakati kienu eletti abbażi ta’ votazzjoni separata minn dik implimentata għall-elezzjoni tal-membri l-oħra tal-bord superviżorju li jirrappreżenta lill-ħaddiema ( 2 ). Il-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema fi ħdan SAP ittrasformata f’SE jipprevedi, min-naħa tiegħu, regoli differenti meta jiġi stabbilit bord superviżorju mnaqqas. F’dan il-każ, is-sindakati jistgħu jipproponu kandidati għal parti mis-siġġijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema mogħtija lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u eletti mill-ħaddiema impjegati fil-Ġermanja, iżda mingħajr ma hija prevista votazzjoni separata għall-elezzjoni ta’ dawn il-kandidati.

    Din l-assenza ta’ tali votazzjoni separata ġiet ikkontestata ġudizzjarjament mill-Industriegewerkschaft Metall (IG Metall) u ver.di - Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft, żewġ organizzazzjonijiet sindakali. Adita b’appell minn dawn tal-aħħar, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/86 ( 3 ). Skont il-qorti tar-rinviju, il-ftehim inkwistjoni ma josservax ir-rekwiżiti tad-dritt Ġermaniż ( 4 ). Madankollu, hija tistaqsi, jekk l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86 ( 5 ) jipprevedix livell ta’ protezzjoni inqas għoli, li konformement miegħu għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, iddeċidiet li l-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema, kif previst f’din l-aħħar dispożizzjoni, applikabbli għal SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni, għandu jipprevedi votazzjoni separata bil-għan li jiġu eletti, bħala rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju tas-SE, ċertu proporzjon ta’ kandidati proposti mis-sindakati, meta d-dritt nazzjonali applikabbli jimponi tali votazzjoni separata fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-bord superviżorju tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE. Fil-kuntest ta’ din il-votazzjoni, l-ugwaljanza ta’ trattament bejn il-ħaddiema ta’ din is-SE, tas-sussidjarji u tal-istabbilimenti tagħha kif ukoll bejn is-sindakati rrappreżentati hemmhekk għandha tiġi osservata.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tibda b’interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86 u minn din tikkonkludi li, fir-rigward tad-definizzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-livell ta’ involviment tagħhom li għandu jitħares, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera għal-leġiżlazzjoni u/jew għall-prattiki nazzjonali tal-Istat Membru tas-sede tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE.

    Għalhekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, kemm id-determinazzjoni tal-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentaw lill-ħaddiema kif ukoll dik tal-elementi karatteristiċi tal-parteċipazzjoni li jippermettu lill-imsemmija rappreżentanti jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fi ħdan l-impriża, jeħtieġu li jsir riferiment għall-evalwazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward mil-leġiżlatur nazzjonali u għall-prattiki nazzjonali rilevanti.

    Għaldaqstant, jekk element proċedurali stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-votazzjoni speċifika għall-elezzjoni tar-rappreżentanti tas-sindakati jikkostitwixxi element karatteristiku tas-sistema nazzjonali ta’ parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, u għandu natura imperattiva, dan l-element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ftehim ta’ involviment previst mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni jsostni l-interpretazzjoni litterali. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirriżerva trattament partikolari għas-SE kkostitwiti permezz ta’ trasformazzjoni sabiex jiġi evitat li jiġu ppreġudikati d-drittijiet ta’ involviment li l-ħaddiema tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE jibbenefikaw minnhom skont il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattiki nazzjonali.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan il-qari tad-Direttiva 2001/86 huwa wkoll konformi mal-għan tagħha. Kif jirriżulta minn din id-direttiva ( 6 ), il-garanzija tad-drittijiet miksuba fil-qasam tal-involviment mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni timplika mhux biss iż-żamma tad-drittijiet miksuba tal-ħaddiema fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE, iżda wkoll l-estensjoni ta’ dawn id-drittijiet għall-ħaddiema kollha ta’ SE, u dan anki fl-assenza ta’ indikazzjoni f’dan is-sens fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sindakati, id-dritt li jiġu proposti kandidati għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan bord superviżorju, f’dan il-każ, ma jistax jiġi rriżervat biss għas-sindakati Ġermaniżi.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni adottata b’dan il-mod hija sostnuta wkoll mill-oriġini tad-Direttiva 2001/86. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li s-sistema applikabbli għas-SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni kienet tikkostitwixxi l-punt prinċipali ta’ kontenzjoni matul in-negozjati. Huwa biss bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva, li tkopri speċifikament lis-SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni bil-għan li tiġi evitata d-dgħufija tal-livell ta’ involviment tal-ħaddiema eżistenti fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata, li l-proċess ta’ adozzjoni tad-direttiva seta’ jkompli.

    Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li d-dritt li tipproponi ċertu proporzjon tal-kandidati għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan bord superviżorju ta’ SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni, bħalma hija SAP, ma jistax jiġi rriżervat għas-sindakati Ġermaniżi biss, iżda għandu jiġi estiż għas-sindakati kollha rrappreżentati fi ħdan is-SE, is-sussidjarji tagħha u l-istabbilimenti tagħha, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn dawn is-sindakati fir-rigward ta’ dan id-dritt.


    ( 1 ) Artikolu 7 tal-Gesetz über die Mitbestimmung der Arbeitnehmer (il-Liġi dwar il-Parteċipazzjoni tal-Impjegati fit-Tmexxija), tal‑4 ta’ Mejju 1976 (BGBl. 1976 I, p. 1153), kif emendata bil-Liġi tal‑24 ta’ April 2015 (BGBl. 2015 I, p. 642) (iktar ’il quddiem il-“MitbestG”).

    ( 2 ) Skont l-Artikolu 16(1) tal-MitbestG, ir-rappreżentanti tas-sindakati fil-bord superviżorju għandhom jiġu eletti mid-delegati b’votazzjoni sigrieta u b’osservanza tal-prinċipji tal-votazzjoni proporzjonata.

    ( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat‑8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 272).

    ( 4 ) Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, l-Artikolu 21(6) tal-Gesetz über die Beteiligung der Arbeitnehmer in einer Europäischen Gesellschaft (il-Liġi dwar l-Involviment tal-Impjegati fi Ħdan Kumpannija Ewropea), tat‑22 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 3675, 3686), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sa mill‑1 ta’ Marzu 2020, li permezz tagħha, fil-każ ta’ SE kkostitwita permezz ta’ trasformazzjoni, il-ftehim ta’ parteċipazzjoni jipprevedi, għall-elementi kollha tal-involviment tal-ħaddiema, livell għall-inqas ekwivalenti għal dak li jeżisti fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE.

    ( 5 ) L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86, dwar il-kontenut tal-ftehim dwar l-modalitajiet tal-involviment tal-ħaddiema fi ħdan l-SE, jipprovdi li, fil-każ ta’ SE kkostitwita permezz ta’ trasformazzjoni, il-ftehim ta’ involviment jipprevedi, għall-elementi kollha tal-involviment tal-ħaddiema, livell mill-inqas ekwivalenti għal dak li jeżisti fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE.

    ( 6 ) B’mod partikolari l-premessa 18 tagħha li tipprevedi, fost l-oħrajn, li l-garanzija tad-drittijiet miksuba tal-ħaddiema fil-qasam tal-involviment fid-deċiżjonijiet meħudin għall-impriża huwa prinċipju fundamentali u l-għan iddikjarat ta’ din id-direttiva.

    Top